3.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/879

tat-2 ta' Ġunju 2016

li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-arranġamenti ddettaljati marbutin mad-dikjarazzjoni ta' konformità meta t-tagħmir tar-refriġerazzjoni, tal-arja kondizzjonata u tal-pompi tas-sħana ċċarġjat bl-idrofluworokarburi jitqiegħed fis-suq u mal-verifika ta' din id-dikjarazzjoni minn awditur indipendenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 14(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 jippermetti t-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-refriġerazzjoni, tal-arja kondizzjonata u tal-pompi tas-sħana ċċarġjat bl-idrofluworokarburi jekk l-idrofluworokarburi li jkunu jinsabu fit-tagħmir ikunu meqjusin fis-sistema ta' kwoti msemmija fil-Kapitolu IV ta' dak ir-Regolament. Meta l-manifatturi u l-importaturi tat-tagħmir iqiegħdu tagħmir iċċarġjat minn qabel fis-suq, għandhom jiddokumentaw il-konformità ma' dak ir-rekwiżit u jifformulaw dikjarazzjoni ta' konformità dwar dan.

(2)

Huma u jfasslu d-dikjarazzjonijiet tal-konformità u d-dokumentazzjoni, jinħtieġ li jkunu previsti l-għażliet differenti li jirriflettu l-modi differenti li l-manifatturi u l-importaturi għandhom biex jiżguraw il-konformità. Dawn l-għażliet jirreferu għat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir iċċarġjat bl-idrofluworokarburi li jrid jiġi awtorizzat skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, ta' tagħmir iċċarġjat b'idrofluworokarburi li qabel tqiegħdu fis-suq bl-ingrossa u li wara ġew esportati mill-ġdid u ċċarġjati fit-tagħmir barra l-Unjoni u ta' tagħmir iċċarġjat bl-idrofluworokarburi fl-Unjoni. L-importaturi u l-manifatturi jridu jibagħtu tipi ta' dokumenti differenti li jirriflettu t-tipi ta' attivitajiet differenti li dawn l-impriżi jwettqu.

(3)

Sabiex ikun żgurat li d-dikjarazzjonijiet ta' konformità bbażati fuq awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 ikunu kredibbli, huwa importanti li jkun żgurat li t-tali awtorizzazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu ttraċċati. F'dan ir-rigward, dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati kif xieraq fir-reġistru stabbilit skont l-Artikolu 17 ta' dak ir-Regolament.

(4)

Sabiex tingħata gwida għall-verifika minn parti terzi tad-dikjarazzjoni ta' konformità u tad-dokumentazzjoni sottostanti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, għandhom jiġu stabbiliti l-ambitu ta' din il-verifika kif ukoll il-modalitajiet għat-tressiq tad-dokumenti ta' verifika.

(5)

Għal raġunijiet ta' konsistenza, id-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 517/2014 iridu japplikaw mill-istess dati.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dikjarazzjoni ta' konformità

1.   L-importaturi u l-manifatturi tat-tagħmir tar-refriġerazzjoni, tal-arja kondizzjonata u tal-pompi tas-sħana ċċarġjat bl-idrofluworokarburi (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “it-tagħmir”) għandhom ifasslu d-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 billi jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness I ta' dan ir-Regolament. Id-dikjarazzjoni tal-konformità għandha tiġi ffirmata minn rappreżentant legali tal-manifattur jew tal-importatur tat-tagħmir.

2.   F'każ ta' importazzjoni ta' tagħmir imsemmi fl-Artikolu 1, l-importatur għandu jiżgura li l-awtoritajiet tad-dwana jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità meta tintbagħat id-dikjarazzjoni doganali marbuta mar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni.

3.   Dikjarazzjoni tal-konformità tista' tirreferi biss għal awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 jekk l-awtorizzazzjoni tkun irreġistrata kif xieraq fir-reġistru stabbilit skont l-Artikolu 17 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dokumentazzjoni

1.   Għal kull tqegħid fis-suq, il-manifatturi ta' tagħmir iċċarġjat bl-idrofluworokarburi fl-Unjoni għandhom iżommu d-dokumentazzjoni li ġejja msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014:

(a)

id-dikjarazzjoni tal-konformità;

