30.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/1


REGOLAMENT (UE) 2016/1724 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Settembru 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 471/2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri fir-rigward tal-għoti ta' setgħat delegati u ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”), is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat.

(2)

Fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni impenjat ruħha, permezz ta' Stqarrija (3) li, fid-dawl tal-kriterji stipulati fit-Trattat, tirrevedi l-atti leġislattivi li bħalissa fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jagħti setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament.

(4)

Sabiex ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 jiġi allinjat mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat, is-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni b'dak ir-Regolament għandhom jiġu sostitwiti b'setgħat li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni.

(5)

Sabiex jitqiesu l-bidliet fil-Kodiċi Doganali jew fid-dispożizzjonijiet meħuda minn konvenzjonijiet internazzjonali, il-bidliet neċessarji għal raġunijiet metodoloġiċi u l-ħtieġa li titwaqqaf sistema effiċjenti għall-ġbir tad-data u l-ġbir tal-istatistika, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta':

l-adattament tal-lista ta' proċeduri tad-dwana jew tat-trattament jew l-użu approvati mid-dwana,

merkanzija jew movimenti speċifiċi u dispożizzjonijiet differenti jew speċifiċi applikabbli għalihom,

l-esklużjoni ta' merkanzija jew movimenti mill-istatistika dwar il-kummerċ estern,

il-ġbir ta' data msemmija fl-Artikolu 4(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009,

aktar speċifikazzjoni tad-data dwar l-istatistika,

ir-rekwiżit ta' settijiet limitati ta' data għall-merkanzija jew il-movimenti speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, u data pprovduta f'konformità mal-Artikolu 4(2) ta' dak ir-Regolament,

il-livell ta' aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, merkanzija u muniti għall-istatistika dwar il-kummerċ skont il-munita tal-fattura.

Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, anke fil-livell tal-esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet jitwettqu skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament għandhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb it-tħejjija ta' atti delegati.

(6)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq il-persuni li jagħtu tweġibiet u li jibqgħu ekonomiċi kemm jista' jkun.

(7)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, għandhom jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni li jippermettulha tadotta miżuri relatati ma':

il-kodiċijiet u l-format tagħhom li għandhom jintużaw fir-rigward tad-data msemmija fl-Artikolu 5(1) ta' dak ir-Regolament,

ir-rabta tad-data dwar il-karatteristiċi tan-negozju mad-data dokumentata f'konformità ma' dak l-Artikolu, u

il-kontenut u l-kopertura uniformi ta' statistika trasmessa.

Dawk is-setgħat għandhom jitħaddmu skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(8)

Il-Kumitat dwar l-istatistika marbuta man-negozju ta' merkanzija ma' pajjiżi mhux membri (“Il-Kumitat Extrastat”), imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 471/2009, ta pariri lill-Kummissjoni u assistiha fit-tħaddim tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Skont l-istrateġija għal struttura għal Sistema Ewropea ġdida tal-Istatistika (“SEI”) immirata biex ittejjeb il-koordinazzjoni u s-sħubija fi struttura piramida ċara fis-SEI, il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (“KSEI”), stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għandu jkollu rwol konsultattiv u jassisti lill-Kummissjoni fit-tħaddim tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Għal dak il-għan, ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 għandu jiġi emendat billi r-referenza tal-Kumitat tal-Extrastat tinbidel b'referenza għall-KSEI.

(9)

Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, il-proċeduri għall-adozzjoni ta' miżuri li ngħataw bidu iżda li ma tlestewx qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ma għandhomx jintlaqtu minn dan ir-Regolament.

(10)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Sabiex jitqiesu bidliet fil-Kodiċi Doganali u fid-dispożizzjonijiet derivati mill-konvenzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a billi tadatta l-lista ta' proċeduri doganali jew it-trattament jew l-użu approvati mid-dwana msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward ta' merkanzija jew movimenti speċifiċi u ta' dispożizzjonijiet differenti jew speċifiċi applikabbli għalihom.”;

(c)

fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward tal-esklużjoni ta' merkanzija jew movimenti minn statistika dwar il-kummerċ estern.”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Meta tħaddem is-setgħat delegati fil-paragrafi 2, 3 u 4, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq il-persuni li jagħtu tweġibiet.”.

