6.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/535

tal-5 ta' April 2016

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 dwar l-entrata ta' Singapore fil-lista ta' pajjiżi terzi, territorji u partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' laħam frisk

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-fażi ta' introduzzjoni tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1), l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/132/KE tas-17 ta' Diċembru 1996 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ f'annimali ħajjin u prodotti tal-annimali (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/99/KE tistabbilixxi, inter alia, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali għall-konsum uman. Skont dawk ir-rekwiżiti, l-introduzzjoni ta' tali prodotti fl-Unjoni għandha tiġi awtorizzata biss minn pajjiżi terzi li jidhru f'lista stabbilita mill-Kummissjoni.

(2)

Id-Direttiva 2002/99/KE tipprovdi wkoll li r-regoli u ċ-ċertifikazzjoni għat-tranżitu jistgħu jiġu stabbiliti.

(3)

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ f'annimali ħajjin u prodotti tal-annimali, mehmuż mad-Deċiżjoni 97/132/KE (“il-Ftehim”), jipprevedi l-istabbiliment ta' garanziji għall-introduzzjoni ta' laħam frisk minn New Zealand li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari mid-Direttiva 2002/99/KE u mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (4). Tali ekwivalenza ġiet stabbilita għal laħam frisk fuq is-saħħa tal-annimali u dik pubblika kif stipulat fl-Anness V tal-Ftehim.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 jistabbilixxi, inter alia, il-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' laħam frisk. Għal dan l-għan, il-Parti 1 tal-Anness II tistabbilixxi lista tal-pajjiżi terzi, it-territorji jew il-partijiet minnhom minn fejn tali kunsinni jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni u l-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji li għandhom jakkumpanjaw dawk il-kunsinni, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi jew garanziji supplementari meħtieġa.

(5)

New Zealand hija mniżżla fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 bħala pajjiż awtorizzat għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' laħam frisk ta' annimali domestiċi bovini, ovini u porċini, solipedi domestiċi, annimali mhux domestiċi mrobbija f'azjenda agrikola u selvaġġi tal-ordni Artiodactyla u annimali mhux domestiċi mrobbija f'azjenda agrikola u selvaġġi li jappartjenu għall-familji Suidae, Tayassuidae, jew Tapiridae.

(6)

Malli jidħlu fl-Unjoni tali kunsinni għandhom jiġu akkumpanjati mill-mudelli taċ-ċertifikati veterinarji xierqa kif stabbilit fil-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti speċifiċi ta' ċertifikazzjoni previsti fi ftehimiet tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi. Rigward dawk il-kunsinni minn New Zealand, tali rekwiżiti huma stabbiliti fl-Anness V tal-Ftehim u l-mudell taċ-ċertifikat veterinarju stabbilit fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1901 (5).

(7)

In-New Zealand qed ifittex mod aktar mgħaġġel ta' trasport lejn l-Unjoni ta' kunsinni ta' laħam frisk għal użu aktar effiċjenti ta' tali laħam, b'kont meħud tad-durata ta' konservazzjoni tiegħu. Għalhekk in-New Zealand qed jipprevedi li jittrasporta tali kunsinni b'ajruplan lejn Singapore, tħotthom mill-mezz ta' trasport bl-ajru, filwaqt li jkollha l-possibilità ta' ħażna temporanja fi stabbiliment approvat fiż-żona doganali tal-ajruport ta' Singapore, terġa' tgħabbihom fl-istess stabbiliment u jsir tranżitu tagħhom mit-territorju ta' Singapore lejn il-port tat-tluq għat-trasport b'bastiment tal-kontejners minn Singapore lejn l-Unjoni.

(8)

Għalhekk Singapore talab biex tiġi awtorizzata tintroduċi fl-Unjoni kunsinni ta' laħam frisk li joriġina min-New Zealand, eliġibbli għall-introduzzjoni fl-Unjoni u ddestinat għall-Unjoni, sabiex ikun jista' jsir il-ħatt, il-ħażna, it-tagħbija mill-ġdid u t-tranżitu minn Singapore ta' tali kunsinni.

(9)

Fil-mument tat-tluq min-New Zealand tali laħam frisk għandu jkun konformi mar-rekwiżiti speċifiċi tas-saħħa pubblika u dik tal-annimali għall-introduzzjoni fl-Unjoni. L-awtorità kompetenti ta' Singapore stabbilixxa kontrolli u proċeduri tal-importazzjoni biex jiżgura li l-ħatt, il-ħażna, it-tagħbija mill-ġdid u t-tranżitu minn Singapore ma jaffettwax tali konformità.

(10)

F'Marzu 2015, il-Kummissjoni wettqet verifika ta' tiftix tal-fatti f'Singapore, biex tiġbor informazzjoni dwar u tivvaluta l-kontrolli tal-importazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti ta' Singapore u l-proċedura ta' tranżitu stabbilita b'rabta mal-awtorizzazzjoni mitluba. Il-Kummissjoni kkonkludiet mill-eżitu ta' dik il-verifika li l-kontrolli tal-importazzjoni u l-proċeduri ta' tranżitu implimentati mill-awtoritajiet kompetenti ta' Singapore joffru garanziji sodisfaċenti biex jiġu żgurati l-integrità u s-sikurezza ta' kunsinni ta' laħam frisk min-New Zealand, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali u dik pubblika.

