10.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 243/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1630

tad-9 ta' Settembru 2016

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri għall-applikazzjoni tal-miżura tranżizzjonali għas-submodulu tar-riskju ta' ekwità skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1) u b'mod partikolari s-sitt subparagrafu tal-Artikolu 308b(13) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tkun tista' ssir l-applikazzjoni tal-miżura tranżizzjonali stabbilita fl-Artikolu 308b(13) tad-Direttiva 2009/138/KE, impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinħtieġ li jkunu jistgħu juru lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom li x-xiri tal-ekwitajiet suġġetti għal din il-miżura tranżizzjonali saru fl-1 ta' Jannar 2016 jew qabel. Għal din il-fini, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinħtieġ li jsegwu ċerti proċeduri għall-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni xierqa ta' dawn l-ekwitajiet.

(2)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi u kontroll adegwat tal-applikazzjoni tal-miżura tranżizzjonali, l-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni jinħtieġ li jżommu dokumentazzjoni li tidentifika kull bidla li taffettwa l-ammont tal-ekwitajiet suġġetti għall-miżura tranżizzjonali. Dawn jinħtieġ li jaġġornaw id-dokumentazzjoni kull darba li jikkalkulaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza b'konformità mal-formula standard sabiex jiġu identifikati l-ekwitajiet suġġetti għall-miżura tranżizzjonali.

(3)

Għal ekwitajiet miżmuma permezz ta' impriżi ta' investiment kollettiv jew investimenti oħra f'forma ta' fondi fejn l-approċċ look-through ma jkunx possibbli, l-Artikolu 173(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (2) jistabbilixxi metodoloġija biex jiġi identifikat l-ammont ta' ekwitajiet mixtrija qabel l-1 ta' Jannar 2016 u għalhekk ma hemmx bżonn li d-data tax-xiri ta' dawk l-ekwitajiet tiġi rintraċċata. Id-data tax-xiri rilevanti li trid tiġi identifikata u ddokumentata jinħtieġ li tkun id-data tax-xiri tal-unitajiet jew ishma ta' dawk l-intrapriżi għal investiment kollettiv jew investimenti oħrajn f'forma ta' fondi.

(4)

Jinħtieġ li l-impriżi jinkludu fid-dokumentazzjoni tagħhom id-data tax-xiri tal-ekwitajiet, l-unitajiet jew l-ishma li l-miżura tranżizzjonali tapplika għalihom. Barra minn hekk, jinħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji, wara talba mingħandhom, jingħataw aċċess għal dokumentazzjoni u informazzjoni komprensivi biex jivverifikaw li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżura tranżizzjonali jkunu ssodisfati.

(5)

Meta impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jbigħu ekwitajiet, unitajiet, jew ishma msemmija fl-Artikolu 173 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 u mbagħad jixtru lura ekwitajiet, unitajiet jew ishma tal-istess tip wara l-1 ta' Jannar 2016, l-ammont ta' ekwitajiet li jkunu suġġetti għall-miżura tranżizzjonali jonqsu meta mqabbla mal-ammont inizjalment identifikat. Il-proċedura segwita mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinħtieġ li għalhekk tiżgura li l-ekwitajiet li jibqgħu suġġetti għall-miżura tranżizzjonali wara bejgħ ta' dan it-tip u xirjiet sussegwenti ta' ekwitajiet, unitajiet jew ishma jkunu jistgħu jiġu distinti mill-ekwitajiet, l-unitajiet jew l-ishma l-oħra kollha.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni.

(7)

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqu, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Meta l-ponderazzjoni tal-parametru standard imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 308b(13) tad-Direttiva 2009/138/KE tkun iktar baxxa minn 100 %, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iżommu dokumentazzjoni tal-ekwitajiet imsemmija fl-Artikolu 173 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 u d-dati tax-xiri tagħhom. Meta dawn l-ekwitajiet jinżammu f'impriża ta' investiment kollettiv jew f'investimenti oħra f'forma ta' fondi u l-approċċ look-through ma jkunx possibbli, l-impriżi għandhom iżommu dokumentazzjoni biss dwar l-unitajiet jew l-ishma tal-impriża ta' investiment kollettiv jew investiment ieħor f'forma ta' fondi li l-Artikolu 173(2) japplika għalihom u d-dati tax-xiri tagħhom.

2.   Impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja relatata ma' dawk l-ekwitajiet, unitajiet u ishma, u l-evidenza dokumentata tad-data tax-xiri lill-awtorità superviżorja malli din titlobha.

3.   Id-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun aġġornata kull darba li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tikkalkula r-rekwiżit kapitali tas-solvenza bl-użu tal-miżura tranżizzjonali stabbilita fl-Artikolu 308b(13) tad-Direttiva 2009/138/KE.

4.   Meta impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jbigħu ekwitajiet, unitajiet jew ishma kif imsemmi fil-paragrafu 1, li jkunu mixtrija fl-1 ta' Jannar 2016 jew qabel u mbagħad jixtru ekwitajiet, unitajiet jew ishma tal-istess tip wara l-1 ta' Jannar 2016, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jiżguraw li l-ekwitajiet, unitajiet jew ishma li jkun fadal li jkunu nxtraw fl-1 ta' Jannar 2016 jew qabel ikunu jistgħu jiġu identifikati skont il-paragrafu 1.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).