31.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 234/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1437
tad-19 ta' Mejju 2016
li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-aċċess għall-informazzjoni regolata fil-livell tal-Unjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,
Billi:
(1) |
Sabiex tiżgura aċċess rapidu għal informazzjoni regolata fuq bażi nondiskriminatorja u tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-utenti, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għandha l-obbligu li tiżviluppa u topera Punt ta' Aċċess Elettroniku Ewropew (PAEE). Il-PAEE għandu jkun maħsub bħala portal web li jkun aċessibbli mis-sit web tal-ESMA, u li, minħabba r-rwol ċentralizzanti tiegħu, ma għandux jieħu fuqu l-funzjonijiet tal-mekkaniżmi maħtura uffiċjalment (MMU) fir-rigward tal-ħażna ta' informazzjoni regolata. Il-PAEE għandu jagħti aċċess għall-informazzjoni regolata maħżuna mill-MMU kollha, jevita li jkun hemm ħażna doppja tad-dejta, u jimminimizza r-riskji għas-sigurtà tal-iskambju tad-dejta. |
(2) |
Sabiex jiffaċilita t-tiftix għall-informazzjoni regolata u biex jiżgura aċċess rapidu għal dik l-informazzjoni, il-PAEE għandu joffri lill-utenti l-possibiltà li jfittxu skont ir-referenza għall-identità ta' emittent, l-Istat Membru tad-domiċilju jew it-tip ta' informazzjoni regolata. Fl-istess ħin, il-PAEE għandu jagħmilha possibbli li l-utenti jaċċessaw l-informazzjoni regolata li jkunu talbu permezz ta' hyperlinks għas-siti web tal-MMU fejn l-informazzjoni tkun maħżuna. |
(3) |
It-tħaddim tajjeb tal-PAEE u l-konnessjoni tagħha mal-MMU jiddependu fuq is-sigurtà, l-effettività, l-effiċjenza u l-adattabilità tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni li jirfduha. Għall-konnessjoni bejn il-PAEE u l-MMU għandu jintuża s-Secure Hypertext Transfer Protocol. Madankollu, minħabba l-iżviluppi kontinwi fit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u l-bżonn li jiġu żgurati l-integrità u s-sigurtà tal-iskambju tal-metadejta dwar l-informazzjoni regolata, l-ESMA u l-MMU għandhom jikkooperaw biex jidentifikaw u jimplimentaw teknoloġiji tal-komunikazzjoni alternattivi fil-ġejjieni. Barra minn hekk, meta l-ESMA tqis, skont kriterji tekniċi oġġettivi, li l-kooperazzjoni meħtieġa għal dak il-għan tkun ineffettiva, l-ESMA għandha tkun tista' tindika liem teknoloġiji tal-komunikazzjoni alternattivi għandhom jintużaw mill-PAEE u l-MMU. |
(4) |
Sabiex ikunu jistgħu jsiru tiftixiet transfruntieri u jkun hemm riżultati tat-tiftix preċiżi, MMU għandu juża identifikatur uniku għal kull emittent tat-titoli elenkati. L-armonizzazzjoni tal-identifikaturi uniċi użati mill-MMU għandha tippermetti lill-utenti finali tal-PAEE jidentifikaw b'mod iktar pront l-emittenti li dwarhom ikunu qegħdin ifittxu l-informazzjoni. Barra minn hekk, minħabba l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji fil-livell internazzjonali, l-identifikaturi uniċi għandhom ikunu aċċettati internazzjonalment, ikunu adattati biex jiġu assenjati lil kwalunkwe emittent, ikollhom impatt finanzjarju limitat fuq l-emittenti u l-MMU, u jqisu żviluppi futuri f'dan il-qasam. Għaldaqstant, l-MMU għandhom jużaw l-identifikaturi ta' entità ġuridika bħala l-identifikatur uniku tal-emittenti tat-titoli elenkati. |
(5) |
L-armonizzazzjoni tal-format użat biex tiġi skambjata l-informazzjoni bejn il-PAEE u l-MMU hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-ħidma effettiva tal-PAEE. Għaldaqstant, meta jkun qed jiġi identifikat il-format xieraq għall-iskambju tal-informazzjoni għandhom jitqiesu l-attributi tal-iskambju tat-titoli u tal-validazzjoni tal-iktar formati standard komuni li jintużaw fis-suq. Minħabba li l-PAEE ma għandux jieħu fuqu l-funzjonijiet tal-MMU fir-rigward tal-ħżin ta' informazzjoni regolata, il-format għall-iskambju tal-informazzjoni regolata għandu jiddetermina liema metadejta dwar l-informazzjoni regolata għandha tkun attivata mill-MMU biex ikun żgurat it-tiftix iffukat u l-aċċess rapidu għall-informazzjoni regolata mill-utenti. |
