|
9.11.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 301/5 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1956
tal-4 ta' Novembru 2016
li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(e) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti (minn hawn 'il quddiem imsejħa n-“Nomenklatura Magħquda”), li hija stabbilita fl-Anness I ta' dak ir-Regolament. |
|
(2) |
L-intestatura 9404 tinkludi oġġetti ta' friex u tagħmir (furnishing) simili (pereżempju, imtieraħ, kwilts, kutri mimlijin bir-rix tal-edredun, kuxxini, pouffes u mħaded) iffittjati b'molol jew mimlijin jew iffittjati minn ġewwa bi kwalunkwe materjal jew ta' lastiku jew plastiks ċellulari, kemm jekk miksijin jew le. |
|
(3) |
Jeżistu fehmiet differenti dwar l-interpretazzjoni tal-kliem tal-intestatura 9404 fir-rigward tal-espressjoni “mimlijin jew iffittjati minn ġewwa bi kwalunkwe materjal”. |
|
(4) |
Fl-interess taċ-ċertezza legali, għalhekk jeħtieġ li tiddaħħal nota addizzjonali ġdida fil-Kapitolu 94 tan-Nomenklatura Magħquda biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi ta' dan il-kodiċi NM fl-Unjoni kollha. |
|
(5) |
Għaldaqstant l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fil-Kapitolu 94 tat-Tieni Parti tan-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, tiddaħħal in-nota addizzjonali 1 li ġejja:
|
“1. |
Għall-finijiet tal-intestatura 9404, l-espressjoni “mimlijin jew iffittjati minn ġewwa bi kwalunkwe materjal” tkopri l-materjal kollu ta' kwalunkwe ħxuna.” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Novembru 2016.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Stephen QUEST
Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali