20.5.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 131/41 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/778
tat-2 ta' Frar 2016
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taċ-ċirkustanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-ħlas ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkun parzjalment jew kompletament differit, u l-kriterji għad-determinazzjoni tal-attivitajiet, is-servizzi u l-operazzjonijiet fir-rigward ta' funzjonijiet kritiċi, u għad-determinazzjoni tal-linji ta' negozju u servizzi assoċjati fir-rigward tal-linji tan-negozju ewlenin
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 104(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Id-differiment ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post, imsemmi fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2014/59/UE, għandu jingħata mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fuq it-talba ta' istituzzjoni sabiex tiffaċilita l-valutazzjoni mill-awtorità tar-riżoluzzjoni li dik l-istituzzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal differiment stipulati fl-Artikolu 104(3) tad-Direttiva 2014/59/UE. L-istituzzjoni kkonċernata għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mill-awtorità tar-riżoluzzjoni biex twettaq valutazzjoni bħal din. L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tikkunsidra l-informazzjoni kollha disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni ta' rekwiżiti ta' notifika. |
(2) |
Meta jiġi vvalutat l-impatt ta' ħlas ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post dwar is-solvenza jew il-likwidità ta' istituzzjoni, l-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tanalizza l-impatt ta' pagamenti fuq il-pożizzjoni tal-kapital u tal-likwidità tal-istituzzjoni. L-analiżi għandha tassumi telf fuq il-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni li tkun daqs l-ammont pagabbli fil-mument meta dan ikun dovut u tagħmel previżjonijiet tal-proporzjonijiet kapitali tal-istituzzjoni wara dan it-telf għal perjodu xieraq ta' żmien. Barra minn hekk, hija għandha tassumi ħruġ ta' fondi daqs l-ammont pagabbli fil-mument meta jkun dovut u għandha tivvaluta r-riskju tal-likwidità. |
(3) |
Il-pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni jeħtieġu lill-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni biex ikunu jistgħu jidentifikaw u jiżguraw it-tkomplija ta' funzjonijiet kritiċi ta' istituzzjonijiet jew gruppi. |
(4) |
Il-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni hija waħda mill-għanijiet ewlenin tar-riżoluzzjoni. Din għandha l-għan li tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja u l-ekonomija reali, u għalhekk għandha rwol ewlieni fil-proċess ta' ppjanar ta' rkupru u riżoluzzjoni. Funzjonijiet kritiċi jistgħu jinkludu teħid ta' depożiti, self u servizzi ta' self, pagamenti, ikklerjar, kustodja u servizzi ta' ħlas, attivitajiet ta' finanzjament ta' swieq bl-ingrossa, u swieq kapitali u attivitajiet ta' investimenti. |
(5) |
Funzjonijiet kritiċi ta' istituzzjoni jew grupp huma stabbiliti fil-pjan ta' rkupru tagħha. Il-pjan ta' rkupru għandu jiġi vvalutat mill-awtorità tar-riżoluzzjoni u jifforma l-bażi tal-pjan ta' riżoluzzjoni. L-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess ta' funzjonijiet kritiċi meta jiġi stabbilit il-pjan ta' riżoluzzjoni u għandha turi kif funzjonijiet kritiċi u linji ewlenin tan-negozju jistgħu jiġu separati legalment u ekonomikament minn funzjonijiet oħra sabiex tiġi żgurata l-kontinwità malli tfalli l-istituzzjoni. |
(6) |