(6) |
L-istipulazzjoni ta' lista komuni ta' tipi ta' informazzjoni regolata għandha tippermetti lill-investituri jkollhom fehim aħjar tal-informazzjoni li hija soġġetta għar-rekwiżiti tal-akkuratezza, komprensività u t-tixrid fil-waqt mill-emittenti skont id-Direttiva 2004/109/KE. It-tikkettar u l-klassifikazzjoni komuni tal-informazzjoni regolata mill-MMU għall-iskop ta' utenti finali li jkunu qegħdin ifitxxu li jaċċessaw l-informazzjoni regolata permezz tal-PAEE għandhom jippermettu lill-utenti jiffukaw ir-rikjesti tat-tiftix tagħhom fuq it-tipi ta' informazzjoni li huma ta' interess għalihom, u għandha twassal għal effiċjenzi għall-investituri fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom. |
(7) |
Il-viżwalizzazzjoni jew it-tniżżil minn utenti aħħarin ta' dokumenti li jkun fihom informazzjoni regolata huma soġġetti għall-politiki tal-ipprezzar tal-MMU skont il-liġijiet nazzjonali ta' kull Stat Membru. Madankollu, l-MMU ma għandhomx iżommu flus lill-PAEE għat-twassil tal-metadejta dwar informazzjoni regolata. |
(8) |
Huwa neċessarju li l-MMU u l-emittenti jingħataw biżżejjed ħin biex jimplimentaw il-bidliet leġiżlattivi u teknoloġiċi meħtieġa biex jiġi żgurat l-użu tal-identifikaturi ta' entità ġuridika bħala l-identifikatur uniku għall-emittenti ta' titoli ammessi għan-negozjar fuq suq regolat. Huwa neċessarju wkoll li l-MMU u l-emittenti jingħataw biżżejjed ħin biex jimplimentaw il-bidliet leġiżlattivi u teknoloġiċi li huma meħtieġa għall-ħżin u l-ittegjar tal-informazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-informazzjoni regolata. |
(9) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-ESMA lill-Kummissjoni. |
(10) |
B'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), waqt li kienet qed tiżviluppa l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu dan ir-regolament huwa bbażat, l-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa, analizzat il-kosti u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 ta' dak ir-Regolament. Fil-istess ħin, l-ESMA qieset ir-rekwiżiti tekniċi għas-sistema tal-interkonnessjoni bejn ir-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji stabbilita mid-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-Punt ta' Aċċess Elettroniku Ewropew
L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għandha tistabbilixxi bħala portal web, il-Punt ta' Aċċess Elettroniku Ewropew (PAEE), għall-informazzjoni regolata biex jippermetti lill-utenti finali jfittxu l-informazzjoni regolata maħżuna minn mekkaniżmi maħtura uffiċjalment (MMU). Il-portal web għandu jkun aċċessibbli mis-sit web tal-ESMA.
Artikolu 2
Teknoloġiji tal-komunikazzjoni, disponibbiltà, u livell ta' sostenn tal-PAEE
1. Is-sigurtà u l-integrità tal-metadejta tal-informazzjoni regolata skambjata bejn il-MMU u l-PAEE għandha tkun garantita. Il-PAEE u kull MMU għandhom jużaw is-Secure Hypertext Transfer Protocol (HTTPS) biex jaqbdu ma' xulxin.
2. L-ESMA għandha tikkoopera mal-MMU biex tidentifika u timplimenta teknoloġija tal-komunikazzjoni alternattiva biex tintuża flok l-HTTPS u biex tiddefinixxi l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħha.
3. Fejn l-ESMA tqis, skont kriterji tekniċi oġġettivi, li l-kooperazzjoni rikjesta skont paragrafu 2 ma tkunx effettiva għall-għan tal-iżgurar tas-sigurtà u l-integrità tal-iskambju tal-metadejta dwar l-informazzjoni regolata, l-ESMA tista' tispeċifika teknoloġija tal-komunikazzjoni biex tintuża minflok l-HTTPS.
4. Il-PAEE għandu jkun skalabbli faċilment u addattabbli għall-bidliet fil-volumi tat-talbiet ta' tiftix u metadejta biex tiġi mwassla mill-MMU.
5. Il-PAEE għandu jkun disponibbli għall-utenti finali mill-inqas 95 % fix-xahar.
6. Is-sistema tal-PAEE għandu jsirilha backup kuljum.
7. L-assitenza tas-servizz mill-ESMA lill-utenti finali tal-PAEE u lill-MMU għandha tingħata fil-ħinijiet tax-xogħol tal-ESMA, kif stipulati mid-Direttur Eżekuttiv tal-ESMA u ppubblikati fuq is-sit web tal-ESMA.
