23.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/7


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1401

tat-23 ta' Mejju 2016

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal metodoloġiji u prinċipji dwar il-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn derivattivi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikulari, l-Artikolu 49(5) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/59/UE tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni li jnaqqsu l-valur u jikkonvertu l-obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni.

(2)

Il-kuntratti tad-derivattivi jistgħu jirrappreżentaw sehem sinifikanti mill-istruttura tal-obbligazzjonijiet ta' ċertu istituzzjonijiet ta' kreditu. Madankollu, il-valwazzjoni ta' tali kuntratti hija proċess kumpless minħabba li l-valur tagħhom huwa marbut mal-valur tal-istrumenti, l-assi jew l-entitajiet sottostanti, li jevolvi tul iż-żmien u li jikkristallizza biss fil-maturità jew mal-close-out.

(3)

L-esperjenza tal-passat turi li l-kumplessità tal-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet derivattivi malli tfalli waħda mill-kontropartijiet tista' tagħmel il-proċess ta' valwazzjoni wieħed li jieħu l-ħin, li jinvolvi kostijiet enormi u li jwassal għal litigazzjoni.

(4)

Barra minn hekk, il-prattika turi li l-kuntratti tad-derivattivi jista' jkun fihom metodoloġiji differenti biex jiġi ddeterminat l-ammont dovut bejn il-kontropartijiet mal-close-out, fejn xi wħud minnhom iħallu d-determinazzjoni tal-ammont tal-close-out jew id-data tal-close-out, jew it-tnejn li huma, għal kollox f'idejn il-kontroparti mhux inadempjenti.

(5)

B'dan il-mod, sabiex jiġi evitat periklu morali u tiġi żgurata l-effiċjenza tal-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jadottaw u jimplimentaw metodi adegwati biex ivalwaw l-obbligazzjonijiet li joriġinaw minn kuntratti tad-derivattivi f'qafas ta' żmien kompatibbli mal-ħeffa tal-proċess ta' riżoluzzjoni u abbażi ta' informazzjoni oġġettiva u, fejn prattikabbli, disponibbli mill-ewwel. Huwa importanti li l-metodu ta' valwazzjoni jistabbilixxi xi dispożizzjonijiet proċedurali dwar il-komunikazzjoni ta' deċiżjonijiet tal-close-out mill-awtorità ta' riżoluzzjoni, kif ukoll dwar kif jinkisbu tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni mill-kontropartijiet magħluqa (closed-out).

(6)

Il-kuntratti tad-derivattivi soġġetti għal ftehim ta' netting iwasslu għal ammont wieħed ta' close-out fil-każ ta' terminazzjoni kuntrattwali bikrija. L-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/59/UE jipprevedi li l-valur ta' tali kuntratti jiġi ddeterminat fuq bażi netta skont it-termini tal-ftehim. L-awtorità ta' riżoluzzjoni jew valwatur indipendenti għandhom, għalhekk, jirrispettaw is-settijiet tan-netting iddefiniti fl-arranġamenti ta' netting mingħajr ma jkunu jistgħu jagħżlu ċertu kuntratti u jeżentaw oħrajn.

(7)

Skont l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/59/UE, il-valur tal-kuntratti tad-derivattivi huwa ddeterminat mill-awtorità ta' riżoluzzjoni jew minn valwatur indipendenti bħala parti mill-proċess ta' valwazzjoni mwettaq skont l-Artikolu 36 ta' dik id-Direttiva. Fir-rigward tal-obbligazzjonijiet ta' derivattivi, il-proċess ta' valwazzjoni għandu jimmira li jiddetermina valwazzjoni veloċi u ex ante għal skopijiet ta' rikapitalizzazzjoni interna, u fl-istess ħin jippermetti lill-awtorità ta' riżoluzzjoni flessibilità xierqa għal aġġustament ex post tal-ammonti ta' pretensjoni.

(8)

Il-valutazzjoni dwar jekk obbligazzjonijiet ta' derivattivi għandhomx jiġu rikapitalizzati internament jew jekk għandhomx jiġu esklużi mill-ambitu ta' rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE għandha ssir qabel id-deċiżjoni ta' close-out bħala parti mill-proċess ta' valwazzjoni skont l-Artikolu 36 ta' din id-Direttiva.

(9)

Il-valwazzjoni ta' obbligazzjonijiet tad-derivattivi għandha tippermetti lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jivvalutaw, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta' close-out, l-ammont potenzjali li bih tali obbligazzjonijiet jiġu soġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna wara l-close-out, kif ukoll id-distruzzjoni potenzjali fil-valur li tista' tirriżulta mill-close-out.

