9.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/548

tat-8 ta' April 2016

li japprova s-sustanza bażika fosfat tad-diammonju, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fid-29 ta' Settembru 2014 il-Kummissjoni waslitilha applikazzjoni mill-Institut Technique de l'Agriculture Biologique (ITAB) għall-approvazzjoni tal-fosfat tad-diammonju bħala sustanza bażika. Ma' dik l-applikazzjoni ngħatat l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3).

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) għal għajnuna xjentifika. Fis-6 ta' Ottubru 2015, l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku dwar is-sustanza inkwistjoni lill-Kummissjoni (2). Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' rieżami (3) kif ukoll abbozz għal dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fil-11 ta' Diċembru 2015, u ffinalizzathom għal-laqgħa ta' dan il-Kumitat fit-8 ta' Marzu 2016.

(3)

Il-fosfat tad-diammonju huwa awtorizzat li jintuża fl-enoloġija bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 (4).

(4)

Id-dokumentazzjoni provduta mill-applikant turi li l-fosfat tad-diammonju ma jintużax b'mod predominanti għal finijiet tal-protezzjoni tal-pjanti, iżda madankollu huwa utli għall-protezzjoni tal-pjanti fi prodott li jikkonsisti mis-sustanza u mill-ilma.

(5)

Minn bosta eżamijiet li saru deher li l-fosfat tad-diammonju jista' jkun mistenni li jissodisfa, b'mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, b'mod partikolari fir-rigward tal-użi li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta' reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jixraq li l-fosfat tad-diammonju jiġi approvat bħala sustanza bażika.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ madankollu li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet għall-approvazzjoni, li huma spjegati fid-dettall fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta' sustanza bażika

Is-sustanza fosfat tad-diammonju kif speċifikat fl-Anness I hija approvata bħala sustanza bażika soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, 2015. Rapport tekniku dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni għas-sustanza bażika fosfat tad-diammonju biex tintuża għall-protezzjoni tal-pjanti bħala attirant tal-ikel mhux letali għad-dubbien tal-frott. Il-pubblikazzjoni ta' sostenn tal-EFSA 2015:EN-873. 34 pp.

(3)  http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=EN

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

L-Isem IUPAC

Purità (1)

Id-data tal-approvazzjoni

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi

Il-fosfat tad-diammonju

Nru tas-CAS: 7783-28-0

Idroġenufosfat tad-diammonju

Grad enoloġiku

Id-29 ta' April 2016

Il-fosfat tad-diammonju għandu jintuża f'konfomità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar il-fosfat tad-diammonju (SANTE/12351/2015) u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


ANNESS II

Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

Numru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

L-Isem IUPAC

Purità (*1)

Id-data tal-approvazzjoni

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi

“11

Fosfat tad-diammonju

Nru tas-CAS: 7783-28-0

Idroġenufosfat tad-diammonju

Grad enoloġiku

Id-29 ta' April 2016

Il-fosfat tad-diammonju jista' jintuża f'konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' analiżi dwar il-fosfat tad-diammonju (SANCO/12351/2015) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


(*1)  Aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika jinsabu fir-rapport ta' rieżami.