Artikolu 3
Il-funzjoni tat-tiftix
1. Fil-PAEE jiġu offruti l-kriterji tat-tiftix li ġejjin:
(a) |
isem l-emittenti li minnhom oriġinat l-informazzjoni regolata; |
(b) |
l-identifikatur uniku tal-emittenti kif stipulat fl-Artikolu 7; |
(c) |
l-Istati Membri tad-domiċilju tal-emittent kif definit fl-Artikolu 2(1)(i) tad-Direttiva 2004/109/KE; |
(d) |
il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni regolata kif stabbilit fl-Artikolu 9(2). |
2. Il-PAEE għandu jippermetti lill-utenti finali jfittxu l-ismijiet tal-emittenti fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-ismijiet tal-emittenti maħżuna mill-MMU.
3. Il-PAEE għandu jagħti r-riżultati tat-tiftix skont il-kriterji tat-tiftix magħżula mill-utenti finali. Ir-riżultati tat-tiftix ikunu fil-forma ta' lista tal-metadejta kif stipulat fit-Taqsima A tal-Anness.
Artikolu 4
Il-faċilitazzjoni tal-aċċess permezz tal-PAEE
1. Il-metadejta dwar l-informazzjoni regolata msemmija fit-Taqsima A tal-Anness għandha tinkludi links għall-paġna web speċifika tas-siti web tal-MMU li fiha l-utenti jkunu jistgħu jaraw jew iniżżlu d-dokumenti li jkun fihom informazzjoni regolata. Dawk il-paġni web għandu jkun fihom links għall-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-dokumenti li jkun fihom informazzjoni regolata kif imxerrda mill-emittenti u maħżuna mill-MMU b'konformità mal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/109/KE.
2. Il-PAEE għandu, sakemm ikun prattiku, jagħti aċċess għall-faċilità tat-tiftix tiegħu lill-utenti li jkunu qegħdin jużaw brawżers, inklużi dawk fuq apparat intelliġenti mobbli.
Artikolu 5
Teknoloġiji tal-komunikazzjoni, assistenza u manutenzjoni tal-MMU
1. Kull MMU għandu jiżgura mill-inqas 95 % disponibbiltà fix-xahar tal-konnessjoni tiegħu mal-PAEE.
2. Kull MMU għandu jipprovdi assistenza tas-servizz lill-PAEE fil-ħinijiet tax-xogħol tiegħu sabiex imantni l-konnessjonijiet tiegħu mal-PAEE, u sabiex ikun possibbli li l-inċidenti jiġu eskalati. Dawn is-servizzi ta' assistenza għandhom jingħataw f'lingwa li soltu tintuża għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.
Artikolu 6
Il-faċilitazzjoni tal-aċċess mill-MMU
1. Kull MMU għandu jiżgura li l-metadejta dwar l-informazzjoni regolata tkun tista' tiġi rtirata mill-PAEE.
2. Kull MMU għandu jwassal lill-PAEE l-metadejta dwar l-informazzjoni regolata maħżuna minnu b'konformità mal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/109/KE.
3. Il-metadejta għandha tinkludi links għall-paġni web tal-MMU li fiha l-utenti jkunu jistgħu jaraw jew iniżżlu d-dokumenti li jkun fihom informazzjoni regolata. Kull MMU għandu jagħmel disponibbli il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-dokumenti mxerrda mill-emittenti u maħżuna mill-MMU b'konformità mal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/109/KE.
4. Meta kwalunkwe dokument li jkun fih informazzjoni regolata jiġi modifikat, il-MMU kkonċernat għandu minnufih jaġġorna l-metadejta dwar dak id-dokument.
5. Il-MMU ma għandhomx iżommu flus lill-PAEE għat-twassil tal-metadejta dwar informazzjoni regolata.
Artikolu 7
Identifikatur uniku użat mill-MMU
Kull MMU għandu juża identifikaturi ta' entità ġuridika (LEI) bħala l-identifikaturi uniċi għal kull emittent.
Artikolu 8
Format komuni għat-twassil tal-metadejta
1. Kull MMU għandu juża format ibbażat fuq l-Extensible Markup Language (XML) biex iwassal il-metadejta dwar l-informazzjoni regolata lill-PAEE.
2. Kull MMU għandu jwassal l-metadejta dwar l-informazzjoni regolata lill-PAEE fil-format stipulat fit-Taqsima A tal-Anness.
