29.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1905

tat-22 ta' Settembru 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 15

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

F'Mejju 2014, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ħareġ Standard Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (International Financial Reporting Standard, IFRS) 15 ġdid intitolat Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti. Dan l-istandard għandu l-għan li jtejjeb ir-rapportar finanzjarju tad-dħul u jtejjeb il-komparabilità tal-ewwel linja fir-rapporti finanzjarji globalment.

(3)

F'Settembru 2015, l-IASB ħareġ emenda għall-IFRS 15 li tiddiferixxi d-data effettiva mill-1 ta' Jannar 2017 sal-1 ta' Jannar 2018.

(4)

L-IFRS 15 fih xi referenzi għall-IFRS 9 li fil-preżent ma jistgħux jiġu applikati billi l-IFRS 9 ma ġiex adottat mill-Unjoni. Għaldaqstant, kull referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandha tinqara bħala referenza għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS) 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

(5)

L-adozzjoni tal-IFRS 15 timplika, bħala konsegwenza, emendi fl-IFRS 1, 3 u 4, IAS 1, 2, 12, 16, 32, 34, 36, 37, 38, 39 u 40, l-Interpretazzjoni tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (International Financial Reporting Interpretations Committee, IFRIC) 12, l-Interpretazzjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Interpretazzjoni (Standing Interpretations Committee, SIC) 27 u SIC 32 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fost l-istandards internazzjonali tal-kontabilità. Barra minn hekk, din timplika, bħala konsegwenza, l-irtirar tal-IAS 11 u 18, l-IFRIC 13, l-IFRIC 15 u l-IFRIC 18 u s-SIC 31.

(6)

Il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju jikkonferma li l-IFRS 15 jissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat kif ġej:

(a)

L-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti jiddaħħal kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(b)

IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju, IFRS 3 Kombinament ta' Negozji, IFRS 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 1 Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzajarji, IAS 2 L-Inventarji, IAS 12 Taxxi fuq id-Dħul, IAS 16 Proprjetà, Impjanti u Tagħmir, IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni, IAS 34 Rappurtaġġ Finanzjarju Interim, IAS 36 Indeboliment tal-Assi, IAS 37 Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti, IAS 38 Assi Intanġibbli, IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl, IAS 40 Proprjetà għall-Investiment, Interpretazzjoni tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju IFRIC 12 Arranġamenti għall-konċessjoni ta' servizz, l-Interpretazzjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Interpretazzjoni SIC 27 Kif tiġi Evalwata s-Sustanza ta Tranżazzjonijiet fil-Forma Legali ta' Kirja, SIC 32 Assi Intanġibbli — Spejjeż tas-Siti fuq l-Internet, jiġu emendati skont l-IFRS 15 kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(c)

IAS 11 Kuntratti ta' Kostruzzjoni, IAS 18 Dħul, IFRIC 13 Programmi ta' Lealtà tal-Klijent, IFRIC 15 Ftehimiet għall-Kostruzzjoni ta' Proprjeta Immobbli u IFRIC 18 Trasferimenti ta' Assi mill-Klijenti u SIC-31 DħulTranżazzjonijiet ta' Tpartit li Jinvolvu Servizzi ta' Riklamar jiġu sostitwiti skont l-IFRS 15 kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

2.   Kull referenza għall-IFRS 9 kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament tinqara bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fil-Artikolu 1(1), sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda t-Tnejn, l-1 ta' Jannar 2018 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

Standard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 15

Dħul mill-Kuntratti mal-Klijenti

Standard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 15

Dħul mill-Kuntratti mal-Klijenti

GĦAN

1.

L-għan ta' dan l-Istandard huwa li jiġu stabbiliti l-prinċipji li entità għandha tapplika sabiex tirrapporta informazzjoni utli lill-utenti ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji dwar in-natura, l-ammont, il-waqt u l-inċertezza ta' dħul u flussi ta' flus li jirriżultaw minn kuntratt ma' klijent.

Biex jintlaħaq l-għan

2.

Biex jintlaħaq l-għan tal-paragrafu 1, il-prinċipju fundamentali ta' dan l-Istandard huwa li entità għandha tirrikonoxxi d-dħul biex turi t-trasferiment ta' oġġetti jew servizzi mwiegħda lil klijenti f'ammont li jirrifletti l-kunsiderazzjoni li għaliha l-entità tistenna li tkun intitolata bi skambju għal dawk l-oġġetti jew servizzi.

3.

Entità għandha tikkunsidra t-termini tal-kuntratt u l-fatti rilevanti u ċ-ċirkostanzi kollha meta tapplika dan l-Istandard. Entità għandha tapplika dan l-Istandard, inkluż l-użu ta' kwalunkwe espedjent prattiku, b'mod konsistenti mal-kuntratti b'karatteristiċi simili u f'ċirkostanzi simili.

4.

Dan l-Istandard jispeċifika l-kontabbiltà għal kuntratt individwali ma' klijent. Madankollu, bħala espedjent prattiku, entità tista' tapplika dan l-Istandard għal portafoll ta' kuntratti (jew obbligi ta' prestazzjoni) b'karatteristiċi simili jekk l-entità tistenna b'mod raġonevoli li l-effetti fuq id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-applikazzjoni ta' dan l-Istandard għall-portafoll ma jvarjawx b'mod materjali mill-applikazzjoni ta' dan l-Istandard għall-kuntratti individwali (jew obbligi ta' prestazzjoni) f'dak il-portafoll. Meta wieħed jagħmel il-kontabbiltà għal portafoll, entità għandha tuża estimi u suppożizzjonijiet li jirriflettu d-daqs u l-kompożizzjoni tal-portafoll.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

5.

Entità għandha tapplika dan l-Istandard għall-kuntratti kollha mal-klijenti, ħlief dawn li ġejjin:

(a)

kuntratti ta' kiri taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-IAS 17 Kirjiet;

(b)

kuntratti ta' assigurazzjoni taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-IFRS 4 Kuntratti ta' Assigurazzjoni;

(c)

strumenti finanzjarji u drittijiet jew obbligi kuntrattwali oħrajn taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji, IFRS 10 Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Kkonsolidati, IFRS 11 Arranġamenti Konġunti, IAS 27 Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Separati u IAS 28 Investimenti fl-Assoċjati u Impriżi Konġunti; u

(d)

skambji mhux monetarji bejn l-entitajiet fl-istess linja ta' negozju sabiex jiffaċilita l-bejgħ lil klijenti jew klijenti potenzjali. Pereżempju, dan l-Istandard ma japplikax għal kuntratt bejn żewġ kumpaniji taż-żejt li jaqblu dwar skambju ta' żejt sabiex jissodisfaw id-domanda mill-klijenti tagħhom f'postijiet speċifiċi differenti fil-ħin.

6.

Entità għandha tapplika dan l-Istandard għal kuntratt biss (minbarra kuntratt elenkat fil-paragrafu 5) jekk il-kontroparti fil-kuntratt tkun klijent. Klijent huwa parti li tkun ikkuntrattat ma' entità sabiex tikseb oġġetti jew servizzi li huma prodott tal-attivitajiet ordinarji tal-entità bi skambju għal konsiderazzjoni. Kontroparti fil-kuntratt ma tkunx klijent jekk, pereżempju, il-kontroparti kkuntrattat mal-entità sabiex tipparteċipa f'attività jew proċess li fih il-partijiet fil-kuntratt jaqsmu r-riskji u l-benefiċċji li jirriżultaw mill-attività jew mill-proċess (bħall-iżvilupp ta' assi fi ftehim ta' kollaborazzjoni) pjuttost milli biex tikseb il-prodott tal-attivitajiet ordinarji tal-entità.

7.

Kuntratt ma' klijent jista' jkun parzjalment taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Istandard u parzjalment taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' Standards oħrajn elenkati fil-paragrafu 5.

(a)

Jekk l-Istandards l-oħrajn jispeċifikaw kif wieħed għandu jissepara u/jew inizjalment ikejjel parti waħda jew aktar tal-kuntratt, allura l-entità għandha l-ewwel tapplika r-rekwiżiti ta' separazzjoni u/jew kejl f'dawk l-Istandards. Entità għandha teskludi mill-prezz tat-tranżazzjoni l-ammont tal-parti (jew partijiet) tal-kuntratt inizjalment imkejla f'konformità ma' Standards oħrajn u għandha tapplika l-paragrafi 73–86 sabiex talloka l-ammont tal-prezz tat-tranżazzjoni li jifdal (jekk jifdal) għal kull obbligu ta' prestazzjoni taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Istandard u għal kwalunkwe parti oħra tal-kuntratt identifikata mill-paragrafu 7(b).

(b)

Jekk l-Istandards l-oħrajn ma jispeċifikawx kif wieħed għandu jissepara u/jew inizjalment ikejjel parti waħda jew aktar tal-kuntratt, allura l-entità għandha tapplika dan l-Istandard sabiex tissepara u/jew inizjalment tkejjel il-parti (jew il-partijiet) tal-kuntratt.

8.

Dan l-Istandard jispeċifika l-kontabbiltà għall-ispejjeż inkrementali tal-kisba ta' kuntratt ma' klijent u għall-ispejjeż imġarrba sabiex jitwettaq il-kuntratt ma' klijent jekk dawk l-ispejjeż ma jkunux taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' Standard ieħor (ara l-paragrafi 91–104). Entità għandha tapplika dawk il-paragrafi biss għall-ispejjeż imġarrba relatati ma' kuntratt ma' klijent (jew parti minn dak il-kuntratt) li huwa taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Istandard.

RIKONOXXIMENT

L-identifikazzjoni tal-kuntratt

9.

Entità għandha tikkontabilizza kuntratt ma' klijent li huwa taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Istandard biss meta dawn il-kriterji kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

il-partijiet fil-kuntratt approvaw il-kuntratt (bil-miktub, verbalment jew skont kwalunkwe prattika ta' negozju normali oħra) u huma impenjati li jwettqu l-obbligi rispettivi tagħhom;

(b)

l-entità tista' tidentifika d-drittijiet ta' kull parti rigward l-oġġetti jew is-servizzi li għandhom ikunu trasferiti;

(c)

l-entità tista' tidentifika t-termini ta' ħlas għall-oġġetti jew għas-servizzi li għandhom ikunu trasferiti;

(d)

il-kuntratt għandu sustanza kummerċjali (jiġifieri r-riskju, il-waqt jew l-ammont tal-flussi ta' flus futuri tal-entità huwa mistenni li jinbidel minħabba l-kuntratt); u

(e)

huwa probabbli li l-entità ser tiġbor il-korrispettiv li tkun intitolata għalih bi skambju għall-oġġetti jew is-servizzi li ser ikunu trasferiti lill-klijent. Meta tivvaluta jekk il-possibbiltà ta' ġbir ta' ammont ta' korrispettiv hijiex probabbli, entità għandha tikkunsidra biss il-kapaċità u l-intenzjoni tal-klijent li jħallas dak l-ammont ta' korrispettiv meta jkun dovut. L-ammont ta' korrispettiv li għalih l-entità tkun intitolata jista' jkun iżgħar mill-prezz iddikjarat fil-kuntratt jekk il-korrispettiv ikun varjabbli minħabba li l-entità tista' toffri lill-klijent konċessjoni tal-prezz (ara l-paragrafu 52).

10.

Kuntratt huwa ftehim bejn żewġ partijiet jew aktar li joħloq drittijiet u obbligi infurzabbli. L-infurzabbiltà tad-drittijiet u l-obbligi f'kuntratt huma kwistjoni ta' liġi. Il-kuntratti jistgħu jkunu bil-miktub, verbali jew implikati minn prattiki ta' negozju abitwali ta' entità. Il-prattiki u l-proċessi għall-istabbiliment ta' kuntratti ma' klijenti jvarjaw bejn ġurisdizzjonijiet legali, industriji u entitajiet. Barra minn hekk, jistgħu jvarjaw fi ħdan entità (pereżempju, jistgħu jiddependu fuq il-klassi ta' klijent jew in-natura tal-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda). Entità għandha tikkunsidra dawk il-prattiki u proċessi fid-determinazzjoni ta' jekk u meta ftehim ma' klijent joħloq drittijiet u obbligi infurzabbli.

11.

Ċerti kuntratti ma' klijenti jistgħu ma jkollhomx terminu fiss u jistgħu jintemmew jew jiġu mmodifikati minn kwalunkwe parti fi kwalunkwe ħin. Kuntratti oħrajn jistgħu jiġġeddu b'mod awtomatiku fuq bażi perjodika li tkun speċifikata fil-kuntratt. Entità għandha tapplika dan l-Istandard għat-tul tal-kuntratt (jiġifieri l-perjodu kuntrattwali) li fih il-partijiet fil-kuntratt għandhom drittijiet u obbligi infurzabbli.

12.

Għall-finijiet ta' applikazzjoni ta' dan l-Istandard, kuntratt ma jeżistix jekk kull parti fil-kuntratt għandha d-dritt infurzabbli unilaterali li tittermina kuntratt mhux imwettaq kompletament mingħajr ma tikkumpensa lill-parti (jew lill-partijiet) l-oħra. Kuntratt ma jkunx imwettaq kompletament jekk iż-żewġ kriterji li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

l-entità għadha ma ttrasferiet l-ebda oġġett jew servizz imwiegħed lill-klijent; u

(b)

l-entità għadha ma rċeviet, u għadha mhix intitolata li tirċievi, ebda korrispettiv bi skambju għal oġġetti jew servizzi mwiegħda.

13.

Jekk kuntratt ma' klijent jissodisfa l-kriterji fil-paragrafu 9 mill-bidu nett tal-kuntratt, entità ma għandhiex tivvaluta dawk il-kriterji mill-ġdid diment li ma jkunx hemm indikazzjoni ta' bidla sinifikanti fil-fatti u ċ-ċirkostanzi. Pereżempju, jekk il-kapaċità ta' klijent li jħallas il-korrispettiv tiddeterjora b'mod sinifikanti, entità terġa' tivvaluta jekk hux probabbli li l-entità ser tiġbor il-korrispettiv li għalih tkun intitolata bi skambju għall-bqija tal-oġġetti jew is-servizzi li ser ikunu trasferiti lill-klijent.

14.

Jekk kuntratt ma' klijent ma jissodisfax il-kriterji fil-paragrafu 9, entità għandha tkompli tivvaluta l-kuntratt sabiex tiddetermina jekk il-kriterji fil-paragrafu 9 jiġux issodisfati sussegwentement.

15.

Meta kuntratt ma' klijent ma jissodisfax il-kriterji fil-paragrafu 9 u entità tirċievi korrispettiv mingħand il-klijent, l-entità għandha tirrikonoxxi l-korrispettiv irċevut bħala dħul biss meta jseħħ xi wieħed mill-avvenimenti li ġejjin:

(a)

l-entità ma fadlilhiex obbligi li tittrasferixxi oġġetti jew servizzi lill-klijent u l-entità tkun irċeviet il-korrispettiv kollu, jew sostanzjalment kollu, mwiegħed mill-klijent u dan mhuwiex rimborsabbli; jew

(b)

il-kuntratt ġie tterminat u l-korrispettiv irċevut mingħand il-klijent mhuwiex rimborsabbli.

16.

Entità għandha tirrikonoxxi l-korrispettiv irċevut mingħand klijent bħala obbligazzjoni sakemm iseħħ wieħed mill-avvenimenti fil-paragrafu 15 jew sakemm il-kriterji fil-paragrafu 9 ikunu sussegwentement issodisfati (ara l-paragrafu 14). Skont il-fatti u ċ-ċirkostanzi relatati mal-kuntratt, l-obbligazzjoni rikonoxxuta tirrappreżenta l-obbligu tal-entità li jew tittrasferixxi l-oġġetti jew is-servizzi fil-futur jew tħallas lura l-korrispettiv irċevut. Fi kwalunkwe każ, l-obbligazzjoni għandha titkejjel fl-ammont tal-korrispettiv irċevut mingħand il-klijent.

Il-kombinazzjoni ta' kuntratti

17.

Entità għandha tgħaqqad żewġ kuntratti jew aktar li tkun daħlet fihom fl-istess żmien mal-istess klijent (jew partijiet relatati tal-klijent) u tikkunsidra l-kuntratti bħala kuntratt wieħed jekk jiġi ssodisfat xi wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:

(a)

il-kuntratti huma nnegozjati bħala pakkett b'objettiv kummerċjali wieħed;

(b)

l-ammont tal-korrispettiv li għandu jitħallas f'kuntratt wieħed jiddependi fuq il-prezz jew il-prestazzjoni tal-kuntratt l-ieħor; jew

(c)

l-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda fil-kuntratti (jew xi oġġetti jew servizzi mwiegħda f'kull kuntratt) huma obbligu ta' prestazzjoni wieħed f'konformità mal-paragrafi 22–30.

Modifiki tal-kuntratti

18.

Modifika ta' kuntratt hija bidla fil-kamp ta' applikazzjoni jew fil-prezz (jew it-tnejn) ta' kuntratt li hija approvata mill-partijiet fil-kuntratt. F'ċerti industriji u ġurisdizzjonijiet, modifika f'kuntratt tista' tkun deskritta bħala ordni ta' bidla, varjazzjoni jew emenda. Modifika ta' kuntratt teżisti meta l-partijiet għal kuntratt japprovaw modifika li jew toħloq drittijiet u obbligi infurzabbli ġodda tal-partijiet fil-kuntratt jew tibdilhom. Emenda ta' kuntratt tista' tkun approvata bil-miktub, bi ftehim orali jew b'mod impliċitu permezz ta' prattiki konswetudinarji. Jekk il-partijiet fil-kuntratt ma approvawx emenda għal kuntratt, entità għandha tkompli tapplika dan l-Istandard għall-kuntratt eżistenti sakemm l-emenda għall-kuntratt tiġi approvata.

19.

Emenda għal kuntratt tista' teżisti anki jekk il-partijiet fil-kuntratt ikollhom xi tilwima dwar il-kamp ta' applikazzjoni jew il-prezz (jew it-tnejn) tal-emenda jew il-partijiet approvaw bidla fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kuntratt iżda għadhom ma stabbilixxewx il-bidla korrispondenti fil-prezz. Meta tiddetermina jekk id-drittijiet u l-obbligi li jinħolqu jew jinbidlu minn emenda humiex infurzabbli, entità għandha tikkunsidra l-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti inklużi t-termini tal-kuntratt u evidenza oħra. Jekk il-partijiet għal kuntratt ikunu approvaw bidla fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kuntratt iżda għadhom ma stabbilixxewx il-bidla korrispondenti fil-prezz, entità għandha tistma l-bidla fil-prezz tat-tranżazzjoni li tinħoloq mill-modifika skont il-paragrafi 50–54 dwar l-istima tal-korrispettiv varjabbli u l-paragrafi 56–58 dwar stimi restrittivi ta' korrispettiv varjabbli.

20.

Entità għandha tikkunsidra modifika ta' kuntratt bħala kuntratt separat jekk ikun hemm iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kamp ta' applikazzjoni tal-kuntratt jiżdied minħabba ż-żieda ta' oġġetti jew servizzi mwiegħda li huma differenti (skont il-paragrafi 26–30); u

(b)

il-prezz tal-kuntratt jiżdied b'ammont ta' korrispettiv li jirrifletti l-prezzijiet tal-bejgħ awtonomi tal-entità tal-oġġetti jew is-servizzi addizzjonali mwiegħda u kwalunkwe aġġustament xieraq għal dak il-prezz sabiex jirrifletti ċ-ċirkostanzi ta' dak il-kuntratt partikolari. Pereżempju, entità tista' taġġusta l-prezz tal-bejgħ awtonomu ta' oġġett jew servizz addizzjonali għal skont li jirċievi l-klijent, peress li ma jkunx hemm bżonn li l-entità ġġarrab l-ispejjeż relatati mal-bejgħ li kieku ġġarrab meta tbiegħ oġġett jew servizz simili lil klijent ġdid.

21.

Jekk modifika ta' kuntratt ma tiġix ikkunsidrata bħala kuntratt separat skont il-paragrafu 20, entità għandha tikkunsidra l-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda li għadhom ma ġewx trasferiti fid-data tal-modifika tal-kuntratt (jiġifieri l-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda li fadal) fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-modi li huwa applikabbli:

(a)

Entità għandha tikkunsidra l-modifika tal-kuntratt bħallikieku hija terminazzjoni tal-kuntratt eżistenti u l-ħolqien ta' kuntratt ġdid, jekk il-bqija tal-oġġetti jew is-servizzi huma differenti mill-oġġetti jew is-servizzi trasferiti fid-data tal-modifika tal-kuntratt jew qabel. L-ammont ta' korrispettiv li għandu jkun allokat għall-bqija tal-obbligi ta' prestazzjoni (jew l-oġġetti jew is-servizzi differenti li fadal f'obbligu ta' prestazzjoni wieħed identifikat skont il-paragrafu 22(b)) huwa t-total ta':

(i)

il-korrispettiv imwiegħed mill-klijent (inklużi l-ammonti diġà irċevuti mingħand il-klijent) li kien inkluż fl-estimi tal-prezz tat-tranżazzjoni u li ma kienx rikonoxxut bħala dħul; u

(ii)

il-korrispettiv imwiegħed bħala parti mill-modifika tal-kuntratt.

(b)

Entità għandha tikkunsidra l-modifika ta' kuntratt bħallikieku hija parti mill-kuntratt eżistenti jekk l-oġġetti jew is-servizzi li fadal mhumiex differenti u, għalhekk, jiffurmaw parti minn obbligu ta' prestazzjoni wieħed li huwa parzjalment issodisfat fid-data tal-modifika tal-kuntratt. L-effett li l-modifika tal-kuntratt għandha fuq il-prezz tat-tranżazzjoni, u fuq il-kejl tal-progress tal-entità lejn l-issodisfar sħiħ tal-obbligu ta' prestazzjoni, huwa rikonoxxut bħala aġġustament tad-dħul (kemm bħala żieda jew tnaqqis fid-dħul) fid-data tal-modifika tal-kuntratt (jiġifieri l-aġġustament tad-dħul isir fuq bażi ta' konformità kumulattiva).

(c)

Jekk l-oġġetti jew is-servizzi li fadal ikunu taħlita tal-oġġetti (a) u (b), allura l-entità għandha tikkunsidra l-effetti tal-modifika fuq l-obbligi ta' prestazzjoni mhux issodisfati (inklużi dawk parzjalment mhux issodisfati) fil-kuntratt modifikat b'mod konsistenti mal-għanijiet ta' dan il-paragrafu.

L-identifikazzjoni tal-obbligi ta' prestazzjoni

22.

Fil-bidu tal-kuntratt, entità għandha tivvaluta l-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda f'kuntratt ma' klijent u għandha tidentifika bħala obbligu ta' prestazzjoni kull wiegħda ta' trasferiment lil klijent kemm:

(a)

oġġett jew servizz (jew pakkett ta' oġġetti jew servizzi) li huwa differenti; jew

(b)

sensiela ta' oġġetti jew servizzi differenti li huma sostanzjalment l-istess u li għandhom l-istess xejra ta' trasferiment lill-klijent (ara l-paragrafu 23).

23.

Sensiela ta' oġġetti jew servizzi jkollha l-istess xejra ta' trasferiment lill-klijent jekk iż-żewġ kriterji li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

kull oġġett jew servizz differenti fis-sensiela li l-entità twiegħed li tittrasferixxi lill-klijent jissodisfa l-kriterji fil-paragrafu 35 li jkun obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat maż-żmien; u

(b)

skont il-paragrafi 39–40, l-istess metodu jintuża għall-kejl tal-progress tal-entità fl-issodisfar sħiħ tal-obbligu ta' prestazzjoni li tittrasferixxi kull oġġett jew servizz differenti fis-sensiela lill-klijent.

Wegħdiet f'kuntratti ma' klijenti

24.

Kuntratt ma' klijent ġeneralment jiddikjara b'mod espliċitu l-oġġetti jew is-servizzi li entità twiegħed li titrasferixxi lil klijent. Madankollu, l-obbligi ta' prestazzjoni identifikati f'kuntratt ma' klijent jistgħu ma jkunux limitati għall-oġġetti jew is-servizzi li huma ddikjarati b'mod espliċitu f'dak il-kuntratt. Dan huwa għaliex kuntratt ma' klijent jista' jinkludi wkoll wegħdiet li huma impliċiti minħabba l-prattiki ta' negozju konswetudinarji ta' entità, politiki ppubblikati jew dikjarazzjonijiet speċifiċi jekk, fiż-żmien meta jiġi ffirmat il-kuntratt, dawk il-wegħdiet joħolqu aspettattiva valida tal-klijent li l-entità ser tittrasferixxi oġġett jew servizz lill-klijent.

25.

L-obbligi ta' prestazzjoni ma jinkludux attivitajiet li entità għandha twettaq sabiex tissodisfa kuntratt sakemm dawk l-attivitajiet ma jittrasferixxux oġġett jew servizz lil klijent. Pereżempju, fornitur ta' servizzi jista' jkun meħtieġ iwettaq diversi kompiti amministrattivi sabiex jagħmel kuntratt. Il-prestazzjoni ta' dawk il-kompiti ma jittrasferixxux servizz lill-klijent waqt li jkunu qegħdin jitwettqu dawk il-kompiti. Għaldaqstant, dawn l-attivitajiet ta' twaqqif mhumiex obbligu ta' prestazzjoni.

Oġġetti jew servizzi differenti

26.

Skont il-kuntratt, oġġetti jew servizzi mwiegħda jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, dawn li ġejjin:

(a)

bejgħ ta' oġġetti prodotti minn entità (pereżempju, inventorju ta' manifattur);

(b)

il-bejgħ mill-ġdid ta' oġġetti mixtrija minn entità (pereżempju, merkanzija ta' bejjiegħ bl-imnut);

(c)

il-bejgħ mill-ġdid ta' oġġetti jew servizzi mixtrija minn entità (pereżempju, biljett mibjugħ mill-ġdid minn entità li taġixxi bħala prinċipal, kif deskritt fil-paragrafi B34–B38);

(d)

it-twettiq ta' kompitu (jew kompiti) li nltaħaq qbil dwaru b'kuntratt għal klijent;

(e)

il-forniment ta' servizz fejn ikun lest li jipprovdi oġġetti jew servizzi (pereżempju, aġġornamenti fis-softwer mhux speċifikati li jiġu pprovduti fuq il-bażi ta' meta u jekk ikunu disponibbli) jew fejn tqiegħed oġġetti jew servizzi disponibbli għal klijent li jintużaw kif u meta jiddeċiedi l-klijent;

(f)

il-forniment ta' servizz fejn isir arranġament sabiex parti oħra tittrasferixxi oġġetti jew servizzi lil klijent (pereżempju, taġixxi bħala aġent ta' parti oħra, kif deskritt fil-paragrafi B34–B38);

(g)

l-għoti ta' drittijiet għal oġġetti jew servizzi li għandhom jiġu pprovduti fil-futur li klijent jista' jbiegħ mill-ġdid jew jipprovdi lill-klijent tiegħu (pereżempju, entità li tbiegħ prodott lil bejjiegħ bl-imnut twiegħed li tittrasferixxi oġġett jew servizz addizzjonali lil individwu li jixtri l-prodott mingħand il-bejjiegħ bl-imnut);

(h)

il-kostruzzjoni, il-manifattura jew l-iżvilupp ta' assi f'isem klijent;

(i)

l-għoti ta' liċenzji (ara l-paragrafi B52–B63); u

(j)

l-għoti ta' għażliet ta' xiri ta' oġġetti jew servizzi addizzjonali (meta dawk l-għażliet jipprovdu lil klijent bi dritt materjali, kif deskritt fil-paragrafi B39–B43).

27.

Oġġett jew servizz li huwa mwiegħed lil klijent huwa differenti jekk ikunu ssodisfati ż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a)

il-klijent jista' jibbenefika mill-oġġett jew is-servizz kemm waħdu jew flimkien ma' riżorsi oħrajn li huma faċilment disponibbli għall-klijent (jiġifieri l-oġġett jew is-servizz jista' jkun differenti); u

(b)

il-wegħda tal-entità li tittrasferixxi l-oġġett jew is-servizz lill-klijent hija identifikabbli b'mod separat minn wegħdiet oħrajn fil-kuntratt (jiġifieri l-oġġett jew is-servizz huwa differenti fil-kuntest tal-kuntratt).

28.

Klijent jista' jibbenefika minn oġġett jew servizz skont il-paragrafu 27(a) jekk l-oġġett jew is-servizz jista' jintuża, jiġi kkunsmat, mibjugħ għal ammont li huwa akbar mill-valur tar-ruttam jew miżmumin mod ieħor b'mod li jiġġenera benefiċċji ekonomiċi. Għal ċerti oġġetti jew servizzi, klijent jista' jibbenefika minn oġġett jew servizz waħdu. Għal oġġetti jew servizi oħrajn, klijent jista' jibbenefika minn oġġett jew servizz biss flimkien ma' riżorsi oħrajn faċilment disponibbli. Riżorsa faċilment disponibbli li tinbiegħ separatament (mill-entità jew entità oħra) jew riżorsa li l-klijent diġà kiseb mingħand l-entità (inklużi oġġetti jew servizzi li l-entità tkun diġà trasferiet lil klijent taħt il-kuntratt) jew minn tranżazzjonijiet jew avvenimenti oħrajn. Diversi fatturi jistgħu jipprovdu evidenza li l-klijent jista' jibbenefika minn oġġett jew servizz kemm waħdu kif ukoll flimkien ma' riżorsi oħrajn faċilment disponibbli. Pereżempju, il-fatt li l-entità tbiegħ regolarment oġġett jew servizz b'mod separat jindika li klijent jista' jibbenefika mill-oġġett jew servizz waħdu jew b'riżorsi oħrajn faċilment disponibbli.

29.

Fatturi li jindikaw li l-wegħda ta' entità li tittrasferixxi oġġett jew servizz lil klijent hija identifikabbli b'mod separat (skont il-paragrafu 27(b)) jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, dawn li ġejjin:

(a)

l-entità ma tipprovdix servizz sinifikanti ta' integrazzjoni tal-oġġett jew tas-servizz ma' oġġetti jew servizzi oħrajn imwiegħda fil-kuntratt f'pakkett ta' oġġetti jew servizzi li jirrappreżentaw il-prodott ikkombinat li għalih il-klijent għamel kuntratt. Fi kliem ieħor, l-entità mhijiex tuża l-oġġett jew is-servizz bħala kontribut sabiex tipproduċi jew twassal il-prodott ikkombinat speċifikat mill-klijent.

(b)

l-oġġett jew is-servizz ma jimmodifikax jew jippersonalizza b'mod sinifikanti oġġett jew servizz ieħor imwiegħed fil-kuntratt.