(10)

Il-close-out ta' kuntratti tad-derivattivi jista' jikkristalizza f'telf addizzjonali li mhuwiex rifless fil-valwazzjoni ta' negozju avvjat, li joriġina pereżempju mill-kostijiet reali ta' sostituzzjoni sostnuti mill-kontroparti, li jżidu l-kostijiet tal-close-out li dovuti mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew li joriġina mill-kostijiet ssostni mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni biex tistabbilixxi mill-ġdid tranżazzjonijiet dwar l-iskoperturi soġġetti għar-riskju tas-suq miftuħ li jirriżultaw mill-close-out. Jekk it-telf sostnut jew it-telf mistenni li jirriżulta minn close-out ta' derivattivi jaqbeż is-sehem tal-obbligazzjonijiet korrispondenti li jkun disponibbli effettivament għar-rikapitalizzazzjoni interna, it-telf eċċessiv jista' jżid il-piż ta' rikapitalizzazzjoni interna għal kredituri oħra tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni. F'tali każijiet, l-ammont ta' telf li jiġġarrab mill-obbligazzjonijiet li ma jirriżultawx minn kuntratti tad-derivattivi f'rikapitalizzazzjoni interna jkun ogħla milli mingħajr il-close-out u r-rikapitalizzazjoni interna ta' kuntratti tad-derivattivi, u għalhekk l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tikkunsidra li teżenta l-kuntratti tad-derivattivi minn rikapitalizzazzjoni interna f'konformità mal-Artikolu 44(3)(d) tad-Direttiva 2014/59/UE u mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/860 (2) adottat skont l-Artikolu 44(11) ta' din id-Direttiva. Kwalunkwe eżerċizzju ta' setgħa ta' rikapitalizzazzjoni interna fir-rigward ta' tali obbligazzjonijiet għandu jkun soġġett għall-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u għall-eżenzjonijiet diskrezzjonali stabbiliti fl-Artikolu 44(3) ta' din id-Direttiva kif speċifikat fir-Regolament Delegat (UE) 2016/860.

(11)

Peress li hemm ħtieġa għal interpretazzjoni konsistenti tal-paragrafi (3) u (4) tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/59/UE, għandhom jiġu speċifikati l-metodoloġiji u l-prinċipji għall-valwazzjoni tad-derivattivi li jagħmlu l-valwaturi indipendenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni.

(12)

Metodoloġija ta' valwazzjoni li tiddependi fuq kostijiet ta' sostituzzjoni reali jew ipotetiċi għall-obbligazzjonijiet magħluqa (closed-out) tista' takkwista riżultati simili għall-prattika tas-suq predominanti u tkun konsistenti mal-prinċipji li jirregolaw il-valwazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2014/59/UE, li hija mmirata biex tistabbilixxi jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jirċievu trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni daħlet fi proċedimenti ta' insolvenza normali (il-prinċipju “l-ebda kreditur ma jmur agħar”).

(13)

Fl-applikazzjoni tal-metodu ta' valwazzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tkun tista' tiddependi fuq diversi sorsi ta' dejta, inklużi sorsi ta' dejta pprovduti mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, mill-kontropartijiet jew minn partijiet terzi. Madankollu, ikun adegwat li jiġu stabbiliti prinċipji dwar it-tipi ta' dejta li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kors tal-valwazzjoni sabiex tiġi żgurata determinazzjoni objettiva tal-valur.

(14)

Il-kontropartijiet ta' kuntratti tad-derivattivi magħluqa (closed-out) minn awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jagħżlu li jikkonkludu tranżazzjoni ta' sostituzzjoni waħda jew aktar biex jissostitwixxu l-iskopertura tagħhom mal-close-out. Tali tranżazzjoni ta' sostituzzjoni għandha tikkostitwixxi sors ta' dejta privileġġat għall-valwazzjoni sakemm tiġi konkluża f'termini kummerċjalment raġonevoli sad-data tal-close-out jew appena jkun raġonevolment prattikabbli wara. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom, għalhekk, meta jikkomunikaw deċiżjoni ta' close-out, jagħtu lill-kontropartijiet il-possibiltà li jipprovdu evidenza ta' tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni kummerċjalment raġonevoli fi żmien skadenza konsistenti mal-waqt ta' referenza mistenni qabel il-valwazzjoni. Meta l-kontropartijiet ikunu pprovdew tali evidenza sal-iskadenza, il-valwatur għandu jiddetermina l-ammont ta' close-out bil-prezzijiet ta' dawk it-tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni. Jekk il-kontropartijiet ma jkunux ipprovdew evidenza ta' tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni kommerċjalment raġonevoli sal-iskadenza, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu jistgħu iwettqu l-valwazzjoni abbażi ta' informazzjoni disponibbli tas-suq, bħal firxiet tal-prezz ta' nofs is-suq u firxiet bejn it-talba u l-offerta, sabiex jiġu vvalutati l-kostijiet ta' sostituzzjoni ipotetiċi, jiġifieri t-telf jew il-kostijiet li kienu jiġġarrbu riżultat tal-istabbiliment mill-ġdid ta' ħeġġ jew ta' pożizzjoni ta' negozjar relatata fuq bażi ta' skopertura tar-riskju nett.

