28.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1227

tas-27 ta' Lulju 2016

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2568/91 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żejt tal-fdal taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta' analiżi rilevanti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-punt (d) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 91 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 (2) jiddefinixxi l-karatteristiċi kimiċi u organolettiċi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żejt mir-residwi taż-żebbuġ u jistabbilixxi l-metodi tal-valutazzjoni ta' dawk il-karatteristiċi. Dawk il-metodi jiġu aġġornati abbażi tal-opinjoni ta' esperti tal-kimiċi u huma konformi mal-ħidma mwettqa mill-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (minn hawn 'il quddiem l-“IOC”).

(2)

Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-aktar standards internazzjonali riċenti li ġew stabbiliti mill-IOC, għandhom jiġu aġġornati l-metodu li bih tiġi determinata l-aċidità libera u l-metodu marbut mal-valutazzjoni organolettika taż-żjut taż-żebbuġa verġni stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2568/91.

(3)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq fi Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness II jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(2)

L-Anness XII huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta' Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta' analiżi rilevanti (ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1).


ANNESS I

“ANNESS II

DETERMINAZZJONI TAL-AĊIDI GRASSI LIBERI, METODU FIL-KIESAĦ

1.   KAMP U QASAM TAL-APPLIKAZZJONI

Dan il-metodu jiddeskrivi d-determinazzjoni tal-aċidi grassi liberi fiż-żjut taż-żebbuġa u fiż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ. Il-kontenut tal-aċidi grassi liberi huwa espress bħala aċidità kkalkolata bħala l-persentaġġ ta' aċidu olejku.

2.   PRINĊIPJU

Jiddewweb kampjun f'taħlita ta' solventi u l-aċidi grassi liberi preżenti jiġu ttitrati billi tintuża soluzzjoni tal-idrossidu tal-potassju jew tal-idrossidu tas-sodju.

3.   REAĠENTI

Ir-reaġenti kollha għandhom ikunu ta' kwalità analitika magħrufa u l-ilma użat għandu jkun distillat jew ta' purità ekwivalenti.

3.1   Etere dietiliku; 95 % etanol (v/v), taħlita ta' partijiet ugwali bil-volum.

Innewtralizza preċiżament fil-mument tal-użu b'soluzzjoni tal-idrossidu tal-potassju (3.2) billi żżid 0,3 ml ta' soluzzjoni ta' fenolftaleina (3.3) għal kull 100 ml ta' taħlita.

Nota 1:

L-etere dietiliku jieħu n-nar malajr ħafna u jista' jifforma perossidi splussivi. Meta jintuża, wieħed irid joqgħod attent ħafna.

Nota 2:

Jekk ma jkunx possibbli li jintuża l-etere dietiliku, tista' tintuża taħlita ta' solventi bl-etanol u t-toluwen. Jekk meħtieġ, l-etanol jista' jiġi sostitwit bil-propanol-2.

3.2   Soluzzjoni etanolika jew milwiema ttitrata tal-idrossidu tal-potassju jew tal-idrossidu tas-sodju, c(KOH) [jew c(NaOH)] madwar 0,1 mol/l jew, jekk meħtieġ, c(KOH) [jew c(NaOH)] madwar 0,5 mol/l. Huma disponibbli soluzzjonijiet kummerċjali.

Il-konċentrazzjoni eżatta tas-soluzzjoni tal-idrossidu tal-potassju (jew tas-soluzzjoni tal-idrossidu tas-sodju) għandha tkun magħrufa u vverifikata immedjatamement qabel tintuża. Uża soluzzjoni li tkun ġiet ippreparata tal-inqas ħamest ijiem qabel l-użu u mferrgħa ġo flixkun kannella tal-ħġieġ b'tapp tal-gomma. Is-soluzzjoni għandha tkun mingħajr kulur jew lewn it-tiben.

Jekk meta tintuża s-soluzzjoni milwiema tal-idrossidu tal-potassju (jew tal-idrossidu tas-sodju) tiġi osservata separazzjoni f'fażijiet, ibdel is-soluzzjoni milwiema b'soluzzjoni etanolika.

