|
20.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 284/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1851
tal-14 ta' Ġunju 2016
li jadotta l-programm ta' moduli ad hoc, li jkopri s-snin 2019, 2020 u 2021, għall-istħarriġ kampjunarju dwar il-forza tax-xogħol stipulat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 tad-9 ta' Marzu 1998 dwar l-organizzazzjoni ta' stħarriġ ta' kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7a(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 577/98, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-elementi tal-moduli ad hoc li jkopru s-snin 2019, 2020 u 2021. |
|
(2) |
Hemm il-ħtieġa ta' sett ta' dejta sħiħa u komparabbli dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol, kif ukoll il-ħtieġa ta' dejta aktar dettaljata dwar il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, sabiex jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-għanijiet komuni tal-Istrateġija Ewropa 2020. |
|
(3) |
Fil-kuntest tad-dibattitu li għaddej dwar il-flessigurtà (2) u l-ħtieġa espressa għal adattabilità akbar fl-Ewropa kemm tal-intrapriżi kif ukoll tal-ħaddiema, kwistjoni ewlenija enfasizzata fl-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u l-Linji Gwida tax-Xogħol, (3) jeħtieġ li jkun hemm dejta miġbura minn stħarriġ Ewropew fuq skala kbira dwar il-firxa tal-applikazzjoni ta' forom diversi ta' prassi ġodda tal-organizzazzjoni u tal-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol u tal-esperjenzi tal-ħaddiema magħhom. |
|
(4) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2014-2020 (4), il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza li jittejjeb il-ġbir ta' dejta statistika dwar inċidenti u mard relatati max-xogħol, dwar esponimenti okkupazzjonali u dwar in-nuqqas ta' saħħa relatat max-xogħol. Modulu ġdid ad hoc dwar l-inċidenti fuq ix-xogħol u problemi tas-saħħa relatati max-xogħol għandu jagħmilha possibbli li wieħed iqabbel id-dejta trażmessa mill-Istati Membri bil-proġett tal-istatistika Ewropea dwar l-aċċidenti fuq ix-xogħol mas-sitwazzjoni ta' persuni fis-suq tax-xogħol, u biex tinġabar dejta dwar problemi tas-saħħa relatati max-xogħol. Barra minn hekk, għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-esponiment okkupazzjonali għal fatturi ta' riskju għas-saħħa fiżika u mentali. |
|
(5) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (5), il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-bżonn li jiġu żviluppati azzjonijiet strutturali marbuta mal-migrazzjoni. Għandhom jiġu promossi miżuri favur l-integrazzjoni tal-migranti inkluż inizjattivi biex itejbu l-ħiliet lingwistiċi u professjonali, u biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, wieħed mill-oqsma ewlenin fil-mira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (6) jiffoka fuq it-tneħħija tal-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u għat-tnaqqis tad-diskrepanzi fl-impjiegi għal persuni żvantaġġjati, inkluż id-distakk bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u dawk li mhumiex ċittadini tal-Unjoni. F'dan il-kuntest, dejta dettaljata dwar il-qagħda tax-xogħol tal-immigranti hija meħtieġa biex tingħata bażi ta' evidenza affidabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-programm ta' moduli ad hoc għall-istħarriġ kampjunarju dwar il-forza tax-xogħol, li jkopri s-snin 2019, 2020 u 2021, kif stabbilit fl-Anness, huwa b'dan adottat.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, l-14 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Il-flessigurtà hija strateġija integrata biex ittejjeb, fl-istess ħin, il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol. L-istrateġija tipprova tirrikonċilja l-bżonn ta' min iħaddem għal ħaddiema flessibbli mal-bżonn tas-sigurtà min-naħa tal-ħaddiema — il-fiduċja li dawn mhux se jiffaċċjaw perjodi twal ta' qgħad.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015 (ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28).
(4) COM(2014) 332 final, tas-6 ta' Ġunju 2014.
(5) COM(2015) 240 final, it-13 ta' Mejju 2015.
(6) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).
ANNESS
STĦARRIĠ DWAR IL-FORZA TAX-XOGĦOL
Programm pluriennali għas-snin 2019 sa 2021 ta' moduli ad hoc.