(15)

Il-prodotti u s-swieq derivattivi huma eteroġeni ħafna u mhuwiex possibbli li tiġi identifikata prattika waħda tas-suq għad-dħul fi tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni. Għalhekk, il-kunċett ta' “tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni kommerċjalment raġonevoli” għandu jkun iddefinit b'mod wiesa' sabiex il-valwatur ikun jista' jwettaq il-valutazzjoni rikjesta fil-kuntesti kollha tas-suq. Dan il-kunċett għandu jiftiehem bħala tranżazzjoni ta' sostituzzjoni li wieħed jidħol fiha fuq bażi ta' skopertura għar-riskju nnettjata (netted), f'termini konsistenti mal-prattika komuni tas-suq u fejn isiru sforzi raġonevoli sabiex jinkiseb l-aħjar valur għall-flus. B'mod partikolari, il-valwatur għandu jikkonsidra, fost elementi oħrajn, l-għadd ta' negozjanti li ġew ikkontattjati mill-kontroparti, l-għadd miksub ta' kwoti ta' ditti, u jekk ingħażlitx il-kwota li toffri l-aħjar prezz. L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tkun tista' tispeċifika fl-avviż tal-close-out il-kriterji li se tapplika fil-valutazzjoni tagħha.

(16)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata fis-snin riċenti fittxet, skont l-istandards internazzjonali, li żżid it-trasparenza u l-mitigazzjoni tar-riskju fis-suq għal kuntratti tad-derivatativi billi tipprevedi kklerjar mandatorju permezz ta' kontropartijiet ċentrali (“CCP”) għal derivattivi barra l-Borża standardizzati (“OTC”), rekwiżi ta' valwazzjoni u marġinazzjoni għal derivattivi kklerjati minn CCP u għal firxa wiesgħa ta' derivattivi OTC, u rapportar mandatorju għal depożitorji tat-tranżazzjonijiet għad-derivattivi OTC kollha.

(17)

F'każ li membru tal-ikklerjar tas-CCP jitqiegħed taħt riżoluzzjoni, u l-awtorità ta' riżoluzzjoni tkun għalqet kuntratti tad-derivattivi qabel ir-rikapitalizzazzjoni interna, dan il-membru tal-ikklerjar ikun jikkwalifika bħala membru tal-ikklerjar f'inadempjenza fir-rigward tas-CCP f'relazzjoni mas-sett/ijiet ta' netting partikolari. Il-proċeduri interni u l-mekkaniżmi li jirregolaw l-inadempjenza ta' membru tal-ikklerjar (“proċeduri ta' inadempjenza tas-CCP”) implimentati minn CCPs fid-dawl tar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), joffru bażi affidabbli biex jiġi ddeterminat il-valur tal-obbligazzjoni tad-derivattiv li jinħoloq fis-sett tan-netting kollu mill-close-out, anki fil-kuntest tar-rikapitalizzazzjoni interna fi proċess ta' riżoluzzjoni.

(18)

It-twettiq ta' proċeduri ta' inadempjenza tas-CCP jistgħu jieħdu diversi jiem jew aktar wara l-event skattatur. Fil-każ partikolari tar-riżoluzzjoni, li wieħed jistenna li jitlestew il-proċeduri ta' inadempjenza fuq perjodu twil ħafna sabiex jiġi stabbilit il-valur tad-derivattivi jista' jdgħajjef l-iskeda ta' żmien u l-objettivi tar-riżoluzzjoni u jista' jirriżulta fi tfixkil mhux meħtieġ fis-swieq finanzjarji. Huwa meħtieġ, għalhekk, li l-awtorità ta' riżoluzzjoni taqbel mas-CCP u mal-awtorità kompetenti tas-CCP dwar l-iskadenza sa meta jrid jiġi ddeterminat l-ammont ta' terminazzjoni bikrija, filwaqt li jitqiesu kemm il-limitazzjoni tas-CCP, kif ukoll dawk tal-awtorità ta' riżoluzzjoni.

(19)

L-ammont ta' terminazzjoni bikrija ddeterminat mis-CCP skont il-proċeduri ta' ġestjoni ta' inadempjenza sal-iskadenza miftiehma għandu jkun appoġġat mill-valwatur. Meta s-CCP tonqos milli tiddetermina l-ammont ta' terminazzjoni bikrija sal-iskadenza miftiehma jew ma tapplikax il-proċeduri tagħha ta' inadempjenza, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandu jkollha l-possibiltà li tiddependi fuq l-istimi tagħha stess biex tiddetermina l-ammont ta' terminazzjoni bikrija. L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tkun tista' tapplika determinazzjoni proviżorja abbażi tal-istimi tagħha stess meta tali azzjoni tkun iġġustifikata skont l-urġenza tal-proċess ta' riżoluzzjoni u sakemm tiġi aġġornata l-valwazzjoni tagħha hekk kif titlesta l-proċedura ta' inadempjenza tas-CCP fl-għeluq tal-iskadenza. L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tkun tista' tikkonsidra informazzjoni pprovduta mis-CCP wara l-iskadenza tal-valwazzjoni definittiva ex post, jekk tkun disponibbli f'dak iż-żmien, u fi kwalunkwe każ meta twettaq il-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament skont l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2014/59/UE. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta' ġestjoni ta' inadempjenza magħmula mis-CCPs skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(20)

Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament m'għandhomx jaffettwaw il-proċeduri interni tas-CCP għat-trasferiment tal-assi u tal-pożizzjonijiet stabbiliti bejn membru tal-ikklerjar inadempjenti u l-klijenti tiegħu, adottati skont l-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, u għandu jkun konsistenti ma' kwalunkwe dispożizzjoni jew kundizzjoni rilevanti oħra ta' awtorizzazzjoni li tista' taffettwa l-close-out tal-kuntratti tad-derivattivi rilevanti.

(21)

Il-punt ta' żmien għall-valwazzjoni tal-kuntratti tad-derivattivi għandu jirrifletti l-prinċipju ta' valwazzjoni li jikkunsidra l-kostijiet ta' sostituzzjoni reali jew ipotetiċi li jsostnu l-kontropartijiet. Sabiex il-valwazzjoni tkun kemm jista' jkun preċiża, il-valwazzjoni għandha titwettaq fid-data tal-close-out jew, jekk dan ma jkunx kommerċjalment raġonevoli, fl-ewwel jum u fil-ħin li fih ikun disponibbli prezz tas-suq għall-ass sottostanti. F'dawk il-każijiet fejn l-ammont ta' terminazzjoni bikrija jiġi ddeterminat mis-CCP jew bil-prezz tat-tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni, il-punt ta' referenza fiż-żmien għandu jkun dak tad-determinazzjoni tas-CCP jew dak tat-tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni.

(22)

Jekk l-awtorità ta' riżoluzzjoni, minħabba urġenza, tiddeċiedi li twettaq valwazzjoni proviżorja skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni jew il-valwatur għandhom ikunu jistgħu, bħala parti mill-valwazzjoni proviżorja, jipproduċu determinazzjoni proviżorja tal-valur tal-obbligazzjonijiet tad-derivattivi qabel dak il-punt ta' referenza ta' żmien, abbażi ta' stimi tal-valur u ta' dejta disponibbli f'dak il-ħin. Meta l-awtorità ta' riżoluzzjoni tieħu azzjoni ta' riżoluzzjoni abbażi tal-valwazzjoni proviżorja skont l-Artikolu 36(12) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-żviluppi tas-suq rilevanti osservati jew l-evidenza ta' tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni reali fil-punt ta' żmien ta' referenza jkunu riflessi fil-valwazzjoni proviżorja sussegwenti jew, fil-valwazzjoni finali mwettqa skont l-Artikolu 36(10) ta' dik id-Direttiva.

(23)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(24)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, ikkonsultat l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati Bankarji stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sett tan-netting” tfisser grupp ta' kuntratti soġġetti għal arranġament ta' netting kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(98) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(2)

“valwatur” tfisser espert indipendenti maħtur biex iwettaq il-valwazzjoni f'konformità mar-rekwiżiti u mal-kriterji stabbiliti fil-Parti Erbgħa tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075 (5) jew l-awtorità ta' riżoluzzjoni meta titwettaq valwazzjoni skont il-paragrafi (2) u (9) tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(3)

“kontroparti ċentrali”, jew “CCP” tfisser CCP kif iddefinita fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, sakemm tkun jew;

(a)

stabbilita fl-Unjoni u awtorizzata skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 14 sa 21 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b)

jew stabbilita f'pajjiż terz u rikonoxxuta skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(4)

“membru tal-ikklerjar” tfisser membru tal-ikklerjar kif iddefinit fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(5)

“data tal-close-out” tfisser il-jum u l-ħin tal-close-out speċifikat fil-komunikazzjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni tad-deċiżjoni ta' close-out;

(6)

“tranżazzjoni ta' sostituzzjoni” tfisser tranżazzjoni li wieħed jidħol fiha fid-data tal-close-out jew wara din id-data, ta' kuntratt tad-derivattivi biex jiġi stabbilit mill-ġdid, fuq bażi ta' skopertura għar-riskju nett, kwalunkwe ħeġġ jew pożizzjoni ta' negozjar relatata li ġew terminati fuq termini ekonomiċi ekwivalenti bħal tat-tranżazzjoni magħluqa (closed-out);

(7)

“tranżazzjoni ta' sostituzzjoni kummerċjalment raġonevoli” tfisser tranżazzjoni ta' sostituzzjoni li wieħed daħal fiha fuq bażi ta' skopertura għar-riskju innettjat, fuq termini konsistenti mal-prattika komuni tas-suq u billi jsiru sforzi raġonevoli biex jiġi akkwistat l-aħjar valur għall-flus.