Nota 3:

Soluzzjoni stabbli mingħajr kulur tal-idrossidu tal-potassju (jew tal-idrossidu tas-sodju) tista' titħejja kif ġej. Għalli 1 000 ml ta' etanol jew ta' ilma flimkien ma' 8 g tal-idrossidu tal-potassju (jew ta' idrossidu tas-sodju) u 0,5 g ta' ċana tal-aluminju u kompli għalli bir-rifluss għal siegħa. Iddistilla minnufih. Dewweb il-kwantità meħtieġa tal-idrossidu tal-potassju (jew tal-idrossidu tas-sodju) fid-distillat. Ħalli għal diversi jiem u ferra' l-likwidu supernatanti ċar mill-preċipitat tal-karbonat tal-potassju (jew tal-karbonat tas-sodju).

Is-soluzzjoni tista' titħejja wkoll mingħajr distillazzjoni kif ġej: żid 4 ml ta' aluminju ta' butilat tal-aluminju ma' 1 000 ml ta' etanol u ħalli t-taħlita toqgħod għal diversi jiem. Ferra' l-likwidu supernatanti u dewweb il-kwantità meħtieġa tal-idrossidu tal-potassju (jew tal-idrossidu tas-sodju). Is-soluzzjoni hija lesta biex tintuża.

3.3   Soluzzjoni ta' 10 g/l ta' fenolftaleina f'bejn 95 % sa 96 % ta' etanol (v/v) jew blu alkalin 6B, jew soluzzjoni ta' 20 g/l ta' timolftaleina f'bejn 95 % sa 96 % ta' etanol (v/v). Fil-każ ta' żjut li għandhom kulur qawwi, għandu jintuża l-blu alkalin jew it-timolftaleina.

4.   APPARAT

Tagħmir normali tal-laboratorju li jinkludi:

4.1

Miżien analitiku;

4.2

flask koniku ta' 250 ml;

4.3

buretta ta' 10 ml tal-klassi A, gradata f'0,05 ml, jew buretta awtomatika ekwivalenti.

5.   PROĊEDURA

5.1   Tħejjija tal-kampjun għat-test

Il-kampjun għandu jiġi ffiltrat hekk kif jidher imċajpar.

5.2   Porzjon tat-test

Ħu kampjun skont l-aċidità preżunta f'konformità mat-tabella li ġejja:

Aċidità mistennija

Aċidità olejka (g/100 g)

Massa tal-kampjun (g)

Preċiżjoni tal-użin (g)

0 sa 2

10

0,02

> 2 sa 7,5

2,5

0,01

> 7,5

0,5

0,001

Iżen il-kampjun fil-flask koniku (4.2).

5.3   Determinazzjoni

Dewweb il-kampjun (5.2) f'bejn 50 sa 100 ml tat-taħlita nnewtralizzata minn qabel tal-etere dietiliku u l-etanol (3.1).

Ittitra filwaqt li tħawwad ma' soluzzjoni ta' 0,1 mol/l tal-idrossidu tal-potassju (jew tal-idrossidu tas-sodju) (3.2) (ara n-Nota 4) sakemm l-indikatur jinbidel (il-kulur tal-indikatur kulurit jippersisti għal tal-inqas għaxar minuti).

Nota 4:

Jekk il-kwantità tas-soluzzjoni ta' 0,1 mol/l tal-idrossidu tal-potassju (jew tal-idrossidu tas-sodju) meħtieġa taqbeż 10 ml, uża s-soluzzjoni ta' 0,5 mol/l jew ibdel il-massa tal-kampjun skont l-aċidu libera mistennija u t-tabella proposta.

Nota 5:

Jekk is-soluzzjoni ssir imċajpra matul it-titrazzjoni, żid biżżejjed solventi (3.1) biex tikseb soluzzjoni ċara.

Wettaq it-tieni determinazzjoni biss jekk l-ewwel riżultat ikun ogħla mil-limitu speċifikat għall-kategorija taż-żejt.

6.   ESPRESSJONI TAR-RIŻULTATI

L-aċidità bħala perċentwali ta' aċidu olejku bil-piż hija ugwali għal:

Formula

fejn:

V

=

il-volum tas-soluzzjoni tal-idrossidu tal-potassju (jew tal-idrossidu tas-sodju) titrata użata, f'millimetri;

c

=

il-konċentrazzjoni eżatta f'moli għal kull litru tas-soluzzjoni ttitrata tal-idrossidu tal-potassju (jew tal-idrossidu tas-sodju) użata;

M

=

282 g/mol, il-piż molari fi grammi għal kull mol ta' aċidu olejku;

m

=

il-massa tal-kampjun fi grammi.