(c)

l-oġġett jew is-servizz ma jiddependix ħafna fuq, jew mhuwiex interralatat ħafna ma', oġġetti jew servizzi oħrajn imwiegħda fil-kuntratt. Pereżempju, il-fatt li klijent jista' jiddeċiedi li ma jixtrix l-oġġett jew is-servizz mingħajr ma jaffettwa b'mod sinifikanti l-oġġetti jew is-servizzi l-oħrajn fil-kuntratt jista' jindika li l-oġġett jew is-servizz, ma jiddependix ħafna fuq, jew mhuwiex interralatat ħafna ma', dawk l-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda l-oħrajn.

30.

Jekk oġġett jew servizz imwiegħed ma jkunx differenti, entità għandha tgħaqqad dak l-oġġett jew servizz ma' oġġetti jew servizzi mwiegħda oħrajn sakemm tidentifika pakkett ta' oġġetti jew servizzi li huwa differenti. F'ċerti każijiet, dan iwassal biex l-entità tikkunsidra l-oġġetti jew is-servizzi kollha mwiegħda f'kuntratt bħala obbligu ta' prestazzjoni wieħed.

L-issodisfar ta' obbligi ta' prestazzjoni

31.

Entità għandha tirrikonoxxi dħul meta (jew waqt li) l-entità tissodisfa obbligu ta' prestazzjoni billi tittrasferixxi oġġett jew servizz imwiegħed (jiġifieri assi) lil klijent. Assi jiġi trasferit meta (jew waqt li) il-klijent jikseb il-kontroll ta' dak l-assi.

32.

Għal kull obbligu ta' prestazzjoni identifikat skont il-paragrafi 22–30, entità għandha tiddetermina mill-bidu nett tal-kuntratt jekk tissodisfax l-obbligu ta' prestazzjoni maż-żmien (skont il-paragrafi 35–37) jew tissodisfax l-obbligu ta' prestazzjoni f'xi punt partikolari ta' żmien (skont il-paragrafu 38). Jekk entità ma tissodisfax obbligu ta' prestazzjoni maż-żmien, l-obbligu ta' prestazzjoni jkun issodisfat f'xi punt partikolari ta' żmien.

33.

L-oġġetti u s-servizzi huma assi, anki jekk għal mument biss, meta jintlaqgħu u jintużaw (bħal fil-każ ta' bosta servizzi). Il-kontroll ta' assi jirreferi għall-kapaċità li wieħed jidderieġi l-użu tal-assi, u jikseb sostanzjalment il-benefiċċji kollha li jifdal minnu. Il-kontroll jinkludi l-kapaċità li wieħed jipprevjeni entitajiet oħrajn milli jidderieġu l-użu tal-assi, u jiksbu l-benefiċċji li jifdal minnu. Il-benefiċċji ta' assi huma l-flussi ta' flus potenzjali (influssi jew tfaddil fil-ħruġ) li jistgħu jinkisbu direttament jew indirettament f'diversi modi, bħal pereżempju:

(a)

permezz tal-assi sabiex jiġu prodotti oġġetti jew ipprovduti servizzi (inklużi servizzi pubbliċi);

(b)

permezz tal-assi sabiex jittejjeb il-valur ta' assi oħrajn;

(c)

permezz tal-assi sabiex jiġu ssaldati l-obbligazzjonijiet jew jitnaqqsu l-ispejjeż;

(d)

bil-bejgħ jew bl-iskambju tal-assi;

(e)

bir-rhin tal-assi sabiex jinkiseb self; u

(f)

biż-żamma tal-assi.

34.

Biex tivvaluta jekk klijent jiksibx il-kontroll ta' assi, entità għandha tikkunsidra kwalunkwe ftehim ta' riakkwist tal-assi (ara l-paragrafi B64–B76).

Obbligi ta' prestazzjoni ssodisfati maż-żmien

35.

Entità tittrasferixxi l-kontroll ta' oġġett jew servizz maż-żmien u, għaldaqstant, tissodisfa obbligu ta' prestazzjoni u tirrikonoxxi d-dħul maż-żmien, jekk jiġi ssodisfat xi wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

il-klijent jirċievi u jikkonsma fl-istess waqt il-benefiċċji pprovduti mill-prestazzjoni tal-entità waqt li l-entità twettaq il-prestazzjoni tagħha (ara l-paragrafi B3–B4);

(b)

il-prestazzjoni tal-entità toħloq jew ittejjeb assi (pereżempju, xogħol li jkun għaddej) li l-klijent jikkontrolla waqt li l-assi jinħoloq jew jittejjeb (ara l-paragrafu B5); jew

(c)

il-prestazzjoni tal-entità ma toħloqx assi b'użu alternattiv għall-entità (ara l-paragrafu 36) u l-entità għandha dritt infurzabbli għall-ħlas għal prestazzjoni kompluta sa dik il-ġurnata (ara l-paragrafu 37).

36.

Assi maħluq permezz tal-prestazzjoni ta' entità m'għandux użu alternattiv għal entità jekk l-entità hija jew ristretta b'kuntratt milli tidderieġi faċilment l-assi għal użu ieħor matul il-ħolqien jew it-titjib ta' dak l-assi jew limitata b'mod prattiku milli tidderieġi faċilment l-assi fl-istat komplut tiegħu għal użu ieħor. Il-valutazzjoni ta' jekk l-assi għandux użu alternattiv ieħor għall-entità ssir fil-bidu nett tal-kuntratt. Wara l-bidu tal-kuntratt, entità m'għandhiex taġġorna l-valutazzjoni tal-użu alternattiv ta' assi sakemm il-partijiet fil-kuntratt ma japprovawx modifika tal-kuntratt li tibdel b'mod sostanzjali l-obbligu ta' prestazzjoni. Il-paragrafi B6–B8 jipprovdu gwida għall-valutazzjoni ta' jekk assi għandux użu alternattiv għal entità.

37.

Entità għandha tikkunsidra t-termini tal-kuntratt, kif ukoll kwalunkwe liġi li tapplika għall-kuntratt, meta tivvaluta jekk għandhiex dritt infurzabbli għall-ħlas għal prestazzjoni kompluta sa dak il-jum skont il-paragrafu 35(c). Id-dritt għall-ħlas għal prestazzjoni kompluta sa dak il-jum ma għandux għalfejn ikun għal ammont fiss. Madankollu, fi kwalunkwe ħin tul il-kuntratt, l-entità għandha tkun intitolata għal ammont li tal-anqas jikkumpensa lill-entità għall-prestazzjoni kompluta sa dak il-jum jekk il-kuntratt jiġi tterminat mill-klijent jew parti oħra għal raġunijiet oħrajn minbarra n-nuqqas tal-entità li twettaq il-prestazzjoni kif imwiegħed. Il-paragrafi B9–B13 jipprovdu gwida għall-valutazzjoni tal-eżistenza u l-infurzabbiltà ta' dritt għall-ħlas u jekk id-dritt għall-ħlas ta' entità jintitolax lill-entità li titħallas għall-prestazzjoni tagħha mwettqa sa dik il-jum.

Obbligi ta' prestazzjoni ssodisfati f'xi punt partikolari ta' żmien

38.

Jekk obbligu ta' prestazzjoni ma jkunx issodisfat maż-żmien skont il-paragrafi 35–37, entità tissodisfa l-obbligu ta' prestazzjoni f'punt partikolari ta' żmien. Sabiex tiddetermina l-punt partikolari ta' żmien li fih klijent jikseb kontroll ta' assi mwiegħed u l-entità tissodisfa obbligu ta' prestazzjoni, l-entità għandha tikkunsidra r-rekwiżiti għall-kontroll fil-paragrafi 31–34. Barra minn hekk, entità għandha tikkunsidra indikaturi tat-trasferiment ta' kontroll, li jinkludu, iżda mhumiex limitati biss għal, dawn li ġejjin:

(a)

L-entità għandha dritt preżenti għall-ħlas tal-assi—jekk klijent huwa fil-preżent obbligat iħallas għal assi, allura dan jista' jindika li l-klijent kiseb il-kapaċità li jidderieġi l-użu tal-assi, u jikseb b'mod sostanzjali l-benefiċċji kollha li fadal minnu, bi skambju.

(b)

Il-klijent għandu titolu legali għall-assi—titolu legali jista' jindika liema parti għal kuntratt għandha l-kapaċità li tidderieġi l-użu ta' assi u tikseb b'mod sostanzjali l-benefiċċji kollha li fadal minnu, jew li tirrestrinġi l-aċċess ta' entitajiet oħrajn għal dawk il-benefiċċji. Għalhekk, it-trasferiment ta' titolu legali ta' assi jista' jindika li l-klijent kiseb kontroll tal-assi. Jekk entità żżomm titolu legali biss bħala protezzjoni kontra n-nuqqas tal-klijent li jħallas, dawk id-drittijiet tal-entità ma jipprekludux lill-klijent milli jikseb il-kontroll ta' assi.

(c)

L-entità ttrasferiet il-pussess fiżiku tal-assi—il-pussess fiżiku ta' klijent ta' assi jista' jindika li l-klijent għandu l-kapaċità li jidderieġi l-użu tal-assi, u jikseb sostanzjalment il-benefiċċji kollha li fadal minnu, jew li jirrestrinġi l-aċċess ta' entitajiet oħrajn għal dawk il-benefiċċji. Madankollu, il-pussess fiżiku jista' ma jikkoinċidix mal-kontroll ta' assi. Pereżempju, f'ċerti ftehimiet ta' riakkwist u f'ċerti arranġamenti ta' kunsinna, klijent jew destinatarju jista' jkollu pussess fiżiku ta' assi li l-entità tikkontrolla. Għall-kuntrarju, f'ċerti arranġamenti bill-and-hold, l-entità jista' jkollha pussess fiżiku ta' assi li l-klijent jikkontrolla. Il-paragrafi B64–B76, B77–B78 u B79–B82 jipprovdu gwida dwar il-kontabbiltà għall-ftehimiet ta' riakkwist, arranġamenti ta' kunsinna u arranġamenti bill-and-hold, rispettivament.

(d)

Il-klijent għandu r-riskji u l-benefiċċji sinifikanti tas-sjieda tal-assi—it-trasferiment ta' riskji u benefiċċji sinifikanti tas-sjieda ta' assi lill-klijent jista' jindika li l-klijent kiseb il-kapaċità li jidderieġi l-użu tal-assi u li jikseb sostanzjalment il-benefiċċji kollha li jifdal minnu. Madankollu, meta tivvaluta r-riskji u l-benefiċċji tas-sjieda ta' assi mwiegħed, entità għandha teskludi kwalunkwe riskju li joħloq obbligu ta' prestazzjoni separat minbarra l-obbligu ta' prestazzjoni ta' trasferiment tal-assi. Pereżempju, entità setgħet ittrasferiet il-kontroll ta' assi lil klijent iżda għadha ma ssodisfatx obbligu ta' prestazzjoni addizzjonali li tipprovdi servizzi ta' manutenzjoni relatati mal-assi ttrasferit.

(e)

Il-klijent aċċetta l-assi—l-aċċettazzjoni tal-klijent ta' assi tista' tindika li kiseb il-kapaċità li jidderieġi l-użu tal-assi u li jikseb sostanzjalment il-benefiċċji kollha li jifdal minnu. Sabiex tivvaluta l-effett ta' klawżola kuntrattwali ta' aċċettazzjoni tal-klijent dwar meta jiġi trasferit il-kontroll ta' assi, entità għandha tikkunsidra l-gwida fil-paragrafi B83–B86.

Il-kejl tal-progress lejn l-issodisfar sħiħ ta' obbligu ta' prestazzjoni

39.

Għal kull obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat maż-żmien skont il-paragrafi 35–37, entità għandha tirrikonoxxi d-dħul maż-żmien billi tkejjel il-progress lejn l-issodisfar sħiħ ta' dak l-obbligu ta' prestazzjoni. L-għan meta jitkejjel il-progress huwa li juri l-prestazzjoni tal-entità fit-trasferiment tal-kontroll tal-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda lil klijent (jiġifieri l-issodisfar ta' obbligu ta' prestazzjoni ta' entità).

40.

Entità għandha tapplika metodu wieħed ta' kejl tal-progress għal kull obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat maż-żmien u l-entità għandha tapplika l-metodu b'mod konsistenti għal obbligi ta' prestazzjoni simili u f'ċirkostanzi simili. Fi tmiem kull perjodu ta' rapportar, entità għandha terġa' tkejjel il-progress tagħha lejn l-issodisfar sħiħ ta' obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat maż-żmien.

Metodi ta' kejl tal-progress

41.

Il-metodi xierqa ta' kejl tal-progress jinkludu metodi ta' produzzjoni u metodi ta' kontribut. Il-paragrafi B14–B19 jipprovdu gwida għall-użu ta' metodi ta' produzzjoni u metodi ta' kontribut sabiex jitkejjel il-progress ta' entità lejn l-issodisfar sħiħ ta' entità ta' obbligu ta' prestazzjoni. Meta tiddetermina l-metodu xieraq għall-kejl tal-progress, entità għandha tikkunsidra n-natura tal-oġġett jew tas-servizz li l-entità wiegħdet li tittrasferixxi lill-klijent.

42.

Meta tapplika metodu ta' kejl tal-progress, entità għandha teskludi mill-kejl tal-progress kwalunkwe oġġett jew servizz li għalih l-entità ma tittrasferixxix kontroll lil klijent. Għall-kuntrarju, entità għandha tinkludi fil-kejl tal-progress kwalunkwe oġġett jew servizz li għalih l-entità tittrasferixxi l-kontroll lil klijent meta tissodisfa dak l-obbligu ta' prestazzjoni.

43.

Peress li ċ-ċirkostanzi jinbidlu maż-żmien, entità għandha taġġorna l-kejl tal-progress tagħha sabiex tirrifletti kwalunkwe bidla fl-eżitu tal-obbligu ta' prestazzjoni. Tali bidliet fil-kejl tal-progress ta' entità għandhom jiġu kkunsidrati bħala bidla fl-istima tal-kontabbiltà skont l-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji.

Kejl ta' progress raġonevoli

44.

Entità għandha tirrikonoxxi d-dħul għal obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat maż-żmien biss jekk l-entità tista' raġonevolment tkejjel il-progress tagħha lejn l-issodisfar sħiħ tal-obbligu ta' prestazzjoni. Entità ma tkunx tista' tkejjel raġonevolment il-progress tagħha lejn l-issodisfar sħiħ ta' obbligu ta' prestazzjoni jekk ma jkollhiex informazzjoni affidabbli li tkun meħtieġa sabiex tapplika metodu xieraq ta' kejl tal-progress.

45.

F'ċerti ċirkostanzi (pereżempju, fl-istadji bikrija ta' kuntratt), entità tista' ma tkunx tista' tkejjel raġonevolment l-eżitu ta' obbligu ta' prestazzjoni, iżda l-entità tistenna li tirkupra l-ispejjeż imġarrba fl-issodisfar tal-obbligu ta' prestazzjoni. F'dawk iċ-ċirkostanzi, l-entità għandha tirrikonoxxi d-dħul biss sal-firxa tal-ispejjeż imġarrba sakemm tkun raġonevolment tista' tkejjel l-eżitu tal-obbligu ta' prestazzjoni.

KEJL

46.

Meta (jew waqt li) obbligu ta' prestazzjoni jkun issodisfat, entità għandha tirrikonoxxi bħala dħul l-ammont tal-prezz ta' tranżazzjoni (li jeskludi stimi ta' korrispettiv varjabbli li huma ristretti skont il-paragrafi 56–58) li huwa allokat għal dak l-obbligu ta' prestazzjoni.

L-istabbiliment tal-prezz tat-tranżazzjoni

47.

Entità għandha tikkunsidra t-termini tal-kuntratt u l-prattiki tan-negozju konswetudinarji tagħha sabiex tiddetermina l-prezz tat-tranżazzjoni. Il-prezz tat-tranżazzjoni huwa l-ammont ta' korrispettiv li għalih l-entità tistenna li tkun intitolata bi skambju għat-trasferiment tal-oġġetti jew tas-servizzi mwiegħda lil klijent, minbarra l-ammonti miġbura f'isem partijiet terzi (pereżempju, xi taxxi tal-bejgħ). Il-korrispettiv imwiegħed f'kuntratt ma' klijent jista' jinkludi ammonti fissi, ammonti varjabbli, jew it-tnejn.

48.

In-natura, il-waqt u l-ammont tal-korrispettiv imwiegħed minn klijent jaffettwaw l-istimi tal-prezz ta' tranżazzjoni. Meta tistabbilixxi l-prezz ta' tranżazzjoni, entità għandha tikkunsidra l-effetti ta' dawn kollha li ġejjin:

(a)

korrispettiv varjabbli (ara l-paragrafi 50–55 u 59);

(b)

stimi ristrettivi ta' korrispettiv varjabbli (ara l-paragrafi 56–58);

(c)

l-eżistenza ta' komponent ta' finanzjament sinifikanti fil-kuntratt (ara l-paragrafi 60–65);

(d)

korrispettiv mhux fi flus (ara l-paragrafi 66–69); u

(e)

korrispettiv pagabbli lil klijent (ara l-paragrafi 70–72).

49.

Bl-għan li tiddetermina l-prezz tat-tranżazzjoni, entità għandha tassumi li l-oġġetti jew is-servizzi ser ikunu trasferiti lill-klijent kif imwiegħed skont il-kuntratt eżistenti u li l-kuntratt mhux ser ikun ikkanċellat, imġedded jew modifikat.

Korrispettiv varjabbli

50.

Jekk il-korrispettiv imwiegħed f'kuntratt jinkludi ammont varjabbli, entità għandha tistma l-ammont ta' korrispettiv li għalih l-entità tkun intitolata bi skambju għat-trasferiment tal-oġġetti jew tas-servizzi mwiegħda lil klijent.

51.

Ammont ta' korrispettiv jista' jvarja minħabba skontijiet, ribassi, rifużjonijiet, krediti, konċessjonijiet tal-prezz, inċentivi, bonusijiet tal-prestazzjoni, penalitajiet jew punti simili oħra. Il-korrispettiv imwiegħed jista' jvarja wkoll jekk l-intitolament ta' entità għall-korrispettiv huwa kontinġenti fuq l-okkorrenza jew in-nuqqas ta' okkorrenza ta' avveniment futur. Pereżempju, ammont ta' korrispettiv ikun varjabbli kemm jekk prodott inbiegħ bid-dritt li jiġi rritornat lura kif ukoll jekk ammont fiss jiġi mwiegħed bħala bonus ta' prestazzjoni mal-kisba ta' stadju speċifiku.

52.

Il-varjabbiltà relatata mal-korrispettiv imwiegħed minn klijent tista' tkun iddikjarata b'mod espliċitu fil-kuntratt. Minbarra t-termini tal-kuntratt, il-korrispettiv imwiegħed huwa varjabbli jekk teżisti xi waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

il-klijent għandu aspettattiva valida minħabba l-prattiki tan-negozju konswetudinali tal-entità, il-politiki ppubblikati jew dikjarazzjonijiet speċifiċi li l-entità taċċetta ammont ta' korrispettiv aktar baxx mill-prezz iddikjarat fil-kuntratt. Jiġifieri, huwa mistenni li l-entità toffri konċessjoni tal-prezz. Skont il-ġurisdizzjoni, l-industrija jew il-klijent, din l-offerta tista' tissejjaħ skont, ribass, rifużjoni jew kreditu.

(b)

fatti u ċirkostanzi oħrajn jindikaw li l-intenzjoni tal-entità, meta tidħol fil-kuntratt mal-klijent, hija li toffri konċessjoni tal-prezz lill-klijent.

53.

Entità għandha tistma ammont ta' korrispettiv varjabbli billi tuża kwalunkwe wieħed minn dawn il-metodi li ġejjin, abbażi ta' liema metodu l-entità tistenna li tista' tbassar aħjar l-ammont ta' korrispettiv li għalih hija intitolata:

(a)

Il-valur mistenni—il-valur mistenni huwa t-total ta' ammonti ponderati mill-probabbiltà f'firxa ta' ammonti ta' korrispettivi possibbli. Valur mistenni jista' jkun stima xierqa tal-ammont ta' korrispettiv varjabbli jekk entità għandha għadd kbir ta' kuntratti b'karatteristiċi simili.

(b)

L-aktar ammont probabbli—l-aktar ammont probabbli huwa l-uniku ammont l-aktar probabbli f'firxa ta' ammonti possibbli ta' korrispettiv (jiġifieri l-aktar eżitu probabbli tal-kuntratt). L-aktar ammont probabbli jista' jkun stima xierqa tal-ammont ta' korrispettiv varjabbli jekk il-kuntratt għandu biss żewġ eżiti possibbli (pereżempju, jew entità tikseb bonus ta' prestazzjoni jew le).

54.

Entità għandha tapplika metodu wieħed b'mod konsistenti matul il-kuntratt meta tistma l-effett ta' inċertezza fuq ammont ta' korrispettiv varjabbli li għalih l-entità tkun intitolata. Barra minn hekk, entità għandha tikkunsidra l-informazzjoni kollha (storika, attwali u mbassra) li hija raġonevolment disponibbli għall-entità u għandha tidentifika numru raġonevoli ta' ammonti possibbli ta' korrispettiv. L-informazzjoni li entità tuża sabiex tistma l-ammont ta' korrispettiv varjabbli tkun ġeneralmenti simili għall-informazzjoni li l-maniġment tal-entità juża waqt il-proċess tal-offerta u proposta u fl-istabbiliment tal-prezzijiet għal oġġetti jew servizzi mwiegħda.

Obbligazzjonijiet ta' rifużjoni

55.

Entità għandha tirrikonoxxi l-obbligazzjoni ta' rifużjoni jekk l-entità tirċievi korrispettiv mingħand klijent u tistenna li tirrifondi xi ftit mill-korrispettiv jew il-korrispettiv kollu lill-klijent. Obbligazzjoni ta' rifużjoni titkejjel fl-ammont ta' korrispettiv irċevut (jew riċevibbli) li għalih l-entità ma tistenniex li hija intitolata (jiġifieri l-ammonti mhux inklużi fil-prezz tat-tranżazzjoni). L-obbligazzjoni ta' rifużjoni (u l-bidla korrispondenti fil-prezz tat-tranżazzjoni u, allura, ir-responsabbiltà tal-kuntratt) għandha tkun aġġornata fl-aħħar ta' kull perjodu ta' rapportar għal bidliet fiċ-ċirkostanzi. Biex tikkunsidra l-obbligazzjoni ta' rifużjoni relatata ma' bejgħ bi dritt ta' ritorn, entità għandha tapplika l-gwida fil-paragrafi B20–B27.

Stimi restrittivi ta' korrispettiv varjabbli

56.

Entità għandha tinkludi fil-prezz tat-tranżazzjoni parti minn ammont jew l-ammont kollu ta' korrispettiv varjabbli stmat skont il-paragrafu 53 biss diment li jkun ferm probabbli li mhux ser iseħħ treġġigħ lura sinifikanti fl-ammont ta' dħul kumulattiv rikonoxxut meta l-inċertezza assoċjata mal-korrispettiv varjabbli tkun riżolta aktar tard.

57.

Fil-valutazzjoni ta' jekk huwiex ferm probabbli li mhux ser iseħħ treġġigħ lura sinifikanti fl-ammont ta' dħul kumulattiv rikonoxxut ladarba l-inċertezza relatata mal-korrispettiv varjabbli tkun riżolta aktar tard, entità għandha tikkunsidra kemm il-probabbiltà kif ukoll il-kobor tat-treġġigħ lura tad-dħul. Fatturi li jistgħu jżidu l-probabbiltà jew il-kobor ta' treġġigħ lura tad-dħul jinkludu, iżda mhumiex biss limitati għal, kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-ammont ta' korrispettiva huwa ferm suxxettibbli għal fatturi barra l-influwenza tal-entità. Dawk il-fatturi jistgħu jinkludu l-volatilità fis-suq, il-ġudizzju jew l-azzjonijiet ta' partijiet terzi, il-kundizzjonijiet tat-temp u riskju għoli ta' obsolexxenza tal-oġġett jew tas-servizz imwiegħed.

(b)

l-inċertezza dwar l-ammont ta' korrispettiv mhijiex mistennija li tkun riżolta għal perjodu twil ta' żmien.

(c)

l-esperjenza tal-entità (jew evidenza oħra) f'tipi simili ta' kuntratti hija limitata, jew dik l-esperjenza (jew evidenza oħra) għandha valur limitat ta' tbassir.

(d)

l-entità għandha prattika li jew toffri firxa wiesgħa ta' konċessjonijiet ta' prezzijiet jew tibdel it-termini ta' ħlas u l-kundizzjonijiet ta' kuntratti simili f'ċirkostanzi simili.

(e)

il-kuntratt għandu għadd kbir u firxa wiesgħa ta' ammonti ta' korrispettivi possibbli.

58.

Entità għandha tapplika l-paragrafu B63 sabiex tikkunsidra l-korrispettiv fil-forma ta' dritt tal-awtur ibbażat fuq il-bejgħ jew ibbażat fuq l-użu li huwa mwiegħed bi skambju għal liċenzja ta' proprjetà intellettwali.

Il-valutazzjoni mill-ġdid ta' korrispettiv varjabbli

59.

Fi tmiem kull perjodu ta' rapportar, entità għandha taġġorna l-prezz tat-tranżazzjoni stmat (inkluż l-aġġornament tal-valutazzjoni tagħha dwar jekk stima ta' korrispettiv varjabbli hijiex ristretta) sabiex tirrappreżenta fedelment iċ-ċirkostanzi eżistenti fl-aħħar tal-perjodu ta' rapportar u l-bidliet fiċ-ċirkostanzi matul il-perjodu ta' rapportar. L-entità għandha tikkunsidra l-bidliet fil-prezz tat-tranżazzjoni skont il-paragrafi 87–90.

L-eżistenza ta' komponent ta' finanzjament sinifikanti fil-kuntratt

60.

Meta tistabbilixxi l-prezz tat-tranżazzjoni, entità għandha taġġusta l-ammont ta' korrispettiv imwiegħed għall-effetti tal-valur ta' żmien tal-flus jekk iż-żmien tal-pagamenti miftiehem bejn il-partijiet fil-kuntratt (kemm b'mod espliċitu kif ukoll impliċitu) jipprovdi lill-klijent jew lill-entità, benefiċċju sinifikanti ta' finanzjament tat-trasferiment ta' oġġetti jew ta' servizzi lill-klijent. F'dawk iċ-ċirkostanzi, il-kuntratt fih komponent sinifikanti ta' finanzjament. Komponent sinifikanti ta' finanzjament jista' jeżisti irrispettivament minn jekk il-wegħda ta' finanzjament hijiex iddikjarata b'mod speċifiku fil-kuntratt jew impliċita permezz tat-termini ta' ħlas miftiehma bejn il-partijiet fil-kuntratt.

61.

L-għan ta' entità meta taġġusta l-ammont imwiegħed ta' korrispettiv għal komponent ta' finanzjament sinifikanti huwa li tirrikonoxxi d-dħul f'ammont li jirrifletti l-prezz li klijent ikun ħallas għall-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda jekk il-klijent ikun ħallas fi flus kontanti għal dawk l-oġġetti jew is-servizzi meta (jew waqt li) jiġu trasferiti lill-klijent (jiġifieri l-prezz tal-bejgħ fi flus kontanti). Entità għandha tikkunsidra l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha meta tivvaluta jekk kuntratt fihx komponent ta' finanzjament u jekk dak il-komponent ta' finanzjament huwiex sinifikanti għall-kuntratt, inkluż dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

id-differenza, jekk hemm, bejn l-ammont ta' korrispettiv imwiegħed u l-prezz tal-bejgħ fi flus kontanti tal-oġġetti jew tas-servizzi mwiegħda; u

(b)

l-effett ikkombinat ta' dawn it-tnejn li ġejjin:

(i)

it-tul ta' żmien mistenni bejn meta l-entità tittrasferixxi l-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda lill-klijent u meta l-klijent iħallas għal dawk l-oġġetti jew servizzi; u

(ii)

ir-rati ta' imgħax prevalenti fis-suq rilevanti.

62.

Minkejja l-valutazzjoni fil-paragrafu 61, kuntratt ma' klijent ma jkollux komponent ta' finanzjament sinifikanti jekk ikun jeżisti xi wieħed mill-fatturi li ġejjin:

(a)

il-klijent ħallas għall-oġġetti jew għas-servizzi bil-quddiem u ż-żmien tat-trasferiment ta' dawk l-oġġetti jew servizzi huwa fid-diskrezzjoni tal-klijent.

(b)

ammont sostanzjali tal-korrispettiv imwiegħed mill-klijent huwa varjabbli u l-ammont jew iż-żmien ta' dak il-korrispettiv ivarja fuq il-bażi tal-okkorrenza jew in-nuqqas ta' okkorrenza ta' avveniment futur li mhuwiex sostanzjalment fil-kontroll tal-klijent jew tal-entità (pereżempju, jekk il-korrispettiv huwa dritt tal-awtur ibbażat fuq il-bejgħ).

(c)

id-differenza bejn il-korrispettiv imwiegħed u l-prezz tal-bejgħ fi flus kontanti tal-oġġett jew tas-servizz (kif deskritt fil-paragrafu 61) tinħoloq għal raġunijiet oħrajn għajr il-provvediment ta' finanzjament kemm lill-klijent jew lill-entità, u d-differenza bejn dawk l-ammonti hija proporzjonali għar-raġuni wara d-differenza. Pereżempju, it-termini tal-ħlas jistgħu jipprovdu lill-entità jew lill-klijent bi protezzjoni mill-parti l-oħra li tonqos li twettaq b'mod adegwat xi wħud mill-obbligi tagħha jew l-obbligi kollha taħt il-kuntratt.

63.

Bħal espedjent prattiku, entità m'għandhiex għalfejn taġġusta l-ammont imwiegħed ta' korrispettiv għall-effetti ta' komponent sinifikanti ta' finanzjament jekk l-entità tistenna, fil-bidu nett tal-kuntratt, li l-perjodu bejn meta l-entità tittrasferixxi oġġett jew servizz imwiegħed lil klijent u meta l-klijent iħallas għal dak l-oġġett jew servizz ikun ta' sena jew anqas.

64.