Artikolu 2

Tqabbil bejn id-distruzzjoni tal-valur li tista' toriġina mill-close-out u mill-potenzjal ta' rikapitalizzazzjoni interna ta' kuntratti tad-derivattivi

1.   Għall-fini tal-Artikolu 49(4)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tqabbel dan li ġej:

(a)

l-ammont ta' telf li jiġġarrab mill-kuntratti tad-derivattivi f'rikapitalizzazzjoni interna, ikkalkulat billi jiġu mmultiplikati:

(i)

is-sehem, fi ħdan l-obbligazzjonijiet kollha tal-istess klassifikazzjoni, ta' obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti tad-derivattivi ddeterminati bħala parti mill-valwazzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59/UE u li ma jaqgħux fi ħdan l-esklużjonijiet minn rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(2) ta' din id-Direttiva; bit-

(ii)

total tat-telf mistenni li jiġġarrab mill-obbligazzjonijiet kollha tal-istess klassifikazzjoni, inkluż l-obbligazzjonijiet tad-derivattivi li joriġinaw mill-close-out;

fejn

(b)

id-distruzzjoni fil-valur abbażi ta' valutazzjoni tal-ammont ta' kostijiet, spejjeż, jew indebboliment ieħor fil-valur li hu mistenni li jiġġarrab riżultat ta' close-out tal-kuntratti tad-derivattivi, u li jinkiseb billi jiġi kkalkolat it-total tal-elementi li ġejjin:

(i)

ir-riskju ta' żieda fil-pretensjoni tal-kontroparti għal close-out li toriġina minn kostijiet ta' iħħeġġjar mill-ġdid li mistennija jiġu sostnuti minnha, billi jiġu kkunsidrati l-firxiet bejn it-talba u l-offerta, mid-to-bid, jew mid-to-offer skont l-Artikolu 6 (2)(b);

(ii)

il-kost li mistenni li jiġi sostnut mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni meta tistabbilixxi kwalunkwe tranżazzjoni ta' derivattivi komparabbli kkunsidrata meħtieġa sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid ħeġġ għal kwalunkwe skopertura miftuħa jew biex jinżamm profil ta' riskju aċċettabbli skont l-istrateġija ta' riżoluzzjoni. L-istabbiliment ta' tranżazzjoni ta' derivattivi komparabbli jista' jinkiseb billi jiġu kkunsidrati r-rekwiżi ta' marġini inizjali u l-firxiet bejn it-talba u l-offerta prevalenti;

(iii)

kwalunkwe tnaqqis fil-valur ta' frankiġja li joriġina mill-close-out ta' kuntratti tad-derivattivi, inkluż kwalunkwe indebboliment ta' valwazzjoni għal assi oħra jew assi sottostanti li huma marbuta mal-kuntratti tad-derivattivi li qed jingħalqu (close-out), u kwalunkwe impatt fuq il-kostijiet ta' finanzjament jew il-livelli ta' introjtu;

(iv)

kwalunkwe bafer ta' prekawzjoni kontra l-implikazzjonijiet ħżiena possibbli tal-close-out, bħal żbalji u tilwim fir-rigward tat-tranżazzjonijiet jew tal-iskambju tal-kollateral.

2.   It-tqabbil skont paragrafu 1 għandu jsir qabel tittieħed deċiżjoni ta' close-out, bħala parti mill-valwazzjoni biex tinforma deċiżjonijiet dwar azzjonijiet ta' riżoluzzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59/UE. Ladarba jidħol fis-seħħ att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 36(15) ta' din id-Direttiva, it-tqabbil għandu jsegwi r-rekwiżit stabbiliti f'dak l-att delegat.

Artikolu 3

Komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta' close-out

1.   Qabel l-eżerċitar tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u ta' konverżjoni fir-rigward tal-obbligazzjonijiet li joriġinaw minn kuntratti tad-derivattivi, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni li tagħlaq (close-out) kuntratti skont l-Artikolu 63(1)(k) tad-Direttiva 2014/59/UE lill-kontropartijiet ta' dawk il-kuntratti.

2.   Id-deċiżjoni ta' close-out issir effettiva immedjatament, jew f'data u ħin ta' close-out aktar tard kif speċifikat fil-komunikazzjoni.

3.   Fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità ta' riżoluzzjoni, filwaqt li tikkunsidra r-rekwiżiti fl-Artikolu 8(1)(c), tispeċifika d-data u l-ħin sa meta l-kontropartijiet jistgħu jipprovdu evidenza lill-awtorità ta' riżoluzzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni kommerċjalment raġonevoli għall-fini tad-determinazzjoni tal-ammont ta' close-out skont l-Artikolu 6(1). Il-kontroparti tipprovdi wkoll lill-awtorità ta' riżoluzzjoni sommarju ta' kwalunkwe tranżazzjoni ta' sostituzzjoni kommerċjalment raġonevoli.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tibdel id-data u l-ħin li fihom il-kontropartijiet jistgħu jipprovdu evidenza ta' tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni kommerċjalment raġonevoli, fejn tali tibdil ikun konsistenti mal-Artikolu 8(1)(c).

