13.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 97/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/568

tad-29 ta' Jannar 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-proċeduri biex jiġi ddeterminat jekk l-ammonti irrekuperabbli għandhomx jiġu rimborżati mill-Istati Membri fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1) u b'mod partikolari l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 122(2) tiegħu,

Billi:

(1)

B'konformità mar-raba' subparagrafu tal-Artikolu 122(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, meta l-ammonti mħallsa indebitament lil benefiċjarju ma jistgħux jiġu rkuprati u dan huwa riżultat ta' difett jew negliġenza min-naħa ta' Stat Membru, l-Istat Membru għandu jkun responsabbli għar-rimborż tal-ammonti kkonċernati lill-baġit tal-Unjoni.

(2)

Id-dokument dwar ammonti irrekuperabbli sottomess mill-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni lill-Kummissjoni, bħala parti tal-kontijiet annwali skont l-Artikolu 137(1)(b) u l-Artikolu 138(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 kull sena mill-2016 sa u inkluż l-2025, jistabbilixxi l-ammonti irrekuperabbli fil-livell ta' kull prijorità. Dan id-dokument għandu jinkludi wkoll informazzjoni espliċita dwar l-ammonti irrekuperabbli, skont l-Istat Membru, jiġu rimborżati lill-baġit tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz ta' miżuri amministrattivi u legali meħuda mill-Istat Membru sabiex effettivament issegwi l-irkupru ta' ammonti irrekuperabbli. Madankollu, peress li dan id-dokument jirreferi għal ammonti li qabel kienu inklużi f'kontijiet ċertifikati mressqa lill-Kummissjoni, għandu jiġi ppreżentat għall-ewwel darba fl-2017.

(3)

Skont il-punt (b) tal-Artikolu 126 u mal-Artikolu 137(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-ammonti mnaqqsa qabel is-sottomissjoni ta' kontijiet ċertifikati ma jistgħux jitqiesu bħala rkupri jekk ikunu relatati man-nefqa inkluża fl-applikazzjoni finali għal ħlas interim ta' sena partikolari ta' kontabilità li għaliha l-kontijiet huma preparati. Għalhekk għandu jiġi ċċarat li l-informazzjoni dwar ammonti irrekuperabbli sottomessi taħt dan ir-Regolament Delegat għandha tikkonċerna biss l-ammonti diġà inklużi f'kontijiet ċertifikati li ġew sottomessi qabel lill-Kummissjoni.

(4)

Biex jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi jekk ammonti irrekuperabbli għandhomx jitħallsu lura lill-baġit tal-Unjoni, l-Istat Membru għandu jissottometti l-informazzjoni meħtieġa, fil-livell ta' kull operazzjoni u benefiċjarju, qabel l-iskadenza stabbilita għas-sottomissjoni tal-kontijiet fl-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). B'konformità ma' dik id-dispożizzjoni, għandu jkun possibbli li tiġi estiża wkoll l-iskadenza għad-dokument dwar ammonti irrekuperabbli.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji li jippermettu lill-Kummissjoni li tivvaluta jekk Stat Membru għandu tort jew kienx negliġenti fl-irkupru waqt il-miżuri amministrattivi u legali. Il-preżenza ta' wieħed jew aktar minn dawn il-kriterji ma għandhiex awtomatikament tifisser li l-Istat Membru kellu fil-fatt tort jew kien negliġenti.

(6)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-valutazzjoni tagħha sa skadenza mogħtija u l-Istati Membri għandhom jirreaġixxu għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni sa skadenza oħra stipulata. Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tikkonkludi l-valutazzjoni tagħha anki meta l-Istat Membru ma jipprovdix informazzjoni addizzjonali. Madankollu, fil-każijiet ta' qabel falliment jew ta' suspett ta' frodi, kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 122(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-iskadenzi ma għandhomx japplikaw.

(7)

Skont it-tieni sentenza tar-raba' subparagrafu tal-Artikolu 122(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jirkuprawx minn benefiċjarju ammont imħallas indebitament fil-livell ta' operazzjoni fis-sena ta' kontabilità konċernata li ma jaqbiżx EUR 250, interessi mhux inklużi, f'kontribuzzjoni mill-Fondi. F'dan il-każ, l-ammont ma għandux għalfejn jiġi rimborżat lill-baġit tal-Unjoni. Ebda informazzjoni mhi se tiġi mitluba fuq tali ammonti de minimis.