(2)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward tal-ġbir tad-data msemmi fil-paragrafi 2 u 4 ta' dan l-Artikolu. Meta tħaddem dawk is-setgħat, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq il-persuni li jagħtu tweġibiet.”.

(3)

L-Artikolu 5 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward ta' aktar speċifikazzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

2a.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, miżuri relatati mal-kodiċijiet u l-format tagħhom li għandhom jintużaw fir-rigward tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).”;

(b)

fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward ta' dawk is-settijiet limitati ta' data.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Meta tħaddem is-setgħat delegati fil-paragrafi 2 u 4, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq il-persuni li jagħtu tweġibiet.”.

(4)

L-Artikolu 6 jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, miżuri relatati mar-rabta tad-data u mal-istatistika li trid tinġabar.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).”;

(b)

il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Kull sentejn l-Istati Membri għandhom jiġbru l-istatistika annwali dwar il-kummerċ maqsuma permezz tal-munita tal-fattura.

L-Istati Membri għandhom jiġbru l-istatistika billi jużaw għażla rappreżentattiva ta' reġistri dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni minn dikjarazzjonijiet tad-dwana li fihom data dwar il-munita tal-fattura. Jekk il-munita tal-fattura għall-esportazzjoni mhijiex disponibbli fid-dikjarazzjoni tad-dwana, għandu jsir stħarriġ biex tinġabar id-data meħtieġa.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10a fir-rigward tal-livell ta' aggregazzjoni għall-pajjiżi msieħba, merkanzija u muniti. Meta tħaddem dawk is-setgħat, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq il-persuni li jagħtu tweġibiet.”.

(5)

L-Artikolu 8 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni (Eurostat) l-istatistika msemmija fl-Artikolu 6(1) mhux aktar tard minn 40 jum wara tmiem kull perijodu ta' referenza ta' kull xahar. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istatistika jkun fiha informazzjoni dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni kollha fil-perijodu ta' referenza inkwistjoni, filwaqt li jagħmlu aġġustamenti fejn id-dokumentazzjoni ma tkunx disponibbli.

Fejn l-istatistika mibgħuta tkun soġġetta għal reviżjonijiet, l-Istati Membri għandhom jgħaddu r-riżultati riveduti mhux aktar tard mill-aħħar jum tax-xahar wara d-data li fiha d-data riveduta saret disponibbli.

L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-riżultati mibgħuta lill-Kummissjoni (Eurostat) kwalunkwe informazzjoni statistika li hija kunfidenzjali.

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, miżuri relatati mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi uniformi għall-kontenut u l-kopertura tal-istatistika mibgħuta. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).”;

(b)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   L-istatistika dwar il-kummerċ skont il-karatteristiċi tan-negozju msemmija fl-Artikolu 6(2) għandha tintbagħat lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien 18-il xahar mit-tmiem tas-sena ta' referenza.

L-istatistika dwar il-kummerċ maqsuma skont il-munita tal-fattura msemmija fl-Artikolu 6(3) għandha tintbagħat lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur mit-tmiem tas-sena ta' referenza.”.

(6)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

Tħaddim tad-delega

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(2), (3) u (4), 4(5), 5(2) u (4), u 6(3) tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-20 ta' Ottubru 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 3(2), (3) u (4), 4(5), 5(2) u (4), u 6(3) tista' tiġi revokata f'kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'din id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' atti delegati diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti magħżula minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*1).

5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf b'dan fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 3(2), (3) u (4), 4(5), 5(2) u (4), u 6(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma titressaq ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien tliet xhur minn meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu ġew mgħarrfa b'dan l-att jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*1)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”."

(7)

L-Artikolu 11 jinbidel kif ġej:

“Artikolu 11

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandu jassistiha l-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-proċeduri għall-adozzjoni tal-miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 471/2009 li ngħataw bidu iżda li ma tlestewx qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-16 ta' Ġunju 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(3)   ĠU L 55, 28.2.2011, p. 19.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23).

(5)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).