12.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 96/26


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/561

tal-11 ta' April 2016

li jemenda l-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 fejn jikkonċerna l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għall-klieb, għall-qtates u għall-inmsa li jiddaħħlu fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz għal skopijiet mhux kummerċjali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 jistipula li l-klieb, il-qtates u l-inmsa mdaħħla fi Stat Membru minn territorju jew minn pajjiż terz għal skopijiet mhux kummerċjali għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument tal-identifikazzjoni fil-format ta' ċertifikat tas-saħħa tal-annimali. Il-Parti 1 tal-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 (2) jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali.

(2)

Fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali hemm referenza għar-riżultat tajjeb li jrid jinkiseb mit-test meħtieġ għar-reazzjoni ta' immunità għat-tilqim kontra l-marda tar-rabja li jrid isir skont l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 fuq kampjuni tad-demm li jittieħdu mill-klieb, mill-qtates u mill-inmsa li jkunu ġejjin minn territorju jew pajjiż terz mhux elenkat fl-Anness II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 jew li jkunu skedati li jgħaddu minn hemm.

(3)

Wara l-ħafna falsifikazzjonijiet ta' rapporti tal-laboratorju fuq ir-riżultati tat-test tat-titrazzjoni ta' antikorpi tar-rabja, jixraq li wieħed ifakkar lill-uffiċjali li jagħtu ċ-ċertifikati fit-territorji jew fil-pajjiżi terzi li r-riżultati tajbin ta' dak it-test ma għandhomx jiġu ċċertifikati sakemm ma tkunx ġiet ivverifikata l-awtentiċità tar-rapport tal-laboratorju. Għandu jkun hemm nota ta' gwida speċifika li tgħid dan fiċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali.

(4)

Barra minn hekk, in-nota dwar id-data ta' meta sar l-immarkar tal-klieb, tal-qtates u tal-inmsa fil-Parti I taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali ġiet interpretata ħażin minn xi uffiċjali li jiċċertifikaw fil-pajjiżi terzi, u b'hekk kien hemm il-problemi waqt il-kontrolli tal-konformità fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. Biex jiġi evitat kull ftehim ħażin, dik in-nota għandha titħassar mill-Parti I taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali fejn jiġu deskritti l-annimali, u għandha tiddaħħal fil-Parti II taċ-ċertifikat, li tikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni tal-annimali. Fil-Parti II għandha tiddaħħal ukoll nota speċifika ta' gwida dwar il-verifikazzjoni tal-marka.

(5)

Għalhekk, l-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Biex ma jkunx hemm tfixkil tal-movimenti, għandu jiġi awtorizzat l-użu taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali li jkunu nħarġu skont il-Parti 1 tal-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 qabel id-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament waqt perjodu ta' tranżizzjoni.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 577/2013 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għal perjodu tranżitorju sal-31 ta' Diċembru 2016, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw id-dħul ta' klieb, qtates u inmsa minn territorju jew minn pajjiż terz għal skopijiet mhux kummerċjali u akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jkun inħareġ sa mhux aktar tard mill-31 ta' Awwissu 2016 skont il-mudell stabbilit fil-Parti 1 tal-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 fil-verżjoni ta' qabel ma saru l-emendi minn dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill-1 ta' Settembru 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta' Ġunju 2013 dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni tal-mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta' listi ta' territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r- rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma' ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 109).


ANNESS

Il-Parti I tal-Anness IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tinbidel b'dan li ġej:

“PARTI I

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

Image 6

Test ta 'immaġni
Image 7
Test ta 'immaġni