24.5.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 135/115 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/795
tal-11 ta' April 2016
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar tal-għajnuna. |
(2) |
L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 (1) jiffissaw l-ammont ta' għajnuna mill-Unjoni fil-kuntest tal-iskema tal-frott u l-ħaxix għall-iskejjel u tal-iskema tal-ħalib għall-iskejjel, kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jistabbilixxu ċerti regoli dwar il-portata tal-għajnuna u l-allokazzjoni tagħha lill-Istati Membri fil-każ tal-iskema tal-frott u l-ħaxix għall-iskejjel u jiffissaw il-kwantità massima ta' prodotti eliġibbli għall-għajnuna fil-każ tal-iskema tal-ħalib għall-iskejjel. |
(3) |
It-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kif emendata mir-Regolament (UE) 2016/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tipprevedi qafas komuni ġdid għall-għajnuna mill-Unjoni għall-provvista tal-frott u l-ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti friski tas-settur tal-banana (“frott u ħaxix għall-iskejjel”), u tal-ħalib u prodotti tal-ħalib (“ħalib għall-iskejjel”) lil tfal fi stabbilimenti edukattivi (“l-iskema għall-iskejjel”). |
(4) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi għajnuna mill-Unjoni għall-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament li jappoġġaw il-provvista u d-distribuzzjoni ta' frott u ħaxix għall-iskejjel u ħalib għall-iskejjel kif ukoll għajnuna mill-Unjoni li tkopri ċerti spejjeż relatati ma' tali provvista u distribuzzjoni. Sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni baġitarja soda, għandu jiġi ffissat livell massimu ta' għajnuna mill-Unjoni għall-finanzjament ta' dawk il-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament u ta' dawk l-ispejjeż relatati. |
(5) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi għajnuna mill-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni ta' ħalib għax-xorb u l-verżjonijiet bla lattożju tiegħu lil tfal fi stabbilimenti edukattivi u jippermetti lill-Istati Membri biex jipprevedu d-distribuzzjoni ta' ċerti prodotti tal-ħalib apparti l-ħalib tax-xorb, kif ukoll ta' prodotti elenkati fl-Anness V għal dak ir-Regolament. Filwaqt li r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jipprevedix ammonti massimi tal-għajnuna mill-Unjoni għal prodotti agrikoli, hu jillimita l-għajnuna mill-Unjoni għall-komponent tal-ħalib ta' dawk il-prodotti mhux agrikoli elenkati fl-Anness V għal dak ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb ta' dik l-għajnuna u biex tkun żgurata l-flessibbiltà fl-amministrazzjoni tal-iskema għall-iskejjel, għandu jiġi ffissat l-ammont massimu ta' għajnuna mill-Unjoni għal dak il-komponent tal-ħalib. |
(6) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula l-ammont globali annwali ta' għajnuna mill-Unjoni għall-Unjoni kollha u kriterji oġġettivi għall-allokazzjoni ta' dak l-ammont globali fost l-Istati Membri. L-allokazzjonijiet indikattivi annwali għandhom għaldaqstant jiġu ffissati għal kull Stat Membru. Sabiex l-Istati Membri ta' daqs demografiku limitat ikunu jistgħu jimplimentaw skema kosteffikaċi, għandu jiġi ffissat ammont minimu ta' għajnuna mill-Unjoni li għalih l-Istati Membri huma intitolati. Billi l-Kroazja ssieħbet fl-Unjoni fl-1 ta' Lulju 2013, il-kriterju tal-użu storiku tal-għajnuna mill-Unjoni għall-provvista ta' ħalib u prodotti tal-ħalib lit-tfal ma għandux japplika għaliha qabel l-1 ta' Awwissu 2023. |
(7) |
Sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u mmirat tal-fondi tal-Unjoni, għandha tiġi prevista r-riallokazzjoni, totali jew parzjali, lejn Stati Membri oħra, fil-limiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ta' dawk l-allokazzjonijiet indikattivi li ma kienx hemm applikazzjoni għalihom mill-Istati Membri, mingħajr ma jinqabeż il-livell globali annwali għal għajnuna mill-Unjoni previst fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
(8) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni li jirrigwardaw: il-iffissar tal-livell massimu ta' għajnuna mill-Unjoni għal kull kategorija ta' spejjeż relatati; l-iffissar, wara perjodu tranżitorju ta' sitt snin, ta' allokazzjonijiet indikattivi ta' għajnuna mill-Unjoni lil kull Stat Membru; l-iffissar, fejn meħtieġ u wara valutazzjoni, ta' allokazzjonijiet indikattivi ġodda; il-miżuri meħtieġa għar-riallokazzjoni ta' allokazzjonijiet indikattivi fost l-Istati Membri; u l-iffissar tal-allokazzjonijiet definittivi għal kull Stat Membru. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
(9) |
Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 għandu jiġi emendat skont dan. Sabiex titqies il-perjodiċità tas-sena skolastika, ir-regoli l-ġodda għandhom jibdew japplikaw mill-1 ta' Awwissu 2017, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1370/2013
Ir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 huwa emendat kif ġej:
(1) |