Meta jivvalutaw ir-riżolvibbiltà ta' istituzzjoni, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom iqisu jekk l-istrateġija magħżula tiżgurax il-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi, u jekk is-setgħa sabiex jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà tirrigwardax funzjonijiet kritiċi. Bl-istess mod, f'xenarju ta' rikapitalizzazzjoni interna, l-obbligazzjonijiet jistgħu jiġu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna fejn l-esklużjoni tkun strettament neċessarja u tkun proporzjonali biex tinkiseb il-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi. Funzjonijiet kritiċi jsiru rilevanti wkoll fl-operat ta' għodda ta' bank tranżitorju minħabba li l-istituzzjoni tal-bank tranżitorju għandha żżomm il-funzjonijiet kritiċi. |
(7) |
Funzjonijiet kritiċi għandhom jiġu identifikati fi proċedura b'żewġ stadji: l-ewwel, l-istituzzjonijiet iwettqu awtovalutazzjoni meta jistabbilixxu l-pjanijiet ta' rkupru tagħhom. It-tieni, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jirrevedu b'mod kritiku l-pjanijiet ta' rkupru tal-istituzzjonijiet individwali biex jiżguraw konsistenza u koerenza f'approċċi użati mill-banek. Peress li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jibbenefikaw minn opinjoni ġenerali dwar liema funzjonijiet huma essenzjali biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja inġenerali, huma għandhom jieħdu d-deċiżjoni finali fir-rigward tal-ħatra ta' funzjonijiet kritiċi għall-fini tal-ippjanar ta' riżoluzzjoni u l-eżekuzzjoni. |
(8) |
Is-servizzi kritiċi għandhom ikunu l-operazzjonijiet, attivitajiet u servizzi sottostanti mwettqa għal unità ta' negozju waħda (servizzi ddedikati) jew entitajiet ġuridiċi (servizzi kondiviżi) fi ħdan il-grupp li huma meħtieġa biex jipprovdu funzjoni kritika waħda jew aktar. Servizzi kritiċi jistgħu jiġu mwettqa minn entità waħda jew aktar (bħal entità ġuridika separata jew unità interna) fi ħdan il-grupp (servizz intern) jew jiġu esternalizzati lil fornitur estern (servizz estern). Servizz għandu jitqies kritiku meta l-waqfien tiegħu jista' jkun ta' xkiel serju għal, jew tiġi mwaqqfa kompletament, il-prestazzjoni ta' funzjonijiet kritiċi, peress li dawn huma marbuta b'mod intrinsiku mal-funzjonijiet kritiċi li twettaq l-istituzzjoni għal partijiet terzi. L-identifikazzjoni tagħhom issegwi l-identifikazzjoni ta' funzjoni importanti ħafna. |
(9) |
L-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jidentifikaw ukoll is-servizzi kritiċi fil-pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni. Fejn is-servizzi kritiċi huma esternalizzati lil partijiet terzi, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tkun tista' tillimita l-evalwazzjoni tagħha għal dik li hija meħtieġa biex jiġi vverifikat jekk l-istituzzjoni għandhiex fis-seħħ pjan ta' kontinwità tan-negozju xieraq. |
(10) |
Id-determinazzjoni ta' servizz bħala ta' importanza kritika għandha tippermetti lill-istituzzjonijiet sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà kontinwa ta' dawk is-servizzi billi jiġu pprovduti permezz ta' entitajiet jew unitajiet li huma reżiljenti meta tqum xi problema, jew l-istabbiliment ta' arranġamenti xierqa fejn huma fornuti minn fornitur estern. |
(11) |
Id-differenza ewlenija bejn funzjonijiet kritiċi u linji tan-negozju ewlenin hija l-impatt tal-attivitajiet ikkonċernati. Filwaqt li l-funzjonijiet kritiċi għandhom jiġu vvalutati mill-perspettiva tal-importanza tagħhom għall-funzjonament tal-ekonomija reali u s-swieq finanzjarji u għalhekk għall-istabbiltà finanzjarja inġenerali, linji ta' negozju ewlenin għandhom jiġu vvalutati fuq il-bażi tal-importanza għall-istituzzjoni nnifisha bħalma hu l-livell tal-kontribut tagħhom lejn id-dħul u l-profitti tal-istituzzjoni. |
(12) |