L-aċidità olejka hija rrappurtata kif ġej:

(a)

sa żewġ punti deċimali għall-valuri minn 0 sa 1 (valur inkluż);

(b)

sa punt deċimali wieħed għall-valuri minn 1 sa 100 (valur inkluż).”


ANNESS II

L-Anness XII tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punt 3.3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.3.   Terminoloġija fakultattiva għall-finijiet tat-tikkettar

Fuq talba, il-kap tal-bord jista' jiċċertifika li ż-żjut li ġew ivvalutati huma konformi mad-definizzjonijiet u mal-gradi li jikkorrispondu biss mat-termini li ġejjin, skont l-intensità u l-perċezzjoni tal-attributi.

Attributi pożittivi (togħma ta' frott, morr u punġenti): Skont l-intensità tal-perċezzjoni:

Qawwija, meta l-valur medjan tal-attribut ikun ta' iktar minn 6;

Medja, meta l-valur medjan tal-attribut ikun ta' bejn 3 u 6;

Ħafifa, meta l-valur medjan tal-attribut ikun ta' inqas minn 3.

Togħma tal-frott

Sett ta' sensazzjonijiet marbutin mas-sens tax-xamm li huma tipiċi għaż-żejt, skont il-varjetà taż-żebbuġ u li jiġu miż-żebbuġ frisk u b'saħħtu, u li fihom la tiddomina t-togħma tal-frott aħdar u lanqas dik tal-frott li jkun sar. Dawn jiġu nnutati direttament u/jew permezz tan-naħa ta' wara tal-imnieħer.

Togħma tal-frott aħdar

Sett ta' sensazzjonijiet marbutin mas-sens tax-xamm li huma tipiċi għaż-żejt u li jfakkru fil-frott aħdar, skont il-varjetà taż-żebbuġ u li jiġu miż-żebbuġ aħdar frisk u b'saħħtu. Dawn jiġu nnutati direttament u/jew permezz tan-naħa ta' wara tal-imnieħer.

Togħma tal-frott misjur

Sett ta' sensazzjonijiet marbutin mas-sens tax-xamm li huma tipiċi għaż-żejt u li jfakkru fil-frott misjur, skont il-varjetà taż-żebbuġ u li jiġu miż-żebbuġ frisk u b'saħħtu. Dawn jiġu nnutati direttament u/jew permezz tan-naħa ta' wara tal-imnieħer.

Togħma bbilanċjata

Żejt li ma jurix nuqqas ta' bilanċ, jiġifieri s-sensazzjoni tattili u marbuta mas-sens tax-xamm u tat-togħma li fiha l-valur medjan tal-attribut tat-togħma morra u l-valur medjan tal-attribut punġenti ma jkunux iktar minn żewġ punti ogħla minn dak tat-togħma tal-frott.

Żejt ta' togħma mmoderata

Żejt li l-valur medjan tal-attributi tat-togħma morra u punġenti jkun ta' 2 jew inqas.

Lista ta' termini skont l-intensità tal-perċezzjoni:

Termini suġġetti għall-produzzjoni ta' ċertifikat tat-test organolettiku

Medjan tal-attribut

Togħma tal-frott

Togħma tal-frott misjur

Togħma tal-frott aħdar

Togħma ħafifa

Inqas minn 3

Medja tat-togħma tal-frott

Bejn 3 u 6

Togħma qawwija

Iktar minn 6

Togħma ħafifa tal-frott misjur

Inqas minn 3

Togħma medja tal-frott misjur

Bejn 3 u 6

Togħma qawwija tal-frott misjur

Iktar minn 6

Togħma ħafifa tal-frott aħdar

Inqas minn 3

Togħma medja tal-frott aħdar

Bejn 3 u 6

Togħma qawwija tal-frott aħdar

Iktar minn 6

Togħma ħafifa morra

Inqas minn 3

Togħma medja morra

Bejn 3 u 6

Togħma qawwija morra

Iktar minn 6

Togħma punġenti ħafifa

Inqas minn 3

Togħma punġenti medja

Bejn 3 u 6

Togħma punġenti qawwija

Iktar minn 6

Żejt ibbilanċjat

Il-valur medjan tal-attribut tat-togħma morra u l-valur medjan tal-attribut tat-togħma punġenti jkunu mhux aktar minn 2 punti ogħla mill-punt medjan tat-togħma tal-frott

Żejt ta' togħma mmoderata

Il-valur medjan tal-attribut tat-togħma morra u l-valur medjan tal-attribut tat-togħma punġenti ma jkunux aktar minn 2”

(2)

il-punt 9.1.1 jinbidel b'dan li ġej:

“9.1.1.

