4.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1761

tat-28 ta' Settembru 2016

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u partikolarment l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha, parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid xi subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati bil-kodiċijiet NM indikati fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stipulati fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda bil-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat li jaħdem bil-batteriji (l-hekk imsejjaħ “video inspection scope”), li jikkonsisti minn:

unità tal-kontroll li tinkorpora joystick, apparat għar-rekordjar, slot għall-karta tal-memorja u skrin LCD b'tul dijagonali ta' madwar 9 cm (3,5 pulzieri),

kejbil elettriku flessibbli b'tul ta' 3 m u b'dijametru ta' madwar 7 mm,

kamera,

dwal LED.

L-apparat huwa ddiżinjat biex jintuża prinċipalment għall-ispezzjonijiet tekniċi tal-kavitajiet. Jista' jiġbed u jirrikordja immaġnijiet vidjo. L-immaġnijiet jistgħu jidhru fil-ħin reali.

Ara l-istampa (*).

8525 80 91

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-nota 4 tat-Taqsima XVI u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8525 , 8525 80 u 8525 80 91 .

Il-klassifikazzjoni bħala strumenti, tagħmir u magni tal-kejl jew tal-verifika tal-intestatura 9031 hija eskluża billi l-iskop tal-apparat mhuwiex li jivverifika jew ikejjel il-kavitajiet, iżda biex jiġbed l-immaġnijiet u jikkonvertihom f'sinjal elettriku rrekordjat bħala immaġni vidjo (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 8525 ).

L-apparat jikkonsisti minn komponenti individwali li huma interkonnessi u maħsubin biex flimkien jikkontribwixxu għal funzjoni definita b'mod ċar, li hija koperta minn waħda mill-intestaturi fil-Kapitolu 84 jew 85. Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, il-funzjoni tal-apparat hija l-ġbid u l-irrekordjar ta' immaġnijiet vidjo. Għalhekk, il-klassifikazzjoni bħala monitor skont l-intestatura 8528 hija eskluża.

Għaldaqstant, l-apparat għandu jiġi kklassifikat bil-kodiċi NM 8525 80 91 bħala vidjokamera rekorder, li kapaċi tirrekordja biss ħsejjes u immaġnijiet miġbuda mill-kamera tat-televixin.

Image

(*)  L-istampa għandha tintuża biss għall-informazzjoni.