L-Artikoli 5 u 6 huma sostitwiti b'dan li ġej: “Artikolu 5 Għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix għall-iskejjel u ta' ħalib għall-iskejjel, miżuri edukattivi ta' akkumpanjament u spejjeż relatati 1. L-għajnuna mill-Unjoni għall-finanzjament ta' miżuri edukattivi ta' akkumpanjament kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ma għandhiex taqbeż il-15 % tal-allokazzjonijiet definittivi annwali tal-Istati Membri kif imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. 2. L-għajnuna mill-Unjoni għal spejjeż relatati kif imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ma għandhiex fit-total taqbeż l-10 % tal-allokazzjonijiet definittivi annwali tal-Istati Membri kif imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiffissaw il-livell massimu ta' għajnuna mill-Unjoni għal kull kategorija ta' tali spejjeż bħala perċentwal tal-allokazzjonijiet definittivi annwali tal-Istati Membri jew bħala perċentwal tal-ispejjeż tal-prodotti kkonċernati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) ta' dan ir-Regolament. 3. L-ammont ta' għajnuna mill-Unjoni għall-komponent tal-ħalib tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 23(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma għandux jaqbeż EUR 27/100 kg. 4. L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandha tiġi allokata lil kull Stat Membru f'konformità ma' dan il-paragrafu 5 u b'kont meħud tal-kriterji stipulati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Mill-1 ta' Awwissu 2017 sal-31 ta' Lulju 2023, l-allokazzjonijiet indikattivi tal-għajnuna msemmija, fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23a(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għal kull Stat Membru għandha tkun kif stabbilit fl-Anness I. Matul dak il-perjodu, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma għandux japplika għall-Kroazja. Mill-1 ta' Awwissu 2023, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiffissaw, abbażi tal-kriterji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23a(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-allokazzjonijiet indikattivi għal kull Stat Membru tal-għajnuna imsemmija fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu ta' dak l-Artikolu 23a(1). Madankollu, kull Stat Membru għandu jirċievi tal-inqas EUR 290 000 ta' għajnuna mill-Unjoni għad-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex għall-iskejjel u tal-inqas EUR 193 000 ta' għajnuna mill-Unjoni għad-distribuzzjoni tal-ħalib għall-iskejjel, kif definit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tivvaluta tal-anqas kull tliet snin jekk dawk l-allokazzjonijiet indikattivi jibqgħux konsistenti mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 23a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiffissaw allokazzjonijiet indikattivi ġodda. L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) ta' dan ir-Regolament. 5. Fejn, għal xi sena partikolari, Stat Membru ma jkunx ippreżenta talba għall-għajnuna mill-Unjoni skont l-Artikolu 23a(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew ikun talab parti biss mill-allokazzjoni indikattiva tiegħu kif imsemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tirrialloka dik l-allokazzjoni indikattiva jew il-parti minnha mhux mitluba lil dawk l-Istati Membri li jkunu nnotifikawha bid-dispożizzjoni tagħhom li jużaw ammont ogħla mill-allokazzjoni indikattiva tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta l-miżuri meħtieġa għat-twettiq ta' tali riallokazzjoni, li għandha tkun ibbażata fuq il-kriterju msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23a(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u limitata skont il-livell ta' użu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna mill-Unjoni kif imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, mill-Istat Membru kkonċernat għas-sena skolastika li tkun intemmet qabel it-talba annwali għall-għajnuna mill-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) ta' dan ir-Regolament. 6. Wara t-talbiet ippreżentati mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 23a(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni għandha kull sena tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiffissaw l-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna għall-frott u l-ħaxix għall-iskejjel u għall-ħalib għall-iskejjel fost l-Istati Membri parteċipanti fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 23a(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, filwaqt li jitqiesu t-trasferimenti msemmija fl-Artikolu 23a(4) ta' dak ir-Regolament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(2) ta' dan ir-Regolament.”. |
(2) |
Jiddaħħal l-Anness li ġej: “ANNESS I ALLOKAZZJONIJIET INDIKATTIVI għall-perjodu mill-1 ta' Awwissu 2017 sal-31 ta' Lulju 2023 (kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4))
|
(3) |
L-Anness jingħata n-numru “Anness II”. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2017.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta' April 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
M.H.P. VAN DAM
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12).
(2) Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(3) Regolament (UE) 2016/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema tal-għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fi istabbilimenti edukattivi (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).