Id-dewwieqa għandhom jaqbdu t-tazza, iżommuha mgħottija bil-watch-glass u jgħawġuha bil-mod; imbagħad għandhom idawru t-tazza kompletament f'din il-pożizzjoni sabiex ixarrbuha kemm jista' jkun minn ġewwa. Ladarba jlestu dan l-istadju, għandhom ineħħu l-watch-glass u jxommu l-kampjun, filwaqt li jieħdu nifsijiet fil-fond bil-mod sabiex jevalwaw iż-żejt. M'għandhomx idumu iktar minn 30 sekonda jxommu ż-żejt. Jekk f'dan il-ħin ma jkun irnexxielhom jaslu għall-ebda konklużjoni, għandhom jieqfu għal waqfa qasira ta' mistrieħ qabel ma jerġgħu jippruvaw.

Meta jsir it-test tax-xamm, id-dewwieqa għandhom jevalwaw is-sensazzjonijiet ta' ġol-ħalq (is-sensazzjonijiet ġenerali retronażali tax-xamm, tat-togħma u dawk tattili). Sabiex jagħmlu dan, għandhom jieħdu bejn wieħed u ieħor 3 ml ta' żejt. Huwa importanti ħafna li ż-żejt jitqassam fil-kavità kollha tal-ħalq, mill-parti ta' quddiem tal-ħalq u tal-ilsien tul il-ġnub għall-parti ta' wara u għall-parti li tappoġġa l-palat u l-gerżuma, minħabba li huwa fatt magħruf li l-perċezzjoni tas-sensazzjonijiet tat-togħma u tattili jvarjaw fl-intensità tagħhom skont iż-żona tal-ilsien, tal-palat u tal-gerżuma.

Għandu jiġi enfasizzat li huwa essenzjali li jinfirex ammont suffiċjenti taż-żejt bil-mod ħafna fuq in-naħa ta' wara tal-ilsien lejn il-parti li tappoġġa l-palat u l-gerżuma waqt li d-dewwieq jikkonċentra fuq l-ordni li fiha jidhru l-istimuli tat-togħma morra u qawwija. Jekk dan ma jsirx, f'ċerti żjut dawn iż-żewġ stimuli jistgħu ma jiġux innutati jew inkella l-istimulu tat-togħma qawwija jista' jgħatti 'l dak tat-togħma morra.

Il-fatt li d-dewwieq jieħu nifsijiet qosra wieħed wara l-ieħor u jiġbed in-nifs mill-ħalq jippermettilu mhux biss li jifrex il-kampjun b'mod estensiv mal-ħalq kollu, iżda wkoll li jinnota l-komposti aromatiċi volatili permezz tan-naħa ta' wara tal-imnieħer billi jġiegħel lill-ġisem juża 'l dan il-kanal.

N.B. Meta d-dewwieqa ma jipperċepixxu l-ebda togħma ta' frott fil-kampjun u l-intensità tal-valur tal-attribut negattiv li jikklassifika tkun ta' 3,5 jew inqas, il-kap tal-bord jista' jiddeċiedi jagħmel arranġamenti biex id-dewwieqa janalizzaw mill-ġdid il-kampjun fit-temperatura ambjentali (COI/T.20/Doc. No 6/Rev. 1, Settembru 2007, it-taqsima 3 — Speċifikazzjonijiet ġenerali għall-installazzjoni ta' kamra tat-testijiet) filwaqt li jispeċifika l-kuntest u l-kunċett tat-temperatura ambjentali. Meta l-kampjun jilħaq temperatura tal-kamra, id-dewwieqa għandhom jivvalutaw mill-ġdid biex jivverifikaw biss jekk ikunx ipperċepit l-attribut tat-togħma tal-frott. Jekk dan ikun il-każ, dawn għandhom jimmarkaw l-intensità tiegħu fuq l-iskala.

