7.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/28


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1096

tas-6 ta' Lulju 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1251/2008 rigward ir-rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq ta' kunsinni ta' ċerti speċijiet ta' ħut maħsuba għall-Istati Membri jew għal partijiet tagħhom li għandhom miżuri nazzjonali rigward l-alfavirus tas-salmonidi (SAV) approvati bid-Deċiżjoni 2010/221/UE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 43 u 61(3) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 (2) jistipula l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti dwar iċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni tal-annimali tal-akkwakultura fl-Istati Membri jew f'partijiet tagħhom li huma suġġetti għal miżuri nazzjonali approvati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE (3).

(2)

Id-Deċiżjoni 2010/221/UE tippermetti lill-Istati Membri li huma elenkati fl-Anness I jew fl-Anness II li jimponu l-kundizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u fuq l-importazzjoni ta' speċijiet ta' ħut li huma suxxettibbli għall-alfavirus tas-salmonidi (SAV) f'żoni li huma meqjusa ħielsa minn dik il-marda jew li huma koperti minn programm ta' sorveljanza approvat. Il-konsenji tal-ispeċijiet ta' ħut li huma suxxettibbli għall-SAV maħsubin għat-trobbija, għal żoni ta' żamma, għal meded ta' ilma għas-sajd ripopolati artifiċjalment, għal faċilitajiet ornamentali miftuħa u għall-istokkjar mill-ġdid, għandhom joriġinaw minn żoni fejn l-istatus tas-saħħa huwa ekwivalenti, u għandhom ikollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jiċċertifika l-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti.

(3)

Biex ikun aċċertat li dawn ir-rekwiżiti jkunu rispettati, jixraq li fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 ikun hemm referenza għall-SAV.

(4)

Il-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 telenka l-ispeċijiet suxxettibbli għall-mard li dwaru ġew approvati l-miżuri nazzjonali skont id-Deċiżjoni 2010/221/UE. Il-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akwatiċi (il-Kodiċi Akwatiku) u l-Manwal għat-Testijiet Dijanjostiċi tal-Annimali Akwatiċi (il-Manwal Akwatiku) adottati mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) preżentament jelenkaw is-Salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), it-trota qawsalla (Oncorynchus mykiss) u t-trota kannella (Salmo trutta) bħala speċijiet li huma suxxettibbli għall-SAV. Għall-fini taċ-ċarezza legali dwar il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008, għandha tiddaħħal referenza għall-SAV u għall-ispeċijiet tal-ħut li huma suxxettibbli għal dan il-virus fil-Parti C tal-Anness II ta' dak ir-Regolament.

(5)

Għaldaqstant ir-Regolment (KE) Nru 1251/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Jixraq li l-Istati Membri u l-industrija jingħataw biżżejjed żmien biex jattwaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Partijiet A u C tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 qed jinbidlu bit-test stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Ottubru 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1251/2008 tat-12 ta' Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom u li jistabbilixxi lista ta' speċi li jgħaddu l-mard (ĠU L 337, 16.12.2008, p. 41).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/221/UE tal-15 ta' April 2010 li tapprova miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta' ċertu mard fl-annimali tal-akkwakultura u annimali akkwatiċi selvaġġi f'konformità mal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (ĠU L 98, 20.4.2010, p. 7).


ANNESS

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1251/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti A tinbidel b'dan li ġej:

“PARTI A

Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għat-tqegħid fis-suq ta' annimali tal-akkwakultura għat-trobbija, għaż-żoni ta' żamma, għal meded ta' ilma għas-sajd ripopolati artifiċjalment, għal faċilitajiet ornamentali miftuħa u għall-istokkjar mill-ġdid

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

Image 6

Test ta 'immaġni
Image 7
Test ta 'immaġni ”

(2)

Il-parti C tinbidel b'dan li ġej:

“PARTI C

Lista ta' speċijiet suxxettibbli għall-mard li għalih il-miżuri nazzjonali huma approvati skont id-Deċiżjoni 2010/221/UE

Marda

Speċijiet suxxettibbli

Il-Viremija tar-Rebbiegħa tal-Karpjun (SVC)

Il-karpjun ta' rasu kbira (Aristichthys nobilis), il-ħuta l-ħamra (Carassius auratus), il-karassju (Carassius carassius), il-karpjun erbivoru (Ctenopharyngodon idellus), il-karpjun komuni u l-karpjun koi (Cyprinus carpio), il-karpjun fiddieni (Hypophthalmichthys molitrix), ix-sheatfish (Silurus glanis) it-tinka (Tinca tinca) u l-Orf (Leuciscus idus)

Il-mard batteriku tal-kliewi (BKD)

Familja: Salmonidae

Il-vajrus infettiv tan-nekrożi pankreatika (IPN)

It-trota tal-Paċifiku (Oncorhynchus mykiss), it-trota tax-xmajjar (Salvelinus fontinalis), it-trota kannella (Salmo trutta), is-Salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), u s-Salamun tal-Paċifiku (Oncorhynchus spp.), u l-whitefish (Coregonus lavaretus)

L-infezzjoni bl-alfavirus tas-salmonidi (SAV)

Is-salamun tal-Atlantiku (Salmo salar) it-trota tal-Paċifiku (Oncorhynchus mykiss), it-trota kannella (Salmo trutta).

Infezzjoni bil-Gyrodactylus salaris

Is-salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), it-trota tal-Paċifiku (Oncorhynchus mykiss), it-trota tal-Artiku (Salvelinus alpinus), it-trota tax-xmajjar tal-Amerika ta' Fuq (Salvelinus fontinalis), il-grayling (Thymallus thymallus), it-trota tal-għadajjar tal-Amerika ta' Fuq (Salvelinus namaycush) u t-trota kannella (Salmo trutta).

L-ostreid herpesvirus 1 μνar (OsHV-1 μνar)

Gajdra tal-Paċifiku (Crassostrea gigas)”