28.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 114/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/654

tas-26 ta' Frar 2016

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta' importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 tal-25 ta' April 2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta' importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba n-nuqqas tal-Istati Uniti biex iġibu l-Att dwar il-Kumpens għall-Persistenza tad-Dumping u għaż-Żamma tas-Sussidji (CDSOA) konformi mal-obbligi skont il-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 impona dazju doganali addizzjonali ad valorem ta' 15 % fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika mill-1 ta' Mejju 2005. B'konformità mal-awtorizzazzjoni tad-WTO biex tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet lill-Istati Uniti, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-livell tas-sospensjoni kull sena għal-livell ta' nullifikazzjoni jew indebolment, ikkawżat mis-CDSOA lill-Unjoni Ewropea f'dak iż-żmien.

(2)

L-iżborżi tas-CDSOA għall-aktar sena riċenti li għaliha hemm dejta disponibbli għandhom x'jaqsmu mad-distribuzzjoni ta' dazji antidumping u kumpensatorji miġbura matul is-Sena Fiskali 2015 (mill-1 ta' Ottubru 2014 sat-30 ta' Settembru 2015) kif ukoll mad-distribuzzjoni addizzjonali ta' dazji antidumping u kumpensatorji miġbura matul is-Snin Fiskali 2011 u 2014. Abbażi tad-dejta ppubblikata mill-Ħarsien tad-Dwana u tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, il-livell ta' nullifikazzjoni jew indebolment kkawżat lill-Unjoni huwa kkalkulat li jammonta għal USD 887 696.

(3)

Il-livell ta' nullifikazzjoni jew indebolment, u konsegwentement, ta' sospensjoni, naqas. Madankollu, il-livell ta' sospensjoni ma jistax jiġi aġġustat għal-livell ta' nullifikazzjoni jew indebolment billi jiżdiedu jew jitneħħew prodotti mil-lista fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005. Minħabba f'hekk, skont l-Artikolu 3(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 673/2005, il-Kummissjoni għandha żżomm il-lista ta' prodotti fl-Anness I ta' dak ir-Regolament bla tibdil u temenda r-rata tad-dazju addizzjonali sabiex taġġusta l-livell ta' sospensjoni għal-livell ta' nullifikazzjoni jew indebolment. L-erba' prodotti elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 673/2005 għandhom għalhekk jinżammu fil-lista u r-rata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali għandha tiġi emendata u ffissata għal 0,45 %.

(4)

L-effett ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni ta' 0,45 % ad valorem fuq importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-prodotti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005 jirrappreżenta, fuq tul ta' sena, valur ta' kummerċ li ma jaqbiżx USD 887 696.

(5)

Biex ikun żgurat li ma jkun hemm ebda dewmien fl-applikazzjoni tar-rata emendata tad-dazju ta' importazzjoni addizzjonali, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar li jiġi ppubblikat.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 673/2005 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Dazju ad valorem ta' 0,45 % addizzjonali għad-dazju doganali applikabbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (*) għandu jiġi impost fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Mejju 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 110, 30.4.2005, p. 1; kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 38/2014 (ĠU L 18, 21.1.2014, p. 52).


ANNESS

“ANNESS I

Il-prodotti li fuqhom għandhom japplikaw dazji addizzjonali huma identifikati mill-kodiċijiet NM tagħhom bi tmien ċifri. Id-deskrizzjoni tal-prodotti klassifikati taħt dawn il-kodiċijiet tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1) ta' Dwana kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004 (2).

 

0710 40 00

 

9003 19 30

 

8705 10 00

 

6204 62 31