Biex tilħaq l-għan imsemmi fil-paragrafu 61 meta taġġusta l-ammont ta' korrispettiv imwiegħed għal komponent sinifikanti ta' finanzjament, entità għandha tuża rata ta' skont li tkun riflessa fi tranżazzjoni ta' finanzjament separata bejn l-entità u l-klijent tagħha fil-bidu nett tal-kuntratt. Dik ir-rata tkun tirrifletti l-karatteristiċi ta' kreditu tal-parti li tirċievi l-finanzjament fil-kuntratt, kif ukoll kwalunkwe kollateral jew garanzija pprovduta mill-klijent jew l-entità, inklużi assi trasferiti fil-kuntratt. Entità tkun tista' tiddetermina dik ir-rata billi tidentifika r-rata li tagħti skont fuq l-ammont nominali tal-korrispettiv imwiegħed għall-prezz li l-klijent iħallas fi flus kontanti għall-oġġetti jew għas-servizzi meta (jew waqt li) jiġu trasferiti lill-klijent. Wara l-bidu tal-kuntratt, entità m'għandhiex taġġorna r-rata ta' skont għall-bidliet fir-rati tal-imgħax jew ċirkostanzi oħrajn (bħall-bidla fil-valutazzjoni tar-riskju ta' kreditu tal-klijent).

65.

Entità għandha tippreżenta l-effetti ta' finanzjament (dħul mill-imgħax jew spejjeż tal-imgħax) b'mod separat mid-dħul mill-kuntratti ma' klijenti fid-dikjarazzjoni tad-dħul komprensiv. Id-dħul mill-imgħax jew l-ispejjeż tal-imgħax huma rikonoxxuti biss sa fejn assi kuntrattwali (jew riċevibbli) jew obbligazzjoni kuntrattwali hija rikonoxxuta fl-ikkunsidrar għal kuntratt ma' klijent.

Korrispettiv mhux fi flus

66.

Biex tistabbilixxi l-prezz tat-tranżazzjoni għal kuntratti li fihom klijent iwiegħed korrispettiv f'forma oħra għajr fi flus, entità għandha tkejjel il-korrispettiv mhux fi flus (jew il-wegħda ta' korrispettiv mhux fi flus) fil-valur ġust.

67.

Jekk entità ma tistax raġonevolment tistma l-valur ġust tal-korrispettiv mhux fi flus, l-entità għandha tkejjel il-korrispettiv b'mod indirett permezz ta' referenza għall-prezz tal-bejgħ awtonomu tal-oġġetti jew tas-servizzi mwiegħda lill-klijent (jew klassi ta' klijent) bi skambju għall-korrispettiv.

68.

Il-valur ġust tal-korrispettiv mhux fi flus jista' jvarja minħabba l-forma tal-korrispettiv (pereżempju, bidla fil-prezz ta' sehem li għalih l-entità hija intitolata li tirċievi mingħand klijent). Jekk il-valur ġust tal-korrispettiv mhux fi flus imwiegħed minn klijent ivarja għal raġunijiet oħra għajr il-forma biss tal-korrispettiv (pereżempju, il-valur ġust jista' jvarja minħabba l-prestazzjoni tal-entità), entità għandha tapplika r-rekwiżiti fil-paragrafi 56–58.

69.

Jekk klijent jikkontribwixxi oġġetti jew servizzi (pereżempju, materjali, tagħmir jew xogħol) sabiex jiffaċilita t-twettiq tal-kuntratt ta' entità, l-entità għandha tivvaluta jekk tiksibx kontroll ta' dawk l-oġġetti jew servizzi kontribwiti. Jekk iva, l-entità għandha tikkunsidra l-oġġetti jew is-servizzi kontribwiti bħala korrispettiv mhux fi flus kontanti irċevut mingħand il-klijent.

Korrispettiv pagabbli lil klijent

70.

Il-korrispettiv pagabbli lil klijent jinkludi ammonti ta' flus li entità tħallas, jew tistenna li tħallas, lill-klijent (jew lil partijiet oħrajn li jixtru l-oġġetti jew is-servizzi tal-entità mingħand il-klijent). Il-korrispettiv pagabbli lil klijent jinkludi wkoll kreditu jew oġġetti oħrajn (pereżempju, kupun jew vawċer) li jista' jiġi applikat bi skambju għal ammonti dovuti lill-entità (jew lil partijiet oħrajn li jixtru l-oġġetti jew is-servizzi tal-entità mingħand il-klijent). Entità għandha tikkunsidra l-korrispettiv pagabbli lil klijent bħala tnaqqis fil-prezz tat-tranżazzjoni u, allura, fid-dħul sakemm il-ħlas lill-klijent ma jkunx bi skambju għal oġġett jew servizz differenti (kif deskritt fil-paragrafi 26–30) li l-klijent jittrasferixxi lill-entità. Jekk il-korrispettiv pagabbli lil klijent jinkludi ammont varjabbli, entità għandha tistma l-prezz tat-tranżazzjoni (inkluż l-ivvalutar ta' jekk l-istima tal-korrispettiv varjabbli hijiex ristretta) skont il-paragrafi 50–58.

71.

Jekk il-korrispettiv pagabbli lil klijent huwa ħlas għal oġġett jew servizz differenti mingħand il-klijent, allura entità għandha tikkunsidra l-akkwist tal-oġġett jew tas-servizz bl-istess mod li tikkunsidra akkwisti oħrajn mingħand il-fornituri. Jekk l-ammont ta' korrispettiv pagabbli lill-klijent jaqbeż il-valur ġust tal-oġġett jew tas-servizz differenti li l-entità tirċievi mingħand il-klijent, allura l-entità għandha tikkunsidra dan l-eċċess bħala tnaqqis fil-prezz tat-tranżazzjoni. Jekk entità ma tistax raġonevolment tistma l-valur ġust tal-oġġett jew tas-servizz irċevut mingħand il-klijent, hija għandha tikkunsidra l-korrispettiv kollu pagabbli lill-klijent bħala tnaqqis fil-prezz tat-tranżazzjoni.

72.

Għaldaqstant, jekk il-korrispettiv pagabbli lil klijent jiġi kkunsidrat bħala tnaqqis fil-prezz tat-tranżazzjoni, entità għandha tirrikonoxxi t-tnaqqis tad-dħul meta (jew waqt li) iseħħ l-aħħar wieħed minn dawn l-avvenimenti:

(a)

l-entità tirrikonoxxi d-dħul għat-trasferiment tal-oġġetti jew servizzi relatati lill-klijent; u

(b)

l-entità tħallas jew twiegħed li tħallas il-korrispettiv (anki jekk il-ħlas jiddependi minn avveniment fil-futur). Dik il-wegħda tista' tkun impliċita mill-prattiki tan-negozju konswetudinarji tal-entità.

L-allokazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni għall-obbligi ta' prestazzjoni

73.

L-għan ta' entità meta talloka l-prezz tat-tranżazzjoni huwa li talloka l-prezz tat-tranżazzjoni għal kull obbligu ta' prestazzjoni (jew oġġett jew servizz differenti) f'ammont li juri l-ammont ta' korrispettiv li għalih l-entità tistenna li tkun intitolata bi skambju għat-trasferiment tal-oġġetti jew tas-servizzi mwiegħda lill-klijent.

74.

Biex tilħaq l-għan ta' allokazzjoni, entità għandha talloka l-prezz tat-tranżazzjoni għal kull obbligu ta' prestazzjoni identifikat fil-kuntratt fuq bażi relattiva ta' prezz tal-bejgħ awtonomu skont il-paragrafi 76–80, ħlief kif speċifikat fil-paragrafi 81–83 (għall-allokazzjoni ta' skonti) u l-paragrafi 84–86 (għall-allokazzjoni ta' korrispettiv li jinkludi ammonti varjabbli).

75.

Il-paragrafi 76–86 ma japplikawx jekk kuntratt għandu biss obbligu ta' prestazzjoni wieħed. Madankollu, il-paragrafi 84–86 jistgħu japplikaw jekk entità twiegħed li tittrasferixxi sensiela ta' oġġetti jew servizzi differenti identifikati bħala obbligu ta' prestazzjoni wieħed skont il-paragrafu 22(b) u l-korrispettiv imwiegħed jinkludi ammonti varjabbli.

Allokazzjoni bbażata fuq prezzijiet tal-bejgħ awtonomi

76.

Biex talloka l-prezz tat-tranżazzjoni għal kull obbligu ta' prestazzjoni fuq bażi relattiva ta' prezz tal-bejgħ awtonomu, entità għandha tiddetermina l-prezz tal-bejgħ awtonomu fil-bidu tal-kuntratt tal-oġġett jew servizz differenti sottostanti għal kull obbligu ta' prestazzjoni fil-kuntratt u talloka l-prezz tat-tranżazzjoni b'mod proporzjonat ma' dawk il-prezzijiet tal-bejgħ awtonomi.

77.

Il-prezz tal-bejgħ awtonomu huwa l-prezz li fih entità tbiegħ oġġett jew servizz imwiegħed b'mod separat lil klijent. L-aqwa evidenza ta' prezz tal-bejgħ awtonomu hija l-prezz osservabbli ta' oġġett jew servizz meta l-entità tbiegħ dak l-oġġett jew servizz b'mod separat f'ċirkostanzi simili u lil klijenti simili. Prezz iddikjarat fil-kuntratt jew prezz elenkat għal oġġett jew servizz jista' jkun (iżda m'għandux ikun preżunt li hu) il-prezz tal-bejgħ awtonomu ta' dak l-oġġett jew servizz.

78.

Jekk prezz tal-bejgħ awtonomu ma jkunx direttament osservabbli, entità għandha tistma l-prezz tal-bejgħ awtonomu f'ammont li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni li tissodisfa l-għan ta' allokazzjoni fil-paragrafu 73. Meta tistma l-prezz tal-bejgħ awtonomu, entità għandha tikkunsidra l-informazzjoni kollha (inklużi l-kundizzjonijiet tas-suq, fatturi speċifiċi għall-entità u l-informazzjoni dwar il-klijent jew klassi ta' klijenti) li hija raġonevolment disponibbli għall-entità. Meta tagħmel dan, entità għandha timmassimizza l-użu ta' kontributi osservabbli u tapplika metodi ta' stima b'mod konsistenti f'ċirkostanzi simili.

79.

Metodi xierqa għall-istima tal-prezz tal-bejgħ awtonomu ta' oġġett jew servizz jinkludu, iżda mhumiex biss limitati għal, dawn li ġejjin:

(a)

Approċċ ta' valutazzjoni tas-suq aġġustata—entità tista' tevalwa s-suq li fih tbiegħ oġġetti jew servizzi u tistma l-prezz li klijent f'dak is-suq ikun lest li jħallas għal dawk l-oġġetti jew servizzi. Dak l-approċċ jista' jinkludi wkoll ir-referenza għal prezzijiet tal-kompetituri tal-entità għal oġġetti jew servizzi simili u l-aġġustament ta' dawk il-prezzijiet skont il-ħtieġa sabiex jirriflettu l-ispejjeż u l-marġnijiet tal-entità.

(b)

Approċċ tal-ispejjeż mistennija flimkien ma' marġni—entità tista' tbassar l-ispejjeż mistennija tagħha biex tissodisfa obbligu ta' prestazzjoni u mbagħad iżżid marġni xieraq għal dak l-oġġett jew servizz.

(c)

Approċċ residwu—entità tista' tistma l-prezz tal-bejgħ awtonomu b'referenza għall-prezz tat-tranżazzjoni totali nieqes it-total tal-prezzijiet tal-bejgħ awtonomi osservabbli ta' oġġetti jew servizzi oħrajn imwiegħda fil-kuntratt. Madankollu, entità tista' tuża approċċ residwu sabiex tistma, skont il-paragrafu 78, il-prezz tal-bejgħ awtonomu ta' oġġett jew servizz biss jekk ikun issodisfat wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(i)

l-entità tbiegħ l-istess oġġett jew servizz lil klijenti differenti (fl-istess żmien jew qrib) għal firxa wiesgħa ta' ammonti (jiġifieri l-prezz tal-bejgħ huwa ferm varjabbli peress li prezz tal-bejgħ awtonomu rappreżentattiv mhuwiex dixxernibbli minn tranżazzjonijiet passati jew evidenza osservabbli oħra); jew

(ii)

l-entità għadha ma stabbilixxietx prezz għal dak l-oġġett jew servizz u l-oġġett jew servizz qatt ma nbiegħ qabel fuq bażi awtonoma (jiġifieri l-prezz tal-bejgħ huwa inċert).

80.

Jista' jkun meħtieġ li tintuża taħlita ta' metodi biex jiġu stmati l-prezzijiet tal-bejgħ awtonomi tal-oġġetti jew servizzi mwiegħda fil-kuntratt jekk tnejn minn dawn l-oġġetti jew servizzi jew aktar għandhom prezzijiet tal-bejgħ awtonomi ferm varjabbli jew inċerti. Pereżempju, entità tista' tuża l-approċċ residwu sabiex tistma l-prezz tal-bejgħ awtonomu aggregat għal dawk l-oġġetti jew servizzi mwiegħda bi prezzijiet tal-bejgħ awtonomi ferm varjabbli jew inċerti u mbagħad tuża metodu ieħor sabiex tistma l-prezzijiet tal-bejgħ awtonomi tal-oġġetti jew servizzi individwali relatati ma' dak il-prezz tal-bejgħ awtonomu stmat iddeterminat permezz tal-approċċ residwu. Meta entità tuża taħlita ta' metodi sabiex tistma l-prezz tal-bejgħ awtonomu ta' kull oġġett jew servizz imwiegħed fil-kuntratt, l-entità għandha tivvaluta jekk l-allokazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni f'dawk il-prezzijiet tal-bejgħ awtonomi stmati tkunx konsistenti mal-għan ta' allokazzjoni fil-paragrafu 73 u mar-rekwiżiti għall-istima tal-prezzijiet tal-bejgħ awtonomi fil-paragrafu 78.

L-allokazzjoni ta' skont

81.

Klijent jirċievi skont għax-xiri ta' pakkett ta' oġġetti jew servizzi jekk it-total tal-prezzijiet tal-bejgħ awtonomi ta' dawk l-oġġetti jew servizz mwiegħda fil-kuntratt jaqbeż il-korrispettiv imwiegħed f'kuntratt. Għajr meta entità jkollha evidenza osservabbli skont il-paragrafu 82 li l-iskont sħiħ huwa relatat biss ma' obbligu ta' prestazzjoni wieħed jew aktar, iżda mhux ma' kollha, f'kuntratt, l-entità għandha talloka skont b'mod proporzjonat mal-obbligi ta' prestazzjoni kollha fil-kuntratt. L-allokazzjoni proporzjonata tal-iskont f'dawk iċ-ċirkostanzi hija konsegwenza tal-fatt li l-entità talloka l-prezz tat-tranżazzjoni għal kull obbligu ta' prestazzjoni abbażi tal-prezzijiet tal-bejgħ awtonomi relattivi tal-oġġetti jew servizzi differenti sottostanti.

82.

Entità għandha talloka kompletament skont għal obbligu ta' prestazzjoni wieħed jew aktar, iżda mhux għal kollha, fil-kuntratt jekk dawn il-kriterji kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

l-entità tbiegħ b'mod regolari kull oġġett jew servizz differenti (jew kull pakkett ta' oġġetti jew servizzi differenti) fil-kuntratt fuq bażi awtonoma;

(b)

l-entità tbiegħ ukoll b'mod regolari fuq bażi awtonoma pakkett (jew pakketti) ta' xi wħud minn dawk l-oġġetti jew servizzi differenti bi skont fuq il-prezzijiet tal-bejgħ awtonomi tal-oġġetti jew servizzi f'kull pakkett; u

(c)

l-iskont attribwibbli għal kull pakkett ta' oġġetti jew servizzi deskritti fil-paragrafu 82(b) huwa sostanzjalment l-istess bħall-iskont fil-kuntratt u analiżi tal-oġġetti jew tas-servizzi f'kull pakkett tipprovdi evidenza osservabbli tal-obbligu ta' prestazzjoni (jew obbligi ta' prestazzjoni) li għalih jappartjeni l-iskont sħiħ fil-kuntratt.

83.

Jekk skont jiġi allokat kompletament għal obbligu ta' prestazzjoni wieħed jew aktar fil-kuntratt skont il-paragrafu 82, entità għandha talloka l-iskont qabel tuża l-approċċ residwu sabiex tistma l-prezz tal-bejgħ awtonomu ta' oġġett jew servizz skont il-paragrafu 79(c).

Allokazzjoni ta' korrispettiv varjabbli

84.

Korrispettiv varjabbli li jkun imwiegħed f'kuntratt jista' jkun attribwibbli għall-kuntratt sħiħ jew għal parti speċifika tal-kuntratt, bħal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

obbligu ta' prestazzjoni wieħed jew aktar, iżda mhux kollha, fil-kuntratt (pereżempju, bonus jista' jkun kontinġenti fuq entità li tittrasferixxi oġġett jew servizz imwiegħed f'perjodu speċifiku ta' żmien); jew

(b)

oġġett jew servizz differenti wieħed jew aktar, iżda mhux kollha, imwiegħda f'sensiela ta' oġġetti jew servizzi differenti li jifforma parti minn obbligu ta' prestazzjoni wieħed skont il-paragrafu 22(b) (pereżempju, il-korrispettiv imwiegħed għat-tieni sena ta' kuntratt ta' servizz ta' tindif ta' sentejn jiżdied fuq il-bażi ta' ċaqliq f'indiċi ta' inflazzjoni speċifikat).

85.

Entità għandha talloka kompletament ammont varjabbli (u bidliet sussegwenti għal dak l-ammont) għal obbligu ta' prestazzjoni jew għal oġġett jew servizz differenti li jifforma parti minn obbligu ta' prestazzjoni wieħed skont il-paragrafu 22(b) jekk iż-żewġ kriterji li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

it-termini ta' ħlas varjabbli huma speċifikament relatati mal-isforzi tal-entità li tissodisfa l-obbligu ta' prestazzjoni jew li tittrasferixxi l-oġġett jew is-servizz differenti (jew ma' eżitu speċifiku mill-issodisfar tal-obbligu ta' prestazzjoni jew mit-trasferiment tal-oġġett jew servizz differenti); u

(b)

l-allokazzjoni tal-ammont varjabbli ta' korrispettiv kompletament għall-obbligu ta' prestazzjoni jew l-oġġett jew servizz differenti hija konsistenti mal-għan ta' allokazzjoni fil-paragrafu 73 meta jiġu kkunsidrati l-obbligi ta' prestazzjoni kollha u t-termini tal-ħlas fil-kuntratt.

86.

Ir-rekwiżiti ta' allokazzjoni fil-paragrafi 73–83 għandhom jiġu applikati sabiex wieħed jalloka l-bqija tal-ammont tal-prezz tat-tranżazzjoni li ma tissodisfax il-kriterji fil-paragrafu 85.

Bidliet fil-prezz tat-tranżazzjoni

87.

Wara l-bidu tal-kuntratt, il-prezz tat-tranżazzjoni jista' jinbidel għal diversi raġunijiet, inkluża r-riżoluzzjoni ta' avvenimenti inċerti jew bidliet oħrajn fiċ-ċirkostanzi li jibdlu l-ammont ta' korrispettiv li għalih entità tistenna li tkun intitolata bi skambju għall-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda.

88.

Entità għandha talloka kwalunkwe bidla sussegwenti fil-prezz tat-tranżazzjoni għall-obbligi ta' prestazzjoni fil-kuntratt fuq l-istess bażi tal-bidu tal-kuntratt. Għaldaqstant, entità m'għandhiex terġa' talloka l-prezz tat-tranżazzjoni sabiex jirrifletti l-bidliet fi prezzijiet tal-bejgħ awtonomi wara l-bidu tal-kuntratt. L-ammonti allokati għal obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat għandhom ikunu rikonoxxuti bħala dħul, jew bħala tnaqqis ta' dħul, fil-perjodu li fih jinbidel il-prezz tat-tranżazzjoni.

89.

Entità għandha talloka kompletament bidla fil-prezz tat-tranżazzjoni għal obbligu ta' prestazzjoni jew għal oġġett jew servizz differenti wieħed jew aktar, iżda mhux għal kollha, imwiegħda f'sensiela li tifforma parti minn obbligu ta' prestazzjoni wieħed skont il-paragrafu 22(b) biss jekk jiġu ssodisfati l-kriterji fil-paragrafu 85 dwar l-allokazzjoni ta' korrispettiv varjabbli.

90.

Entità għandha tikkunsidra bidla fil-prezz tat-tranżazzjoni li tirriżulta minn modifika fil-kuntratt skont il-paragrafi 18–21. Madankollu, fil-każ ta' bidla fil-prezz tat-tranżazzjoni li sseħħ wara modifika fil-kuntratt, entità għandha tapplika l-paragrafi 87–89 sabiex talloka l-bidla fil-prezz tat-tranżazzjoni bi kwalunkwe mod minn dawn li ġejjin li jkun applikabbli:

(a)

Entità għandha talloka l-bidla fil-prezz tat-tranżazzjoni għall-obbligi ta' prestazzjoni identifikati fil-kuntratt qabel il-modifika jekk, u sakemm, il-bidla fil-prezz tat-tranżazzjoni hija attribwibbli għal ammont ta' korrispettiv varjabbli mwiegħed qabel il-modifika u l-modifika hija kkunsidrata skont il-paragrafu 21(a).

(b)

Fil-każijiet l-oħrajn kollha li fihom il-modifika ma kinitx ikkunsidrata bħala kuntratt separat skont il-paragrafu 20, entità għandha talloka l-bidla fil-prezz tat-tranżazzjoni għall-obbligi ta' prestazzjoni fil-kuntratt modifikat (jiġifieri l-obbligi ta' prestazzjoni li ma kinux issodisfati jew parzjalment mhux issodisfati minnufih wara l-modifika).

SPEJJEŻ TAL-KUNTRATT

Spejjeż inkrementali biex jinkiseb kuntratt

91.

Entità għandha tirrikonoxxi bħala assi l-ispejjeż inkrementali biex tikseb kuntratt ma' klijent jekk l-entità tistenna li tirkupra dawk l-ispejjeż.

92.

L-ispejjeż inkrementali biex jinkiseb kuntratt huma dawk l-ispejjeż li entità ġġarrab sabiex tikseb kuntratt ma' klijent li ma kinitx iġġarrab kieku l-kuntratt ma sarx (pereżempju, kummissjoni tal-bejgħ).

93.

L-ispejjeż biex jinkiseb kuntratt li kienu jiġġarrbu rrispettivament minn jekk il-kuntratt sarx għandhom ikunu rikonoxxuti bħala nefqa meta jiġġarrbu, sakemm dawk l-ispejjeż ma jridux jitħallsu b'mod espliċitu mill-klijent irrispettivament minn jekk il-kuntratt isirx.

94.

Bħala espedjent prattiku, entità tista' tirrikonoxxi l-ispejjeż inkrementali biex tikseb kuntratt bħala nefqa meta jiġġarrbu jekk il-perjodu ta' amortizzazzjoni tal-assi li l-entità kienet inkella tirrikonoxxi huwa ta' sena jew anqas.

Spejjeż biex jitwettaq kuntratt

95.

Jekk l-ispejjeż imġarrba biex jitwettaq kuntratt ma' klijent ma jkunux jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' Standard ieħor (pereżempju, IAS 2 Inventarji, IAS 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir jew IAS 38 Assi Intanġibbli), entità għandha tirrikonoxxi assi mill-ispejjeż imġarrba sabiex twettaq kuntratt biss jekk dawk l-ispejjeż jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

l-ispejjeż jirrigwardaw b'mod dirett kuntratt jew kuntratt antiċipat li l-entità tista' tidentifika b'mod speċifiku (pereżempju, l-ispejjeż relatati ma' servizzi li għandhom ikunu pprovduti malli jiġġedded kuntratt eżistenti jew l-ispejjeż tat-tfassil ta' assi li għandhom jiġu trasferiti taħt kuntratt speċifiku li għadu ma ġiex approvat);

(b)

l-ispejjeż jiġġeneraw jew itejbu r-riżorsi tal-entità li ser jintużaw biex jitwettqu (jew ikomplu jitwettqu) obbligi ta' prestazzjoni fil-futur; u

(c)

l-ispejjeż huma mistennija li jiġu rkuprati.

96.

Għall-ispejjeż imġarrba fit-twettiq ta' kuntratt ma' klijent li huma taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' Standard ieħor, entità għandha tikkunsidra dawk l-ispejjeż skont dawk l-Istandards l-oħra.

97.

Spejjeż li huma relatati direttament ma' kuntratt (jew kuntratt antiċipat speċifiku) jinkludu kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

xogħol dirett (pereżempju, salarji u pagi tal-impjegati li jipprovdu servizzi mwiegħda direttament lill-klijent);

(b)

materjal dirett (pereżempju, provvisti użati biex jingħataw is-servizzi mwiegħda lil klijent);

(c)

allokazzjonijiet ta' spejjeż relatati direttament mal-kuntratt jew ma' attivitajiet tal-kuntratt (pereżempju, spejjeż ta' ġestjoni u ta' sorveljanza tal-kuntratt, assigurazzjoni u deprezzament tal-għodod u tat-tagħmir użat fit-twettiq tal-kuntratt);

(d)

spejjeż li b'mod espliċitu jitħallsu mill-klijent taħt il-kuntratt; u

(e)

spejjeż oħrajn li jiġġarrbu biss minħabba li entità daħlet fil-kuntratt (pereżempju, ħlasijiet lil sottokuntratturi).

98.

Entità għandha tirrikonoxxi dawn l-ispejjeż li ġejjin bħala nefqa meta jiġġarrbu:

(a)

spejjeż ġenerali u amministrattivi (sakemm dawn l-ispejjeż mhumiex imħallsa b'mod espliċitu mill-klijent taħt il-kuntratt, f'liema każ entità għandha tivvaluta dawk l-ispejjeż skont il-paragrafu 97);

(b)

spejjeż ta' materjal, xogħol jew riżorsi oħrajn moħlija biex jitwettaq il-kuntratt li ma kinux riflessi fil-prezz tal-kuntratt;

(c)

spejjeż relatati ma' obbligi ta' prestazzjoni ssodisfati (jew obbligi ta' prestazzjoni parzjalment issodisfati) fil-kuntratt (jiġifieri spejjeż relatati ma' prestazzjoni fil-passat); u

(d)

spejjeż li l-entità ma tistax tiddistingwi jekk l-ispejjeż huma relatati ma' obbligi ta' prestazzjoni mhux issodisfati jew ma' obbligi ta' prestazzjoni ssodisfati (jew obbligi ta' prestazzjoni parzjalment issodisfati).

Amortizzazzjoni u indeboliment

99.

Assi rikonoxxut skont il-paragrafu 91 jew 95 għandu jkun amortizzat fuq bażi sistematika konsistenti mat-trasferiment lill-klijent tal-oġġetti jew tas-servizzi li l-assi huwa relatat magħhom. L-assi jista' jkun relatat ma' oġġetti jew servizzi li jridu jiġu trasferiti taħt kuntratt antiċipat speċifiku (kif deskritt fil-paragrafu 95(a)).

100.

Entità għandha taġġorna l-amortizzazzjoni sabiex tirrifletti bidla konsiderevoli fil-waqt mistenni mill-entità tat-trasferiment lill-klijent tal-oġġetti jew servizzi li l-assi huwa relatat magħhom. Tali bidla għandha tkun ikkunsidrata bħala bidla fl-istima tal-kontabbiltà skont l-IAS 8.

101.

Entità għandha tirrikonoxxi telf minn indeboliment fil-profitt jew telf diment li l-ammont riportat ta' assi rikonoxxut skont il-paragrafu 91 jew 95 jaqbeż:

(a)

il-bqija tal-ammont ta' korrispettiv li l-entità tistenna li tirċievi bi skambju għall-oġġetti jew is-servizzi li l-assi huwa relatat magħhom; nieqes

(b)

l-ispejjeż relatati direttament mal-forniment ta' dawk l-oġġetti jew servizzi u li ma ġewx rikonoxxuti bħala nefqa (ara l-paragrafu 97).

102.

Biex wieħed japplika l-paragrafu 101 sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta' korrispettiv li entità tistenna li tirċievi, entità għandha tuża l-prinċipji għad-determinazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni (ħlief għar-rekwiżiti fil-paragrafi 56–58 dwar l-istimi restrittivi ta' korrispettiv varjabbli) u taġġusta l-ammont b'mod li jirrifletti l-effetti tar-riskju ta' kreditu tal-klijent.

103.

Qabel entità tirrikonoxxi telf minn indeboliment għal assi rikonoxxut skont il-paragrafu 91 jew 95, l-entità għandha tirrikonoxxi kwalunkwe telf minn indeboliment għal assi relatati mal-kuntratt li huma rikonoxxuti skont Standard ieħor (pereżempju, IAS 2, IAS 16 u IAS 38). Wara li tapplika t-test tal-indeboliment fil-paragrafu 101, entità għandha tinkludi l-ammont riportat li jirriżulta tal-assi rikonoxxut skont il-paragrafu 91 jew 95 fl-ammont riportat tal-unità li tiġġenera l-flus li jappartjeni għaliha bl-għan li tapplika l-IAS 36 Indeboliment ta' Assi għal dik l-unità li tiġġenera l-flus.

104.

Entità għandha tirrikonoxxi fil-profitt jew it-telf treġġigħ lura ta' ftit mit-telf minn indeboliment jew it-telf kollu li qabel kien rikonoxxut skont il-paragrafu 101 meta l-kundizzjonijiet tal-indeboliment ma jibqgħux jeżistu jew ikunu tjiebu. L-ammont riportat miżjud tal-assi m'għandux jaqbeż l-ammont li kien ikun iddeterminat (nett ta' amortizzazzjoni) li kieku l-ebda telf minn indeboliment ma ġie rikonoxxut qabel.

PREŻENTAZZJONI

105.

Meta kwalunkwe parti għal kuntratt tkun wettqet sehma, entità għandha tippreżenta l-kuntratt fid-dikjarazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja bħala assi kuntrattwali jew obbligazzjoni kuntrattwali, skont ir-relazzjoni bejn il-prestazzjoni tal-entità u l-ħlas tal-klijent. Entità għandha tippreżenta kwalunkwe dritt mhux kondizzjonat għall-korrispettiv b'mod separat bħala riċevibbli.

106.

Jekk klijent iħallas il-korrispettiv, jew entità jkollha dritt għal ammont ta' korrispettiv mhux kondizzjonat (jiġifieri riċevibbli), qabel ma l-entità tittrasferixxi oġġett jew servizz lill-klijent, l-entità għandha tippreżenta l-kuntratt bħala obbligazzjoni kuntrattwali meta l-ħlas isir jew imminenti (liema minnhom jiġi l-ewwel). Obbligazzjoni kuntrattwali hija l-obbligu ta' entità li tittrasferixxi oġġetti jew servizzi lil klijent li għalih l-entità rċeviet korrispettiv (jew ammont ta' korrispettiv huwa dovut) mingħand il-klijent.

107.