Artikolu 9
Il-lista u l-klassifikazzjoni komuni tal-informazzjoni regolata
1. Il-lista komuni tat-tipi ta' informazzjoni regolata għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
rapporti finanzjarji u tal-awditu annwali li jinkludu l-informazzjoni kollha li huwa meħtieġ li tiġi divulgata skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/109/KE; |
(b) |
ir-rapporti jew eżamijiet limitati finanzjarji u tal-awditu ta' nofs is-sena li jinkludu l-informazzjoni kollha li huwa meħtieġ li tiġi divulgata skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/109/KE; |
(c) |
ħlasijiet lil gvernijiet li jinkludu l-informazzjoni kollha li huwa meħtieġ li tiġi divulgata skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/109/KE; |
(d) |
l-għażla tal-Istat Membru tad-domiċilju, li tinkludi l-informazzjoni kollha li huwa meħtieġ li tiġi divulgata skont l-Artikolu 2(1)(i) tad-Direttiva 2004/109/KE; |
(e) |
informazzjoni privileġġjata li huwa meħtieġ li tiġi divulgata skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); |
(f) |
notifiki rigward drittijiet tal-vot li jinkludu l-informazzjoni kollha li huwa meħtieġ li tiġi divulgata skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/109/KE; |
(g) |
l-akkwiżizzjoni jew iċ-ċessjoni tal-ishma proprji tal-emittent li jinkludu l-informazzjoni kollha li huwa meħtieġ li tiġi divulgata skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/109/KE; |
(h) |
l-għadd totali tad-drittijiet tal-vot u l-kapital li jinkludu l-informazzjoni kollha li huwa meħtieġ li tiġi divulgata skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/109/KE; |
(i) |
bidliet fid-drittijiet marbutin mal-klassijiet tal-ishma jew titoli li jinkludu l-informazzjoni kollha li huwa meħtieġ li tiġi divulgata skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/109/KE; |
(j) |
kull informazzjoni li ma taqax taħt il-punti (a) sa (i) iżda li l-emittent, jew kwalunkwe persuna oħra li tkun applikat għall-ammissjoni ta' titoli għan-negozjar f'suq regolat mingħajr il-kunsens tal-emittent, għandu jiddivulga skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta' Stat Membru adottati skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/109/KE. |
2. Kull MMU għandu jikklassifika l-informazzjoni regolata kollha b'konformità mat-Taqsima B tal-Anness.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Madanakollu, l-Artikoli 7 u 9 japplikaw mill-1 ta' Jannar 2017.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, id-19 ta' Mejju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(3) Id-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE u d-Direttivi 2005/56/KE u 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanniji (ĠU L 156, 16.6.2012, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16).
ANNESS
TAQSIMA A
Skambju tal-Informazzjoni — il-Format tal-Metadejta li se titwassal
Kamp tal-metadejta |
Karatteristiċi tal-kamp tal-metadejta |
Isem l-emittent (fil-lingwi kollha użati mill-emittent) |
Kamp alfanumeriku għat-test liberu, ikkowdjar UTF-8 |
Stat Membru tad-Domiċilju tal-Emittent |
Kodiċi tal-pajjiż b'żewġ figuri, ISO 3166-1 |
Identifikatur uniku |
Kodiċi LEI, ISO 17442:2012, kamp alfanumeriku, 20 karattru |
Tip ta' informazzjoni regolata |
Tassonomija b'konformità mal-lista komuni ta' informazzjoni regolata kif stipulata fit-Taqsima B ta' dan l-Anness |
URL (lokatur uniformi tar-riżorsa) |
Kamp alfanumeriku Il-link għandu jippermetti l-aċċess għad-dokumenti kollha li jkun fihom informazzjoni regolata skont l-Artikolu 4(1) skont il-kriterji tat-tiftix. |
TAQSIMA B
Klassijiet u sottoklassijiet tal-informazzjoni regolata
Klassifikazzjoni ta' informazzjoni regolata |
Bażi ġuridika |
||
1. Informazzjoni regolata perjodika |
|||
|
kull informazzjoni divulgata skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/109/KE |
||
|
kull informazzjoni divulgata skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/109/KE |
||
|
kull informazzjoni divulgata skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/109/KE |
||
2. Informazzjoni regolata kontinwa |
|||
|
kull informazzjoni divulgata skont l-Artikolu 2(1)(i) tad-Direttiva 2004/109/KE |
||
|
kull informazzjoni divulgata skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/6/KE |
||
|
kull informazzjoni divulgata skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/109/KE, |
||
|
kull informazzjoni divulgata skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/109/KE |
||
|
kull informazzjoni divulgata skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/109/KE |
||
|
kull informazzjoni divulgata skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/109/KE |
||
3. Informazzjoni regolata addizzjonali li huwa meħtieġ li tiġi divulgata skont il-liġijiet ta' Stat Membru |
|||
|
kull informazzjoni li ma taqax taħt is-sottoklassijiet stipulati fil-punti 1.1, 1.2 u 1.3 u fil-punti 2.1 sa 2.6, iżda li l-emittent, jew kwalunkwe persuna oħra li tkun applikat għall-ammissjoni ta' titoli għan-negozjar f'suq regolat mingħajr il-kunsens tal-emittent, tkun iddivulgat skont rekwiżit fil-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta' Stat Membru adottati skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/109/KE. |