Organizzazzjoni tax-xogħol u arranġamenti tax-xogħol
Perjodu ta' referenza: 2019
Submoduli (oqsma li dwarhom għandha tiġi pprovduta informazzjoni aktar dettaljata):
|
|
Is-submodulu 1: Il-flessibbiltà tal-ħinijiet tax-xogħol Għan: li jiġu pprovduti aktar dettalji dwar kif il-ħaddiema jistgħu jiddeċiedu dwar il-ħinijiet tax-xogħol u l-assenzi tagħhom, iżda wkoll dwar il-frekwenza ta' sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiema huma obbligati jibdlu l-ħin tax-xogħol tagħhom. |
|
|
Is-submodulu 2: Metodi ta' ħidma Għan: li tinġabar l-informazzjoni dwar pressjonijiet ta' ħin, il-ġestjoni diretta u l-awtonomija fuq il-post tax-xogħol. |
|
|
Is-submodulu 3: Post tax-xogħol: Għan: li jiġu pprovduti aktar dettalji dwar il-post tax-xogħol u l-ħin tal-ivvjaġġar espress bħala l-ħin meħtieġ biex wieħed jasal mid-dar għax-xogħol. |
Inċidenti fuq ix-xogħol u problemi ta' saħħa marbuta max-xogħol
Perjodu ta' referenza: 2020
Submoduli (oqsma li dwarhom għandha tiġi pprovduta informazzjoni aktar dettaljata):
|
|
Is-submodulu 1: Inċidenti fuq ix-xogħol Għan: li jiġu identifikati inċidenti fuq il-post tax-xogħol li jirriżultaw f'feriti, it-tip tagħhom u l-impatt tagħhom f'termini ta' ġranet ta' ħidma mitlufa jew ta' diżabbiltà. |
|
|
Is-submodulu 2: Problemi tas-saħħa relatati max-xogħol Għan: li jiġu identifikati problemi fiżiċi jew ta' saħħa mentali kkawżati jew li marru għall-agħar bix-xogħol, it-tip u l-impatt tagħhom f'termini ta' ġranet ta' ħidma mitlufa jew ta' diżabbiltà. |
|
|
Is-submodulu 3: Fatturi ta' riskju għas-saħħa fiżika u/jew mentali Għan: li jiġi analizzat jekk il-ħaddiema jkunux esposti għal fatturi ta' riskju li jistgħu jaffettwaw is-saħħa fiżika u/jew mentali. |
Il-qagħda tas-suq tax-xogħol tal-migranti u d-dixxendenti immedjati tagħhom
Perjodu ta' referenza: 2021
Submoduli (oqsma li dwarhom għandha tiġi pprovduta aktar informazzjoni):
|
|
Is-submodulu 1: Informazzjoni ta' sfond Għan: li jingħataw aktar dettalji dwar il-migranti u d-dixxendenti immedjati tagħhom (1), jiġifieri dwar l-isfond edukattiv tal-ġenituri u r-raġuni prinċipali għall-migrazzjoni. |
|
|
Is-submodulu 2: Ħiliet lingwistiċi Għan: li tinġabar informazzjoni dwar il-ħiliet lingwistiċi perċepiti tal-immigranti. |
|
|
Is-submodulu 3: Ostakli u appoġġ għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol Għan: li tinġabar informazzjoni dwar l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol (pereżempju r-rikonoxximent ta' kwalifiki miksuba barra mill-pajjiż jew ostaklu marbut ma' oriġini barranija) u dwar approċċi individwali biex wieħed isib xogħol. |
(1) Il-migranti huma hawnhekk definiti bħala persuni li twieldu barra mill-pajjiż, li jistgħu jkunu wkoll ċittadini ta' pajjiżi terzi. Id-dixxendenti immedjati tal-migranti għandha tinftiehem bħala immigranti tat-tieni ġenerazzjoni, jiġifieri persuni li twieldu fil-pajjiż b'mill-inqas wieħed mill-ġenituri mwieled barra mill-pajjiż.