Jekk entità twettaq sehma billi tittrasferixxi l-oġġetti jew is-servizzi lil klijent qabel ma l-klijent iħallas il-korrispettiv jew qabel ma l-ħlas ikun dovut, l-entità għandha tippreżenta l-kuntratt bħala assi kuntrattwali, waqt li teskludi kull ammont ippreżentat bħala riċevibbli. Assi kuntrattwali huwa d-dritt ta' entità għall-korrispettiv bi skambju għal oġġetti jew servizzi li l-entità ttrasferiet lil klijent. Entità għandha tivvaluta assi kuntrattwali għall-indeboliment skont l-IFRS 9. Indeboliment ta' assi kuntrattwali għandu jitkejjel, jiġi ppreżentat u żvelat fuq l-istess bażi ta' assi finanzjarju li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-IFRS 9 (ara wkoll il-paragrafu 113(b)).

108.

Riċevibbli huwa d-dritt ta' entità għal korrispettiv mhux kondizzjonat. Dritt għal korrispettiv ma jkunx kondizzjonat jekk il-mogħdija taż-żmien biss tkun meħtieġa qabel ma l-ħlas ta' dak il-korrispettiv ikun dovut. Pereżempju, entità tirrikonoxxi riċevibbli jekk għandha dritt preżenti għall-ħlas anki jekk dak l-ammont jista' jkun soġġett għal rifużjoni fil-futur. Entità għandha tikkunsidra riċevibbli skont l-IFRS 9. Mar-rikonoxximent inizjali ta' riċevibbli minn kuntratt ma' klijent, kwalunkwe differenza bejn il-kejl tar-riċevibbli skont l-IFRS 9 u l-ammont korrispondenti ta' dħul rikonoxxut għandha tkun ippreżentata bħala nefqa (pereżempju, bħala telf minn indeboliment).

109.

Dan l-Istandard juża t-termini “assi kuntrattwali” u “obbligazzjoni kuntrattwali” iżda ma jipprojbixxix lil entità milli tuża deskrizzjonijiet alternattivi fid-dikjarazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja għal dawk l-entrati. Jekk entità tuża deskrizzjoni alternattiva għal assi kuntrattwali, l-entità għandha tipprovdi biżżejjed informazzjoni biex utent tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji jkun jista' jiddistingwi bejn riċevibbli u assi kuntrattwali.

ŻVELAR

110.

L-għan tar-rekwiżiti ta' żvelar huwa li entità tiżvela biżżejjed informazzjoni biex tippermetti lill-utenti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji jifhmu n-natura, l-ammont, iż-żmien u l-inċertezza tad-dħul u l-flussi ta' flus li jirriżultaw mill-kuntratti ma' klijent. Biex tikseb dak l-għan, entità għandha tiżvela informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-kuntratti tagħha mal-klijenti (ara l-paragrafi 113–122);

(b)

il-ġudizzji sinifikanti, u bidliet fil-ġudizzji, magħmula fl-applikazzjoni ta' dan l-Istandard għal dawk il-kuntratti (ara l-paragrafi 123–126); u

(c)

kwalunkwe assi rikonoxxut mill-ispejjeż għall-kisba jew l-issodisfar ta' kuntratt ma' klijent skont il-paragrafu 91 jew 95 (ara l-paragrafi 127–128).

111.

Entità għandha tikkunsidra l-livell ta' dettall meħtieġ sabiex tissodisfa l-għan tal-iżvelar u kemm għandha tagħmel enfażi fuq kull wieħed mid-diversi rekwiżiti. Entità għandha taggrega jew tiddiżagrega l-iżvelar biex informazzjoni utli ma tkunx moħbija kemm bl-inklużjoni ta' ammont kbir ta' dettall bla sinifikat kif ukoll bl-aggregazzjoni tal-entrati li sostanzjalment għandhom karatteristiċi differenti.

112.

Entità m'għandhiex għalfejn tiżvela informazzjoni skont dan l-Istandard jekk tkun ipprovdiet l-informazzjoni skont Standard ieħor.

Kuntratti ma' klijenti

113.

Entità għandha tiżvela dawn l-ammonti kollha li ġejjin għall-perjodu ta' rapportar sakemm dawk l-ammonti jkunu ppreżentati b'mod separat fid-dikjarazzjoni tad-dħul komprensiv skont Standards oħrajn:

(a)

id-dħul rikonoxxut mill-kuntratti ma' klijenti, li l-entità għandha tiżvela b'mod separat mis-sorsi l-oħrajn ta' dħul tagħha; u

(b)

kwalunkwe telf minn indeboliment rikonoxxut (skont l-IFRS 9) fuq kwalunkwe riċevibbli jew assi kuntrattwali li jirriżultaw mill-kuntratti ta' entità mal-klijenti, li l-entità għandha tiżvela b'mod separat mit-telf minn indeboliment minn kuntratti oħrajn.

Diżaggregazzjoni tad-dħul

114.

Entità għandha tiddiżagrega d-dħul rikonoxxut minn kuntratti ma' klijenti f'kategoriji li juru kif in-natura, l-ammont, il-waqt u l-inċertezza tad-dħul u l-flussi tal-flus huma affettwati mill-fatturi ekonomiċi. Entità għandha tapplika l-gwida fil-paragrafi B87–B89 meta tagħżel il-kategoriji li tuża sabiex tiddiżagrega d-dħul.

115.

Barra minn hekk, entità għandha tiżvela biżżejjed informazzjoni sabiex tippermetti lill-utenti ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji jifhmu r-relazzjoni bejn l-iżvelar tad-dħul diżaggregat (skont il-paragrafu 114) u informazzjoni dwar id-dħul li hija żvelata għal kull segment suġġett għar-rapportar, jekk l-entità tapplika l-IFRS 8 Segmenti Operattivi.

Bilanċi tal-kuntratt

116.

Entità għandha tiżvela dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-bilanċi tal-ftuħ u tal-għeluq tar-riċevibbli, tal-assi tal-kuntratt u l-obbligazzjonijiet tal-kuntratt mill-kuntratti mal-klijenti, jekk ma jkunux ippreżentati jew żvelati mod ieħor b'mod separat;

(b)

id-dħul rikonoxxut fil-perjodu ta' rapportar li kien inkluż fil-bilanċ tal-obbligazzjoni tal-kuntratt fil-bidu tal-perjodu; u

(c)

id-dħul rikonoxxut fil-perjodu ta' rapportar minn obbligi ta' prestazzjoni ssodisfati (jew parzjalment issodisfati) f'perjodi preċedenti (pereżempju, bidliet fil-prezz tat-tranżazzjoni).

117.

Entità għandha tispjega kif iż-żmien tal-issodisfar tal-obbligi ta' prestazzjoni tagħha (ara l-paragrafu 119(a)) huwa relatat maż-żmien tipiku tal-ħlas (ara l-paragrafu 119(b)) u l-effett li dawk il-fatturi għandhom fuq l-assi tal-kuntratti u l-bilanċi ta' obbligazzjoni tal-kuntratt. L-ispjegazzjoni pprovduta tista' tuża l-informazzjoni kwalitattiva.

118.

Entità għandha tipprovdi spjegazzjoni tal-bidliet sinifikanti fl-assi tal-kuntratt u l-bilanċi tal-obbligazzjonijiet tal-kuntratt matul il-perjodu ta' rapportar. L-ispjegazzjoni għandha tinkludi informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva. Eżempji ta' bidliet fil-bilanċi tal-entità ta' assi kuntrattwali u obbligazzjonijiet tal-kuntratt jinkludu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

bidliet dovuti għal kombinazzjonijiet ta' negozju;

(b)

aġġustamenti kumulattivi ta' konformità fid-dħul li jaffettwaw l-assi tal-kuntratt korrispondenti jew l-obbligazzjoni tal-kuntratt, inklużi aġġustamenti li jirriżultaw minn bidla fil-kejl tal-progress, bidla fi stima tal-prezz tat-tranżazzjoni (inkluża kwalunkwe bidla fil-valutazzjoni ta' jekk stima ta' korrispettiv varjabbli hijiex ristretta) jew modifika fil-kuntratt;

(c)

indeboliment ta' assi kuntrattwali;

(d)

bidla fiż-żmien sabiex dritt għal korrispettiv isir mhux kondizzjonat (jiġifieri biex assi kuntrattwali jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala riċevibbli); u

(e)

bidla fiż-żmien sabiex obbligu ta' prestazzjoni jiġi ssodisfat (jiġifieri għar-rikonoxximent tad-dħul li jinħoloq minn obbligazzjoni kuntrattwali).

L-obbligi ta' prestazzjoni

119.

Entità għandha tiżvela informazzjoni dwar l-obbligi ta' prestazzjoni tagħha f'kuntratti ma' klijenti, li tinkludi deskrizzjoni ta' dawn kollha li ġejjin:

(a)

meta l-entità tipikament tissodisfa l-obbligi ta' prestazzjoni tagħha (pereżempju, mal-vjeġġ, mal-wasla, waqt li s-servizzi qegħdin jingħataw jew meta s-servizz jitlesta), inkluż meta l-obbligi ta' prestazzjoni jkunu ssodisfati f'arranġament bill-and-hold;

(b)

it-termini ta' ħlas sinifikanti (pereżempju, meta l-ħlas huwa tipikament dovut, jekk il-kuntratt għandux xi komponent ta' finanzjament sinifikanti, jekk l-ammont ta' korrispettiv huwiex varjabbli u jekk l-istima tal-korrispettiv varjabbli hijiex tipikament ristretta skont il-paragrafi 56–58);

(c)

in-natura tal-oġġetti jew is-servizzi li l-entità wiegħdet li tittrasferixxi, filwaqt li tenfasizza kwalunkwe obbligu ta' prestazzjoni biex tirranġa sabiex parti oħra tittrasferixxi l-oġġetti jew is-servizzi (jiġifieri jekk l-entità hijiex qiegħda taġixxi bħala aġent);

(d)

obbligi għar-ritorn, għar-rifużjoni u obbligi oħrajn simili; u

(e)

tipi ta' garanziji u obbligi relatati.

Prezz tat-tranżazzjoni allokat għall-bqija tal-obbligi ta' prestazzjoni

120.

Entità għandha tiżvela l-informazzjoni li ġejja dwar il-bqija tal-obbligi ta' prestazzjoni tagħha:

(a)

l-ammont aggregat tal-prezz tat-tranżazzjoni allokat lill-obbligi ta' prestazzjoni li mhumiex issodisfati (jew parzjalment mhumiex issodisfati) sa mill-aħħar tal-perjodu ta' rapportar; u

(b)

spjegazzjoni ta' meta l-entità tistenna li tirrikonoxxi bħala dħul l-ammont żvelat skont il-paragrafu 120(a), li l-entità għandha tiżvela b'wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:

(i)

fuq bażi kwantitattiva billi tuża l-meded ta' żmien li jkunu l-aktar xierqa għall-bqija taż-żmien tal-obbligi ta' prestazzjoni li fadal; jew

(ii)

billi tuża informazzjoni kwalitattiva.

121.

Bħala espedjent prattiku, entità m'għandhiex għalfejn tiżvela l-informazzjoni fil-paragrafu 120 għal obbligu ta' prestazzjoni jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun issodisfata:

(a)

l-obbligu ta' prestazzjoni huwa parti minn kuntratt li għandu tul ta' żmien oriġinali mistenni ta' sena jew anqas; jew

(b)

l-entità tirrikonoxxi dħul mis-sodisfar tal-obbligu ta' prestazzjoni skont il-paragrafu B16.

122.

Entità għandha tispjega b'mod kwalitattiv jekk hijiex qiegħda tapplika l-espedjent prattiku fil-paragrafu 121 u jekk kwalunkwe korrispettiv minn kuntratti ma' klijenti mhuwiex inkluż fil-prezz tat-tranżazzjoni u, għalhekk, mhux inkluż fl-informazzjoni żvelata skont il-paragrafu 120. Pereżempju, stima tal-prezz ta' tranżazzjoni ma tinkludi l-ebda ammont stmat ta' korrispettiv varjabbli li hija ristretta (ara l-paragrafi 56–58).

Ġudizzji sinifikanti fl-applikazzjoni ta' dan l-Istandard

123.

Entità għandha tiżvela l-ġudizzji, u l-bidliet fil-ġudizzji, magħmula fl-applikazzjoni ta' dan l-Istandard li jaffettwaw b'mod sinifikanti d-determinazzjoni tal-ammont u ż-żmien tad-dħul mill-kuntratti ma' klijenti. B'mod partikolari, entità għandha tispjega l-ġudizzji, u l-bidliet fil-ġudizzji, użati fid-determinazzjoni ta' dawn it-tnejn:

(a)

iż-żmien tal-issodisfar tal-obbligi ta' prestazzjoni (ara l-paragrafi 124–125); u

(b)

il-prezz tat-tranżazzjoni u l-ammonti allokati għall-obbligi ta' prestazzjoni (ara l-paragrafu 126).

Id-determinazzjoni taż-żmien tal-issodisfar ta' obbligi ta' prestazzjoni

124.

Għal obbligi ta' prestazzjoni li entità tissodisfa maż-żmien, entità għandha tiżvela dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

il-metodi użati sabiex tirrikonoxxi d-dħul (pereżempju, deskrizzjoni tal-metodi ta' produzzjoni jew il-metodi ta' kontribut użati u kif jiġu applikati dawn il-metodi); u

(b)

spjegazzjoni ta' għalfejn il-metodi użati jagħtu stampa ċara tat-trasferiment tal-oġġetti jew servizzi.

125.

Għal obbligi ta' prestazzjoni ssodisfati f'xi mument fiż-żmien, entità għandha tiżvela l-ġudizzji sinifikanti magħmula fil-valutazzjoni ta' meta klijent jikseb il-kontroll ta' oġġetti jew servizzi mwiegħda.

Id-determinazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni u l-ammonti allokati għall-obbligi ta' prestazzjoni

126.

Entità għandha tiżvela informazzjoni dwar il-metodi, il-kontributi u s-suppożizzjonijiet użati għal dawn kollha li ġejjin:

(a)

id-determinazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni, li tinkludi, iżda mhijiex biss limitata għal, l-istima tal-korrispettiv varjabbli, l-aġġustament tal-korrispettiv għall-effetti tal-valur taż-żmien tal-flus u l-kejl tal-korrispettiv mhux fi flus;

(b)

il-valutazzjoni ta' jekk stima ta' korrispettiv varjabbli hijiex ristretta;

(c)

l-allokazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni, inkluża l-istima tal-prezzijiet tal-bejgħ awtonomi ta' oġġetti jew servizzi mwiegħda u l-allokazzjoni ta' skontijiet u korrispettiv varjabbli għal parti speċifika tal-kuntratt (jekk ikun japplika); u

(d)

il-kejl tal-obbligi għar-ritorn, għar-rifużjonijiet u obbligi oħrajn simili.

Assi rikonoxxuti mill-ispejjeż biex jinkiseb jew jitwettaq kuntratt ma' klijent

127.

Entità għandha tiddeskrivi dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

il-ġudizzji magħmula fid-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż imġarrba sabiex tikseb jew twettaq kuntratt ma' klijent (skont il-paragrafu 91 jew 95); u

(b)

il-metodu li tuża sabiex tiddetermina l-amortizzazzjoni għal kull perjodu ta' rapportar.

128.

Entità għandha tiżvela dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-bilanċi tal-għeluq ta' assi rikonoxxuti mill-ispejjeż imġarrba sabiex tikseb jew twettaq kuntratt ma' klijent (skont il-paragrafu 91 jew 95), skont il-kategorija ewlenija tal-assi (pereżempju, spejjeż sabiex tikseb kuntratti ma' klijenti, spejjeż ta' qabel il-kuntratt u spejjeż ta' twaqqif); u

(b)

l-ammont ta' amortizzazzjoni u kwalunkwe telf minn indeboliment rikonoxxut fil-perjodu ta' rapportar.

Espedjenti prattiċi

129.

Jekk entità tagħżel li tuża l-espedjent prattiku kemm fil-paragrafu 63 (dwar l-eżistenza ta' komponent sinifikanti ta' finanzjament) kif ukoll fil-paragrafu 94 (dwar l-ispejjeż inkrementali tal-kisba ta' kuntratt), l-entità għandha tiżvela dak il-fatt.

Appendiċi A

Termini mfissra

Din l-Appendiċi hi parti integrali mill-Istandard.

Kuntratt

Ftehim bejn żewġ partijiet jew aktar li joħloq drittijiet u obbligi infurzabbli.

assi kuntrattwali

Id-dritt ta' entità għall-korrispettiv bi skambju għal oġġetti jew servizzi li l-entità ttrasferiet lil klijent meta dak id-dritt ikun kkundizzjonat minn xi ħaġa oħra għajr il-mogħdija taż-żmien (pereżempju, il-prestazzjoni futura tal-entità).

obbligazzjoni kuntrattwali

L-obbligu ta' entità li tittrasferixxi oġġetti jew servizzi lil klijent li għalihom l-entità rċeviet korrispettiv (jew l-ammont li huwa dovut) mingħand il-klijent.

Klijent

Parti li għamlet kuntratt ma' entità sabiex tikseb oġġetti jew servizzi li huma prodott tal-attivitajiet ordinarji tal-entità bi skambju għal korrispettiv.

Introjtu

Żidiet fil-benefiċċji ekonomiċi waqt il-perjodu kontabilistiku fil-forma ta' influssi jew titjib fl-assi jew tnaqqis fl-obbligazzjonijiet li jirriżultaw f'żieda fl-ekwità, minbarra dawk relatati mal-kontribuzzjonijiet minn parteċipanti fl-ekwità.

obbligu ta' prestazzjoni

Wegħda f'kuntratt ma' klijent tat-trasferiment lill-klijent kemm ta':

(a)

oġġett jew servizz (jew pakkett ta' oġġetti jew servizzi) li huwa differenti; jew

(b)

sensiela ta' oġġetti jew servizzi differenti li huma sostanzjalment l-istess u li għandhom l-istess mudell ta' trasferiment lill-klijent.

Dħul

Introjtu li jirriżulta matul l-attivitajiet ordinarji ta' entità.

prezz tal-bejgħ awtonomu (ta' oġġett jew servizz)

Il-prezz li bih entità tbiegħ oġġett jew servizz imwiegħed b'mod separat lil klijent.

prezz tat-tranżazzjoni (għal kuntratt ma' klijent)

L-ammont ta' korrispettiv li entità tistenna li tkun intitolata għalih bi skambju għat-trasferiment ta' oġġetti jew servizzi mwiegħda lil klijent, minbarra l-ammonti miġbura f'isem partijiet terzi.

Appendiċi B

Gwida għall-Applikazzjoni

Din l-Appendiċi hi parti integrali mill-Istandard. Hija tiddeskrivi l-applikazzjoni tal-paragrafi 1–129 u għandha l-istess awtorità bħall-partijiet l-oħrajn tal-Istandard.

B1

Din il-gwida għall-applikazzjoni hija organizzata f'dawn il-kategoriji li ġejjin:

(a)

obbligi ta' prestazzjoni ssodisfati maż-żmien (il-paragrafi B2–B13);

(b)

metodi għall-kejl tal-progress lejn l-issodisfar sħiħ ta' obbligu ta' prestazzjoni (il-paragrafi B14–B19);

(c)

bejgħ bi dritt ta' ritorn (il-paragrafi B20–B27);

(d)

garanziji (il-paragrafi B28–B33);

(e)

korrispettivi prinċipali meta mqabbla ma' korrispettivi tal-aġent (il-paragrafi B34–B38);

(f)

l-għażliet tal-klijent għal oġġetti jew servizzi addizzjonali (il-paragrafi B39–B43);

(g)

drittijiet tal-klijenti mhux eżerċitati (il-paragrafi B44–B47);

(h)

miżati mħallsa bil-quddiem mhux rimborsabbli (u xi spejjeż relatati) (il-paragrafi B48–B51);

(i)

ħruġ ta' liċenzji (il-paragrafi B52–B63);

(j)

ftehimiet ta' riakkwist (il-paragrafi B64–B76);

(k)

l-arranġamenti tal-kunsinna (il-paragrafi B77–B78);

(l)

arranġamenti bill-and-hold (il-paragrafi B79–B82);

(m)

l-aċċettazzjoni tal-klijent (il-paragrafi B83–B86); u

(n)

l-iżvelar ta' dħul diżaggregat (il-paragrafi B87–B89).

Obbligi ta' prestazzjoni ssodisfati maż-żmien

B2

Skont il-paragrafu 35, obbligu ta' prestazzjoni jkun issodisfat maż-żmien jekk xi wieħed mill-kriterji li ġejjin ikun issodisfat:

(a)

il-klijent jirċievi u jikkonsma fl-istess waqt il-benefiċċji pprovduti mill-prestazzjoni tal-entità waqt li l-entità twettaq il-prestazzjoni tagħha (ara l-paragrafi B3–B4);

(b)

il-prestazzjoni tal-entità toħloq jew ittejjeb assi (pereżempju, xogħol li jkun għaddej) li l-klijent jikkontrolla waqt li l-assi jinħoloq jew jittejjeb (ara l-paragrafu B5); jew

(c)

il-prestazzjoni tal-entità ma toħloqx assi b'użu alternattiv għall-entità (ara l-paragrafi B6–B8) u l-entità għandha dritt infurzabbli għall-ħlas għal prestazzjoni kompluta sal-lum (ara l-paragrafi B9–B13).

Il-wasla u l-konsum simultanji tal-benefiċċji tal-prestazzjoni ta' entità (il-paragrafu 35(a))

B3

Għal ċerti tipi ta' obbligi ta' prestazzjoni, il-valutazzjoni ta' jekk klijent jirċevix il-benefiċċji tal-prestazzjoni ta' entità waqt li l-entità twettaq u fl-istess waqt li tikkonsma dawk il-benefiċċji waqt li tirċevihom għandha tkun sempliċi. Eżempji jinkludu servizzi ta' rutina jew servizzi rikorrenti (bħal servizz ta' tindif) fejn huwa faċli li wieħed jidentifika li l-klijent qiegħed jirċievi u fl-istess ħin qiegħed igawdi l-benefiċċji tal-prestazzjoni tal-entità.

B4

Għal tipi oħrajn ta' obbligi ta' prestazzjoni, entità tista' ssibha diffiċli li tidentifika faċilment jekk klijent huwiex jirċievi u jikkonsma fl-istess waqt il-benefiċċji tal-prestazzjoni tal-entità waqt li l-entità twettaq. F'dawk iċ-ċirkostanzi, obbligu ta' prestazzjoni huwa ssodisfat maż-żmien jekk entità tiddetermina li entità oħra ma jkollhiex għalfejn twettaq mill-ġdid ix-xogħol li l-entità tkun lestiet sa dak il-jum kieku dik l-entità l-oħra kellha tissodisfa l-bqija tal-obbligu ta' prestazzjoni lejn il-klijent. Meta tiddetermina jekk entità oħra ma jkollhiex għalfejn tagħmel sostanzjalment mill-ġdid ix-xogħol li l-entità tkun lestiet sa dak il-jum, entità għandha tagħmel dawn iż-żewġ suppożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tinjora r-restrizzjonijiet kuntrattwali potenzjali jew il-limitazzjonijiet prattiċi li nkella jipprevjenu lill-entità milli tittrasferixxi l-bqija tal-obbligu ta' prestazzjoni lil xi entità oħra; u

(b)

tassumi li entità oħra li tissodisfa l-bqija tal-obbligu ta' prestazzjoni ma jkollhiex il-benefiċċju ta' kwalunkwe assi li attwalment ikun ikkontrollat mill-entità u li jibqa' jkun ikkontrollat mill-entità kieku l-obbligu ta' prestazzjoni kellu jiġi ttrasferit lil xi entità oħra.

Il-klijent jikkontrolla l-assi waqt li qiegħed jinħoloq jew jittejjeb (il-paragrafu 35(b))

B5

Meta tiddetermina jekk klijent jikkontrollax assi waqt li qiegħed jinħoloq jew jittejjeb skont il-paragrafu 35(b), entità għandha tapplika r-rekwiżiti għall-kontroll fil-paragrafi 31–34 u 38. L-assi li qiegħed jinħoloq jew jittejjeb (pereżempju, assi ta' xogħol li għadu għaddej) jista' jkun kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli.

Il-prestazzjoni tal-entità ma toħloqx assi b'użu alternattiv (il-paragrafu 35(c))

B6

Meta tivvaluta jekk assi għandux użu alternattiv għal entità skont il-paragrafu 36, entità għandha tikkunsidra l-effetti ta' restrizzjonijiet kuntrattwali u limitazzjonijiet prattiċi fuq il-kapaċità tal-entità li tidderieġi faċilment dak l-assi lejn użu ieħor, bħall-bejgħ tiegħu lil klijent differenti. Il-possibbiltà li l-kuntratt mal-klijent jiġi tterminat mhijiex konsiderazzjoni rilevanti fil-valutazzjoni ta' jekk l-entità tkunx kapaċi li tidderieġi faċilment l-assi lejn użu ieħor.

B7

Restrizzjoni kuntrattwali fuq il-kapaċità ta' entità li tidderieġi assi lejn użu ieħor għandha tkun sostantiva biex l-assi ma jkollux użu alternattiv għall-entità. Restrizzjoni kuntrattwali tkun sostantiva jekk klijent ikun jista' jinforza d-drittijiet tiegħu għall-assi mwiegħed kieku l-entità tipprova tidderieġi l-assi lejn użu ieħor. Għall-kuntrarju, restrizzjoni kuntrattwali ma tkunx sostantiva jekk, pereżempju, assi jkun pjuttost interkambjabbli ma' assi oħrajn li l-entità tista' tittrasferixxi lil klijent ieħor mingħajr ma' tikser il-kuntratt u mingħajr ma ġġarrab spejjeż sinifikanti li ma kinitx iġġarrab mod ieħor b'rabta ma' dak il-kuntratt.

B8

Limitazzjoni prattika fuq il-kapaċità ta' entità li tidderieġi assi lejn użu ieħor teżisti jekk entità ġġarrab telf ekonomiku sinifikanti sabiex tidderieġi dak l-assi lejn użu ieħor. Telf ekonomiku sinifikanti jista' jinħoloq peress li l-entità jew iġġarrab spejjeż sinifikanti sabiex terġa' taħdem l-assi jew tkun tista' biss tbiegħ l-assi b'telf sinifikanti. Pereżempju, entità tista' tkun prattikament limitata milli tidderieġi mill-ġdid assi li jew għandhom speċifikazzjonijiet ta' disinn uniċi għal klijent jew jinsabu f'żoni mbiegħda.

Id-dritt għall-ħlas għall-prestazzjoni mwettqa sa dak il-jum (il-paragrafu 35(c))

B9

Skont il-paragrafu 37, entità għandha d-dritt għall-ħlas għal prestazzjoni lesta sa dak il-jum jekk l-entità tkun intitolata għal ammont li tal-anqas jikkumpensa lill-entità għall-prestazzjoni tagħha sa dak il-jum f'każ li l-klijent jew parti oħra tittermina l-kuntratt għal raġunijiet oħra għajr in-nuqqas tal-entità li twettaq kif imwiegħed. Ammont li jikkumpensa lil entità għal prestazzjoni lesta sa dak il-jum ikun ammont li joqrob lejn il-prezz tal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi ttrasferiti sa dak il-jum (pereżempju, l-irkupru tal-ispejjeż imġarrba minn entità fl-issodisfar tal-obbligu ta' prestazzjoni flimkien ma' marġni raġonevoli ta' qligħ) pjuttost milli kumpens biss għat-telf potenzjali ta' qligħ tal-entità jekk il-kuntratt kellu jiġi tterminat. Il-kumpens għal marġni raġonevoli ta' qligħ m'għandux għalfejn ikun daqs il-marġni ta' qligħ mistenni jekk il-kuntratt twettaq kif imwiegħed, iżda entità għandha tkun intitolata għal kumpens għal kwalunkwe wieħed mill-ammonti li ġejjin:

(a)

proporzjon tal-marġni ta' qligħ mistenni fil-kuntratt li raġonevolment jirrifletti l-firxa tal-prestazzjoni tal-entità taħt il-kuntratt qabel ma jiġi tterminat mill-klijent (jew parti oħra); jew

(b)

ritorn raġonevoli fuq l-ispiża ta' kapital tal-entità għal kuntratti simili (jew il-marġni operattiv tipiku tal-entità għal kuntratti simili) jekk il-marġni speċifiku tal-kuntratt ikun ogħla mir-ritorn li l-entità normalment tiġġenera minn kuntratti simili.

B10

Id-dritt ta' entità għall-ħlas għal prestazzjoni lesta sa dak il-jum m'għandux għalfejn ikun dritt mhux kondizzjonat preżenti għall-ħlas. F'bosta każijiet, entità jkollha dritt mhux kondizzjonat għall-ħlas biss fi stadju miftiehem jew meta l-obbligu ta' prestazzjoni jiġi ssodisfat għal kollox. Fil-valutazzjoni ta' jekk għandhiex dritt għal ħlas għal prestazzjoni mwettqa sa dak il-jum, entità għandha tikkunsidra jekk ikollhiex dritt infurzabbli li titlob jew iżżomm ħlas għal prestazzjoni mwettqa sa dak il-jum jekk il-kuntratt kellu jkun itterminat qabel jitlesta għal raġunijiet oħra għajr in-nuqqas tal-entità li twettaq kif imwiegħed.

B11

F'ċerti kuntratti, klijent jista' jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt biss fi żminijiet speċifiċi tul it-terminu tal-kuntratt jew il-klijent jista' ma jkollu l-ebda dritt li jittermina l-kuntratt. Jekk klijent jaġixxi sabiex jittermina kuntratt mingħajr ma jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt f'dak iż-żmien (inkluż meta klijent jonqos li jwettaq l-obbligi tiegħu kif imwiegħed), il-kuntratt (jew liġijiet oħrajn) jistgħu jintitolaw lill-entità tkompli tittrasferixxi lill-klijent l-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda fil-kuntratt u teżiġi li l-klijent iħallas il-korrispettiv imwiegħed bi skambju għal dawk l-oġġetti jew servizzi. F'dawk iċ-ċirkostanzi, entità għandha d-dritt li tħallas għall-prestazzjoni mwettqa sa dak il-jum peress li l-entità għandha d-dritt li tkompli twettaq l-obbligi tagħha skont il-kuntratt u li teżiġi li l-klijent iwettaq l-obbligi tiegħu (li jinkludu l-ħlas tal-korrispettiv imwiegħed).