F'dak li għandu x'jaqsam mal-pjan ta' rkupru, dan għandu jkun fih deskrizzjoni dettaljata tal-proċessi għad-determinazzjoni tal-valur u l-kummerċjabbiltà tal-linji tan-negozju ewlenin, barra minn hekk il-pjan tar-riżoluzzjoni għandu jkun fih immappjar tal-operazzjonijiet kritiċi tal-istituzzjoni u l-linji tan-negozju ewlenin u dimostrazzjoni ta' kif funzjonijiet kritiċi u linji ewlenin tan-negozju jistgħu jiġu separati legalment u ekonomikament minn funzjonijiet oħra sabiex tiġi żgurata l-kontinwità meta tfalli l-istituzzjoni. Fir-riżoluzzjoni, il-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi u linji ewlenin tan-negozju jistgħu jiġġustifikaw eżenzjoni ta' ċerti obbligazzjonijiet mill-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna u jistgħu wkoll jiġġustifikaw it-trasferiment tagħha lil bank tranżitorju. |
(13) |
Filwaqt li l-linji tan-negozju ewlenin huma ta' spiss marbuta ma' kemm dawn jikkontribwixxu għar-riżultati finanzjarji tal-istituzzjoni, tali approċċ ma jistax jinkludi kompletament il-linji ewlenin tan-negozju minħabba li istituzzjoni tista' tipprovdi servizz li mhuwiex direttament profitabbli (jew jista' anke jiġġenera telf) iżda joħloq valur tal-franchise u għalhekk huwa importanti għan-negozju tagħha kollu kemm hu, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jispeċifikaw:
(a) |
iċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-ħlas ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkun parzjalment jew kompletament differit skont l-Artikolu 104(3) tad-Direttiva 2014/59/UE; |
(b) |
il-kriterji għad-determinazzjoni tal-attivitajiet, is-servizzi u l-operazzjonijiet imsemmijin fil-punt (35) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE; |
(c) |
il-kriterji għad-determinazzjoni tal-linji tan-negozju ewlenin u servizzi assoċjati msemmijin fil-punt (36) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. |
Dawk ir-regoli għandhom ikunu applikati minn awtorità tar-riżoluzzjoni nnominata minn Stat Membru skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“perjodu ta' differiment” tfisser perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur; |
(2) |
“funzjoni” tfisser sett strutturat ta' attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet li jitwettqu mill-istituzzjoni jew grupp lil partijiet terzi irrispettivament mill-organizzazzjoni interna tal-istituzzjoni; |
(3) |
“linja tan-negozju” tfisser sett strutturat ta' attivitajiet, proċessi jew operazzjonijiet li huma żviluppati mill-istituzzjoni jew grupp għal partijiet terzi biex jiksbu l-miri tal-organizzazzjoni. |
KAPITOLU II
DIFFERIMENT TA' KONTRIBUZZJONIJIET EX-POST
Artikolu 3
Differiment ta' kontribuzzjonijiet ex-post straordinarji
1. Id-differiment ta' kontribuzzjonijiet ex-post imsemmija fl-Artikolu 104(3) tad-Direttiva 2014/59/UE jistgħu jingħataw mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fuq it-talba ta' istituzzjoni. Dik l-istituzzjoni għandha tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meqjusa meħtieġa mill-awtorità tar-riżoluzzjoni biex twettaq il-valutazzjoni tal-impatt tal-ħlas ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħha. L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tikkunsidra l-informazzjoni kollha disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex tistabbilixxi jekk dik l-istituzzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet għal differiment imsemmija fil-paragrafu 3.
2. Meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk dik l-istituzzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet għal posponiment, l-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tivvaluta l-impatt li ħlas ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkollu fuq il-pożizzjoni ta' solvenza jew likwidità ta' dik l-istituzzjoni. Fejn dik l-istituzzjoni tkun parti minn grupp, il-valutazzjoni għandha tinkludi wkoll l-impatt ta' solvenza u likwidità tal-grupp kollu kemm hu.