(8)

Fir-rigward tal-programmi taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea soġġetti għar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), dak ir-Regolament ma jistabbilixxix sistema differenti fir-rigward tal-ammonti msemmija fit-tieni sentenza tar-raba' subparagrafu tal-Artikolu 122(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Hu għalhekk li l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jipparteċipaw fi programm ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea partikolari li jiddeċiedu li la l-benefiċjarju ewlieni u lanqas l-awtorità ta' ġestjoni tal-programm mhi obbligata li tirkupra ammont imħallas indebitament li ma jaqbiżx EUR 250, interessi mhux inklużi, f'kontribuzzjoni mill-Fondi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sottomissjoni ta' informazzjoni dwar ammonti irrekuperabbli

1.   Fejn Stat Membru jqis li ammont ta' flus mħallsa indebitament lil benefiċjarju, li qabel kienu inklużi f'kontijiet ċertifikati sottomessi lill-Kummissjoni, hu irrekuperabbli, u fejn hi kkonkludiet li dan l-ammont ma għandux jiġi rimborżat lill-baġit tal-Unjoni, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tissottometti talba lill-Kummissjoni biex tikkonferma din il-konklużjoni.

2.   L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tissottometti talba msemmija fil-paragrafu 1, fil-livell ta' kull operazzjoni, fil-formola stabbilita fl-Anness ta' dan ir-Regolament permezz tas-sistema elettronika ta' skambju ta' dejta stabbilita fl-Artikolu 74(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

3.   L-Istat Membru għandu jissottometti talba stabbilita skont il-paragrafi 1 u 2 kull sena mill-2017 sa u inkluż l-2025 sal-15 ta' Frar fir-rigward tas-sena ta' kontabilità preċedenti. Il-Kummissjoni tista' eċċezzjonalment testendi l-iskadenza sal-1 ta' Marzu, fuq talba mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 2

Il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni ta' tort jew negliġenza min-naħa tal-Istati Membri

Il-kriterji segwenti huma indikattivi ta' tort jew negliġenza min-naħa tal-Istat Membru:

(a)

l-Istat Membru ma ssottometta ebda deskrizzjoni ta' miżuri amministrattivi u legali, bid-dati, meħuda mill-Istat Membru biex jirkupra l-ammont rilevanti (jew biex inaqqas jew jikkanċella l-livell ta' appoġġ jew jirtira d-dokument b'konformità mal-Artikolu 125(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fejn tali rtirar hu soġġett għal proċedura separata);

(b)

l-Istat Membru ma pprovda ebda kopja tal-ewwel ordni ta' rkupru jew ordni sussegwenti (u ta' kwalunkwe kopja tal-ittra li tnaqqas jew tikkanċella l-livell ta' appoġġ jew tirtira d-dokument skont l-Artikolu 125(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fejn tali rtirar hu soġġett għal proċedura separata);

(c)

l-Istat Membru ma pprovdiex id-data tal-aħħar ħlas tal-kontribuzzjoni pubblika lill-benefiċjarju tal-operazzjoni inkwistjoni u kopja tal-prova ta' dan il-ħlas;

(d)

l-Istat Membru, wara li ġiet skoperta l-irregolarità, għamel ħlas wieħed jew aktar mhux dovuti lill-benefiċjarju fir-rigward ta' parti mill-operazzjoni li ġiet affettwata mill-irregolarità;

(e)

l-Istat Membru ma bagħatx l-ittra li tnaqqas il-livell ta' appoġġ jew li tirtira d-dokument b'konformità mal-Artikolu 125(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fejn tali rtirar huwa soġġett għal proċedura separata, jew ħa kwalunkwe deċiżjoni ekwivalenti fi żmien 12-il xahar minn meta ġiet skoperta l-irregolarità;

(f)

l-Istat Membru ma tax bidu għal proċedura ta' rkupru fi żmien 12-il xahar mill-għoti li qed ikun b'mod definittiv ridott jew ikkanċellat (jew wara proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja jew permezz ta' ftehim tal-benefiċjarju);

(g)

l-Istat Membru ma eżawrixxiex il-possibbiltajiet ta' rkupru kollha disponibbli permezz tal-qafas istituzzjonali u legali nazzjonali;

(h)

l-Istat Membru ma pprovdiex dokumenti relatati ma' proċeduri ta' insolvenza u ta' falliment, meta applikabbli;

(i)

l-Istat Membru ma weġibx għat-talba tal-Kummissjoni għal aktar informazzjoni skont l-Artikolu 3.