B12

Fil-valutazzjoni tal-eżistenza u tal-infurzabbiltà ta' dritt għall-ħlas għall-prestazzjoni mwettqa sa dak il-jum, entità għandha tikkunsidra t-termini kuntrattwali kif ukoll kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra jew preċedent legali li jista' jissupplimenta jew jipprevali fuq dawk it-termini kuntrattwali. Din jinkludi valutazzjoni dwar jekk:

(a)

leġiżlazzjoni, prattika amministrattiva jew preċedent legali jagħtix lill-entità dritt għall-ħlas għal prestazzjoni sa dak il-jum anki jekk dak id-dritt ma jkunx speċifikat fil-kuntratt mal-klijent;

(b)

preċedent legali rilevanti jindikax li drittijiet simili għall-ħlas għal prestazzjoni mwettqa sa dak il-jum f'kuntratti simili m'għandhomx effett legali vinkolanti; jew

(c)

prattiki tan-negozju konswetudinarji tal-entità li ma tagħżilx li ma tinfurzax dritt għall-ħlas wasslux biex id-dritt isir mhux infurzabbli f'dak l-ambjent legali. Madankollu, minkejja li entità tista' tagħżel li tirrinunzja għad-dritt tagħha għall-ħlas f'kuntratti simili, entità jibqa' jkollha d-dritt għall-ħlas sa dak il-jum jekk, fil-kuntratt mal-klijent, id-dritt għall-ħlas għall-prestazzjoni sa dak il-jum jibqa' infurzabbli.

B13

L-iskeda ta' ħlas speċifikata f'kuntratt mhux neċessarjament tindika jekk entità għandhiex dritt infurzabbli għall-ħlas għall-prestazzjoni mwettqa sa dak il-jum. Għalkemm l-iskeda tal-ħlas f'kuntratt tispeċifika ż-żmien u l-ammont ta' korrispettiv li għandu jitħallas minn klijent, l-iskeda tal-ħlas mhux neċessarjament tipprovdi evidenza tad-dritt tal-entità għall-ħlas għall-prestazzjoni mwettqa sa dak il-jum. Dan għaliex, pereżempju, il-kuntratt jista' jispeċifika li l-korrispettiv irċevut mingħand il-klijent huwa rifondibbli għal raġunijiet oħra għajr li l-entità naqset li twettaq kif imwiegħed fil-kuntratt.

Metodi għall-kejl tal-progress lejn l-issodisfar sħiħ ta' obbligu ta' prestazzjoni

B14

Il-metodi li jistgħu jintużaw biex jitkejjel il-progress ta' entità lejn l-issodisfar sħiħ ta' obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat maż-żmien skont il-paragrafi 35–37 jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

metodi ta' produzzjoni (ara l-paragrafi B15–B17); u

(b)

metodi ta' kontribut (ara l-paragrafi B18–B19).

Metodi ta' produzzjoni

B15

Il-metodi ta' produzzjoni jirrikonoxxu d-dħul fuq il-bażi ta' kejl dirett tal-valur għall-klijent tal-oġġetti jew is-servizzi ttrasferiti sa dak il-jum relattiv għall-bqija tal-oġġetti jew servizzi mwiegħda taħt il-kuntratt. Metodi ta' produzzjoni jinkludu metodi bħal stħarriġ tal-prestazzjoni mwettqa sa dak il-jum, evalwazzjonijiet tar-riżultati miksuba, l-istadji milħuqa, it-tul ta' żmien li għadda u l-unitajiet prodotti jew l-unitajiet imwassla. Meta entità tivvaluta jekk tapplikax metodu ta' produzzjoni sabiex tkejjel il-progress tagħha, l-entità għandha tikkunsidra jekk il-produzzjoni magħżula turix b'mod affidabbli l-prestazzjoni tal-entità lejn l-issodisfar sħiħ tal-obbligu ta' prestazzjoni. Metodu ta' produzzjoni ma jipprovdix stampa affidabbli tal-prestazzjoni tal-entità jekk il-produzzjoni magħżula tonqos li tkejjel xi wħud mill-oġġetti jew is-servizz li l-kontroll ġie ttrasferit lill-klijent għalihom. Pereżempju, metodi ta' produzzjoni bbażati fuq l-unitajiet prodotti jew l-unitajiet imwassla ma jurux b'mod affidabbli l-prestazzjoni ta' entità fl-issodisfar ta' obbligu ta' prestazzjoni jekk, fit-tmiem tal-perjodu ta' rapportar, il-prestazzjoni tal-entità pproduċiet xogħol mhux lest jew oġġetti lesti kkontrollati mill-klijent li mhumiex inklużi fil-kejl tal-produzzjoni.

B16

Bħala espedjent prattiku, jekk entità għandha d-dritt għall-korrispettiv mingħand klijent f'ammont li jikkorrispondi direttament għall-valur għall-klijent tal-prestazzjoni tal-entità mwettqa sa dak il-jum (pereżempju, kuntratt ta' servizz li fih entità titlob ammont fiss għal kull siegħa ta' servizz ipprovdut), l-entità tista' tirrikonoxxi d-dħul fl-ammont li għalih l-entità għandha d-dritt li tiffattura.

B17

L-iżvantaġġi ta' metodi ta' produzzjoni huma li l-produzzjonijiet użati għall-kejl tal-progress jistgħu ma jkunux direttament osservabbli u l-informazzjoni meħtieġa biex tapplikahom tista' ma tkunx disponibbli għall-entità mingħajr spejjeż żejda. Għaldaqstant, jista' jkun meħtieġ metodu ta' kontribut.

Metodi ta' kontribut

B18

Metodi ta' kontribut jirrikonoxxu d-dħul fuq il-bażi tal-isforzi jew tal-kontributi ta' entità għall-issodisfar ta' obbligu ta' prestazzjoni (pereżempju, ir-riżorsi użati, is-sigħat ta' xogħol maħduma, l-ispejjeż imġarrba, kemm għadda żmien jew is-sigħat ta' magni użati) relattivi għat-total ta' kontributi mistennija għall-issodisfar ta' dak l-obbligu ta' prestazzjoni. Jekk l-isforzi jew il-kontributi tal-entità jsiru b'mod uniformi matul il-perjodu ta' prestazzjoni, jista' jkun xieraq għall-entità li tirrikonoxxi d-dħul fuq bażi lineari.

B19

Żvantaġġ tal-metodi ta' kontribut huwa li jista' ma jkunx hemm relazzjoni diretta bejn il-kontributi ta' entità u t-trasferiment tal-kontroll tal-oġġetti jew tas-servizzi lil klijent. Għaldaqstant, entità għandha teskludi minn metodu ta' kontribut l-effetti ta' kwalunkwe kontribut li, skont l-għan tal-kejl tal-progress fil-paragrafu 39, ma jurux il-prestazzjoni tal-entità fit-trasferiment tal-kontroll tal-oġġetti jew servizzi lill-klijent. Pereżempju, meta jintuża metodu ta' kontribut ibbażat fuq il-kost, jista' jkun meħtieġ aġġustament fil-kejl tal-progress fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

Meta spiża mġarrba ma tikkontribwixxix għall-progress ta' entità fl-issodisfar tal-obbligu ta' prestazzjoni. Pereżempju, entità ma tirrikonoxxix dħul abbażi tal-ispejjeż imġarrba attribwibbli għal nuqqas ta' effiċjenzi konsiderevoli fil-prestazzjoni tal-entità li ma kienx rifless fil-prezz tal-kuntratt (pereżempju, l-ispejjeż ta' ammonti mhux mistennija ta' materjal, xogħol jew riżorsi oħrajn moħlija li ntużaw biex jiġi ssodisfat l-obbligu ta' prestazzjoni).

(b)

Meta spiża mġarrba ma tkunx proporzjonata mal-progress tal-entità fl-issodisfar tal-obbligu ta' prestazzjoni. F'dawk iċ-ċirkostanzi, l-aħjar wirja tal-prestazzjoni tal-entità tista' tkun l-aġġustament tal-metodu ta' kontribut sabiex jirrikonoxxi d-dħul biss sal-limitu ta' dik l-ispiża mġarrba. Pereżempju, wirja affidabbli tal-prestazzjoni tal-entità tista' tkun ir-rikonoxximent tad-dħul f'ammont ugwali għan-nefqa ta' oġġett użat għall-issodisfar ta' obbligu ta' prestazzjoni jekk l-entità tistenna fil-bidu nett tal-kuntratt li dawn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ser ikunu ssodisfati:

(i)

l-oġġett mhuwiex differenti;

(ii)

il-klijent huwa mistenni li jikseb kontroll tal-oġġett b'mod sinifikanti qabel jirċievi servizzi relatati mal-oġġett;

(iii)

l-ispiża tal-oġġett trasferit hija sinifikanti meta mqabbla mal-ispejjeż totali mistennija biex ikun issodisfat għal kollox l-obbligu ta' prestazzjoni; u

(iv)

l-entità takkwista l-oġġett minn parti terza u mhijiex involuta b'mod sinifikanti fit-tfassil u fil-manifattura tal-oġġett (iżda l-entità qiegħda taġixxi bħala prinċipal skont il-paragrafi B34–B38).

Bejgħ bi dritt ta' ritorn

B20

F'xi kuntratti, entità tittrasferixxi l-kontroll ta' prodott lil klijent u tagħti wkoll lill-klijent id-dritt għar-ritorn tal-prodott lill-klijent għal diversi raġunijiet (bħan-nuqqas ta' ssodisfar bil-prodott) u li jirċievi taħlita ta' dawn li ġejjin:

(a)

rifużjoni sħiħa jew parzjali ta' kwalunkwe korrispettiv imħallas;

(b)

kreditu li jista' jiġi applikat għall-ammonti dovuti, jew li ser ikunu dovuti, lill-entità; u

(c)

tibdil ma' prodott ieħor.

B21

Biex tikkunsidra t-trasferiment ta' prodotti bi dritt ta' ritorn (u għal ċerti servizzi li huma pprovduti soġġett għal rifużjoni), entità għandha tirrikonoxxi dawn kollha li ġejjin:

(a)

id-dħul għall-prodotti trasferiti fl-ammont ta' korrispettiv li għalih l-entità tistenna li tkun intitolata (għaldaqstant, id-dħul ma jkunx rikonoxxut għall-prodotti mistennija li jiġu rritornati);

(b)

obbligazzjoni ta' rifużjoni; u

(c)

assi (u l-aġġustament korrispondenti fil-kost tal-bejgħ) għad-dritt tagħha li tirkupra prodotti mingħand klijenti meta ssolvi l-obbligazzjoni ta' rifużjoni.

B22

Il-wegħda ta' entità li tkun lesta li taċċetta prodott irritornat tul il-perjodu ta' ritorn m'għandhiex tkun ikkunsidrata bħala obbligu ta' prestazzjoni minbarra l-obbligu li tipprovdi rifużjoni.

B23

Entità għandha tapplika r-rekwiżiti fil-paragrafi 47–72 (inklużi r-rekwiżiti għal stimi restrittivi ta' korrispettiv varjabbli fil-paragrafi 56–58) sabiex tiddetermina l-ammont ta' korrispettiv li għalih l-entità tistenna li tkun intitolata (jiġifieri esklużi l-prodotti mistennija li jkunu rritornati). Għal kwalunkwe ammont irċevut (jew riċevibbli) li l-entità ma tistenniex li tkun intitolata għalih, l-entità m'għandhiex tirrikonoxxi dħul meta tittrasferixxi prodotti lil klijenti iżda għandha tirrikonoxxi dawk l-ammonti irċevuti (jew riċevibbli) bħala obbligazzjoni ta' rifużjoni. Sussegwentement, fi tmiem kull perjodu ta' rapportar, l-entità għandha taġġorna l-valutazzjoni tagħha tal-ammonti li tistenna li tkun intitolata għalihom bi skambju għall-prodotti ttrasferiti u tagħmel bidla korrispondenti fil-prezz tat-tranżazzjoni u, għaldaqstant, fl-ammont ta' dħul rikonoxxut.

B24

Entità għandha taġġorna l-kejl tal-obbligazzjoni ta' rifużjoni fi tmiem kull perjodu ta' rapportar għal bidliet fl-aspettattivi dwar l-ammont ta' rifużjonijiet. Entità għandha tirrikonoxxi l-aġġustamenti korrispondenti bħala dħul (jew tnaqqis fid-dħul).

B25

Assi rikonoxxut għad-dritt ta' entità li tirkupra prodotti mingħand klijent meta ssolvi obbligazzjoni ta' rifużjoni għandu għall-ewwel jitkejjel b'referenza għall-ammont riportat preċedenti tal-prodott (pereżempju, inventarju) nieqes kwalunkwe spiża mistennija biex jiġu rkuprati dawk il-prodotti (inkluż tnaqqis potenzjali fil-valur għall-entità tal-prodotti rritornati). Fi tmiem kull perjodu ta' rapportar, entità għandha taġġorna l-kejl tal-assi li jirriżulta mill-bidliet fl-aspettattivi dwar il-prodotti li għandhom jiġu rritornati. Entità għandha tippreżenta l-assi b'mod separat mill-obbligazzjoni ta' rifużjoni.

B26

Skambji mill-klijenti ta' prodott għal ieħor tal-istess tip, kwalità, kundizzjoni u prezz (pereżempju, kulur jew daqs minflok ieħor) mhumiex ikkunsidrati ritorn għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan l-Istandard.

B27

Kuntratti li fihom klijent jista' jirritorna prodott difettuż bi skambju għal prodott li jaħdem għandhom ikunu vvalutati skont il-gwida dwar il-garanziji fil-paragrafi B28–B33.

Garanziji

B28

Huwa komuni għal entità li tipprovdi (skont il-kuntratt, il-liġi jew il-prattiki konswetudinarji tan-negozju tal-entità) garanzija b'konnessjoni mal-bejgħ ta' prodott (kemm jekk oġġett kif ukoll jekk servizz). In-natura ta' garanzija tista' tvarja b'mod sinifikanti bejn industrija u oħra u kuntratt u ieħor. Ċerti garanziji jipprovdu lil klijent b'assigurazzjoni li l-prodott relatat ser jiffunzjona skont kif maħsub mill-partijiet peress li dan jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet miftiehma. Garanziji oħrajn jipprovdu lill-klijent b'servizz minbarra l-assigurazzjoni li l-prodott huwa konformi mal-ispeċifikazzjonijiet miftiehma.

B29

Jekk klijent għandu l-opzjoni li jixtri garanzija separata (pereżempju, peress li l-garanzija hija pprezzata jew innegozjata b'mod separat), il-garanzija hija servizz separat peress li l-entità twiegħed li tipprovdi s-servizz lill-klijent minbarra l-prodott li għandu l-funzjonalità deskritta fil-kuntratt. F'dawk iċ-ċirkostanzi, entità għandha tikkunsidra l-garanzija mwiegħda bħala obbligu ta' prestazzjoni skont il-paragrafi 22–30 u talloka porzjon tal-prezz tat-tranżazzjoni għal dak l-obbligu ta' prestazzjoni skont il-paragrafi 73–86.

B30

Jekk klijent m'għandux l-opzjoni li jixtri garanzija b'mod separat, entità għandha tikkunsidra l-garanzija skont l-IAS 37 Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti sakemm il-garanzija mwiegħda, jew parti mill-garanzija mwiegħda, tipprovdi lill-klijent b'servizz minbarra l-assigurazzjoni li l-prodott huwa konformi mal-ispeċifikazzjonijiet miftiehma.

B31

Fil-valutazzjoni ta' jekk garanzija tipprovdix lil klijent b'servizz minbarra l-assigurazzjoni li l-prodott huwa konformi mal-ispeċifikazzjonijiet miftiehma, entità għandha tikkunsidra fatturi bħal:

(a)

Jekk il-garanzija hijiex meħtieġa bil-liġi—jekk l-entità hija meħtieġa bil-liġi li tipprovdi garanzija, l-eżistenza ta' dik il-liġi tindika li l-garanzija mwiegħda mhijiex obbligu ta' prestazzjoni peress li tali rekwiżiti tipikament jeżistu sabiex jipproteġu lill-klijenti mir-riskju tax-xiri ta' prodotti difettużi.

(b)

It-tul tal-perjodu ta' kopertura tal-garanzija—aktar ma jkun twil il-perjodu ta' kopertura, aktar huwa probabbli li l-garanzija mwiegħda hija obbligu ta' prestazzjoni peress li huwa aktar probabbli li wieħed jipprovdi servizz minbarra l-assigurazzjoni li l-prodott huwa konformi mal-ispeċifikazzjonijiet miftiehma.

(c)

In-natura tal-kompiti li l-entità twiegħed li twettaq—jekk entità hija meħtieġa li twettaq kompiti speċifikati sabiex tipprovdi l-assigurazzjoni li prodott huwa konformi ma' speċifikazzjonijiet miftiehma (pereżempju, servizz ta' trasport bil-baħar għar-ritorn ta' prodott difettuż), allura dawk il-kompiti aktarx li ma joħolqux obbligu ta' prestazzjoni.

B32

Jekk garanzija, jew parti minn garanzija, tipprovdi lil klijent b'servizz minbarra l-assigurazzjoni li l-prodott huwa konformi mal-ispeċifikazzjonijiet miftiehma, is-servizz imwiegħed huwa obbligu ta' prestazzjoni. Għaldaqstant, entità għandha talloka l-prezz tat-tranżazzjoni lill-prodott u lis-servizz. Jekk entità twiegħed kemm garanzija tat-tip ta' assigurazzjoni u garanzija tat-tip ta' servizz iżda ma tistax b'mod raġonevoli tikkunsidrahom b'mod separat, l-entità għandha tikkunsidra ż-żewġ garanziji flimkien bħala obbligu ta' prestazzjoni wieħed.

B33

Liġi li teżiġi li entità tħallas kumpens jekk il-prodotti tagħha jikkawżaw ħsara jew dannu ma toħloqx obbligu ta' prestazzjoni. Pereżempju, manifattur jista' jbiegħ prodotti f'ġurisdizzjoni li fiha l-liġi żżomm lill-manifattur responsabbli għal kwalunkwe dannu (pereżempju, għall-proprjetà personali) li jista' jkun ikkawżat meta klijent juża prodott għall-iskop maħsub tiegħu. Bl-istess mod, il-wegħda ta' entità li tindennizza lill-klijent għar-responsabbiltajiet u d-danni li jirriżultaw minn pretensjonijiet ta' ksur ta' privattivi, drittijiet tal-awtur, marki kummerċjali jew ksur ieħor mill-prodotti tal-entità ma toħloqx obbligu ta' prestazzjoni. L-entità għandha tikkunsidra tali obbligi skont l-IAS 37.

Korrispettivi prinċipali meta mqabbla ma' dawk tal-aġent

B34

Meta parti oħra tkun involuta fil-provvediment ta' oġġetti jew servizzi lil klijent, l-entità għandha tiddetermina jekk in-natura tal-wegħda tagħha hijiex obbligu ta' prestazzjoni li tipprovdi l-oġġetti jew is-servizzi speċifiċi hija stess (jiġifieri l-entità hija prinċipal) jew li tirranġa għall-parti l-oħra li tipprovdi dawk l-oġġetti jew servizzi (jiġifieri l-entità hija aġent).

B35

Entità hija prinċipal jekk l-entità tikkontrolla oġġett jew servizz imwiegħed qabel l-entità tittrasferixxi l-oġġett jew is-servizz lil klijent. Madankollu, entità ma tkunx qiegħda taġixxi neċessarjament bħala prinċipal jekk l-entità tikseb titolu legali ta' prodott għal ftit biss qabel it-titolu legali jiġi ttrasferit lill-klijent. Entità li tkun prinċipal f'kuntratt tista' tissodisfa obbligu ta' prestazzjoni waħedha jew tista' tqabbad parti oħra (pereżempju, sottokuntrattur) sabiex tissodisfa xi ftit mill-obbligu ta' prestazzjoni jew l-obbligu kollu f'isimha. Meta entità li tkun prinċipal tissodisfa obbligu ta' prestazzjoni, l-entità tirrikonoxxi d-dħul fl-ammont gross tal-korrispettiv li tistenna li tkun intitolata għalih għal dawk l-oġġetti jew servizzi trasferiti.

B36

Entità tkun aġent jekk l-obbligu ta' prestazzjoni tal-entità jkun li tirranġa għall-provvediment ta' oġġetti jew servizzi minn parti oħra. Meta entità li hija aġent tissodisfa obbligu ta' prestazzjoni, l-entità tirrikonoxxi d-dħul fl-ammont ta' kwalunkwe miżata jew kummissjoni li hija tistenna li tkun intitolata għaliha bi skambju għal li tirranġa biex il-parti l-oħra tipprovdi l-oġġetti jew is-servizzi tagħha. Il-miżata jew kummissjoni ta' entità tista' tkun l-ammont nett ta' korrispettiv li l-entità żżomm wara li tkun ħallset lill-parti l-oħra l-korrispettiv irċevut bi skambju għall-oġġetti jew is-servizzi li għandhom ikunu pprovduti minn dik il-parti.

B37

L-indikaturi li entità hija aġent (u għaldaqstant ma tikkontrollax l-oġġett jew is-servizz qabel ma jkun ipprovdut lil klijent) jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

parti oħra hija responsabbli b'mod ewlieni għat-twettiq tal-kuntratt;

(b)

l-entità m'għandhiex riskju ta' inventarju qabel jew wara li l-oġġetti ġew ordnati minn klijent, waqt it-tbaħħir jew meta jiġu rritornati lura;

(c)

l-entità m'għandhiex diskrezzjoni fl-istabbiliment tal-prezzijiet għall-oġġetti jew is-servizzi tal-parti l-oħra u, għalhekk, il-benefiċċju li l-entità tista' tirċievi minn dawk l-oġġetti jew servizzi huwa limitat;

(d)

il-korrispettiv tal-entità huwa fil-forma ta' kummissjoni; u

(e)

l-entità mhijiex esposta għal riskju ta' kreditu għall-ammont riċevibbli mingħand klijent bi skambju għall-oġġetti jew għas-servizzi tal-parti l-oħra.

B38

Jekk entità oħra tassumi l-obbligi ta' prestazzjoni u d-drittijiet kuntrattwali fil-kuntratt tal-entità b'mod li l-entità ma tibqax obbligata li tissodisfa l-obbligu ta' prestazzjoni li tittrasferixxi l-oġġett jew is-servizz imwiegħed lill-klijent (jiġifieri l-entità ma għadhiex taġixxi bħala prinċipal), l-entità m'għandhiex tirrikonoxxi dħul għal dak l-obbligu ta' prestazzjoni. Minflok, l-entità għandha tivvaluta jekk tirrikonoxxix dħul għall-issodisfar ta' obbligu ta' prestazzjoni sabiex tikseb kuntratt għall-parti l-oħra (jiġifieri jekk l-entità hijiex taġixxi bħala aġent).

L-għażliet tal-klijent għal oġġetti jew servizzi addizzjonali

B39

L-għażliet tal-klijenti li jakkwistaw oġġetti jew servizzi addizzjonali bla ħlas jew bi skont jiġu f'diversi forom, fosthom inċentivi ta' bejgħ, krediti (jew punti) ppremjati lill-klijent, għażliet ta' tiġdid tal-kuntratt jew skontijiet oħrajn fuq oġġetti jew servizzi futuri.

B40

Jekk, f'kuntratt, entità tagħti lil klijent għażla li jakkwista oġġetti jew servizzi addizzjonali, dik l-għażla toħloq obbligu ta' prestazzjoni fil-kuntratt biss jekk l-għażla tagħti dritt materjali lill-klijent li ma jirċevix kieku ma jidħolx għal dak il-kuntratt (pereżempju, skont li huwa inkrementali għall-firxa ta' skontijiet tipikament mogħtija għal dawk l-oġġetti jew servizzi lil dik il-klassi ta' klijent f'dik iż-żona ġeografika jew suq). Jekk l-għażla tagħti dritt materjali lill-klijent, il-klijent fil-fatt iħallas bil-quddiem għal oġġetti jew servizzi futuri u l-entità tirrikonoxxi dħul meta dawk l-oġġetti jew servizzi futuri jiġu trasferiti jew meta l-għażla tiskadi.

B41

Jekk klijent ikollu l-għażla li jakkwista oġġett jew servizz addizzjonali bi prezz li jirrifletti l-prezz tal-bejgħ awtonomu għal dak l-oġġett jew servizz, dik l-għażla ma tagħtix lill-klijent dritt materjali anki jekk l-għażla tista' tiġi eżerċitata biss bid-dħul f'kuntratt preċedenti. F'dawk il-każijiet, l-entità għamlet offerta kummerċjali li għandha tikkunsidra skont dan l-Istandard biss meta l-klijent jeżerċita l-għażla li jixtri l-oġġetti jew is-servizzi addizzjonali.

B42

Il-paragrafu 74 jeħtieġ li entità talloka l-prezz tat-tranżazzjoni lill-obbligi ta' prestazzjoni fuq bażi relattiva ta' prezz tal-bejgħ awtonomu. Jekk il-prezz tal-bejgħ awtonomu għall-għażla ta' klijent li jakkwista oġġetti jew servizzi addizzjonali ma jkunx direttament osservabbli, entità għandha tistmah. Dik l-istima għandha tirrifletti l-iskont li l-klijent jikseb meta jeżerċita l-għażla, aġġustat għal dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe skont li l-klijent jista' jirċievi mingħajr ma jeżerċita l-għażla; u

(b)

il-probabbiltà li l-għażla ser tiġi eżerċitata.

B43

Jekk klijent għandu dritt materjali li jakkwista oġġetti jew servizzi futuri u dawk l-oġġetti jew servizzi huma simili għall-oġġetti jew is-servizzi oriġinali fil-kuntratt u jiġu pprovduti skont it-termini tal-kuntratt oriġinali, allura entità tista', bħala alternattiva prattika għall-istima tal-prezz tal-bejgħ awtonomu tal-għażla, talloka l-prezz tat-tranżazzjoni għall-oġġetti jew is-servizzi fakultattivi b'referenza għall-oġġetti jew is-servizzi mistennija li jingħataw u l-korrispettiv mistenni korrispondenti. Normalment, dawk it-tipi ta' għażliet jingħataw għat-tiġdid tal-kuntratti.

Drittijiet tal-klijenti mhux eżerċitati

B44

Skont il-paragrafu 106, malli tirċievi ħlas bil-quddiem mingħand klijent, entità għandha tirrikonoxxi obbligazzjoni kuntrattwali fl-ammont tal-ħlas bil-quddiem għall-obbligu ta' prestazzjoni tagħha li tittrasferixxi, jew li tkun lesta biex tittrasferixxi, oġġetti jew servizzi fil-futur. Entità għandha tirtira r-rikonoxximent ta' dik l-obbligazzjoni kuntrattwali (u tirrikonoxxi dħul) meta tittrasferixxi dawk l-oġġetti jew is-servizzi u, għaldaqstant, tissodisfa l-obbligu ta' prestazzjoni tagħha.

B45

Il-ħlas bil-quddiem mhux rimborsabbli ta' klijent lil entità jagħti lill-klijent id-dritt li jirċievi oġġett jew servizz fil-futur (u jobbliga lill-entità li tkun lesta sabiex tittrasferixxi oġġett jew servizz). Madankollu, il-klijenti jistgħu ma jeżerċitawx id-drittijiet kuntrattwali kollha tagħhom. Dawk id-drittijiet mhux eżerċitati spiss jissejħu ksur.

B46

Jekk entità tistenna li tkun intitolata għal ammont ta' ksur f'obbligazzjoni kuntrattwali, l-entità għandha tirrikonoxxi l-ammont ta' ksur mistenni bħala dħul bi proporzjon mat-tendenza tad-drittijiet eżerċitati mill-klijent. Jekk entità ma tistenniex li tkun intitolata għal ammont ta' ksur, l-entità għandha tirrikonoxxi l-ksur mistenni bħala dħul meta l-probabbiltà li l-klijent jeżerċita l-bqija tad-drittijiet tiegħu ssir remota. Biex tiddetermina jekk entità tistenniex li tkun intitolata għal ammont ta' ksur, l-entità għandha tikkunsidra r-rekwiżiti fil-paragrafi 56–58 dwar l-estimi restrittivi ta' korrispettiv varjabbli.

B47

Entità għandha tirrikonoxxi bħala obbligazzjoni (u mhux dħul) għal kwalunkwe korrispettiv irċevut li huwa attribwibbli għad-drittijiet mhux eżerċitati ta' klijent li għalih entità hija meħtieġa tagħti lil parti oħra, pereżempju, entità governattiva skont il-liġijiet applikabbli dwar il-proprjetà mhux mitluba.

Miżati bil-quddiem mhux rimborsabbli (u xi spejjeż relatati)

B48

F'ċerti kuntratti, entità titlob lill-klijent miżata bil-quddiem mhux rimborsabbli mat-tnedija tal-kuntratt jew qribha. Xi eżempji jinkludu miżati għas-sħubija f'kuntratti ta' klabbs tas-saħħa, miżati ta' attivazzjoni fil-kuntratti tat-telekomunikazzjoni, miżati ta' installazzjoni f'ċerti kuntratti ta' servizzi u miżati inizjali f'ċerti kuntratti ta' forniment.

B49

Biex tidentifika obbligi ta' prestazzjoni f'kuntratti bħal dawn, entità għandha tivvaluta jekk il-miżata hijiex relatata mat-trasferiment ta' oġġetti jew servizz imwiegħed. F'bosta każijiet, anki jekk miżata bil-quddiem mhux rimborsabbli tkun relatata ma' attività li l-entità hija meħtieġa li twettaq fil-bidu tal-kuntratt jew qribu sabiex tissodisfa l-kuntratt, dik l-attività ma tirriżultax fit-trasferiment ta' oġġett jew servizz imwiegħed lill-klijent (ara l-paragrafu 25). Minflok, il-miżata bil-quddiem hija ħlas bil-quddiem għal oġġetti jew servizzi futuri u, għaldaqstant, tkun rikonoxxuta bħala dħul meta jingħataw dawk l-oġġetti jew servizzi futuri. Il-perjodu ta' rikonoxximent tad-dħul jestendi lil hinn mill-perjodu kuntrattwali inizjali jekk l-entità tagħti lill-klijent l-għażla li jġedded il-kuntratt u dik l-għażla tagħti lill-klijent dritt materjali kif deskritt fil-paragrafu B40.

B50

Jekk il-miżata bil-quddiem mhux rimborsabbli hija relatata ma' oġġett jew servizz, l-entità għandha tivvaluta jekk sabiex tikkunsidra l-oġġett jew is-servizz bħala obbligu ta' prestazzjoni separat skont il-paragrafi 22–30.

B51

Entità tista' titlob parti minn miżata mhux rimborsabbli bħala kumpens għall-ispejjeż imġarrba fl-istabbiliment ta' kuntratt (jew kompiti amministrattivi oħrajn kif deskritti fil-paragrafu 25). Jekk dawk l-attivitajiet ta' stabbiliment ma jissodisfawx obbligu ta' prestazzjoni, l-entità għandha tinjora dawk l-attivitajiet (u l-ispejjeż relatati) meta tkejjel il-progress skont il-paragrafu B19. Dan għaliex l-ispejjeż ta' attivitajiet ta' stabbiliment ma jurux it-trasferiment tas-servizzi lill-klijent. L-entità għandha tivvaluta jekk l-ispejjeż imġarrba fl-istabbiliment ta' kuntratt irriżultawx f'assi li għandu jkun rikonoxxut skont il-paragrafu 95.