Kwalunkwe deċiżjoni biex jinbidlu d-data u l-ħin sa meta l-kontropartijiet jistgħu jipprovdu evidenza ta' tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni kummerjalment raġonevoli għandha tiġi kkomunikata lill-kontroparti.

5.   Fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tispeċifika l-kriterji li biħsiebha tapplika meta tivvaluta jekk tranzazzjonijiet ta' sostituzzjoni humiex kummerċjalment raġonevoli.

6.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-close-out u għall-valwazzjoni ta' kuntratti ta' derivattivi kklerjati ċentralment li jkunu ġew stipulati bejn istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, li taġixxi bħala membru tal-ikklirjar, u CCP.

Artikolu 4

Ir-rwol tal-ftehim ta' netting

Għal kuntratti soġġetti għal ftehim ta' netting, il-valwatur jistabbilixxi, skont l-Artikoli 2, 5, 6 u 7, ammont wieħed li l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jkollha d-dritt legali li tirċievi jew l-obbligu legali li tħallas b'riżultat tal-close-out tal-kuntratti kollha tad-derivattivi fis-sett tan-netting, kif iddefinit fil-ftehim ta' netting.

Artikolu 5

Prinċipju ta' valwazzjoni għal ammont ta' terminazzjoni bikrija

1.   Il-valwatur jiddetermina l-valur tal-obbligazzjonijiet li joriġinaw minn kuntratti tad-derivattivi bħala ammont ta' terminazzjoni bikrija, ikkalkulat bħala t-total tal-ammonti li ġejjin:

(a)

ammonti mhux imħallsa, kollaterali jew ammonti oħra dovuti mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lill-kontroparti, bit-tnaqqis tal-ammonti mhux imħallsa, ammonti kollaterali u ammonti oħra dovuti mill-kontraparti lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fid-data tal-close-out;

(b)

ammont ta' close-out li jkopri l-ammont ta' telf jew kostijiet minn kontropartijiet ta' derivattivi, jew qligħ realizzat minnhom, billi jiġu sostitwiti jew miksuba l-ekwivalenti ekonomiċi ta' termini materjali tal-kuntratti tterminati u d-drittijiet ta' opzjoni tal-partijiet fir-rigward ta' dawk il-kuntratti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ammonti mhux imħallsa tfisser, fir-rigward ta' kuntratti tad-derivattivi magħluqa (closed-out), it-total ta' dan li ġej:

(a)

ammonti li saru pagabbli fid-data tal-close-out jew qabilha u li għadhom ma tħallsux sa dik id-data;

(b)

ammont daqs il-valur ġust tas-suq tal-ass li kien meħtieġ li jiġi fornut għal kull obbligu tal-kuntratti tad-derivattivi li meħtieġ li jiġi saldat sal-konsenja jew qabel id-data tal-close-out u li jkun għadu ma ġiex saldat sad-data tal-close-out;

(c)

ammonti fir-rigward tal-imgħax jew il-kumpens akkumulat waqt il-perjodu mid-data li fiha l-pagament rilevanti jew l-obbligi ta' forniment saru dovuti sad-data tal-close-out.

Artikolu 6

Determinazzjoni tal-ammont ta' close-out

1.   Meta kontroparti tkun ipprovdiet evidenza ta' tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni kommerċjalment raġonevoli fi żmien l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 3(3), il-valwatur jiddetermina l-ammont tal-close-out bil-prezzijiet ta' dawk it-tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni.

2.   Meta kontroparti ma tkun ipprovdiet ebda evidenza ta' xi tranżazzjoni ta' sostituzzjoni fi żmien l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 3(3), meta l-valwatur jikkonkludi li t-tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni kkomunikati ma ġewx konklużi fuq termini kommerċjalment raġonevoli, jew meta japplikaw l-Artikoli 7(7) jew 8(2), il-valwatur jiddetermina l-ammont tal-close-out abbażi ta' dan li ġej:

(a)

il-prezzijiet ta' nofs is-suq ta' tmiem il-jum skont il-proċessi business-as-usual fi ħdan l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fid-data ddeterminata skont l-Artikolu 8;

(b)

il-firxa mid-to-bid jew mid-to-offer, skont id-direzzjoni tal-pożizzjoni ta' riskju innettjat (netted);

(c)

aġġustamenti għall-prezzijiet u l-firxiet imsemmija fil-punti (a) u (b) fejn neċessarju biex tiġi riflessal-likwidità tas-suq tar-riskji jew l-istrumenti sottostanti u d-daqs tal-iskopertura fir-rigward tal-kobor tas-suq, kif ukoll ir-riskji possibbli tal-mudell.