3. L-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tiddifferixxi l-ħlas ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post fejn tikkonkludi li l-ħlas jirriżulta f'waħda minn dawn li ġejjin:
(a) |
ksur probabbli, fi żmien is-sitt xhur ta' wara, tar-rekwiżiti minimi tal-istituzzjoni tal-fondi proprji stipulati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2); |
(b) |
ksur probabbli, fi żmien is-sitt xhur ta' wara, tar-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità minima tal-istituzzjoni, stipulat fl-Artikolu 412(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u speċifikat fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 (3). |
(c) |
ksur probabbli, fi żmien is-sitt xhur ta' wara, tar-rekwiżit tal-likwidità speċifiku tal-istituzzjoni stipulat fl-Artikolu 105 tar-Regolament 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
4. L-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tillimita l-perjodu ta' differiment sa fejn huwa meħtieġ biex jiġu evitati riskji għall-pożizzjoni finanzjarja ta' dik l-istituzzjoni jew tal-grupp tagħha. L-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tissorvelja regolarment jekk il-kundizzjonijiet għal differiment imsemmija fil-paragrafu 3 ikomplux japplikaw matul il-perjodu tad-differiment.
5. Fuq talba ta' dik l-istituzzjoni, l-awtorità tar-riżoluzzjoni tista' ġġedded il-perjodu tad-differiment, fejn tiddetermina li l-kundizzjonijiet għal differiment imsemmija fil-paragrafu 3 ikomplu japplikaw. Dan it-tiġdid ma għandux jaqbeż is-6 xhur.
Artikolu 4
Valutazzjoni tal-impatt tad-differiment fuq l-insolvenza
1. L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tivvaluta l-impatt ta' ħlas ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post fuq il-pożizzjoni tal-kapital regolatorju tal-istituzzjoni. Dik il-valutazzjoni għandha tinkludi analiżi tal-impatt li l-ħlas ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkollu fuq il-konformità tal-istituzzjoni mar-rekwiżiti minimi tal-fondi proprji stipulati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
2. Għall-iskop ta' din il-valutazzjoni, l-ammont ta' kontribuzzjonijiet ex-post għandu jitnaqqas mill-pożizzjoni tal-fondi proprji tal-istituzzjoni.
3. L-analiżi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkopri tal-inqas il-perjodu sad-data ta' remittenza tar-rappurtar għar-rekwiżiti tal-fondi proprji stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (5).
Artikolu 5
Valutazzjoni tal-impatt tad-differiment fuq il-likwidità
1. L-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tivvaluta l-impatt ta' ħlas ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post fuq il-pożizzjoni tal-likwidità tal-istituzzjoni. Dik il-valutazzjoni għandha tinkludi analiżi tal-impatt li l-ħlas ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista' jkollu fuq l-abbiltà tal-istituzzjoni li tissodisfa r-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità stipulat fl-Artikolu 412(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u speċifikat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61.
2. Għall-finijiet tal-analiżi deskritta fil-paragrafu 1, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha żżid fluss 'il barra tal-likwidità, ugwali għal 100 % tal-ammont pagabbli fil-mument meta l-ħlas ta' kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post ikun dovut, għall-kalkolu ta' flussi ta' ħruġ netti tal-likwidità kif stabbilit fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61.
3. L-awtorità tar-riżoluzzjoni għandha tivvaluta wkoll l-impatt ta' tali ħruġ stabbilit skont il-paragrafu 2 dwar rekwiżiti speċifiċi ta' likwidità stabbiliti fl-Artikolu 105 tad-Direttiva 2013/36/UE.
4. L-analiżi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkopri tal-inqas il-perjodu sad-data ta' remittenza tar-rappurtar għar-rekwiżiti tal-kopertura tal-likwidità stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014.
KAPITOLU III
KRITERJI RELATATI MAD-DETERMINAZZJONI TA' FUNZJONIJIET KRITIĊI U LINJI EWLENIN TAN-NEGOZJU.
Artikolu 6
Kriterji relatati mad-determinazzjoni ta' funzjonijiet kritiċi.