Ħruġ ta' liċenzji

B52

Liċenzja tistabbilixxi d-drittijiet ta' klijent għall-proprjetà intellettwali ta' entità. Il-liċenzji ta' proprjetà intellettwali jistgħu jinkludu, iżda mhumiex biss limitati għal, kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

softwer u teknoloġija;

(b)

films, mużika u forom oħrajn ta' midja u divertiment;

(c)

frankiġji; u

(d)

privattivi, marki kummerċjali u drittijiet tal-awtur.

B53

Minbarra wegħda li tagħti liċenzja lil klijent, entità tista' wkoll twiegħed li tittrasferixxi oġġetti jew servizzi oħrajn lill-klijent. Dawk il-wegħdiet jistgħu jkunu ddikjarati b'mod espliċitu fil-kuntratt jew implikati mill-prattiki tan-negozju konswetudinarji, politiki ppubblikati jew dikjarazzjonijiet speċifiċi ta' entità (ara l-paragrafu 24). Bħal fil-każ ta' tipi oħrajn ta' kuntratti, meta kuntratt ma' klijent jinkludi wegħda li tingħata liċenzja minbarra oġġetti jew servizzi mwiegħda oħrajn, entità għandha tapplika l-paragrafi 22–30 sabiex tidentifika kull obbligu ta' prestazzjoni fil-kuntratt.

B54

Jekk il-wegħda li tingħata liċenzja mhijiex separata minn oġġetti jew servizzi mwiegħda oħrajn fil-kuntratt skont il-paragrafi 26–30, entità għandha tikkunsidra l-wegħda li tagħti liċenzja u dawk l-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda l-oħrajn flimkien bħala obbligu ta' prestazzjoni wieħed. Eżempji ta' liċenzji li mhumiex separati minn oġġetti jew servizzi oħrajn imwiegħda fil-kuntratt jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

liċenzja li tifforma komponent ta' oġġett tanġibbli u li hija integrali għall-funzjonalità tal-oġġett; u

(b)

liċenzja li l-klijent jista' jibbenefika minnha biss flimkien ma' servizz relatat (bħal servizz online ipprovdut mill-entità li jippermetti, bl-għoti ta' liċenzja, lill-klijent jaċċessa kontenut).

B55

Jekk il-liċenzja ma tkunx separata, entità għandha tapplika l-paragrafi 31–38 sabiex tiddetermina jekk l-obbligu ta' prestazzjoni (li jinkludi l-liċenzja mwiegħda) huwiex obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat maż-żmien jew issodisfat f'punt speċifiku taż-żmien.

B56

Jekk il-wegħda li tingħata liċenzja hija separata mill-oġġetti jew is-servizzi l-oħrajn imwiegħda fil-kuntratt u, allura, il-wegħda li tingħata l-liċenzja hija obbligu ta' prestazzjoni separata, entità għandha tiddetermina jekk il-liċenzja tittrasferixxix lil klijent f'punt partikolari taż-żmien jew maż-żmien. Meta tkun qiegħda tiddetermina dan, entità għandha tikkunsidra jekk in-natura tal-wegħda tal-entità tal-għoti tal-liċenzja lil klijent hijiex li tipprovdi lill-klijent jew:

(a)

dritt għall-aċċess għall-proprjetà intellettwali tal-entità kif teżisti matul il-perjodu kollu tal-liċenzja; jew

(b)

dritt li juża l-proprjetà intellettwali tal-entità kif teżisti fil-punt taż-żmien li fih tingħata l-liċenzja.

Id-determinazzjoni tan-natura tal-wegħda tal-entità

B57

Biex tiddetermina jekk il-wegħda ta' entità li tagħti liċenzja tagħtix lill-klijent jew id-dritt li jaċċessal-proprjetà intellettwali ta' entità jew id-dritt li juża l-proprjetà intellettwali ta' entità, entità għandha tikkunsidra jekk il-klijent jistax jidderieġi l-użu ta' liċenzja, u jikseb sostanzjalment il-bqija tal-benefiċċji kollha li jifdal minnha, fil-punt taż-żmien li fih il-liċenzja tingħata. Klijent ma jistax jidderieġi l-użu ta' liċenzja, u jikseb sostanzjalment il-bqija tal-benefiċċji kollha li jifdal minnha, fil-punt taż-żmien li fih il-liċenzja tingħata jekk il-proprjetà intellettwali li għalih il-klijent għandu dritt tinbidel tul il-perjodu tal-liċenzja. Il-proprjetà intellettwali tinbidel (u b'hekk taffettwa l-valutazzjoni tal-entità ta' meta l-klijent jikkontrolla l-liċenzja) meta l-entità tkompli tkun involuta fil-proprjetà intellettwali tagħha u l-entità tagħmel attivitajiet li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-proprjetà intellettwali li l-klijent għandu dritt għaliha. F'dawn il-każijiet, il-liċenzja tagħti lill-klijent dritt li jaċċessal-proprjetà intellettwali tal-entità (ara l-paragrafu B58). Għall-kuntrarju, klijent jista' jidderieġi l-użu tal-liċenzja, u jikseb sostanzjalment il-bqija tal-benefiċċji kollha li jifdal minnha, fil-punt taż-żmien li fih il-liċenzja tingħata jekk il-proprjetà intellettwali li għaliha l-klijent għandu dritt ma tinbidilx (ara l-paragrafu B61). F'dawk il-każijiet, kwalunkwe attività li titwettaq mill-entità tibdel sempliċement l-assi tagħha stess (jiġifieri l-proprjetà intellettwali sottostanti), li tista' taffettwa l-kapaċità tal-entità li tagħti liċenzji futuri; madankollu, dawk l-attivitajiet ma jaffettwawx id-determinazzjoni ta' x'tagħti l-liċenzja jew x'jikkontrolla l-klijent.

B58

In-natura tal-wegħda ta' entità fl-għoti ta' liċenzja hija wegħda li tipprovdi dritt għall-aċċess għall-proprjetà intellettwali tal-entità jekk dawn il-kriterji kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

il-kuntratt jeħtieġ, jew il-klijent raġonevolment jistenna, li l-entità ser twettaq attivitajiet li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-proprjetà intellettwali li l-klijent għandu dritt għaliha (ara l-paragrafu B59);

(b)

id-drittijiet mogħtija mil-liċenzja jesponu direttament lill-klijent għal kwalunkwe effett pożittiv jew negattiv tal-attivitajiet tal-entità identifikat fil-paragrafu B58(a); u

(c)

dawk l-attivitajiet ma jirriżultawx fit-trasferiment ta' oġġett jew servizz lill-klijent waqt li jkunu qegħdin iseħħu dawk l-attivitajiet (ara l-paragrafu 25).

B59

Fatturi li jistgħu jindikaw li klijent jista' raġonevolment jistenna li entità ser twettaq attivitajiet li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-proprjetà intellettwali jinkludu l-prattiki ta' negozju konswetudinarji, il-politiki ppubblikati jew dikjarazzjonijiet speċifiċi tal-entità. Għalkemm mhux determinanti, l-eżistenza ta' interess ekonomiku kondiviż (pereżempju, dritt tal-awtur ibbażat fuq il-bejgħ) bejn l-entità u l-klijent relatat mal-proprjetà intellettwali li għaliha l-klijent għandu dritt tista' wkoll tindika li l-klijent jista' raġonevolment jistenna li entità ser twettaq dawn l-attivitajiet.

B60

Jekk il-kriterji fil-paragrafu B58 ikunu ssodisfati, entità għandha tikkunsidra l-wegħda li tagħti liċenzja bħala obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat maż-żmien peress li l-klijent ser jirċievi u jikkonsma fl-istess ħin il-benefiċċju mill-prestazzjoni tal-entità li tipprovdi aċċess għall-proprjetà intellettwali tagħha waqt li sseħħ il-prestazzjoni (ara l-paragrafu 35(a)). Entità għandha tapplika l-paragrafi 39–45 sabiex tagħżel metodu xieraq biex tkejjel il-progress tagħha lejn l-issodisfar sħiħ ta' dak l-obbligu ta' prestazzjoni li tipprovdi aċċess.

B61

Jekk il-kriterji fil-paragrafu B58 ma jkunux issodisfati, in-natura tal-wegħda ta' entità hija li tipprovdi dritt li wieħed juża l-proprjetà intellettwali tal-entità waqt li dik il-proprjetà intellettwali tkun teżisti (f'termini ta' forma u funzjonalità) fil-punt taż-żmien li fih il-liċenzja tingħata lill-klijent. Dan ifisser li l-klijent jista' jidderieġi l-użu tal-liċenzja, u jikseb sostanzjalment il-bqija tal-benefiċċji kollha li jifdal minnha, fil-punt taż-żmien li fiha tiġi trasferita l-liċenzja. Entità għandha tikkunsidra l-wegħda li tagħti dritt għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-entità bħala obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat f'punt taż-żmien. Entità għandha tapplika l-paragrafu 38 sabiex tiddetermina l-punt fiż-żmien li fih il-liċenzja tiġi trasferita lill-klijent. Madankollu, ma jistax jiġi rikonoxxut dħul għal liċenzja li tagħti dritt li tintuża l-proprjetà intellettwali tal-entità qabel il-bidu tal-perjodu li fih il-klijent jista' juża u jgawdi l-liċenzja. Pereżempju, jekk perjodu ta' liċenzja ta' softwer jibda qabel entità tipprovdi (jew tagħmel disponibbli mod ieħor) lill-klijent kodiċi li jippermetti lill-klijent li juża minnufih is-softwer, l-entità ma tirrikonoxxix dħul qabel dak il-kodiċi jkun ingħata (jew magħmul disponibbli mod ieħor).

B62

Entità għandha tinjora l-fatturi li ġejjin meta tiddetermina jekk liċenzja tagħtix dritt għall-aċċess għall-proprjetà intellettwali tal-entità jew dritt għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-entità:

(a)

Restrizzjonijiet ta' żmien, reġjun jew użu ġeografiku — dawk ir-restrizzjonijiet jiddefinixxu l-attributi tal-liċenzja mwiegħda, aktar milli jiddefinixxu jekk l-entità tissodisfax l-obbligu ta' prestazzjoni tagħha f'punt taż-żmien jew maż-żmien.

(b)

Garanziji pprovduti mill-entità li għandha privattiv validu għall-proprjetà intellettwali u li ser tħares dak il-privattiv minn użu mhux awtorizzat—wegħda ta' ħarsien ta' dritt ta' privattiv mhijiex obbligu ta' prestazzjoni peress li l-azzjoni ta' ħarsien ta' privattiv tipproteġi l-valur tal-assi ta' proprjetà intellettwali tal-entità u tagħti assigurazzjoni lill-klijent li l-liċenzja trasferita tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-liċenzja mwiegħda fil-kuntratt.

Drittijiet tal-awtur ibbażati fuq il-bejgħ jew fuq l-użu

B63

Minkejja r-rekwiżiti fil-paragrafi 56–59, entità għandha tirrikonoxxi dħul għal dritt tal-awtur ibbażat fuq il-bejgħ jew fuq l-użu mwiegħed bi skambju għal liċenzja ta' proprjetà intellettwali biss meta (jew waqt li) jseħħ l-aħħar wieħed minn dawn l-avvenimenti li ġejjin:

(a)

il-bejgħ jew l-użu sussegwenti; u

(b)

l-obbligu ta' prestazzjoni li d-dritt tal-awtur ibbażat fuq il-bejgħ jew l-użu kollu jew parti minnu ikun ġie allokat għalih, ġie ssodisfat (jew parzjalment issodisfat).

Ftehimiet ta' riakkwist

B64

Ftehim ta' riakkwist huwa kuntratt li fih entità tbiegħ assi u twiegħed ukoll jew għandha l-opzjoni (kemm fl-istess kuntratt jew f'kuntratt ieħor) li terġa' takkwista l-assi. L-assi riakkwistat jista' jkun l-assi li oriġinarjament inbiegħ lill-klijent, assi li huwa sostanzjalment l-istess bħal dak l-assi, jew assi ieħor li l-assi li nbiegħ oriġinarjament huwa komponent tiegħu.

B65

Il-ftehimiet ta' riakkwist ġeneralment jiġu fi tliet forom:

(a)

l-obbligu ta' entità li tirriakkwista l-assi (forward);

(b)

id-dritt ta' entità li takkwista mill-ġdid l-assi (opzjoni eżerċitabbli); u

(c)

l-obbligu ta' entità li takkwista mill-ġdid l-assi fuq talba tal-klijent (opzjoni put).

Forward jew opzjoni eżerċitabbli

B66

Jekk entità jkollha obbligu jew dritt li takkwista mill-ġdid l-assi (forward jew opzjoni eżerċitabbli), klijent ma jiksibx il-kontroll tal-assi peress li l-klijent huwa limitat fil-kapaċità tiegħu li jidderieġi l-użu tal-assi u li jikseb sostanzjalment il-bqija tal-benefiċċji kollha li jifdal minnu, anki jekk il-klijent jista' jkun fil-pussess fiżiku tal-assi. Għaldaqstant, l-entità għandha tikkunsidra l-kuntratt bħala kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

kirja skont l-IAS 17 Kirjiet jekk l-entità tista' jew ikollha takkwista mill-ġdid l-assi għal ammont li huwa anqas mill-prezz tal-bejgħ oriġinali tal-assi; jew

(b)

arranġament ta' finanzjament skont il-paragrafu B68 jekk l-entità tista' jew ikollha takkwista mill-ġdid l-assi għal ammont li huwa ugwali għall-prezz tal-bejgħ oriġinali tal-assi jew ogħla.

B67

Meta tqabbel il-prezz tar-riakkwist mal-prezz tal-bejgħ, entità għandha tikkunsidra l-valur fuq iż-żmien tal-flus.

B68

Jekk il-ftehim tar-riakkwist huwa arranġament ta' finanzjament, l-entità għandha tkompli tirrikonoxxi l-assi u tirrikonoxxi wkoll obbligazzjoni finanzjarja għal kwalunkwe korrispettiv irċevut mingħand il-klijent. L-entità għandha tirrikonoxxi d-differenza bejn l-ammont ta' korrispettiv irċevut mingħand il-klijent u l-ammont ta' korrispettiv li għandu jitħallas lill-klijent bħala imgħax u, jekk japplikaw, bħala spejjeż tal-ipproċessar jew ta' depożitu (pereżempju, assigurazzjoni).

B69

Jekk l-opzjoni tiskadi u ma tkunx ġiet eżerċitata, entità għandha tirtira r-rikonoxximent tal-obbligazzjoni u tirrikonoxxi dħul.

Opzjoni put

B70

Jekk entità għandha obbligu li takkwista mill-ġdid l-assi fuq talba tal-klijent (opzjoni put) bi prezz li huwa aktar baxx mill-prezz tal-bejgħ oriġinali tal-assi, l-entità għandha tikkunsidra fil-bidu nett tal-kuntratt jekk il-klijent għandux inċentiv ekonomiku sinifikanti sabiex jeżerċita dak id-dritt. Jekk klijent jeżerċita dak id-dritt il-klijent ikun effettivament qiegħed iħallas korrispettiv lill-entità għad-dritt li juża assi speċifikat għal perjodu ta' żmien. Għaldaqstant, jekk il-klijent għandu inċentiv ekonomiku sinifikanti sabiex jeżerċita dak id-dritt, l-entità għandha tikkunsidra l-ftehim bħala kirja skont l-IAS 17.

B71

Biex tiddetermina jekk klijent għandux inċentiv ekonomiku sinifikanti sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu, entità għandha tikkunsidra diversi fatturi, inkluża r-relazzjoni tal-prezz tar-riakkwist mal-valur tas-suq mistenni tal-assi fid-data tar-riakkwist u l-ammont ta' żmien sakemm jiskadi d-dritt. Pereżempju, jekk il-prezz tar-riakkwist huwa mistenni li jaqbeż b'mod sinifikanti l-valur tas-suq tal-assi, dan jista' jindika li l-klijent għandu inċentiv ekonomiku sinifikanti sabiex jeżerċita l-opzjoni put.

B72

Jekk il-klijent ma jkollux inċentiv ekonomiku sinifikanti sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu fi prezz li huwa aktar baxx mill-prezz tal-bejgħ oriġinali tal-assi, l-entità għandha tikkunsidra l-ftehim bħallikieku kien il-bejgħ ta' prodott bid-dritt tar-ritorn kif deskritt fil-paragrafi B20–B27.

B73

Jekk il-prezz tar-riakkwist tal-assi jkun daqs il-prezz tal-bejgħ oriġinali jew ogħla minnu u jkun ogħla mill-valur tas-suq mistenni tal-assi, il-kuntratt ikun effettivament arranġament ta' finanzjament u, allura, għandu jiġi kkunsidrat kif deskritt fil-paragrafu B68.

B74

Jekk il-prezz tar-riakkwist tal-assi jkun daqs il-prezz tal-bejgħ oriġinali jew ogħla minnu u jkun anqas mill-valur tas-suq mistenni tal-assi jew daqsu, u l-klijent ma jkollux inċentiv ekonomiku sinifikanti sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu, allura l-entità għandha tikkunsidra l-ftehim bħallikieku jkun il-bejgħ ta' prodott bid-dritt tar-ritorn kif deskritt fil-paragrafi B20–B27.

B75

Meta tqabbel il-prezz tar-riakkwist mal-prezz tal-bejgħ, entità għandha tikkunsidra l-valur taż-żmien tal-flus.

B76

Jekk l-opzjoni tiskadi mingħajr ma tiġi eżerċitata, entità għandha tirtira r-rikonoxximent tal-obbligazzjoni u tirrikonoxxi dħul.

Arranġamenti ta' kunsinna

B77

Meta entità twassal prodott lil parti oħra (bħal negozjant jew distributur) għall-bejgħ lill-klijenti aħħarin, l-entità għandha tivvaluta jekk il-parti l-oħra kisbitx il-kontroll tal-prodott f'dak il-punt taż-żmien. Prodott li jkun twassal lil parti oħra jista' jinżamm f'arranġament ta' kunsinna jekk dik il-parti l-oħra ma tkunx kisbet kontroll tal-prodott. Għaldaqstant, entità m'għandhiex tirrikonoxxi dħul mat-twassil ta' prodott lil parti oħra jekk il-prodott imwassal jinżamm mal-kunsinna.

B78

L-indikaturi li arranġament huwa arranġament ta' kunsinna jinkludu, iżda mhumiex biss limitati għal dawn li ġejjin:

(a)

il-prodott huwa kkontrollat mill-entità sakemm iseħħ avveniment speċifikat, bħall-bejgħ tal-prodott lil klijent tan-negozjant jew sakemm jiskadi perjodu speċifikat;

(b)

l-entità tista' titlob ir-ritorn tal-prodott jew tittrasferixxi l-prodott lil xi parti terza (bħal negozjant ieħor); u

(c)

in-negozjant m'għandux obbligu mhux kondizzjonat li jħallas għall-prodott (għalkemm jista' jkun meħtieġ iħallas xi depożitu).

Arranġamenti bill-and-hold

B79

Arranġament bill-and-hold huwa kuntratt li taħtu entità tiffattura klijent għal prodott iżda l-entità tibqa' fil-pussess fiżiku tal-prodott sakemm dan jiġi trasferit lill-klijent f'punt taż-żmien futur. Pereżempju, klijent jista' jitlob lil entità tidħol f'kuntratt bħal dan minħabba n-nuqqas ta' spazju disponibbli li għandu l-klijent għall-prodott jew minħabba dewmien fl-iskedi ta' produzzjoni tal-klijent.

B80

Entità għandha tiddetermina meta tkun issodisfat l-obbligu ta' prestazzjoni tagħha li tittrasferixxi prodott billi tivvaluta meta klijent jikseb il-kontroll ta' dak il-prodott (ara l-paragrafu 38). Fil-każ ta' ċerti kuntratti, il-kontroll ikun trasferit jew meta l-prodott jitwassal għand il-klijent jew meta l-prodott jiġi ttrasportat, skont it-termini tal-kuntratt (inklużi t-termini ta' kunsinna u ta' tbaħħir). Madankollu, fil-każ ta' ċerti kuntratti, klijent jista' jikseb il-kontroll ta' prodott anki jekk dak il-prodott jibqa' fil-pussess fiżiku ta' entità. F'dak il-każ, il-klijent jista' jidderieġi l-użu tal-prodott, u jikseb sostanzjalment il-benefiċċji kollha li jifdal minnu, anki jekk jiddeċiedi li ma jeżerċitax id-dritt tiegħu li jieħu pussess fiżiku ta' dak il-prodott. Għaldaqstant, l-entità ma tikkontrollax il-prodott. Minflok, l-entità tipprovdi servizzi ta' kustodja lill-klijent tal-assi tal-klijent.

B81

Minbarra li jridu jiġu applikati r-rekwiżiti fil-paragrafu 38, biex klijent jikseb kontroll ta' prodott f'arranġament bill-and-hold, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

ir-raġuni għall-arranġament bill-and-hold trid tkun sostantiva (pereżempju, il-klijent talab l-arranġament);

(b)

il-prodott irid ikun identifikat b'mod separat bħala li jappartjeni għall-klijent;

(c)

il-prodott attwalment irid ikun lest għat-trasferiment fiżiku lill-klijent; u

(d)

l-entità ma jistax ikollha l-kapaċità li tuża l-prodott jew li tidderiġieh lil klijent ieħor.

B82

Jekk entità tirrikonoxxi dħul għall-bejgħ ta' prodott fuq bażi ta' bill-and-hold, l-entità għandha tikkunsidra jekk għadx fadlilha obbligi ta' prestazzjoni (pereżempju, għal servizzi ta' kustodja) skont il-paragrafi 22–30 li l-entità għandha talloka porzjon għalihom tal-prezz tat-tranżazzjoni skont il-paragrafi 73–86.

L-aċċettazzjoni tal-klijent

B83

Skont il-paragrafu 38(e), l-aċċettazzjoni ta' klijent ta' assi tista' tindika li l-klijent kiseb kontroll fuq l-assi. Il-klawżoli dwar l-aċċettazzjoni tal-klijent jippermettu lil klijent li jikkanċella jew li jitlob lil entità tieħu azzjoni ta' rimedju jekk oġġett jew servizz ma jkunx jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma. Entità għandha tikkunsidra tali klawżoli meta tivvaluta meta klijent jikseb il-kontroll ta' oġġett jew servizz.

B84

Jekk entità tista' oġġettivament tiddetermina li l-kontroll ta' oġġett jew servizz ġie trasferit lill-klijent skont l-ispeċifikazzjonijiet miftiehma fil-kuntratt, allura l-aċċettazzjoni tal-klijent hija formalità li ma taffettwax id-determinazzjoni tal-entità ta' meta l-klijent kiseb kontroll tal-oġġett jew is-servizz. Pereżempju, jekk il-klawżola dwar l-aċċettazzjoni tal-klijent hija bbażata fuq l-issodisfar ta' karatteristiċi speċifiċi ta' daqs u piż, entità tkun tista' tiddetermina jekk dawk il-kriterji ġewx issodisfati qabel ma tirċievi konferma tal-aċċettazzjoni tal-klijent. L-esperjenza tal-entità fil-kuntratti għal oġġetti jew servizzi simili tista' tipprovdi evidenza li oġġett jew servizz ipprovdut lill-klijent huwa konformi mal-ispeċifikazzjonijiet miftiehma fil-kuntratt. Jekk id-dħul ikun rikonoxxut qabel l-aċċettazzjoni tal-klijent, l-entità xorta waħda trid tikkunsidra jekk għadx fadal xi obbligi ta' prestazzjoni (pereżempju, l-installazzjoni ta' tagħmir) u tivvaluta jekk għandhiex tikkunsidrahom separatament.

B85

Madankollu, jekk entità ma tkunx tista' oġġettivament tiddetermina li l-oġġett jew is-servizz ipprovdut lill-klijent huwa konformi mal-ispeċifikazzjonijiet miftiehma fil-kuntratt, allura l-entità ma tkunx tista' tikkonkludi li l-klijent kiseb kontroll sakemm l-entità ma tirċevix l-aċċettazzjoni tal-klijent. Dan għaliex f'dik iċ-ċirkostanza l-entità ma tistax tiddetermina li l-klijent għandu l-kapaċità li jidderieġi l-użu tal-oġġett jew tas-servizz u jikseb sostanzjalment il-bqija tal-benefiċċji kollha li jifdal minnu.

B86

Jekk entità twassal prodotti lil klijent għal skopijiet ta' prova jew valutazzjoni u l-klijent mhuwiex marbut li jħallas xi korrispettiv sakemm jiskadi l-perjodu ta' prova, il-kontroll tal-prodott ma jiġix trasferit lill-klijent jew qabel ma l-klijent jaċċetta l-prodott jew qabel ma jiskadi l-perjodu ta' prova.

L-iżvelar ta' dħul diżaggregat

B87

Il-paragrafu 114 jitlob li entità tiddiżagrega dħul minn kuntratti ma' klijenti f'kategoriji li juru kif in-natura, l-ammont, il-ħin u l-inċertezza ta' dħul u flussi ta' flus huma affettwati minn fatturi ekonomiċi. Għaldaqstant, il-punt sa fejn id-dħul ta' entità jiġi diżaggregat għall-finijiet ta' dan l-iżvelar jiddependi fuq il-fatti u ċ-ċirkostanzi relatati mal-kuntratti tal-entità mal-klijenti. Ċerti entitajiet jistgħu jkollhom bżonn jużaw aktar minn tip wieħed ta' kategorija sabiex jissodisfaw l-għan fil-paragrafu 114 għal dħul diżaggregat. Entitajiet oħrajn jistgħu jissodisfaw l-għan billi jużaw tip wieħed ta' kategorija sabiex jiddiżagregaw id-dħul.

B88

Meta tagħżel dan it-tip ta' kategorija (jew kategoriji) sabiex tuża d-dħul diżaggregat, entità għandha tikkunsidra kif l-informazzjoni dwar id-dħul tal-entità ġiet ippreżentata għal finijiet oħrajn, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(a)

żvelar ippreżentat barra r-rapporti finanzjarji (pereżempju, fi stqarrijiet dwar il-qligħ, rapporti annwali jew preżentazzjonijiet lill-investituri);

(b)

informazzjoni riveduta b'mod regolari mill-kap li jiddeċiedi dwar l-operat għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni finanzjarja ta' segmenti operattivi; u

(c)

informazzjoni oħra li hija simili għat-tipi ta' informazzjoni identifikati fil-paragrafu B88(a) u (b) u li tintuża mill-entità jew mill-utenti tar-rapporti finanzjarji tal-entità sabiex jivvalutaw il-prestazzjoni finanzjarja tal-entità jew jieħdu deċiżjonijiet ta' allokazzjoni ta' riżorsi.

B89

Eżempji ta' kategoriji li jistgħu jkunu xierqa jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, dawn kollha li ġejjin:

(a)

it-tip ta' oġġett jew servizz (pereżempju, linji ta' prodotti ewlenin);

(b)

ir-reġjun ġeografiku (pereżempju, il-pajjiż jew ir-reġjun);

(c)

is-suq jew it-tip ta' klijent (pereżempju, klijenti governattivi u mhux governattivi);

(d)

it-tip ta' kuntratt (pereżempju, kuntratti ta' prezz fiss u kuntratti ta' ħin u materjal);

(e)

it-tul tal-kuntratt (pereżempju, kuntratti fuq żmien qasir u kuntratti fit-tul);

(f)

il-ħin tat-trasferiment tal-oġġetti jew tas-servizzi (pereżempju, dħul minn oġġetti jew servizzi trasferiti lil klijenti f'punt ta' żmien u dħul minn oġġetti jew servizzi trasferiti maż-żmien); u

(g)

il-mezzi ta' bejgħ (pereżempju, oġġetti mibjugħin direttament lill-konsumaturi u oġġetti mibjugħin permezz ta' xi intermedjarju).

Appendiċi C

Data effettiva u tranżizzjoni

Din l-Appendiċi hija parti integrali mill-Istandard u għandha l-istess awtorità bħall-partijiet l-oħrajn tal-Istandard.

DATA EFFETTIVA

C1

Entità għandha tapplika dan l-Istandard għall-perjodi ta' rapportar annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar kmieni. Jekk entità tapplika dan l-Istandard aktar kmieni, għandha tiżvela dan il-fatt.

TRANŻIZZJONI

C2

Għall-finijiet tar-rekwiżiti ta' tranżizzjoni fil-paragrafi C3–C8:

(a)

id-data tal-ewwel applikazzjoni hija l-bidu tal-perjodu ta' rapportar li fih entità tapplika dan l-Istandard għall-ewwel darba; u

(b)

kuntratt komplut huwa kuntratt li għalih l-entità ttrasferiet l-oġġetti jew is-servizzi kollha identifikati skont l-IAS 11 Kuntratti ta' Kostruzzjoni, l-IAS 18 Dħul u l-Interpretazzjonijiet relatati.

C3

Entità għandha tapplika dan l-Istandard billi tuża wieħed miż-żewġ metodi li ġejjin:

(a)

b'mod retrospettiv għal kull perjodu ta' rapportar preċedenti ppreżentat skont l-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji, soġġett għall-espedjenti fil-paragrafu C5; jew

(b)

b'mod retrospettiv bl-effett kumulattiv tal-applikazzjoni mill-bidu ta' dan l-Istandard rikonoxxut fid-data tal-ewwel applikazzjoni skont il-paragrafi C7–C8.

C4

Minkejja r-rekwiżiti tal-paragrafu 28 tal-IAS 8, meta dan l-Istandard jiġi applikat għall-ewwel darba, entità hija meħtieġa tippreżenta biss l-informazzjoni kwantitattiva meħtieġa fil-paragrafu 28(f) tal-IAS 8 għall-perjodu annwali li jiġi minnufih qabel l-ewwel perjodu annwali li għalih jiġi applikat dan l-Istandard (il-“perjodu li jiġi minnufih qabel”) u biss jekk l-entità tapplika dan l-Istandard b'mod retrospettiv skont il-paragrafu C3(a). Entità tista' wkoll tippreżenta din l-informazzjoni għall-perjodu attwali jew għal perjodi komparattivi aktar qabel, iżda mhix meħtieġa tagħmel hekk.