(b)

lista li tidentifika t-tagħmir u t-tip ta' idrofluworokarburi li jkunu jinsabu fit-tagħmir u l-kwantità totali tagħhom f'kilogrammi għal kull tip; din il-lista mhijiex meħtieġa jekk il-manifattur ikun jista' juri li l-idrofluworokarburi li jinsabu fit-tagħmir kienu tqiegħdu fis-suq qabel l-iċċarġjar;

(c)

f'każ li l-idrofluworokarburi kienu pprovduti minn impriża oħra fl-Unjoni, in-nota tal-kunsinna jew il-fattura għall-idrofluworokarburi korrispondenti li kienu tqiegħdu fis-suq fl-Unjoni qabel;

(d)

f'każ li l-manifattur tat-tagħmir ikun importa u rrilaxxa għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni l-idrofluworokarburi li jinsabu fit-tagħmir qabel ma t-tagħmir ikun ġie ċċarġjat, id-dokumenti doganali rilevanti li juru li l-kwantità ta' idrofluworokarburi li tinsab fit-tagħmir ġiet irrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni;

(e)

f'każ li l-manifattur ikun importa l-idrofluworokarburi li jinsabu fit-tagħmir, iżda dawn ma jkunux ġew irrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni qabel ma t-tagħmir ikun ġie ċċarġjat, prova li hemm konformità mal-proċeduri doganali rilevanti għar-rilaxx tal-kwantitajiet rilevanti tal-idrofluworokarburi għaċ-ċirkolazzjoni libera meta dak it-tagħmir jitqiegħed fis-suq;

(f)

f'każ li l-manifattur ikun ipproduċa l-idrofluworokarburi li jinsabu fit-tagħmir u jkun iċċarġjahom fit-tagħmir tiegħu fl-Unjoni, dokument li juri l-kwantità tal-idrofluworokarburi li jinsabu fit-tagħmir.

2.   L-importaturi tat-tagħmir għandhom iżommu d-dokumentazzjoni li ġejja msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 għal kull tagħmir kopert b'dikjarazzjoni doganali waħda għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni:

(a)

id-dikjarazzjoni tal-konformità;

(b)

lista li tidentifika t-tagħmir irrilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera li tipprovdi t-tagħrif li ġej:

(i)

it-tagħrif dwar il-mudell;

(ii)

l-għadd ta' unitajiet għal kull mudell;

(iii)

l-identifikazzjoni tat-tip ta' idrofluworokarburi li fih kull mudell;

(iv)

il-kwantità ta' idrofluworokarburi f'kull unità mqarreb għall-eqreb gramma;

(v)

il-kwantità totali ta' idrofluworokarburi f'kilogrammi u f'tunnellati ta' ekwivalenti għas-CO2;

(c)

id-dikjarazzjoni doganali marbuta mar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tat-tagħmir fl-Unjoni;

(d)

f'każ li l-idrofluworokarburi li jinsabu fit-tagħmir ikunu tqiegħdu fis-suq fl-Unjoni, u wara ġew esportati u ċċarġjati fit-tagħmir barra l-Unjoni, nota ta' kunsinna jew fattura, kif ukoll dikjarazzjoni mill-impriża li qiegħdet l-idrofluworokarburi fis-suq, li tiddikjara li l-kwantità ta' idrofluworokarburi ġiet irrappurtata jew se tiġi rrappurtata bħala kwantità mqiegħda fis-suq fl-Unjoni u li din ma kinitx u mhix se tkun irrappurtata bħala kwantità fornuta direttament għall-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 u t-Taqsima 5C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1191/2014 (2).

Artikolu 3

Il-verifika

1.   L-awditur indipendenti msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 għandu jivverifika d-dokumentazzjoni li ġejja u d-dikjarazzjonijiet tal-konformità tal-importatur tat-tagħmir:

(a)

il-konsistenza tad-dikjarazzjonijiet tal-konformità u tad-dokumenti relatati mar-rapporti mressqin skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 u t-Taqsimiet 11, 12 u 13 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1191/2014;

(b)

il-preċiżjoni u l-kompletezza tat-tagħrif mogħti fid-dikjarazzjonijiet tal-konformità u fid-dokumenti relatati abbażi tar-rekords tal-impriża tat-tranżazzjonijiet rilevanti;

(c)

meta importatur tat-tagħmir jirreferi għal awtorizzazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014, id-disponibbiltà ta' biżżejjed awtorizzazzjonijiet billi jqabbel id-dejta mogħtija fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 ma' dokumenti li jippruvaw li sar it-tqegħid fis-suq;

(d)

f'każ li l-idrofluworokarburi li jinsabu fit-tagħmir ikunu tqiegħdu fis-suq fl-Unjoni u wara jkunu ġew esportati u ċċarġjati fit-tagħmir barra l-Unjoni, l-eżistenza ta' dikjarazzjoni mill-impriża li qiegħdet l-idrofluworokarburi fis-suq skont l-Artikolu 2(2)(d), li tkopri l-kwantitajiet rilevanti.