1. Funzjoni għandha tkun meqjusa bħala kritika, fejn tissodisfa dawn iż-żewġ punti li ġejjin:
(a) |
il-funzjoni hija pprovduta minn istituzzjoni lil partijiet terzi li mhumiex affiljati ma' istituzzjoni jew grupp; kif ukoll |
(b) |
in-nuqqas tagħha jwassal għal tfixkil li x'aktarx ikollu impatt negattiv materjali fuq partijiet terzi, iwassal għal kontaġju jew jimmina l-kunfidenza ġenerali tal-parteċipant fis-suq minħabba relevanza sistemika tal-funzjoni għal partijiet terzi u r-relevanza sistemika tal-istituzzjoni jew il-grupp biex jipprovdu l-funzjoni. |
2. Meta jiġi vvalutat l-impatt materjali negattiv fuq partijiet terzi, ir-rilevanza sistemika tal-funzjoni għal partijiet terzi u r-rilevanza sistemika tal-istituzzjoni jew il-grupp li joffru l-funzjoni, l-istituzzjoni u l-awtorità tar-riżoluzzjoni għandhom iqisu d-daqs, is-sehem tas-suq, l-interkonnettività esterna u interna, il-kumplessità, u l-attivitajiet transkonfinali tal-istituzzjoni jew il-grupp.
Il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-impatt fuq partijiet terzi għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:
(a) |
in-natura u l-firxa tal-attività, l-ilħuq globali, nazzjonali jew reġjonali, il-volum u l-għadd ta' tranżazzjonijiet; l-għadd ta' klijenti u kontropartijiet; in-numru ta' klijenti li għalihom l-istituzzjoni hija l-unika sieħba bankarja jew dik prinċipali. |
(b) |
ir-rilevanza tal-istituzzjoni, fuq bażi lokali, reġjonali, nazzjonali jew dak Ewropew, kif xieraq għas-suq konċernat. Ir-rilevanza tal-istituzzjoni tista' tiġi evalwata abbażi tas-sehem tas-suq, l-interkonnettività, il-kumplessità u attivitajiet transkonfinali. |
(c) |
in-natura tal-klijenti u partijiet interessati affettwati mill-funzjoni, bħal, iżda mhux limitati għal klijenti individwali, klijenti korporattivi, klijenti interbankarji, il-kmamar tal-ikklerjar ċentrali u entitajiet pubbliċi. |
(d) |
il-potenzjal ta' tfixkil ta' funzjoni fuq is-swieq, infrastrutturi, klijenti u s-servizzi pubbliċi. B'mod partikolari, il-valutazzjoni tista' tinkludi l-effett fuq il-likwidità tas-swieq ikkonċernati, l-impatt u l-grad ta' tfixkil għan-negozju tal-klijenti, u l-bżonnijiet ta' likwidità fuq perjodu qasir ta' żmien; il-perċettibbiltà għal kontropartijiet, klijenti u l-pubbliku; il-kapaċità u l-veloċità ta' reazzjoni tal-klijenti; ir-rilevanza għall-funzjonament ta' swieq oħra; l-effett fuq il-likwidità, l-operazzjonijiet, l-istruttura ta' suq ieħor; l-effett fuq kontropartijiet oħra relatati ma' klijenti ewlenin u l-interrelazzjoni tal-funzjoni ma' servizzi oħra. |
3. Funzjoni li hija essenzjali għall-ekonomija reali u s-swieq finanzjarji għandha titqies bħala sostitwibbli fejn din tista' tiġi sostitwita b'mod aċċettabbli u fi żmien raġonevoli u b'hekk jiġu evitati problemi sistemiċi għall-ekonomija reali u s-swieq finanzjarji.
