29.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 171/153


REGOLAMENT (UE) 2016/1014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Ġunju 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jagħti eżenzjoni lid-ditti tal-investiment li n-negozju ewlieni tagħhom ikun jikkonsisti b'mod esklussiv mill-forniment ta' servizzi tal-investimenti jew minn attivitajiet relatati mal-istrumenti finanzjarji stabbiliti fil-punti 5, 6, 7, 9 u 10 tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u li għalihom ma kinitx tapplika, fil-31 ta' Diċembru 2006, id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (6) (“negozjanti tal-komoditajiet”) mir-rekwiżiti ta' skoperturi kbar u minn rekwiżiti ta' fondi proprji. Dawk l-eżenzjonijiet japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2017.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirrikjedi woll mill-Kummissjoni li tħejji, sal-31 ta' Diċembru 2015, rapport dwar reġim xieraq għas-superviżjoni prudenzjali tan-negozjanti tal-komoditajiet. Barra minn hekk, dak ir-Regolament jirrikjedi mill-Kummissjoni li tħejji, sal-istess data, rapport dwar reġim xieraq għas-superviżjoni prudenzjali b'mod ġenerali tad-ditti tal-investiment. Fejn xieraq, dawk ir-rapporti għandhom jiġu segwiti bi proposti leġiżlattivi.

(3)

Bħalissa qed isir rieżami tat-trattament prudenzjali ta' ditti tal-investiment (“rieżami tad-ditti tal-investiment”), inklużi negozjanti tal-komoditajiet, iżda għadu ma tlestiex. Il-finalizzazzjoni ta' dak ir-rieżami u l-adozzjoni ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida li tista' tkun meħtieġa fid-dawl ta' dak ir-rieżami se jkunu konklużi biss wara l-31 ta' Diċembru 2017.

(4)

Taħt ir-reġim eżistenti, wara l-31 ta' Diċembru 2017, in-negozjanti tal-komoditajiet se jsiru soġġetti għar-rekwiżiti ta' skoperturi kbar u ta' rekwiżiti ta' fondi proprji. Dan jista' jġegħelhom biex iżidu b'mod sinifikanti l-ammont ta' fondi proprji li huma jkunu jeħtieġu sabiex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom u dan jista' għalhekk iżid il-kosti relatati tat-twettiq ta' tali attivitajiet.

(5)

Id-deċiżjoni li jiġu applikati r-rekwiżiti ta' skoperturi kbar u rekwiżiti ta' fondi proprji għan-negozjanti tal-komoditajiet ma għandhiex tittieħed bħala riżultat ta' eżenzjoni li tkun skadiet. Minflok, dik id-deċiżjoni għanda tkun waħda mmotivata bir-reqqa, ibbażata fuq konklużjonijiet tar-rieżami tad-ditti tal-investiment, u għanda tkun espressa b'mod ċar fil-leġiżlazzjoni.

(6)

Għandha għalhekk tiġi stabbilita data ġdida sa meta l-eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet għandhom ikomplu japplikaw. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 493(1), it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Din l-eżenzjoni hija disponibbli sal-31 ta' Diċembru 2020 jew sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' kwalunkwe emenda skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, skont liema minnhom tiġi l-aktar kmieni.”;

(2)

fl-Artikolu 498(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Din l-eżenzjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2020 jew sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' kwalunkwe emenda skont il-paragrafi 2 u 3, skont liema minnhom tiġi l-aktar kmieni.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta' Ġunju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  ĠU C 130, 13.4.2016, p. 1.

(2)  L-Opinjoni tas-27 ta' April 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Mejju 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2016.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE tal-10 ta' Mejju 1993 dwar servizzi ta' investiment fil-qasam ta' titoli (ĠU L 141, 11.6.1993, p. 27).