26.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/822

tal-21 ta' April 2016

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 153/2013 fir-rigward tal-orizzonti ta' żmien għall-perjodu ta' likwidazzjoni li għandhom jitqiesu għall-klassijiet differenti ta' strumenti finanzjarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 (2) jistipula standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għal kontropartijiet ċentrali (CCPs) rigward orizzonti ta' żmien għall-perjodu ta' likwidazzjoni li għandhom jitqiesu għall-klassijiet differenti ta' strumenti finanzjarji Jeħtieġ li dawn l-istandards tekniċi regolatorji jinżammu aġġornati mal-iżviluppi regolatorji rilevanti.

(2)

Għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti tal-marġini meħtieġ biex ikopri l-iskopertura tas-CCPs għar-riskju tas-suq, ċerti strutturi ta' kontijiet ibbażati fuq minimu ta' perjodu ta' likwidazzjoni ta' jum wieħed ikkalkulat fuq bażi gross jipprovdu livell suffiċjenti ta' kopertura għas-CCPs u jipproteġu aħjar lill-klijenti u jimmitigaw ir-riskji sistemiċi. Għaldaqstant, dan il-perjodu ta' likwidazzjoni minimu għandu kun permess perjodu għall-ikklirjar tal-pożizzjonijiet tal-klijenti fuq strumenti finanzjarji għajr derivattivi barra l-Borża (over-the-counter, OTC) meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

(3)

Meta jitqies li kontijiet segregati individwali jiżguraw livell ogħla ta' protezzjoni għall-klijenti mill-kontijiet omnibus gross, il-kontijiet segregati individwali għandhom igawdu minn perjodu ta' likwidazzjoni minimu għall-kalkolu tal-marġinijiet li jkun twil daqs dak tal-kontijiet omnibus gross.

(4)

Għas-CCPs li matul il-ġurnata ma jallokawx in-negozji għal kull klijent, it-tnaqqis tal-perjodu ta' likwidazzjoni minimu minn jumejn għal jum wieħed jista' jimplika li, għan-negozji l-ġodda kklirjati matul il-jum u mhux allokati għal klijenti individwali, is-CCP qed tagħmel marġini fuqhom ta' jum wieħed fuq bażi netta. Dan jista' jesponi s-CCP għal telf sinifikanti f'każ ta' movimenti tal-prezzijiet tal-istess ġurnata li ma jiskattawx l-eżerċizzju ta' marġnijiet tal-istess ġurnata. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi stabbilit livell limitu speċifiku biex jiġi żgurat li s-CCPs jeżerċitaw marġinijiet tal-istess ġurnata u jibqgħu protetti biżżejjed minkejja t-tnaqqis fil-perjodu tal-likwidazzjoni.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) Nru 153/2013 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA) lill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali.

(7)

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 26 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 153/2013 jiġi emendat hekk:

(1)

il-paragrafi 1 u 2 jiġu ssostitwiti b'dan:

“1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, CCP għandha tiddetermina l-orizzonti ta' żmien xierqa għall-perjodu ta' likwidazzjoni u tqis il-karatteristiċi tal-istrument finanzjarju kklirjat, it-tip ta' kont li fih jinżamm l-istrument finanzjarju, tas-suq fejn l-istrument finanzjarju huwa nnegozjat, u dawn l-orizzonti ta' żmien minimi għall-perjodu ta' likwidazzjoni li ġejjin:

(a)

ħamest ijiem ta' negozju għal derivattivi OTC;

(b)

jumejn ta' negozju għal strumenti finanzjarji għajr derivattivi OTC miżmuma f'kontijiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (c):

(c)

jum ta' negozju għal strumenti finanzjarji għajr derivattivi OTC miżmuma f'kontijiet tal-klijenti omnibus kif ukoll kontijiet tal-klijenti individwali, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

(i)

is-CCP iżżomm reġistri separati tal-pożizzjonijiet ta' kull klijent mill-inqas fit-tmiem ta' kull jum, tikkalkula l-marġinijiet fir-rigward ta' kull klijent, u tiġbor is-somma tar-rekwiżiti tal-marġni applikabbli għal kull klijent fuq bażi gross:

(ii)

l-identità tal-klijenti kollha tkun magħrufa lis-CCP;

(iii)

il-pożizzjonijiet miżmuma fil-kont ma jkunux pożizzjonijiet proprjetarji ta' impriżi tal-istess grupp bħal tal-membru tal-ikklirjar;

(iv)

is-CCP tkejjel l-iskoperturi u għal kull kont tikkalkula r-rekwiżiti tal-marġni inizjali u ta' varjazzjoni fuq bażi ta' kważi ħin reali, u mill-inqas kull siegħa matul il-ġurnata billi tuża l-pożizzjonijiet u l-prezzijiet aġġornati;

(v)

meta s-CCP ma tallokax negozji ġodda għal kull klijent matul il-ġurnata, is-CCP tiġbor il-marġinijiet fi żmien siegħa metar-rekwiżiti tal-marġni kkalkulati skont il-punt (iv) ikunu ogħla minn 110 % tal-kollateral disponibbli aġġornat skont il-Kapitolu X, sakemm l-ammont tal-marġini tal-istess ġurnata li għandu jitħallas lis-CCP ma jkunx abbażi ta' ammont definit minn qabel mis-CCP u maqbul mill-awtorità kompetenti, u sal-punt li negozji allokati minn qabel lil klijenti jkunu marġinati separatament minn negozji li ma jkunux allokati matul il-jum.

2.   Fil-każijiet kollha, sabiex jiġu determinati l-orizzonti ta' żmien xierqa għall-perjodu ta' likwidazzjoni, is-CCP għandha tevalwa u tgħodd flimkien mill-inqas:

(a)

l-itwal perjodu possibbli li jista' jgħaddi mill-aħħar ġbir tal-marġinijiet sad-dikjarazzjoni ta' inadempjenza mis-CCP jew l-attivazzjoni tal-proċess tal-ġestjoni tal-inadempjenza mis-CCP;

(b)

il-perjodu stmat meħtieġ biex tiġi mfassla u eżegwita l-istrateġija għall-ġestjoni tal-inadempjenza ta' membru tal-ikklirjar skont il-partikolaritajiet ta' kull klassi ta' strument finanzjarju, inkluż il-livell ta' likwidità tagħha u d-daqs u l-konċentrazzjoni tal-pożizzjonijiet, u s-swieq li s-CCP se tuża biex tagħlaq jew tiħħeġġja kompletament pożizzjoni tal-membru tal-ikklirjar;

(c)

fejn rilevanti, il-perjodu meħtieġ biex jiġi kopert ir-riskju tal-kontraparti li tkun skoperta għalih is-CCP.”;

(2)

fil-paragrafu 4, il-punt (b) jiġi sostitwit b'dan:

“(b)

tali orizzont ta' żmien ikun mill-inqas jumejn ta' negozju, jew jum ta' negozju meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(c) jkunu ssodisfati.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, il-21 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 41)

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).