Meta tiġi evalwata s-sostitwibbiltà ta' funzjoni l-kriterji li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati:
(a) |
l-istruttura tas-suq għal dik il-funzjoni u d-disponibbiltà ta' fornituri alternattivi; |
(b) |
l-abbiltà ta' fornituri oħra f'termini ta' kapaċità, ir-rekwiżiti biex iwettqu l-funzjoni, u ostakli potenzjali għad-dħul jew l-espansjoni; |
(c) |
l-inċentiv ta' fornituri oħra biex iwettqu dawn l-attivitajiet; |
(d) |
iż-żmien meħtieġ mill-utenti tas-servizz biex jittrażlokaw għall-fornitur il-ġdid ta' servizzi u l-ispejjeż taċ-ċaqliq, iż-żmien meħtieġ għal kompetituri oħra biex jieħu f'idejhom il-funzjonijiet u jekk dak iż-żmien huwiex biżżejjed biex jiġi evitat tfixkil sinifikanti skont it-tip ta' servizz. |
4. Servizz huwa kkunsidrat bħala wieħed ta' importanza kritika meta l-waqfien tiegħu jista' jkun ta' xkiel serju għal, jew jipprevjeni t-twettiq ta', funzjoni kritika waħda jew aktar. Servizz ma jkunx meqjus bħala kritiku fejn jista' jiġi pprovdut minn fornitur ieħor fi żmien raġonevoli b'mod paragunabbli fir-rigward tal-iskop tiegħu, il-kwalità u l-prezz.
5. It-tfixkil ta' funzjonijiet jew servizzi għandu jkun kompost minn funzjonijiet u servizzi li ma jibqgħux jiġu pprovduti b'mod paragunabbli, taħt kondizzjonijiet komparabbli u ta' kwalità simili, sakemm il-bidla fil-provvista ta' funzjoni jew servizz ikkonċernat ma sseħħx b'mod ordnat.
Artikolu 7
Kriterji relatati mad-determinazzjoni ta' linji ewlenin tan-negozju.
1. Linji tan-negozju u servizzi assoċjati li jirrappreżentaw sorsi materjali ta' dħul, profitt jew valur tal-franchise għal istituzzjoni jew għal grupp li tifforma parti minnu l-istituzzjoni għandhom jitqiesu linji ewlenin tan-negozju.
2. Linji ta' negozju ewlenin għandhom jiġu identifikati abbażi tal-organizzazzjoni interna tal-istituzzjoni, l-istrateġija imprenditorjali tagħha u kemm dawk il-linji tan-negozju ewlenin jikkontribwixxu għar-riżultati finanzjarji tal-istituzzjoni. Indikaturi tal-linji tan-negozju ewlenin jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, dawn li ġejjin:
(a) |
dħul iġġenerat minn din il-linja ewlenija tan-negozju bħala persentaġġ tad-dħul ġenerali; |
(b) |
profitt iġġenerat mil-linja ewlenija tan-negozju bħala persentaġġ tal-profitt ġenerali; |
(c) |
redditu fuq il-kapital jew assi; |
(d) |
assi totali, id-dħul u l-qligħ; |
(e) |
il-bażi tal-klijentela, marka ġeografika, sinerġiji tal-marka u operattivi tan-negozju ma' negozji oħra tal-grupp; |
(f) |
l-impatt tal-waqfien tal-linja ewlenija tan-negozju fuq l-ispejjeż u l-qligħ, fejn huwa sors ta' finanzjament jew likwidità; |
(g) |
il-prospetti tat-tkabbir ta' linja tan-negozju ewlenija; |
(h) |
l-attrazzjoni tan-negozju għal kompetituri bħala akkwist potenzjali; |
(i) |
il-potenzjal tas-suq u l-valur tal-franchise. |
Dħul futur mistenni, perspettivi tat-tkabbir u valur tal-franchise jistgħu jiġu kkunsidrati fl-identifikazzjoni ta' linja tan-negozju ewlenija fejn huma appoġġati minn previżjonijiet plawżibbli, u b'evidenza li tispjega s-suppożizzjonijiet li huma bbażati fuqhom.
3. Linji ewlenin tan-negozju jistgħu jiddependu fuq attivitajiet li minnhom infushom ma jiġġenerawx profitt dirett għall-istituzzjoni, iżda li jappoġġaw linji ewlenin tan-negozju tal-istituzzjoni biex b'hekk jikkontribwixxu indirettament għall-profitti tal-istituzzjoni.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 Test b'relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu Test b'rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).
(4) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1.).