Għandha titqies is-sensazzjoni tattili ta' togħma qawwija. Għal dan l-għan huwa rrakkomandat li d-dewwieqa jibilgħu ż-żejt.”

(3)

Il-punt 9.4 jinbidel b'dan li ġej:

“9.4.   Il-klassifika taż-żejt

Iż-żejt għandu jiġi kklassifikat kif ġej, skont il-valur medjan tad-difetti u l-valur medjan tal-attribut tat-togħma tal-frott. Il-valur medjan tad-difetti huwa ddefinit bħala l-valur medjan tad-difett innutat bl-akbar intensità. Il-valur medjan tad-difetti u l-valur medjan tal-attribut tat-togħma tal-frott jingħataw bħala numri b'ċifra waħda wara l-punt deċimali.

Iż-żejt jiġi kklassifikat billi l-valur medjan tad-difetti u l-valur medjan tal-attribut tat-togħma tal-frott jitqabblu mal-firxiet ta' valuri ta' referenza mogħtija hawn taħt. L-iżball tal-metodu tqies meta kienu qed jiġu stabbiliti l-limiti ta' dawn il-firxiet u allura dawn għandhom jitqiesu bħala assoluti. Il-pakketti ta' softwer tal-kompjuter jippermettu li l-klassifika tintwera fil-forma ta' tabella bid-dejta statistika jew fil-forma ta' graff.

(a)

Żejt taż-żebbuġa straverġini il-valur medjan tad-difetti huwa 0 u l-valur medjan tal-attribut tat-togħma ta' frott huwa ta' iktar minn 0;

(b)

Żejt taż-żebbuġa verġni: il-valur medjan tad-difetti huwa ta' iktar minn 0 iżda ta' mhux iktar minn 3,5 u l-valur medjan tal-attribut tat-togħma ta' frott huwa ta' iktar minn 0;

(c)

Żejt taż-żebbuġa lampante: il-valur medjan tad-difetti huwa ta' iktar minn 3,5 jew huwa ta' 3,5 jew inqas, u l-valur medjan tal-attribut tat-togħma ta' frott huwa ta' 0.

Nota 1:

Meta l-valur medjan tal-attribut tat-togħma morra u/jew qawwija jkun ta' iktar minn 5,0, il-kap tal-bord għandu jiddikjara dan fuq iċ-ċertifikat tat-test.

Fil-każ tal-valutazzjonijiet imwettqa għall-kontroll tal-konformità, għandu jsir test wieħed. Fil-każ ta' kontrovalutazzjonijiet, l-analiżi trid titwettaq darbtejn u f'sessjonijiet tad-dewqan differenti; Ir-riżultati tal-analiżi duplikata jridu jkunu omoġenji b'mod sistematiku. (Ara l-punt 9.5). Jekk le, il-kampjun għandu jerġa' jiġi analizzat mill-ġdid darbtejn. Il-valur finali tal-medjan tal-attributi tal-klassifikazzjoni se jkun ikkalkulat billi tintuża l-medja taż-żewġ valuri medjani.”

(4)

Jiżdied il-punt 9.5 li ġej:

“9.5   Kriterji għall-aċċettazzjoni u r-rifjut ta' duplikati

Għandu jintuża l-errur normalizzat, li huwa ddefinit hawn taħt, biex jiġi stabbilit jekk żewġ riżultati ta' analiżi duplikata jkunux omoġenji jew statistikament aċċettabbli:

Formula

Fejn Me1 u Me2 huma l-valuri medjani taż-żewġ duplikati (rispettivament l-ewwel u t-tieni analiżi) u U1 u U2 huma l-inċertezzi estiżi miksuba għal dawn iż-żewġ valuri, ikkalkolati hekk kif speċifikat fl-Appendiċi:

U 1 = c × s* and Formula

Għall-inċertezza estiża, c = 1,96; għalhekk:

U1 = 0,0196 × CVr × Me1

fejn CVr huwa l-koeffiċjent qawwi tal-varjazzjoni.

Biex ikun iddikjarat li ż-żewġ valuri miksuba mhumiex statistikament differenti, En irid tkun ta' 1,0 jew inqas.”