Artikolu 3

Il-proċedura biex jiġi ddeterminat jekk ammont irrekuperabbli għandux jiġi rimborżat mill-Istati Membri

1.   Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru skont l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tevalwa kull każ sabiex tikkonkludi jekk in-nuqqas li jiġi rkuprat ammont huwiex riżultat ta' tort jew negliġenza min-naħa tal-Istat Membru, hi u tqis b'mod xieraq iċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-qafas istituzzjonali u legali tal-Istat Membru. Fejn wieħed jew aktar mill-kriterji elenkati fl-Artikolu 2 huma ssodisfati, il-Kummissjoni tista' xorta waħda tikkonkludi li l-Istat Membru ma kellux tort jew ma kienx negliġenti.

2.   Sal-31 ta' Mejju tas-sena li fiha l-kontijiet huma ppreżentati, il-Kummissjoni tista':

(a)

titlob bil-miktub lill-Istat Membru li jippreżenta aktar informazzjoni dwar miżuri amministrattivi u legali meħuda biex jirkupra kwalunkwe kontribuzzjoni tal-Unjoni mħallsa indebitament lil benefiċjarji; jew

(b)

titlob bil-miktub lill-Istat Membru biex ikompli bil-proċedura ta' rkupru tiegħu.

Meta l-Kummissjoni tkun ħadet l-opzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, għandhom japplikaw il-paragrafi 5 sa 8.

3.   Jekk il-Kummissjoni ma taġixxix skont u sal-iskadenza stipulata fil-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ma għandhiex tiġi rimborżata mill-Istat Membru.

4.   L-iskadenza stipulata fil-paragrafu 2(a) u (b) ma għandhiex tapplika għal dawk l-irregolaritajiet ta' qabel falliment jew f'każijiet ta' frodi suspettati.

5.   L-Istat Membru għandu jirrispondi fi żmien tliet xhur għat-talba ta' informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2.

6.   Jekk l-Istat Membru ma jissottomettix iktar informazzjoni kif mitlub skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tkompli l-valutazzjoni tagħha bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli.

7.   Fi żmien tliet xhur minn meta tkun irċeviet it-tweġiba mingħand l-Istat Membru, jew, fl-assenza ta' tweġiba sal-iskadenza, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru fejn tikkonkludi li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tkun rimborżata mill-Istat Membru hi u tistabbilixxi l-bażi għall-konklużjoni tagħha, u titlob lill-Istat Membru biex jipprovdi l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn. Jekk il-Kummissjoni ma taġixxix skont u sal-iskadenza stipulata fis-sentenza preċedenti, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ma għandhiex tiġi rimborżata mill-Istat Membru.

8.   Fi żmien 6 xhur wara l-iskadenza għal kummenti mill-Istat Membru msemmija fil-paragrafu 7, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-valutazzjoni tagħha abbażi tal-informazzjoni disponibbli u, meta hi ssostni l-konklużjoni tagħha li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tiġi rimborżata mill-Istat Membru, għandha tadotta deċiżjoni. Jekk il-Kummissjoni ma taġixxix skont u sal-iskadenza stipulata fis-sentenza preċedenti, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ma għandhiex tiġi rimborżata mill-Istat Membru.

Għall-iskop tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi rimborżata mill-Istat Membru, ir-rata ta' kofinanzjament fil-livell ta' kull assi ta' prijorità, kif stabbilit fil-pjan ta' finanzjament fis-seħħ fil-mument tat-talba, għandha tapplika.

Artikolu 4

L-għoti ta' informazzjoni dwar l-ammonti mhux irkuprati li ma jaqbżux EUR 250 f'kontribuzzjoni mill-Fondi

Fejn Stat Membru jiddeċiedi li ma jirkuprax minn benefiċjarju ammont imħallas indebitament jitħallas fil-livell ta' operazzjoni fis-sena ta' kontabilità konċernata li ma jaqbiżx EUR 250, interessi mhux inklużi, f'kontribuzzjoni mill-Fondi, ebda informazzjoni ma teħtieġ li tiġi provduta lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).