3.   Fir-rigward tal-obbligazzjonijiet intragrupp, il-valwatur jista' jistabbilixxi l-valur tal-prezzijiet ta' nofs is-suq, tmiem il-jum kif imsemmi fil-paragrafu 2(a), mingħajr ma jiġu kkunsidrat il-paragrafu 2(b) u (c), fejn l-istrateġija ta' riżoluzzjoni tkun timplika l-iħħeġġjar mill-ġdid tat-tranżazzjonijiet terminati permezz ta' tranżazzjoni ta' derivivattivi intragrupp jew grupp ta' tranżazzjonijiet oħra.

4.   Għad-determinazzjoni tal-valur tal-ammont ta' close-out skont il-paragrafu 2, il-valwatur għandu jikkunsidra firxa sħiħa ta' sorsi ta' dejta disponibbli u affidabbli u jista' joqgħod fuq dejta osservabbli tas-swieq jew prezzijiet teoretiċi ġġenerati minn mudelli ta' valwazzjoni mmirati biex jagħmlu stima ta' valuri, inkluż is-sorsi tad-dejta li ġejjin:

(a)

dejta pprovduta minn partijiet terzi, bħal dejta osservabbli tas-swieq jew dejta tal-parametri ta' valwazzjoni u kwotazzjonijiet mingħand ġeneraturi tas-suq, meta kuntratt ikun ikklerjat ċentralment, b'valuri jew stimi miksuba minn CCPs.

(b)

għal prodotti standardizzati, valwazzjonijiet iġġenerati mis-sistemi proprji tal-valwatur;

(c)

dejta disponibbli fi ħdan l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, bħal mudelli interni u valwazzjonijiet inklużi verifiki tal-prezzijiet indipendenti mwettqa skont l-Artikolu 105(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

(d)

dejta pprovduta mill-kontropartijiet, minbarra evidenza ta' tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni kkomunikata skont l-Artikolu 3(3), inkluż dejta dwar valwazzjoni attwali jew preċedenti fir-rigward ta' tranżazzjonijiet u kwotazzjonijiet simili jew relatati;

(e)

kwalunkwe dejta rilevanti oħra.

5.   Għall-fini tal-paragrafu 2(b), l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tagħti struzzjonijiet lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni biex twettaq verifika indipendenti tal-prezzijiet aġġornata fil-punt ta' referenza ta' żmien stabbilit skont l-Artikolu 8, bl-użu ta' informazzjoni fi tmiem il-jum disponibbli fid-data tal-close-out.

6.   Dan l-Artikolu ma japplikax għad-determinazzjoni tal-ammont tal-close-out għal kuntratti tad-derivattivi kklerjati li jkunu daħlu fihom l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u CCP, minbarra fiċ-ċirkostanzi ta' eċċezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 7(7).

Artikolu 7

Valwazzjoni ta' kuntratti tad-derivattivi kklerjati li daħlu fihom istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u CCP

1.   Il-valwatur jistabbilixxi l-valur tal-obbligazzjonijiet li joriġinaw minn kuntratti tad-derivattivi li saru bejn, min-naħa l-waħda, istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li taġixxi bħala membru tal-ikklerjar u, min-naħa l-oħra, CCP, abbażi tal-prinċipju ta' valwazzjoni speċifikat fl-Artikolu 5. L-ammont ta' terminazzjoni bikrija jiġi ddeterminat mis-CCP, fi ħdan l-iskadenza speċifikata fil-paragrafu 5, skont il-proċeduri ta' inadempjenza tas-CCP, wara li jitnaqqas il-kollateral pprovdut mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, inkluż il-marġni inizjali, il-marġni ta' varjazzjoni u l-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lill-fond ta' inadempjenza tas-CCP.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tikkomunika lis-CCP u lill-awtorità kompetenti tas-CCP id-deċiżjoni tagħha li tagħlaq il-kuntratti tad-derivattivi skont l-Artikolu 63(1)(k) tad-Direttiva 2014/59/UE. Id-deċiżjoni għal close out għandha ssir effettiva immedjatament, jew fid-data u l-ħin speċifikati fil-komunikazzjoni.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tagħti struzzjonijiet lis-CCP biex tipprovdi l-valwazzjoni tagħha tal-ammont ta' terminazzjoni bikrija għall-kuntratti tad-derivattivi kollha fis-sett tan-netting rilevanti, skont il-proċedura ta' inadempjenza tas-CCP.

4.   Is-CCP tipprovdi lill-awtorità ta' riżoluzzjoni bid-dokumenti tal-proċedura ta' inadempjenza tas-CCP u tirrapporta l-passi ta' ġestjoni ta' inadempjenza li jittieħdu.