C5

Entità tista' tuża espedjent wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin meta tapplika dan l-Istandard b'mod retrospettiv skont il-paragrafu C3(a):

(a)

għall-kuntratti kompluti, entità m'għandhiex għalfejn tirrapporta mill-ġdid kuntratti li jibdew u jispiċċaw fl-istess perjodu ta' rapportar annwali;

(b)

għall-kuntratti kompluti li għandhom korrispettiv varjabbli, entità tista' tuża l-prezz tat-tranżazzjoni fid-data li sar il-kuntratt minflok tistma ammonti ta' korrispettiv varjabbli fil-perjodi ta' rapportar komparattiv; u

(c)

għall-perjodi kollha ta' rapportar ippreżentati qabel id-data tal-ewwel applikazzjoni, entità m'għandhiex għalfejn tiżvela l-ammont tal-prezz tat-tranżazzjoni allokat lill-bqija tal-obbligi ta' prestazzjoni u spjegazzjoni ta' meta l-entità tistenna li tirrikonoxxi dak l-ammont bħala dħul (ara l-paragrafu 120).

C6

Għal kwalunkwe wieħed mill-espedjenti prattiċi fil-paragrafu C5 li entità tuża, l-entità għandha tapplika dak l-espedjent b'mod konsistenti għall-kuntratti kollha fil-perjodi kollha ta' rapportar ippreżentati. Barra minn hekk, l-entità għandha tiżvela l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-espedjenti li ntużaw; u

(b)

sa fejn ikun raġonevolment possibbli, valutazzjoni kwalitattiva tal-effett stmat tal-applikazzjoni ta' kull wieħed minn dawk l-espedjenti.

C7

Jekk entità tagħżel li tapplika dan l-Istandard b'mod retrospettiv skont il-paragrafu C3(b), l-entità għandha tirrikonoxxi l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni inizjali ta' dan l-Istandard bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ tal-qligħ imfaddal (jew komponent ieħor ta' ekwità, kif xieraq) tal-perjodu ta' rapportar annwali li jinkludi d-data tal-ewwel applikazzjoni. Taħt dan il-metodu ta' tranżizzjoni, entità għandha tapplika dan l-Istandard b'mod retrospettiv biss għal kuntratti li mhumiex kuntratti kompluti fid-data tal-ewwel applikazzjoni (pereżempju, l-1 ta' Jannar 2018 għal entità bi tmiem is-sena jkun il-31 ta' Diċembru).

C8

Għall-perjodi ta' rapportar li jinkludu d-data tal-ewwel applikazzjoni, entità għandha tiżvela dawn it-tnejn li ġejjin jekk dan l-istandard jiġi applikat b'mod retrospettiv skont il-paragrafu C3(b):

(a)

l-ammont li bih kull partita tad-dikjarazzjoni finanzjarja hija affettwata fil-perjodu ta' rapportar kurrenti permezz tal-applikazzjoni ta' dan l-Istandard meta mqabbel mal-IAS 11, l-IAS 18 u l-Interpretazzjonijiet relatati li kienu fis-seħħ qabel il-bidla; u

(b)

spjegazzjoni tar-raġunijiet għal bidliet sinifikanti identifikati f'C8(a).

Referenzi għall-IFRS 9

C9

Jekk entità tapplika dan l-Istandard iżda għadha ma tapplikax l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji, kwalunkwe referenza f'dan l-Istandard għall-IFRS 9 għandha tinqara bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

IRTIRAR TA' STANDARDS OĦRAJN

C10

Dan l-Istandard jissostitwixxi dawn l-Istandards li ġejjin:

(a)

IAS 11 Kuntratti ta' Kostruzzjoni;

(b)

IAS 18 Dħul;

(c)

IFRIC 13 Programmi ta' Lealtà tal-Klijent;

(d)

IFRIC 15 Ftehimiet għall-Kostruzzjoni ta' Proprjetà Immobbli;

(e)

IFRIC 18 Trasferimenti ta' Assi mill-Klijenti; u

(f)

SIC-31 Dħul—Tranżazzjonijiet ta' Tpartit li Jinvolvu Servizzi ta' Reklamar.

Appendiċi D

Emendi għal Standards oħrajn

Din l-Appendiċi tiddeskrivi l-emendi għal Standards oħrajn li l-IASB għamel meta ffinalizza l-IFRS 15.

Din it-tabella turi kif ir-referenzi li ġejjin ġew emendati fi Standards oħrajn.

Referenza eżistenti għal

tinsab fi

f'

hija emendata għal referenza għal

IAS 18 Dħul jew IAS 18

IFRS 4

Il-paragrafi 4(a) u (c), B18(h)

IFRS 15 Dħul minn Kuntratti minn Klijenti jew IFRS 15

IAS 16

Il-paragrafu 68 A

IAS 39

Il-paragrafu AG2

IAS 40

Il-paragrafu 3(b)

IAS 11 Kuntratti ta' Kostruzzjoni jew IAS 11

SIC-32

Il-paragrafu 6

IFRS 1 Adozzjoni għall-Ewwel Darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju

Jiżdied il-paragrafu 39X.

DATA EFFETTIVA

39X

IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, ħassar il-paragrafu D24 u intestatura relatata tiegħu u żied il-paragrafi D34–D35 u l-intestatura relatata tagħhom. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

Fl-Appendiċi D, jiżdiedu l-paragrafi D34–D35 u l-intestatura relatata tagħhom.

Dħul

D34

Min jadottahom għall-ewwel darba jista' japplika d-dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni fil-paragrafu C5 tal-IFRS 15. F'dawk il-paragrafi r-referenzi għad-“data tal-ewwel applikazzjoni” għandhom jiġu interpretati bħala l-bidu tal-ewwel perjodu ta' rapportar tal-IFRS. Jekk min jadottahom għall-ewwel darba jiddeċiedi li japplika dawk id-dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni, dan għandu japplika wkoll il-paragrafu C6 tal-IFRS 15.

D35

Min jadottahom għall-ewwel darba mhux meħtieġ li jirrapporta mill-ġdid il-kuntratti li kienu kompluti qabel l-aktar perjodu kmieni ppreżentat. Kuntratt komplut huwa kuntratt li għalih l-entità ttrasferiet l-oġġetti jew is-servizzi kollha identifikati skont il-GAAP ta' qabel.

IFRS 3 Kombinamenti ta' Operazzjonijiet

Il-paragrafu 56 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 64K.

Obbligazzjonijiet kontinġenti

56.

Wara r-rikonoxximent inizjali u sakemm l-obbligazzjoni tiġi saldata, ikkanċellata jew tiskadi, l-akkwirent għandu jkejjel obbligazzjoni kontinġenti rikonoxxuta f'kombinament ta' operazzjonijiet bħala l-ogħla minn:

(a)

l-ammont li jkun rikonoxxut skont l-IAS 37; u

(b)

l-ammont inizjalment rikonoxxut nieqes, jekk ikun xieraq, l-ammont kumulattiv ta' dħul rikonoxxut skont il-prinċipji tal-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-kuntratti li l-kontabbiltà tagħhom issir b'konformità mal-IAS 39.

Data effettiva

64K

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafu 56. Entità għandha tapplika dik l-emenda meta tapplika l-IFRS 15.

L-IFRS 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni

Jiżdied il-paragrafu 41G.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

41G

IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafi 4(a) u (c), B7, B18(h), B21. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

Fl-Appendiċi B, huma emendati l-paragrafi B7 u B21.

Paġamenti mhux fi flus

B7

L-applikazzjoni tal-IFRS għal kuntratti deskritti fil-paragrafu B6 x'aktarx ma tkunx aktar impenjattiva mill-applikazzjoni tal-Istandards ta' IFRS li jkunu applikabbli jekk kuntratti bħal dawn ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-IFRS:

(a)

(b)

Jekk japplika l-IFRS 15, il-fornitur tas-servizz jirrikonoxxi d-dħul meta (jew waqt li) huwa jittrasferixxi s-servizzi lill-klijent (soġġett għal kriterji oħrajn speċifikati). Dak l-approċċ hu aċċettat ukoll taħt dan l-IFRS, li jippermetti l-fornitur tas-servizzi (i) biex ikompli bil-politika ta' kontabbiltà tiegħu għal dawn il-kuntratti ħlief meta jinvolvu prattiċi projbiti mill-paragrafu 14 u (ii) biex itejjeb il-politika ta' kontabbiltà tiegħu jekk permess hekk mill-paragrafi 22–30.

(c)

Eżempju ta' kuntratti tal-assigurazzjoni

B21

Jekk il-kuntratti deskritti fil-paragrafu B19 ma joħolqux assi finanzjarji jew obbligazzjonijiet finanzjarji, japplika l-IFRS 15. Skont l-IFRS 15, id-dħul huwa rikonoxxut meta (jew waqt li) entità tissodisfa obbligu ta' prestazzjoni billi tittrasferixxi oġġett jew servizz imwiegħed lil klijent f'ammont li jirrifletti l-korrispettiv li l-entità tistenna li tkun intitolata għalih.

L-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji (Novembru 2009)

Il-paragrafi 3.1.1, 5.1.1 u 5.4.5 huma emendati u jiżdiedu l-paragrafi 5.1.2, 5.4.1 A u 8.1.5.

3.1   RIKONOXXIMENT INIZJALI TA' ASSI FINANZJARJI

3.1.1.

Entità għandha tirrikonoxxi assi finanzjarju fid-dikjarazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha meta, u biss meta, l-entità ssir parti għad-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-istrument (ara l-paragrafi AG34 u AG35 tal-IAS 39). Meta entità tirrikonoxxi għall-ewwel darba assi finanzjarju, hija għandha tikklassifikah skont il-paragrafi 4.1–4.5 u tkejlu skont il-paragrafi 5.1.1-5.1.2.

5.1   KEJL INIZJALI

5.1.1.

Ħlief fil-każ ta' riċevibbli tan-negozju li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 5.1.2, fir-rikonoxximent inizjali, entità għandha tkejjel assi finanzjarju fil-valur ġust tiegħu flimkien ma', fil-każ ta' assi finanzjarju mhux fil-valur ġust permezz tal-profitt u t-telf, l-ispejjeż ta' tranżazzjoni li huma direttament attribwibbli lill-akkwist tal-assi finanzjarju.

5.1.2.

Minkejja r-rekwiżit fil-paragrafu 5.1.1, fir-rikonoxximent inizjali, entità għandha tkejjel ir-riċevibbli tan-negozju li m'għandhomx komponent ta' finanzjament sinifikanti (iddeterminat skont l-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti) fil-prezz tat-tranżazzjoni tagħhom (kif definit fl-IFRS 15).

5.4   QLIGĦ U TELF

5.4.1 A

Id-dividendi jiġu rikonoxxuti fil-qligħ u t-telf biss meta:

(a)

ikun stabbilit id-dritt tal-entità li tirċievi l-ħlas tad-dividend;

(b)

huwa probabbli li l-benefiċċji ekonomiċi assoċjati mad-dividend ser jgħaddu għand l-entità; u

(c)

l-ammont tad-dividend jista' jitkejjel b'mod affidabbli.

Investimenti fi strumenti azzjonarji

5.4.5.

Jekk entità tagħmel l-għażla fil-paragrafu 5.4.4, hija għandha tirrikonoxxi fil-profitti u t-telf dividendi minn dak l-investiment skont il-paragrafu 5.4.1 A.

8.1   DATA EFFETTIVA

8.1.5.

L-IFRS 15 IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafi 3.1.1, 5.1.1, 5.4.5 u B5.12 u ħassar il-paragrafu C16 u l-intestatura relatata miegħu. Żdiedu l-paragrafi 5.1.2 u 5.4.1 A, u definizzjoni għall-Appendiċi A. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

Fl-Appendiċi A, żdiedet definizzjoni.

dividendi

Distribuzzjonijiet ta' profitti lid-detenturi ta' strumenti azzjonarji bi proporzjon mal-parteċipazzjonijiet tagħhom fi klassi partikolari ta' kapital.

Fl-Appendiċi B, il-paragrafu B5.12 huwa emendat.

Qligħ u telf

B5.12

Il-paragrafu 5.4.4 jippermetti lil entità tagħmel għażla irrevokabbli li tippreżenta bidliet oħrajn fid-dħul komprensiv fil-valur ġust ta' investiment fi strument azzjonarju li mhux miżmum għall-kummerċ. Din l-għażla ssir fuq bażi ta' strument bi strument (jiġifieri sehem b'sehem). L-ammonti ppreżentati fi dħul komprensiv ieħor m'għandhomx jiġu trasferiti sussegwentement għall-profitt jew it-telf. Madankollu, l-entità tista' tittrasferixxi l-qligħ jew it-telf kumulattiv fl-ekwità. Id-dividendi fuq tali investimenti huma rikonoxxuti fil-qligħ jew it-telf skont il-paragrafu 5.4.5 sakemm id-dividend ma jkunx jirrappreżenta b'mod ċar irkupru ta' parti mill-ispiża tal-investiment.

Fl-Appendiċi C, il-paragrafu C16 u l-intestatura relatata tiegħu huma mħassra.

L-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji (Ottubru 2010)

Il-paragrafi 3.1.1, 4.2.1, 5.1.1, 5.2.1 u 5.7.6 huma emendati u żdiedu l-paragrafi 5.1.3, 5.7.1 A u 7.1.4.

3.1   RIKONOXXIMENT INIZJALI

3.1.1.

Entità għandha tirrikonoxxi assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja fid-dikjarazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha meta, u biss meta, l-entità ssir parti għad-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-istrument (ara l-paragrafi B3.1.1 u B3.1.2). Meta entità tirrikonoxxi għall-ewwel darba assi finanzjarju, hija għandha tikklassifikah skont il-paragrafi 4.1.1–4.1.5 u tkejlu skont il-paragrafi 5.1.1–5.1.3. Meta entità tirrikonoxxi għall-ewwel darba obbligazzjoni finanzjarja, hija għandha tikklassifikaha skont il-paragrafi 4.2.1 u 4.2.2 u tkejjilha skont il-paragrafu 5.1.1.

4.2   IL-KLASSIFIKAZZJONI TA' OBBLIGAZZJONIJIET FINANZJARJI

4.2.1.

Entità għandha tikklassifika l-obbligazzjonijiet finanzjarji kollha kif imkejla sussegwentement fil-prezz amortizzat permezz tal-metodu ta' imgħax effettiv, ħlief fil-każ ta':

(a)

(c)

kuntratti ta' garanzija finanzjarja kif definiti fl-Appendiċi A. Wara r-rikonoxximent inizjali, l-emittent ta' tali kuntratt għandu (sakemm ma japplikax il-paragrafu 4.2.1(a) jew (b)) ikejlu sussegwentement fl-ogħla minn:

(i)

l-ammont iddeterminat skont l-IAS 37 Dispożizzjonijiet, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti u

(ii)

l-ammont rikonoxxut inizjalment (ara l-paragrafu 5.1.1) nieqes, fejn xieraq, l-ammont kumulattiv ta' dħul rikonoxxut skont il-prinċipji tal-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti.

(d)

impenji ta' għoti ta' self b'rata tal-imgħax tas-suq baxxa. Wara r-rikonoxximent inizjali, emittent ta' tali impenn għandu (sakemm ma japplikax il-paragrafu 4.2.1(a)) ikejlu sussegwentement fl-ogħla minn:

(i)

l-ammont iddeterminat skont l-IAS 37 u

(ii)

l-ammont rikonoxxut inizjalment (ara l-paragrafu 5.1.1) nieqes, fejn xieraq, l-ammont kumulattiv ta' dħul rikonoxxut skont il-prinċipji tal-IFRS 15.

(e)

5.1   KEJL INIZJALI

5.1.1.

Ħlief fil-każ ta' riċevibbli tan-negozju li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 5.1.3, fir-rikonoxximent inizjali, entità għandha tkejjel assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja fil-valur ġust tiegħu flimkien ma' jew nieqes, fil-każ ta' assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja mhux fil-valur ġust permezz tal-profitt u t-telf, l-ispejjeż ta' tranżazzjoni li huma direttament attribwibbli lill-akkwist jew il-ħruġ tal-assi finanzjarju jew tal-obbligazzjoni finanzjarja.

5.1.3.

Minkejja r-rekwiżit fil-paragrafu 5.1.1, fir-rikonoxximent inizjali, entità għandha tkejjel ir-riċevibbli tan-negozju li m'għandhomx komponent ta' finanzjament sinifikanti (iddeterminat skont l-IFRS 15) fil-prezz tat-tranżazzjoni tagħhom (kif definit fl-IFRS 15).

5.2   KEJL SUSSEGWENTI TA' ASSI FINANZJARJI

5.2.1.

Wara r-rikonoxximent inizjali, entità għandha tkejjel assi finanzjarju skont il-paragrafi 4.1.1–4.1.5 fil-valur ġust jew fil-prezz amortizzat (ara l-paragrafi 9 u AG5–AG8C tal-IAS 39).

5.7   QLIGĦ U TELF

5.7.1 A

Id-dividendi jiġu rikonoxxuti fil-qligħ u t-telf biss meta:

(a)

ikun stabbilit id-dritt tal-entità li tirċievi l-ħlas tad-dividend;

(b)

huwa probabbli li l-benefiċċji ekonomiċi assoċjati mad-dividend ser jgħaddu għand l-entità; u

(c)

l-ammont tad-dividend jista' jitkejjel b'mod affidabbli.

Investimenti fi strumenti azzjonarji

5.7.6.

Jekk entità tagħmel l-għażla fil-paragrafu 5.7.5, hija għandha tirrikonoxxi fil-qligħ jew fit-telf dividendi minn dak l-investiment skont il-paragrafu 5.7.1 A.

7.1   DATA EFFETTIVA

7.1.4.

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafi 3.1.1, 4.2.1, 5.1.1, 5.2.1, 5.7.6, B3.2.13, B5.7.1, C5 u C42 u ħassar il-paragrafu C16 u l-intestatura relatata miegħu. Żdiedu l-paragrafi 5.1.3 u 5.7.1 A, u definizzjoni għall-Appendiċi A. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

Fl-Appendiċi A, żdiedet definizzjoni.

dividendi

Distribuzzjonijiet ta' profitti lid-detenturi ta' strumenti azzjonarji bi proporzjon mal-parteċipazzjonijiet tagħhom fi klassi partikolari ta' kapital.

Fl-Appendiċi B, il-paragrafi B3.2.13 u B5.7.1 huma emendati.

Involviment kontinwu f'assi ttrasferiti

B3.2.13

Dawn li ġejjin huma eżempji ta' kif entità tkejjel assi trasferit u l-obbligazzjoni assoċjata skont il-paragrafu 3.2.16.

L-assi kollha

(a)

Jekk garanzija mogħtija minn entità li tħallas għal telf minħabba inadempjenza fuq assi trasferit tipprevjeni lill-assi trasferit milli jkun irtirat ir-rikonoxximent sal-punt tal-involviment kontinwu, l-assi trasferit fid-data tat-trasferiment jitkejjel fl-aktar baxx minn (i) l-ammont riportat tal-assi u (ii) l-ammont massimu tal-korrispettiv irċevut fit-trasferiment li l-entità tista' tkun meħtieġa tħallas lura (“l-ammont garantit”). L-obbligazzjoni assoċjata titkejjel inizjalment fl-ammont tal-garanzija miżjuda bil-valur ġust tal-garanzija (li normalment ikun il-korrispettiv irċevut għall-garanzija). Sussegwentement, il-valur ġust inizjali tal-garanzija huwa rikonoxxut fil-qligħ jew it-telf meta (jew waqt li) l-obbligazzjoni tiġi ssodisfata (skont il-prinċipji tal-IFRS 15) u l-valur riportat tal-assi jitnaqqas bi kwalunkwe telf minn indeboliment.

Qligħ u telf (sezzjoni 5.7)

B5.7.1

Il-paragrafu 5.7.5 jippermetti lil entità tagħmel għażla irrevokabbli li tippreżenta bidliet oħrajn fid-dħul komprensiv fil-valur ġust ta' investiment fi strument azzjonarju li mhux miżmum għall-kummerċ. Din l-għażla ssir fuq bażi ta' strument bi strument (jiġifieri sehem b'sehem). L-ammonti ppreżentati fi dħul komprensiv ieħor m'għandhomx jiġu trasferiti sussegwentement għall-profitt jew it-telf. Madankollu, l-entità tista' tittrasferixxi l-qligħ jew it-telf kumulattiv fl-ekwità. Id-dividendi fuq tali investimenti huma rikonoxxuti fil-qligħ jew it-telf skont il-paragrafu 5.7.6 sakemm id-dividend ma jkunx jirrappreżenta b'mod ċar irkupru ta' parti mill-ispiża tal-investiment.

Fl-Appendiċi C, huma emendati l-paragrafi C5 u C42. Il-paragrafu C16 u l-intestatura relatata tiegħu huma mħassra.

IFRS 3 Kombinamenti ta' Negozju

C5

Il-paragrafi 16, 42, 53, 56 u 58(b) huma emendati sabiex jaqraw kif ġej, il-paragrafu 64 A huwa mħassar u jiżdied il-paragrafu 64D:

56

Wara r-rikonoxximent inizjali u sakemm l-obbligazzjoni tiġi saldata, ikkanċellata jew tiskadi, l-akkwirent għandu jkejjel obbligazzjoni kontinġenti rikonoxxuta f'kombinament ta' operazzjonijiet bħala l-ogħla minn:

(a)

l-ammont li jkun rikonoxxut skont l-IAS 37; u

(b)

l-ammont inizjalment rikonoxxut nieqes, jekk ikun xieraq, l-ammont kumulattiv ta' dħul rikonoxxut skont il-prinċipji tal-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-kuntratti li l-kontabbiltà tagħhom issir b'konformità mal-IFRS 9.

IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl

C42

Fl-Appendiċi A, il-paragrafi AG3–AG4 huma emendati biex jaqraw kif ġej:

AG4

Il-kuntratti ta' garanzija finanzjarja jistgħu jkollhom diversi forom legali, bħal …

(a)

… l-emittent jista' jkejlu fl-ogħla minn:

(i)

l-ammont iddeterminat skont l-IAS 37; u

(ii)

l-ammont inizjalment rikonoxxut nieqes, jekk ikun xieraq, l-ammont kumulattiv ta' dħul rikonoxxut skont il-prinċipji tal-IFRS 15 (ara l-paragrafu 4.2.1(c) tal-IFRS 9).

(b)

IFRS 9 Strumenti Finanzjarji (Kontabbiltà għall-Hedging u emendi għall-IFRS 9, l-IFRS 7 u l-IAS 39)  (1)

Il-paragrafu 5.2.1 huwa emendat.

5.2   KEJL SUSSEGWENTI TA' ASSI FINANZJARJI

5.2.1.

Wara r-rikonoxximent inizjali, entità għandha tkejjel assi finanzjarju skont il-paragrafi 4.1.1–4.1.5 fil-valur ġust jew fil-prezz amortizzat (ara l-paragrafi 9 u AG5–AG8C tal-IAS 39).

Fl-Appendiċi A, żdiedet definizzjoni.

dividendi

Distribuzzjonijiet ta' profitti lid-detenturi ta' strumenti azzjonarji bi proporzjon mall-parteċipazzjonijiet tagħhom fi klassi partikolari ta' kapital.

Fl-Appendiċi C, il-paragrafi C5 u C38 huma emendati. Il-paragrafu C21 u l-intestatura relatata miegħu huma mħassra.

IFRS 3 Kombinamenti ta' Operazzjonijiet

C5

Il-paragrafi 16, 42, 53, 56 u 58(b) huma emendati sabiex jaqraw kif ġej, il-paragrafi 64 A u 64D huma mħassra u jiżdied il-paragrafu 64H:

56

Wara r-rikonoxximent inizjali u sakemm l-obbligazzjoni tiġi saldata, ikkanċellata jew tiskadi, l-akkwirent għandu jkejjel obbligazzjoni kontinġenti rikonoxxuta f'kombinament ta' operazzjonijiet bħala l-ogħla minn:

(a)

l-ammont li jkun rikonoxxut skont l-IAS 37; u

(b)

l-ammont inizjalment rikonoxxut nieqes, jekk ikun xieraq, l-ammont kumulattiv ta' dħul rikonoxxut skont il-prinċipji tal-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-kuntratti li l-kontabbiltà tagħhom issir b'konformità mal-IFRS 9.

IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl

C38

Fl-Appendiċi A, il-paragrafi AG3–AG4 huma emendati biex jaqraw kif ġej:

AG4

Il-kuntratti ta' garanzija finanzjarja jistgħu jkollhom diversi forom legali, bħal …

(a)

l-emittent ikejlu fl-ogħla minn:

(i)

l-ammont iddeterminat skont l-IAS 37; u

(ii)

l-ammont inizjalment rikonoxxut nieqes, jekk ikun xieraq, l-ammont kumulattiv ta' dħul rikonoxxut skont il-prinċipji tal-IFRS 15 (ara l-paragrafu 4.2.1(c) tal-IFRS 9).

(b)

IAS 1 — Preżentazzjoni ta' Rapporti Finanzjarji

Il-paragrafu 34 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 139N.

Il-kumpens

34.

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti jeħtieġ li entità tkejjel id-dħul minn kuntratti ma' klijenti fl-ammont ta' korrispettiv li għalih l-entità tistenna li tkun intitolata bi skambju għat-trasferiment tal-oġġetti jew tas-servizzi mwiegħda. Pereżempju, l-ammont ta' dħul rikonoxxut jirrifletti kwalunkwe skont kummerċjali u ribassi tal-volum li tippermetti l-entità. Matul il-kors tal-attivitajiet normali tagħha, entità tagħmel tranżazzjonijiet oħrajn li ma jiġġenerawx dħul iżda huma inċidentali għall-attivitajiet prinċipali ta' ġenerazzjoni ta' dħul. Entità tippreżenta r-riżultati ta' tranżazzjonijiet bħal dawn, meta din il-preżentazzjoni tirrifletti s-sustanza tat-tranżazzjoni jew avveniment ieħor, billi tnaqqas mid-dħul dawk l-ispejjeż marbuta mal-istess tranżazzjoni. Pereżempju:

(a)

entità tippreżenta l-qligħ u t-telf fuq id-disponiment ta' assi mhux kurrenti, inklużi investimenti u assi operattivi, billi tnaqqas mill-ammont ta' korrispettiv fuq id-disponiment l-ammont riportat tal-assi u l-ispejjeż tal-bejgħ relatati; u

(b)

TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

139N

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafu 34. Entità għandha tapplika dik l-emenda meta tapplika l-IFRS 15.

IAS 2 Inventarji

Il-paragrafi 2, 8, 29 u 37 huma emendati u jiżdied il-paragrafu 40E. Jitħassar il-paragrafu 19.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

2.

Dan l-Istandard japplika għall-inventarji kollha, ħlief:

(a)

[imħassar]

(b)

DEFINIZZJONIJIET

8.

L-inventarji jkopru oġġetti mixtrija u miżmuma biex jinbiegħu mill-ġdid li jinkludu, pereżempju, merkanzija mixtrija minn bejjiegħ bl-imnut u miżmuma biex jinbiegħu mill-ġdid, jew art u proprjetà oħra miżmuma biex jinbiegħu mill-ġdid. Inventarji jkopru wkoll prodotti lesti, jew xogħol fl-idejn li qiegħed jiġi prodott, mill-entità, u jinkludu materjali u provvisti li qegħdin jistennew li jintużaw fil-proċess tal-produzzjoni. L-ispejjeż imġarrba biex jiġi ssodisfat kuntratt ma' klijent li ma joħolqux inventarji (jew assi taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' Standard ieħor) jiġu kkunsidrati skont l-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti.

Valur nett realizzabbli

29.

L-inventarji huma ġeneralment irreġistrati bil-valur nett realizzabbli oġġett b'oġġett. F'ċerti ċirkostanzi, madankollu, jista' jkun xieraq li oġġetti simili jew relatati jitgħaqdu fi grupp wieħed. Dan jista' jkun il-każ għal oġġetti ta' inventarju relatati mal-istess linja tal-prodotti li jkollha miri jew użi finali simili, li jkunu prodotti u kummerċjalizzati fl-istess żona ġeografika, u li ma jistgħux jiġu evalwati b'mod prattiku separatament mill-oġġetti l-oħra f'dik ir-riakkwistinja tal-prodotti. Mhux xieraq li jinkitbu inventarji fuq il-bażi ta' klassifikazzjoni ta' inventarju, pereżempju, prodotti lesti, jew l-inventarji kollha f'segment tal-operat partikolari.

ŻVELAR

37.

Informazzjoni dwar l-ammonti riportati miżmuma fil-kotba bi klassifikazzjonijiet differenti ta' inventarji u kemm dawn il-bidliet ta' dawn l-assi huma utli għal dawk li jużaw ir-rapporti finanzjarji. Klassifikazzjonijiet komuni ta' inventarji huma merkanzija, provvisti tal-produzzjoni, materjali, xogħol fl-idejn u prodotti lesti.

DATA EFFETTIVA

40E

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafi 2, 8, 29 u 37 u ħassar il-paragrafu 19. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

IAS 12 Taxxi fuq id-Dħul

Il-paragrafu 59 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 98E.

Entrati rikonoxxuti fi profitt jew telf

59.

Il-biċċa l-kbira tal-obbligazzjonijiet ta' taxxa differita u assi ta' taxxa differita jinqalgħu meta d-dħul jew l-ispiża jiddaħħlu fil-profitt tal-kontabbiltà f'perjodu wieħed, iżda jiġu inklużi fil-profitt taxxabbli (telf għat-taxxa) f'perjodu differenti. It-taxxa differita li tirriżulta tiġi rikonoxxuta fil-profitt jew telf. Eżempji ta' dan huma meta:

(a)

dħul mill-imgħax, mid-drittijiet tal-awtur jew mid-dividendi jkun irċevut bl-arretrati u jiġi inkluż fil-profitt tal-kontabbiltà skont l-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, l-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl jew l-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji, skont ir-rilevanza, iżda jiġi inkluż fil-profitt taxxabbli (telf għat-taxxa) fuq bażi ta' flus kontanti; u

(b)

DATA EFFETTIVA

98E

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafu 59. Entità għandha tapplika dik l-emenda meta tapplika l-IFRS 15.

IAS 16 Proprjetà, Impjant u Tagħmir

Il-paragrafi 69 u 72 huma emendati u jiżdied il-paragrafu 81J.

IRTIRAR TAR-RIKONOXXIMENT

69.

Id-disponiment ta' oġġett ta' proprjetà, impjant u tagħmir jista' jseħħ b'varjetà ta' modi (eż. bil-bejgħ, bid-dħul f'kuntratt ta' kera finanzjarja jew b'donazzjoni). Id-data tad-disponiment ta' oġġett ta' proprjetà, impjant u tagħmir hija d-data li fiha r-riċevitur jikseb il-kontroll ta' dak l-oġġett skont ir-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' meta obbligu ta' prestazzjoni jkun issodisfat fl-IFRS 15. L-IAS 17 tapplika għad-disponiment bil-bejgħ u kiri lura.