2.   L-awditur indipendenti għandu joħroġ dokument ta' verifika bis-sejbiet tiegħu wara li jagħmel il-verifika skont il-paragrafu 1. Dan għandu jinkludi stqarrija dwar il-livell ta' preċiżjoni tad-dokumentazzjoni u tad-dikjarazzjonijiet rilevanti.

Artikolu 4

Tressiq tad-dokumenti ta' verifika

L-importatur tat-tagħmir għandu jippreżenta d-dokument ta' verifika msemmi fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament billi juża l-għodda tar-rappurtar imqiegħda għad-dispożizzjoni skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1191/2014 sal-31 ta' Marzu ta' kull sena għas-sena kalendarja ta' qabel u għandu jindika fl-għodda s-sejbiet tal-awditur dwar il-livell ta' preċiżjoni tad-dokumentazzjoni u tad-dikjarazzjonijiet rilevanti.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikoli 1 u 2 tiegħu japplikaw mill-1 ta' Jannar 2017 u l-Artikoli 3 u 4 tiegħu japplikaw mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1191/2014 tat-30 ta' Ottubru 2014 li jiddetermina l-format u l-mezzi għall-preżentazzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra (ĠU L 318, 5.11.2014, p. 5).


ANNESS

Dikjarazzjoni ta' konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (1)

Aħna [daħħal isem il-kumpanija, in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT u l-identifikazzjoni tar-reġistrazzjoni fil-portal tal-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra] niddikjaraw, u responsabbli għal dan aħna biss, li meta nqiegħdu fis-suq tagħmir iċċarġjat minn qabel li nkunu impurtajna fl-Unjoni jew immanifatturajna fiha, l-idrofluworokarburi li jkunu jinsabu f'dak it-tagħmir ikunu meqjusin fis-sistema ta' kwoti msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 517/2014:

[jekk jogħġbok immarka l-għażla jew l-għażliet rilevanti; għażla waħda jew iktar minn dawn t'hawn taħt jagħtuk kopertura taħt is-sistema tal-kwoti]

☐ A.

fiż-żmien tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, kellna awtorizzazzjonijiet maħruġin skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 u rreġistrati fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 17 ta' dak ir-Regolament, biex nużaw il-kwota ta' produttur jew importatur tal-idrofluworokarburi li huwa suġġett għall-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 li jkopru l-kwantità ta' idrofluworokarburi li jinsabu fit-tagħmir.

☐ B.

[għall-importaturi tat-tagħmir biss] l-idrofluworokarburi li jinsabu fit-tagħmir tqiegħdu fis-suq fl-Unjoni u wara ġew esportati u ċċarġjati fit-tagħmir barra l-Unjoni, u l-impriża li qiegħdet l-idrofluworokarburi fis-suq għamlet dikjarazzjoni li tiddikjara li l-kwantità ta' idrofluworokarburi ġiet irrappurtata jew se tiġi rrappurtata bħala kwantità mqiegħda fis-suq fl-Unjoni u li din ma kinitx u mhix se tkun irrappurtata bħala kwantità fornuta direttament għall-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 u t-Taqsima 5C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1191/2014 (2).

☐ C.

[għal tagħmir immanifatturat fl-Unjoni biss] l-idrofluworokarburi ċċarġjati fit-tagħmir tqiegħdu fis-suq minn produttur jew importatur tal-idrofluworokarburi li huwa suġġett għall-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014.

[isem ir-rappreżentant legali u l-kariga tiegħu]

[firma tar-rappreżentant legali]

[data]


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195).

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1191/2014 tat-30 ta' Ottubru 2014 li jiddetermina l-format u l-mezzi għall-preżentazzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar gassijiet fluworurati b'effett ta' serra (ĠU L 318, 5.11.2014, p. 5).