5.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni, bi ftehim mas-CCP u mal-awtorità kompetenti tas-CCP, tistabbilixxi l-iskadenza sa meta s-CCP trid tipprovdi l-valwazzjoni tal-ammont ta' terminazzjoni bikrija. Għal dan il-għan, l-awtorità ta' riżoluzzjoni, is-CCP u l-awtorità kompetenti tas-CCP għandhom jikkunsidraw dawn li ġejjin:

(a)

il-proċedura ta' inadempjenza, kif stabbilita mir-regoli ta' governanza tas-CCP f'konformità mal-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b)

l-iskeda tar-riżoluzzjoni.

6.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tibdel l-iskadenza stabbilita skont il-paragrafu 5 wara ftehim mas-CCP u mal-awtorità kompetenti tas-CCP.

7.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tiddeċiedi li tapplika l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 6, wara konsulazzjoni mal-awtorità kompetenti tas-CCP, f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

is-CCP ma tipprovdix il-valwazzjoni tal-ammont ta' terminazzjoni bikrija sal-iskadenza stabbilita mill-awtorità ta' riżoluzzjoni skont il-paragrafu 5; jew

(b)

il-valwazzjoni tas-CCP tal-ammont ta' terminazzjoni bikrija ma tkunx konformi mal-proċeduri ta' inadempjenza tas-CCP stabbiliti fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 8

Punt ta' żmien biex jiġi stabbilit il-valur tal-obbligazzjonijiet derivattivi u d-determinazzjoni bikrija

1.   Il-valwatur jiddetermina l-valur tal-obbligazzjonijiet derivattivi fil-punt ta' żmien li ġej:

(a)

meta l-valwatur jiddetermina l-ammont ta' terminazzjoni bikrija bil-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni skont l-Artikolu 6(1), il-jum u l-ħin tal-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni;

(b)

f'każ fejn il-valwatur jiddetermina l-ammont ta' terminazzjoni bikrija f'konformità mal-proċeduri ta' inadempjenza skont l-Artikolu 7(1), il-jum u l-ħin meta ġie ddeterminat l-ammont ta' terminazzjoni bikrija mis-CCP;

(c)

fil-każijiet l-oħra kollha, id-data ta' close-out jew, meta din ma tkunx kummerċjalment raġonevoli, il-jum u l-ħin li fihom prezz tas-suq ikun disponibbli għall-ass sottostanti.

2.   Il-valwatur jista', bħala parti minn valwazzjoni proviżorja mwettqa skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59/UE, jiddetermina l-valur ta' obbligazzjonijiet li joriġinaw minn direttivi iktar kmieni mill-punt ta' żmien iddeterminat skont il-paragrafu 1. Tali determinazzjoni bikrija ssir abbażi ta' stimi, li jiddependu fuq il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 u l-Artikolu 6(2) sa (5) u fuq dejta disponibbli fiż-żmien tad-determinazzjoni.

3.   Meta l-valwatur iwettaq determinazzjoni bikrija skont il-paragrafu 2, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' f'kull ħin titlob lill-valwatur jaġġorna l-valwazzjoni proviżorja biex jitqiesu l-iżviluppi osservabbli tas-swieq jew l-evidenza ta' tranżazzjonijiet ta' sostituzzjoni kummerċjalment raġonevoli konklużi rilevanti fil-punt ta' żmien ddeterminat skont il-paragrafu 1. Dawn l-iżviluppi jew l-evidenza, meta disponibbli sad-data u l-ħin speċifikati skont l-Artikolu 3(2), jiġu kkunsidrati fil-valwazzjoni definittiva ex post imwettqa skont l-Artikolu 36(10) tad-Direttiva 2014/59/UE.

4.   Meta l-valwatur iwettaq determinazzjoni bikrija, f'konformità mal-paragrafu 2, fir-rigward ta' kuntratti tad-derivattivi bejn istituzzjoni ta' riżoluzzjoni li taġixxi bħala membru tal-ikklerjar u CCP, il-valwatur jikkunsidra kif dovut kwalunkwe stima ta' kostijiet ta' close-out previsti pprovduta mis-CCP.

Meta s-CCP tipprovdi valwazzjoni ta' ammont ta' terminazzjoni bikrija skont il-proċeduri ta' inadempjenza tas-CCP sal-iskadenza stabbilita skont l-Artikolu 7(5) u (6), din il-valwazzjoni għandha tiġi kkonsidrata fil-valwazzjoni definittiva ex post imwettqa skont l-Artikolu 36(10) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-23 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/860 tal-4 ta' Frar 2016 li jkompli jispeċifika ċ-ċirkostanzi meta l-esklużjoni mill-applikazzjoni ta' setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni hija meħtieġa skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment (ĠU L 144, 1.6.2016, p. 11).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075 tat-23 ta' Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta' rkupru, il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta' rkupru u pjanijiet ta' rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valwaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni, il-proċeduri u l-kontenut tar-rekwiżiti ta' notifika u tal-avviż ta' sospensjoni u l-funzjonament operazzjonali tal-kulleġġi ta' riżoluzzjoni (ĠU L 184, 8.7.2016, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1)