1.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 144/24 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/862
tal-31 ta' Mejju 2016
li jiċħad l-awtorizzazzjoni ta' indikazzjoni tas-saħħa dwar ikel, għajr dak li jirreferi għal tnaqqis ta' riskju ta' mard u għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 l-indikazzjonijiet dwar l-effetti tal-prodotti tal-ikel fuq is-saħħa huma pprojbiti sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament u ma jkunux inklużi f'lista ta' indikazzjonijiet permessi. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jitressqu mill-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tibgħat l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”, għal valutazzjoni xjentifika, kif ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex tinfurmahom. |
(3) |
Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità. F'ċerti każi l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji waħidha ma tistax tipprovdi l-informazzjoni kollha li fuqha trid tiġi bbażata deċiżjoni ta' ġestjoni tar-riskji, u għalhekk jafu jkunu jridu jiġu kkunsidrati wkoll fatturi leġittimi oħra għall-kwistjoni li qed tiġi eżaminata. |
(4) |
Wara applikazzjoni minn Oy Karl Fazer AB, imressqa skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni marbuta ma' indikazzjoni dwar is-saħħa fir-rigward ta' ħobż tas-segala b'ħafna fibra bl-għaġina ffermentata u tnaqqis tar-reazzjoni glikimika ta' wara l-ikel (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2014-00012 (2)). L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “Il-konsum tal-ħobż tas-segala b'ħafna fibra bl-għaġina ffermentata jikkontribwixxi għal tnaqqis tar-reazzjoni glimika ta' wara l-ikel akkumpanjat minn tnaqqis tar-reazzjoni tal-insulina wara ikla”. Fuq talba tal-Awtorità, l-applikant speċifika li fir-rigward tal-effett mistqarr il-ħobż tas-segala b'ħafna fibra bl-għaġina ffermentata għandu jitqabbel bil-glukożju. |
(5) |
Fit-8 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika mill-Awtorità, li kkonkludiet li, abbażi tad-dejta mressqa, ġiet stabbilita rabta ta' kawża u effett bejn il-konsum ta' kważi kull ikel u tnaqqis tar-reazzjoni glimika ta' wara l-ikel meta mqabbel bil-glukożju. |
(6) |
Skont l-Artikoli 6(1) u 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika ġeneralment aċċettata. Awtorizzazzjoni tista' tkun irrifjutata b'mod leġittimu jekk l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa ma jikkonformawx ma' rekwiżiti oħra ġenerali u speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, anke fil-każ ta' valutazzjoni xjentifika favorevoli mill-Awtorità. Fl-opinjoni xjentifika tagħha l-Awtorità nnutat li, meta jiġu ttestjatji ammonti komparabbli ta' karboidrati disponibbli minn ikel differenti li fih il-karboidrati, kważi kull ikel li fih il-karboidrati jwassal għal tnaqqis ta' reazzjonijiet glimiċi ta' wara l-ikel meta mqabbel bir-reazzjonijiet tal-glukożju fid-demm miġjuba bil-konsum tal-glukożju. Barra minn hekk, l-Awtorità nnutat li ikel li fih ammonti żgħar ta' karboidrati jew li ma fihx karboidrati jwassal ukoll għal reazzjonijiet glimiċi ta' wara l-ikel aktar baxxi meta mqabbla bil-glukożju. |
(7) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jiddefinixxi “indikazzjoni” bħala kwalnukwe messaġġ jew rappreżentazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li xi ikel għandu karatteristiċi partikolari. Indikazzjoni dwar il-ħobż tas-segala b'ħafna fibra bl-għaġina ffermentata u reazzjonijiet glimiċi ta' wara l-ikel tkun tissuġġerixxi li l-ħobż tas-segala bl-għaġina ffermentata b'ħafna fibra għandu karatteristiċi partikolari b'rabta mat-tnaqqis ta' reazzjonijiet glimiċi ta' wara l-ikel meta mqabbla bil-glukożju, meta fil-verità kważi l-ikel kollu għandu dan l-effett. Il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi li l-użu ta' indikazzjonijiet tas-saħħa ma għandhomx ikunu qarrieqa. Indikazzjoni li tissuġġerixxi li ikel partikolari għandu ċerti proprjetajiet tajbin meta fil-fatt kważi l-ikel kollu għandu dawn il-karatteristiċi tkun qarrieqa. |
(8) |
Fid-dawl ta' dan, l-indikazzjoni dwar il-konsum ta' ħobż tas-segala b'ħafna fibra bl-għaġina ffermentata u t-tnaqqis ta' reazzjonijiet glimiċi ta' wara l-ikel ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u għaldaqstant ma għandhomx jiġu inklużi fil-lista ta' indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi. |
(9) |
Il-kummenti mill-applikant li rċeviet il-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 ġew ikkunsidrati fit-tfassil tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament. |
(10) |
L-Istati Membri ġew ikkonsultati, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-indikazzjoni dwar is-saħħa stabbilita fl-Anness ta' dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni ta' indikazzjonijiet permessi kif previst fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Mejju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(2) EFSA Journal 2014;12(10):3837.
ANNESS
Indikazzjoni dwar is-saħħa miċħuda
Applikazzjoni — Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 |
Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija tal-ikel |
Indikazzjoni |
Referenza tal-opinjoni mogħtija mill-EFSA |
Indikazzjoni dwar is-saħħa tal-Artikolu 13(5) ibbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata dan l-aħħar u/jew li tinkludi talba għall-protezzjoni tad-dejta riżervata |
Ħobż tas-segala b'ħafna fibra bl-għaġina ffermentata |
It-tnaqqis tar-reazzjonijiet glikimiċi ta' wara l-ikel meta mqabbel bil-glukożju |
Q-2014-00012 |