72.

L-ammont ta' korrispettiv li għandu jkun inkluż fil-qligħ jew telf li jirriżulta mill-irtirar tar-rikonoxximent ta' oġġett ta' proprjetà, impjant u tagħmir huwa ddeterminat skont ir-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni fil-paragrafi 47–72 tal-IFRS 15. Bidliet sussegwenti fl-ammont stmat tal-korrispettiv inkluż fil-qligħ jew telf għandhom ikunu kkunsidrati skont ir-rekwiżiti għall-bidliet fil-prezz tat-tranżazzjoni fl-IFRS 15.

DATA EFFETTIVA

81J

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafi 68 A, 69 u 72. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni

Jiżdied il-paragrafu 97Q.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

97Q

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafu AG21. Entità għandha tapplika dik l-emenda meta tapplika l-IFRS 15.

Fil-Gwida dwar l-Applikazzjoni, il-paragrafu AG21 huwa emendat.

Kuntratti biex jinxtraw u jinbiegħu prodotti mhux finanzjarji (il-paragrafi 8-10)

AG21

Ħlief skont kif meħtieġ mill-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, kuntratt li jinvolvi r-riċeviment jew it-twassil ta' assi fiżiċi ma joħloqx assi finanzjarju ta' parti waħda u obbligazzjoni finanzjarja tal-parti l-oħra sakemm kwalunkwe ħlas korrispondenti ma jiġix differit għal wara d-data li fiha jiġu trasferiti l-assi fiżiċi. Każ bħal dan hu x-xiri jew bejgħ ta' prodotti fuq kreditu ta' negozju.

IAS 34 Rapportar Finanzjarju Interim

Il-paragrafi 15B u 16 A huma emendati u żdied il-paragrafu 55.

Avvenimenti u tranżazzjonijiet sinifikanti

15B

Din li ġejja hija lista ta' avvenimenti u tranżazzjonijiet li jkunu jeħtieġu l-iżvelar jekk ikunu sinifikanti: il-lista mhijiex eżawrjenti.

(a)

(b)

ir-rikonoxximent ta' telf mill-indeboliment ta' assi finanzjarji, proprjetà, impjant u tagħmir, assi intanġibbli, assi li jirriżultaw minn kuntratti ma' klijenti, jew assi oħrajn, u t-treġġigħ lura ta' tali telf mill-indeboliment;

(c)

Divulgazzjonijiet oħra

16 A

Minbarra li għandha tiżvela avvenimenti u tranżazzjonijiet sinifikanti skont il-paragrafi 15–15C, entità għandha tinkludi din l-informazzjoni li ġejja, fin-noti għar-rapporti finanzjarji interim, jekk ma tiġix inkluża xi mkien ieħor fir-rapport finanzjarju interim. Normalment din l-informazzjoni għandha tkun irrapportata fuq bażi ta' dik is-sena finanzjarja sal-jum attwali.

(a)

(l)

id-diżaggregazzjoni tad-dħul mill-kuntratti mal-klijenti meħtieġa mill-paragrafi 114–115 tal-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti.

DATA EFFETTIVA

55.

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafi 15B u 16 A. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

IAS 36 Indeboliment tal-Assi

Il-paragrafu 2 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 140L.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

2.

Dan l-Istandard għandu jkun applikat fil-kontabbiltà għall-indeboliment tal-assi kollha, minbarra:

(a)

(b)

assi ta' kuntratti u assi li jirriżultaw mill-ispejjeż biex jinkiseb jew jiġi ssodisfat kuntratt li huma rikonoxxuti skont l-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti;

(c)

DISPOŻIZZJONIJIET TA' TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

140L

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafu 2. Entità għandha tapplika dik l-emenda meta tapplika l-IFRS 15.

IAS 37 Provvedimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti  (2)

Il-paragrafu 5 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 100. Jitħassar il-paragrafu 6.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

5.

Meta Standard ieħor jittratta tip speċifiku ta' provvediment, obbligazzjoni kontinġenti jew assi kontinġenti, entità tapplika dak l-Istandard minflok dan l-Istandard. Pereżempju, xi tipi ta' provvedimenti huma indirizzati fl-Istandards dwar:

(a)

[imħassar]

(b)

(e)

kuntratti tal-assigurazzjoni (ara l-IFRS 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni). Madankollu, dan l-Istandard japplika għal provvedimenti, obbligazzjonijiet kontinġenti u assi kontinġenti ta' assiguratur, ħlief għakk dawk li jinħolqu mill-obbligazzjonijiet kuntrattwali u drittijiet taħt kuntratti tal-assigurazzjoni taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-IFRS 4;

(f)

korrispettiv kontinġenti ta' akkwirent f'kombinament ta' operazzjoni (ara l-IFRS 3 Kombinamenti ta' Operazzjonijiet); u

(g)

dħul minn kuntratti ma' klijenti (ara l-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti). Madankollu, billi l-IFRS 15 ma jinkludi l-ebda rekwiżit speċifiku sabiex jindirizza kuntratti ma' klijenti li huma, jew li saru, onerużi, dan l-Istandard japplika għal każijiet bħal dawn.

DATA EFFETTIVA

100.

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafu 5 u ħassar il-paragrafu 6. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

IAS 38 Assi Intanġibbli

Il-paragrafi 3, 114 u 116 huma emendati u żdied il-paragrafu 130K.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

3.

Jekk Standard ieħor jippreskrivi l-kontabbiltà għal tip speċifiku ta' assi intanġibbli, entità għandha tapplika dak l-Istandard minflok dan l-Istandard. Pereżempju, dan l-Istandard ma japplikax għal:

(a)

assi intanġibbli miżmumin minn entità għall-bejgħ fil-kors ordinarju tan-negozju (ara l-IAS 2 Inventarji).

(b)

(i)

l-assi li jirriżultaw minn kuntratti ma' klijenti li huma rikonoxxuti skont l-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti.

IRTIRAR U DISPONIMENTI

114.

Id-disponiment ta' assi intanġibbli jista' jseħħ b'diversi modi (eż. bil-bejgħ, bid-dħul f'kuntratt ta' kera finanzjarja, jew b'donazzjoni). Id-data tad-disponiment ta' assi intanġibbli hija d-data li fiha r-riċevitur jikseb il-kontroll ta' dak l-assi skont ir-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' meta obbligu ta' prestazzjoni jkun issodisfat fl-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti. L-IAS 17 tapplika għad-disponiment bil-bejgħ u kiri lura.

116.

L-ammont ta' korrispettiv li għandu jkun inkluż fil-qligħ jew telf li jirriżulta mill-irtirar tar-rikonoxximent ta' assi intanġibbli huwa ddeterminat skont ir-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni fil-paragrafi 47–72 tal-IFRS 15. Bidliet sussegwenti fl-ammont stmat tal-korrispettiv inkluż fil-qligħ jew telf għandhom ikunu kkunsidrati skont ir-rekwiżiti għall-bidliet fil-prezz tat-tranżazzjoni fl-IFRS 15.

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U DATA EFFETTIVA

130K

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafi 3, 114 u 116. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl

Il-paragrafi 2, 9, 43, 47 u 55 huma emendati u żdiedu l-paragrafi 2 A, 44 A, 55 A u 103T.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

2.

Dan l-Istandard għandu jiġi applikat mill-entitajiet kollha għal kull tip ta' strument finanzjarju minbarra:

(a)

(k)

drittijiet u obbligi taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti li huma strumenti finanzjarji, ħlief għal dawk li l-IFRS 15 jispeċifika li huma kkunsidrati skont l-IFRS 9.

2 A

Ir-rekwiżiti ta' indeboliment ta' dan l-Istandard għandhom ikunu applikati għal dawk id-drittijiet li l-IFRS 15 jispeċifika li huma kkunsidrati skont dan l-Istandard għall-finijiet ta' rikonoxximent ta' telf minn indeboliment.

DEFINIZZJONIJIET

9.

Definizzjonijiet relatati mar-rikonoxximent u l-kejl

Il-metodu tal-imgħax effettiv huwa metodu li jikkalkula l-kost amortizzat ta' assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja (jew grupp ta' assi finanzjarji jew obbligi finanzjarji) u li jalloka l-introjtu mill-imgħax jew l-ispejjeż mill-imgħax fuq il-perjodu rilevanti. Ir-rata effettiva tal-imgħax hija r-rata li tnaqqas b'mod eżatt il-ħlasijiet ta' flus futuri stmati jew l-irċevuti matul il-perjodu mistenni tal-istrument finanzjarju jew, meta jkun xieraq, perjodu iqsar għall-ammont nett riportat tal-assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja. Meta tiġi kkalkolata r-rata effettiva tal-imgħax, entità għandha tagħmel stima tal-flussi ta' flus billi tikkunsidra t-termini kuntrattwali tal-istrument finanzjarju (pereżempju, ħlas minn qabel, opzjonijiet msejħa u simili) iżda m'għandiex tikkunsidra telf minn kreditu fil-futur. Il-kalkolu jinkludi l-miżati u l-punti kollha mħallsin jew irċevuti bejn il-partijiet fil-kuntratt li huma parti integrali tar-rata effettiva tal-imgħax (ara l-paragrafi AG8 A–AG8B), l-ispejjeż tat-tranżazzjoni, u kull primjum jew skont ieħor. Hemm is-suppożizzjoni li l-flussi ta' flus u l-ħajja mistennija ta' grupp ta' strumenti finanzjarji simili jistgħu jiġu stmati b'mod affidabbli. Madankollu, f'dawk il-każijiet rari fejn mhux possibbli li jkun hemm stima affidabbli tal-flussi ta' flus jew tal-ħajja mistennija ta' strument finanzjarju (jew grupp ta' strumenti finanzjarji), l-entità għandha tuża l-flussi ta' flus kuntrattwali fuq it-terminu kuntrattwali sħiħ tal-istrument finanzjarju (jew grupp ta' strumenti finanzjarji).

L-irtirar tar-rikonoxximent huwa t-tneħħija ta' assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja rikonoxxuta qabel mir-rapport ta' entità dwar il-pożizzjoni finanzjarja.

Id-dividendi huma distribuzzjonijiet ta' profitti lid-detenturi ta' strumenti azzjonarji bi proporzjon mall-parteċipazzjonijiet tagħhom fi klassi partikolari ta' kapital.

Il-valur ġust huwa l-prezz li jkun irċevut sabiex jinbiegħ assi jew li jitħallas għat-trasferiment ta' obbligazzjoni fi tranżazzjoni ordinata bejn parteċipanti fis-suq fid-data tal-kejl. (Ara l-IFRS 13.)

Kejl inizjali ta' assi finanzjarji u obbligi finanzjarji

43.

Ħlief fil-każ ta' riċevibbli tan-negozju taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-paragrafu 44 A, meta assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja jiġu rikonoxxuti inizjalment, entità għandha tkejjilhom fil-valur ġust tagħhom flimkien ma', fil-każ ta' assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja mhux fil-valur ġust permezz tal-profitt u t-telf, l-ispejjeż ta' tranżazzjoni li huma direttament attribwibbli lill-akkwist jew il-ħruġ tal-assi finanzjarju jew tal-obbligazzjoni finanzjarja.

44 A

Minkejja r-rekwiżit fil-paragrafu 43, fir-rikonoxximent inizjali, entità għandha tkejjel ir-riċevibbli tan-negozju li m'għandhomx komponent ta' finanzjament sinifikanti (iddeterminat skont l-IFRS 15) fil-prezz tat-tranżazzjoni tagħhom (kif definit fl-IFRS 15).

Kejl sussegwenti ta' obbligazzjonijiet finanzjarji

47.

Wara r-rikonoxximent inizjali, entità għandha tkejjel l-obbligazzjonijiet finanzjarji kollha fil-kost amortizzat permezz tal-metodu tal-imgħax effettiv, ħlief fil-każ ta':

(a)

(c)

kuntratti ta' garanzija finanzjarja kif definit fil-paragrafu 9. Wara rikonoxximent inizjali, emittent ta' tali kuntratt għandu (sakemm ma japplikax il-paragrafu 47(a) jew (b)) ikejlu skont l-ogħla bejn:

(i)

l-ammont iddeterminat skont l-IAS 37; u

(ii)

l-ammont rikonoxxut inizjalment (ara l-paragrafu 43) nieqes, fejn xieraq, l-ammont kumulattiv ta' dħul rikonoxxut skont il-prinċipji tal-IFRS 15.

(d)

impenji ta' għoti ta' self b'rata tal-imgħax tas-suq baxxa. Wara rikonoxximent inizjali, emittent ta' tali impenn għandu (sakemm ma japplikax il-paragrafu 47(a)) ikejlu skont l-ogħla bejn:

(i)

l-ammont iddeterminat skont l-IAS 37; u

(ii)

l-ammont rikonoxxut inizjalment (ara l-paragrafu 43) nieqes, fejn xieraq, l-ammont kumulattiv ta' dħul rikonoxxut skont il-prinċipji tal-IFRS 15.

Obbligazzjonijiet finanzjarji li huma indikati bħala entrati hedged huma soġġetti għar-rekwiżiti ta' kontabbiltà ta' hedge fil-paragrafi 89-102.

Qligħ u telf

55.

Qligħ jew telf li jiġi minn bidla fil-valur ġust ta' assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja li mhux parti minn relazzjoni ta' hedging (ara l-paragrafi 89–102), għandhom jiġu rikonoxxuti kif ġej.

(a)

(b)

Qligħ jew telf fuq assi finanzjarju disponibbli għall-bejgħ għandu jkun rikonoxxut fi dħul ieħor komprensiv, ħlief għat-telf mill-indeboliment (ara l-paragrafi 67–70) u qligħ u telf mill-munita barranija (ara l-Appendiċi A paragrafu AG83), sakemm l-assi finanzjarju jkun irtirat mir-rikonoxximent. F'dak il-ħin, il-qligħ jew telf kumulattiv li qabel kien rikonoxxut fi dħul ieħor komprensiv, għandu jkun ikklassifikat mill-ġdid minn ekwità għal profitt jew telf bħala aġġustament minħabba l-klassifikazzjoni mill-ġdid (ara l-IAS 1 Preżentazzjoni ta' Rapporti Finanzjarji (kif rivedut fl-2007)). Madankollu, l-imgħax ikkalkolat permezz tal-metodu ta' imgħax effettiv (ara l-paragrafu 9) huwa rikonoxxut fil-profitt jew it-telf. Id-dividendi fuq strument ta' ekwità disponibbli għall-bejgħ huma rikonoxxuti fil-profitt u t-telf skont il-paragrafu 55 A.

55 A

Id-dividendi jiġu rikonoxxuti fil-qligħ u t-telf biss meta:

(a)

ikun stabbilit id-dritt tal-entità li tirċievi l-ħlas tad-dividend;

(b)

huwa probabbli li l-benefiċċji ekonomiċi assoċjati mad-dividend ser jgħaddu għand l-entità; u

(c)

l-ammont tad-dividend jista' jitkejjel b'mod affidabbli.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

103T

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafi 2, 9, 43, 47, 55, AG2, AG4 u AG48 u żied il-paragrafi 2 A, 44 A, 55 A u AG8 A–AG8C. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

Fl-Appendiċi A, il-paragrafi AG4 u AG48 ġew emendati u żdiedu l-paragrafi AG8 A–AG8C.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI (IL-PARAGRAFI 2–7)

AG4

Kuntratti ta' garanziji finanzjarji jistgħu jieħdu għamliet legali differenti, bħal garanzija, xi tipi ta' ittri ta' kreditu, kuntratt ta' inadempjenza ta' kreditu jew kuntratt tal-assigurazzjoni. It-trattament fil-kontijiet tagħhom ma jiddependix mill-għamla legali tagħhom. Li ġejjin huma eżempji tat-trattament xieraq (ara l-paragrafi 2(e)):

(a)

… l-emittent jista' jkejlu fl-ogħla minn:

(i)

l-ammont iddeterminat skont l-IAS 37; u

(ii)

l-ammont rikonoxxut inizjalment nieqes, fejn xieraq, l-ammont kumulattiv ta' dħul rikonoxxut skont il-prinċipji tal-IFRS 15 (ara l-paragrafu 47(c)).

(b)

(c)

Jekk ikun inħareġ kuntratt ta' garanzija finanzjarja b'konnessjoni mal-bejgħ ta' oġġetti, l-emittent japplika l-IFRS 15 fid-determinazzjoni ta' meta jirrikonoxxi d-dħul mill-garanzija u mill-bejgħ tal-oġġetti.

Rata effettiva tal-imgħax

AG8 A

Meta tapplika l-metodu ta' imgħax effettiv, entità tidentifika miżati li huma parti integrali mir-rata effettiva tal-imgħax ta' strument finanzjarju. Id-deskrizzjoni ta' miżati għal servizzi finanzjarji tista' ma tindikax in-natura u s-sustanza tas-servizzi pprovduti. Il-miżati li huma parti integrali mir-rata effettiva tal-imgħax huma ttrattati bħala aġġustament għar-rata effettiva tal-imgħax, sakemm l-istrument finanzjarju ma jitkejjilx fil-valur ġust, bil-bidla fil-valur ġust tkun rikonoxxuta fil-qligħ u t-telf. F'dawk il-każijiet, il-miżati huma rikonoxxuti bħala dħul meta l-istrument ikun rikonoxxut inizjalment.

AG8B

Miżati li huma parti integrali mir-rata effettiva tal-imgħax ta' strument finanzjarju jinkludu:

(a)

miżati ta' oriġini rċevuti mill-entità relatati mal-ħolqien jew l-akkwist ta' assi finanzjarju. Dawn il-miżati jistgħu jinkludu kumpens għal attivitajiet bħall-valutazzjoni tal-kundizzjoni finanzjarja ta' min jissellef, garanziji ta' valutazzjoni u ta' reġistrazzjoni, arranġamenti ta' kollateral u ta' sigurtà oħra, in-negozjar tat-termini tal-istrument, it-tħejjija u l-ipproċessar ta' dokumenti u l-għeluq tat-tranżazzjoni. Dawn il-miżati huma parti integrali mill-ġenerazzjoni ta' involviment mal-istrument finanzjarju li jirriżulta.

(b)

miżati ta' impenn irċevuti mill-entità biex jinbeda self meta l-impenn tas-self ma jkunx jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Istandard u aktarx li l-entità ser tidħol f'arranġament ta' għoti ta' self speċifiku. Dawn il-miżati jitqiesu bħala kumpens għal involviment kontinwu bl-akkwist ta' strument finanzjarju. Jekk l-impenn jiskadi mingħajr ma l-entità tagħti s-self, il-miżata tiġi rikonoxxuta bħala dħul fl-iskadenza.

(c)

miżati ta' oriġini rċevuti mal-ħruġ ta' obbligazzjonijiet finanzjarji mkejla bil-kost amortizzat. Dawn il-miżati huma parti integrali mill-ġenerazzjoni ta' involviment f'obbligazzjoni finanzjarja. Entità tiddistingwi miżati u spejjeż li huma parti integrali mir-rata effettiva tal-imgħax għall-obbligazzjoni finanzjarja minn miżati tal-oriġini u spejjeż ta' tranżazzjoni relatati mad-dritt ta' provvediment ta' servizzi, bħal servizzi ta' ġestjoni tal-investimenti.

AG8C

Miżati li mhumiex parti integrali mir-rata effettiva tal-imgħax ta' strument finanzjarju u huma kkunsidrati skont l-IFRS 15 jinkludu:

(a)

miżati mitluba għas-servizz ta' self;

(b)

miżati ta' impenn biex jinbeda self meta l-impenn tas-self ma jkunx jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Istandard u aktarx li l-entità mhijiex ser tidħol f'arranġament ta' għoti ta' self speċifiku; u

(c)

miżati ta' sindakazzjoni ta' self irċevuti minn entità li tirranġa self u ma żżomm l-ebda parti mill-pakkett tas-self għaliha nfisha (jew iżżomm parti fl-istess rata effettiva ta' imgħax għar-riskju komparabbli bħal parteċipanti oħrajn).

Involviment kontinwu f'assi ttrasferiti

AG48

Dawn li ġejjin huma eżempji ta' kif entità tkejjel assi ttrasferit u l-obbligazzjoni assoċjata taħt il-paragrafu 30.

L-assi kollha

(a)

Jekk garanzija mogħtija minn entità li tħallas għal telf minħabba inadempjenza fuq assi trasferit jipprevjeni lill-assi trasferit milli jkun irtirat ir-rikonoxximent sal-punt tal-involviment kontinwu, l-assi trasferit fid-data tat-trasferiment jitkejjel fl-aktar baxx minn (i) l-ammont riportat tal-assi u (ii) l-ammont massimu tal-korrispettiv irċevut fit-trasferiment li l-entità tista' tkun meħtieġa tħallas lura (“l-ammont garantit”). L-obbligazzjoni assoċjata titkejjel inizjalment fl-ammont tal-garanzija miżjuda bil-valur ġust tal-garanzija (li normalment ikun il-korrispettiv irċevut għall-garanzija). Sussegwentement, il-valur ġust inizjali tal-garanzija huwa rikonoxxut fil-qligħ jew it-telf meta (jew waqt li) l-obbligazzjoni tiġi ssodisfata (skont il-prinċipji tal-IFRS 15) u l-valur riportat tal-assi jitnaqqas bi kwalunkwe telf minn indeboliment.

IAS 40 Proprjetà ta' Investiment

Il-paragrafi 9, 67 u 70 huma emendati u jiżdied il-paragrafu 85E.

KLASSIFIKAZZJONI TAL-PROPRJETÀ BĦALA PROPRJETÀ TA' INVESTIMENT JEW PROPRJETÀ OKKUPATA MINN SIDHA

9.

Dawn il-ġejjin huma eżempji ta' affarijiet li mhumiex proprjetà tal-investiment u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Istandard:

(a)

(b)

[imħassar]

(c)

ĊESSJONIJIET

67.

Id-disponiment ta' proprjetà għall-investiment jista' jinkiseb bil-bejgħ jew billi tiġi konkluża lokazzjoni finanzjarja. Id-data tad-disponiment għall-proprjetà għall-investiment hija d-data li fiha r-riċevitur jikseb il-kontroll tal-proprjetà għall-investiment skont ir-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' meta obbligu ta' prestazzjoni jiġi ssodisfat fl-IFRS 15. L-IAS 17 japplika għal disponiment magħmul permezz tal-konklużjoni ta' lokazzjoni finanzjarja u ta' bejgħ b'lokazzjoni lura.

70.

L-ammont ta' korrispettiv li għandu jkun inkluż fil-qligħ jew it-telf li jirriżulta mill-irtirar tar-rikonoxximent ta' proprjetà għall-investiment jiġi ddeterminat skont ir-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni fil-paragrafi 47–72 tal-IFRS 15. Bidliet sussegwenti fl-ammont stmat tal-korrispettiv inkluż fil-qligħ jew telf għandhom ikunu kkunsidrati skont ir-rekwiżiti għall-bidliet fil-prezz tat-tranżazzjoni fl-IFRS 15.

DATA EFFETTIVA

85E

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda l-paragrafi 3(b), 9, 67 u 70. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

IFRIC 12 Arranġamenti għall-Konċessjoni ta' Servizzi

Taħt l-intestatura “Referenzi”, ir-referenzi għall-IAS 11 Kuntratti ta' Kostruzzjoni u għall-IAS 18 Dħul huma mħassra u tiżdied referenza għall-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti. Il-paragrafi 13–15, 18–20 u 27 huma emendati u jiżdied il-paragrafu 28D.

Ir-rikonoxximent u l-kejl tal-korrispettiv tal-arranġament

13.

L-operatur għandu jirrikonoxxi u jkejjel id-dħul skont l-IFRS 15 għas-servizzi li jwettaq. In-natura tal-korrispettiv tiddetermina t-trattament sussegwenti ta' kontabbiltà. Il-kontabbiltà sussegwenti għall-korrispettiv meħud bħala assi finanzjarju u bħala assi mhux tanġibbli hija deskritta fil-paragrafi 23-26 hawn taħt.

Is-servizzi ta' kostruzzjoni jew ammeljorament

14.

L-operatur għandu jikkunsidra s-servizzi ta' kostruzzjoni jew ammeljorament skont l-IFRS 15.

Korrispettiv mogħti mill-konċessjonarju lill-operatur

15.

Jekk l-operatur jipprovdi servizzi ta' kostruzzjoni jew ta' ammeljorament il-korrispettiv irċevut jew riċevibbli mill-operatur għandu jkun rikonoxxut skont l-IFRS 15. Il-korrispettiv jista' jikkonsisti minn drittijiet għal:

(a)

18.

Jekk l-operatur jitħallas għas-servizzi ta' kostruzzjoni parzjalment permezz ta' assi finanzjarju u parzjalment minn assi mhux tanġibbli ikun neċessarju li kull komponent mill-korrispettiv tal-operatur jitqies separatament. Il-korrispettiv irċevut jew riċevibbli għaż-żewġ komponenti għandu jkun rikonoxxut inizjalment skont l-IFRS 15.

19.

In-natura tal-korrispettiv mogħti mill-konċessjonant lill-operatur għandha tiġi ddeterminata bir-referenza għat-termini tal-kuntratt u, meta din teżisti, il-liġi rilevanti dwar il-kuntratti. In-natura tal-korrispettiv tiddetermina l-kontabbiltà sussegwenti kif deskritta fil-paragrafi 23–26. Madankollu, iż-żewġ tipi ta' korrispettiv huma kklassifikati bħala assi ta' kuntratt matul il-perjodu ta' kostruzzjoni jew ta' ammeljorament skont l-IFRS 15.

Servizzi ta' operat

20.

L-operatur għandu jikkunsidra s-servizzi ta' operat skont l-IFRS 15.

Oġġetti pprovduti mill-konċessjonant lill-operatur

27.

Skont il-paragrafu 11, l-oġġetti ta' infrastruttura li għalihom il-konċessjonant jagħti aċċess lill-operatur għall-finijiet tal-arranġament tas-servizz mhumiex rikonoxxuti bħala proprjetà, impjant, u makkinarju tal-operatur. Il-konċessjonant jista' jipprovdi wkoll oġġetti oħra li l-operatur jista' jżomm jew jittratta kif jixtieq. Jekk assi bħal dawn jiffurmaw parti mill-korrispettiv pagabbli mill-konċessjonant għas-servizzi, dawn mhumiex għotjiet tal-gvern kif definiti fl-IAS 20. Minflok, dawn jiġu kkunsidrati bħala parti mill-prezz tat-tranżazzjoni kif definit fl-IFRS 15.

DATA EFFETTIVA

28D

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda s-sezzjoni tar-“Referenzi” u l-paragrafi 13–15, 18–20 u 27. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

SIC-27 Evalwazzjoni tas-Sustanza tat-Tranżazzjonijiet li Jinvolvu l-Forma Legali ta' Kuntratt ta' Kiri

Taħt l-intestatura “Referenzi”, ir-referenzi għall-IAS 11 Kuntratti ta' Kostruzzjoni u għall-IAS 18 Dħul huma mħassra u tiżdied referenza għall-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti. Il-paragrafu 8 u s-sezzjoni taħt “Data effettiva” huma emendati.

KUNSENS

8.

Ir-rekwiżiti fl-IFRS 15 għandhom ikunu applikati għall-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' kull arranġament meta wieħed ikun qiegħed jiddetermina jekk ħlas għandux ikun rikonoxxut bħala introjtu li Entità tista' tirċievi. Fatturi bħal jekk hemmx involviment kontinwu fil-forma ta' obbligi ta' prestazzjoni futura sinifikanti meħtieġa għall-qligħ ta' ħlas, jekk hemmx riskji miżmumin, it-termini ta' kull arranġament ta' garanzija, u r-riskju ta' rimborż tal-ħlas, għandhom ikunu kkunsidrati. L-indikaturi li b'mod individwali juru li r-rikonoxximent tal-miżata kollha bħala introjtu meta irċevuta, jekk irċevuta fil-bidu tal-arranġament, mhuwiex adatt jinkludu:

(a)

DATA EFFETTIVA

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda s-sezzjoni “Referenzi” u l-paragrafu 8. Entità għandha tapplika dawk l-emendi meta tapplika l-IFRS 15.

IS-SIC-32 Assi Intanġibbli—Spejjeż tas-Siti Web

Taħt l-intestatura “Referenzi”, ir-referenzi għall-IAS 11 Kuntratti ta' Kostruzzjoni hija mħassra u tiżdied referenza għall-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti. Is-sezzjoni taħt “Data effettiva” hija emendata.

DATA EFFETTIVA

L-IAS 1 (kif rivedut fl-2007) emenda t-terminoloġija użata fl-IFRSs. Barra minn dan, emenda l-paragrafu 5. Entità tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew mill-1 ta' Jannar 2009 jew wara. Jekk entità tapplika l-IAS 1 (rivedut fl-2007) għal perjodu aktar bikri, dawk l-emendi għandhom jiġu applikati għal dak il-perjodu aktar bikri.

L-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'Mejju 2014, emenda s-sezzjoni “Referenzi” u l-paragrafu 6. Entità għandha tapplika dik l-emenda meta tapplika l-IFRS 15.


(1)  L-emendi konsegwenzjali li l-IFRS 15 jagħmel għall-IFRS 9 (Kontabbiltà għall-Hedging u emendi għall-IFRS 9, l-IFRS 7 u l-IAS 39) għandhom jinqraw flimkien mal-emendi konsegwenzjali li l-IFRS 15 jagħmel għall-IFRS 9 (2010). Dan għaliex l-IFRS 9 (Kontabbiltà għall-Hedging u emendi għall-IFRS 9, l-IFRS 7 u l-IAS 39) jinkludi biss dawk il-paragrafi mill-IFRS 9 (2010) li emenda jew li kienu meħtieġa għall-faċilità ta' referenza. Għaldaqstant, ma ġiex miżjud paragrafu dwar id-data effettiva fl-IFRS 9 (Kontabbiltà għall-Hedging u emendi għall-IFRS 9, l-IFRS 7 u l-IAS 39) peress li huwa inkluż fil-paragrafu dwar id-data effettiva li qiegħed jiżdied fl-IFRS 9 (2010).

(2)  Titjib Annwali għaċ-Ċiklu ta' IFRS 2010–2012, kif maħruġ f'Diċembru 2013, uża valwazzjoni pożittiva sabiex juri l-emendi magħmula għall-paragrafu 5 tal-IAS 37. Għal din il-pubblikazzjoni, dawk il-bidliet ġew aċċettati u bidliet ġodda ntwerew fil-valwazzjoni pożittiva.