ANNESS

Is-sottomissjoni ta' informazzjoni dwar ammonti irrekuperabbli

a

b

c

d

e

f

g

h

i

j

k

l

m

n

o

p

q

Prijorità (1)

L-isem tal-operazzjoni u n-numru ta' identifikazzjoni tal-IT

Isem il-benefiċjarju

Data u prova tal-aħħar ħlas ta' kontribuzzjoni pubblika lill-benefiċjarju għall-operazzjoni kkonċernata

In-natura tal-irregolarità (in-natura għandha tiġi definita mill-Istat Membru)

Korp li sab l-irregolarità (indika liema: MA, CA jew AA jew ieħor, jew isem il-korp tal-UE)

Data tal-iskoperta tal-irregolarità (2)

Nefqa totali dikjarata irrekuperabbli

Nefqa pubblika korrispondenti għal ammonti dikjarati irrekuperabbli

Ammont ta' kontribuzzjoni irrekuperabbli tal-Unjoni (3)

Is-sena(snin) ta' kontabilità li fiha/fihom kienet iddikjarat in-nefqa li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni irrekuperabbli tal-Unjoni

Id-data tat-tnedija tal-proċedimenti ta' rkupru

Kopja tal-ewwel u kwalunkwe ordnijiet ta' rkupru sussegwenti (4)

Id-data li fiha ġie ddikjarat li l-ispejjeż ma jistgħux jiġu rkuprati

Raġuni għall-irrekuperabbiltà (5)

Dokumenti relatati ma' proċeduri ta' falliment, meta applikabbli

Indika jekk il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandhiex titħallas mill-baġit tal-Unjoni (IVA/LE) (6)

<type=“S” maxlength=“500” input=“S”>

<type=“S” maxlength=“250” input=“M”>  (7)

<type=“S” maxlength=“250” input=“M”>

<type=“D” input=“M”> + <ATT>

<type=“S” maxlength=“250” input=“M”>

<type=“S” maxlength=“250” input=“M”>

<type=“D” input=“M”>

<type=“Cu” input=“M”>

<type=“Cu” input=“M”>

<type=“Cu” input=“M”>

<type=“D” input=“S”>

<type=“D” input=“M”>

<ATT>

<type=“D” input=“M”>

<type=“S” maxlength=“500” input=“M”>

<ATT>

<type=“B” input=“M”>

Pr. 1

Op 1

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Op 2

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Subtotal

<tip=“Cu” input=“G”>

<tip=“Cu” input=“G”>

<tip=“Cu” input=“G”>

 

Pr. 2

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Subtotal

<tip=“Cu” input=“G”>

<tip=“Cu” input=“G”>

<tip=“Cu” input=“G”>

 

Pr. n

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Subtotal

<tip=“Cu” input=“G”>

<tip=“Cu” input=“G”>

<tip=“Cu” input=“G”>

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Total

<tip=“Cu” input=“G”>

<tip=“Cu” input=“G”>

<tip=“Cu” input=“G”>

 


(1)  Li tikkorrispondi mal-informazzjoni dwar il-prijorità mogħtija fil-kontijiet, skont l-Appendiċi 5 tal-Anness VII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1011/2014. Ir-rapportar għandu jkun f'livell ta' prijorità u fil-livell ta' kategorija ta' reġjun, jekk applikabbli.

(2)  Id-data li fiha ġiet stabbilita l-konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja tal-irregolarità.

(3)  Ikkalkulat skont ir-rata ta' kofinanzjament fil-livell ta' prijorità, kif stabbilit fil-pjan ta' finanzjament fis-seħħ fil-mument tat-talba.

(4)  Barra minn hekk, meta applikabbli, kopja tal-ittra li tnaqqas/tikkanċella l-livell ta' appoġġ u/jew tirtira d-dokument f'termini tal-Artikolu 125(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(5)  Indika jekk ir-raġuni għall-irrekuperabbiltà hix il-falliment tal-benefiċjarju. Jekk le, indika r-raġuni applikabbli.

(6)  Meta ssir talba li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha titħallas mill-baġit tal-Unjoni, l-Istat Membru jikkonferma li hu eżawrixxa l-possibbiltajiet kollha ta' rkupru disponibbli permezz tal-qafas istituzzjonali u legali nazzjonali

(7)  Didaskalija għall-karatteristiċi tal-oqsma: tip: N = Numru, D = Data, S = String, Cu = Munita B = Boolean — input: M = Manwali, S = Selezzjoni, G = Iġġenerat mis-sistema — “tulmassimu” = Numru massimu ta' karattri inklużi l-ispazji — ATT: Dokumenti mehmużin.