(11)

Biex jiġu ċċertifikati dawk il-kontrolli tal-importazzjoni u l-proċeduri ta' tranżitu, għandu jinħareġ ċertifikat veterinarju mill-awtorità kompetenti ta' Singapore biex jiġi ppreżentat ulterjorment lill-post ta' spezzjoni fil-fruntiera ta' introduzzjoni fl-Unjoni. Għal dan l-għan tfassal mudell ta' ċertifikat veterinarju “NZ-TRANSIT-SG”.

(12)

Il-Ftehim jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar iċ-ċertifikazzjoni, il-kontrolli fil-fruntiera u t-tariffi tal-ispezzjoni għall-importazzjonijiet min-New Zealand li huma applikabbli wkoll għal kunsinni fi tranżitu minn Singapore.

(13)

Il-Ftehim jippermetti li ċ-ċertifikati jiġu pprovduti b'mod elettroniku għall-prodotti tan-New Zealand esportati lejn l-Unjoni, permezz tal-użu ta' sistema elettronika integrata tal-Unjoni stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE (6) (“TRACES”).

(14)

Biex jiġu allinjati mar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni elettronika għan-New Zealand kif hemm stabbilit fl-Anness VII tal-Ftehim u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1901, il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “NZ-TRANSIT-SG” għandu jiġi stabbilit fi TRACES.

(15)

Malli jidħlu fl-Unjoni, il-kunsinni għandhom ikunu akkumpanjati kemm mill-mudell xieraq taċ-ċertifikat veterinarju maħruġ mill-awtorità kompetenti ta' New Zealand kif ukoll mill-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “NZ-TRANSIT-SG”, maħruġ mill-awtorità kompetenti ta' Singapore fi TRACES, skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

(16)

Huwa għalhekk xieraq li tiġi emendata l-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 sabiex tiżdied l-entrata ta' Singapore fil-lista tal-pajjiżi terzi, it-territorji u l-partijiet minnhom li għandhom jiġu awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' laħam frisk li joriġina minn New Zealand, iddestinat għall-Unjoni u li jinħatt, jerġa' jitgħabba u jitqiegħed fi tranżitu bi jew mingħajr ħażna minn Singapore.

(17)

Barra minn hekk huwa xieraq li tiġi emendata l-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 biex jiżdied il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “NZ-TRANSIT-SG” mal-lista ta' Mudelli taċ-ċertifikati veterinarji.

(18)

Il-Partijiet 1 u 2 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ.

(19)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-introduzzjoni ta' prodotti koperti miċ-ċertifikat previst f'punt (2)(b) tal-Anness ta' dan ir-Regolament, biss jekk dak iċ-ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti ta' Singapore u ċ-ċertifikat veterinarju maħruġ mill-awtorità kompetenti ta' New Zealand ikunu nħarġu wara s-26 ta' April 2016.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(3)   ĠU L 57, 26.2.1997, p. 4.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta' pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1901 tal-20 ta' Ottubru 2015 li tistabbilixxi regoli ta' ċertifikazzjoni u mudell ta' ċertifikat tas-saħħa għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' annimali ħajjin u ta' prodotti tal-annimali minn New Zealand u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/56/KE (ĠU L 277, 22.10.2015, p. 32).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE tat-30 ta' Diċembru 2002 li tirrigwarda l-iżvilupp ta' sistema veterinarja integrata u kompjuterizzata (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 44).


ANNESS

L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Parti 1, l-entrata li ġejja għal Singapore tiddaħħal bejn l-entrati għar-Russja u El Salvador:

“SG — Singapore (*1)

SG-0

Il-pajjiż kollu

NZ-TRANSIT-SG (*2)

 

 

 

 

(2)

Il-Parti 2 hija emendata kif ġej:

(a)

Fil-lista ta' Mudelli taċ-ċertifikati veterinarji, il-mudell li ġej jiddaħħal wara l-mudell “EQW”:

“‘NZ-TRANSIT'-SG’

Il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju għat-tranżitu biss minn Singapore b'ħatt, ħażna possibbli u tagħbija mill-ġdid ta' laħam frisk li joriġina min-New Zealand, li fir-rigward tiegħu n-New Zealand hija awtorizzata għall-introduzzjoni fl-Unjoni, li huwa eliġibbli għall-introduzzjoni u ddestinat għall-Unjoni.”

(b)

Il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju li ġej jiddaħħal wara l-mudell taċ-ċertifikat veterinarju EQW:

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

Image 3

Test ta 'immaġni

(*1)  Għal-laħam frisk biss li joriġina min-New Zealand, li fir-rigward tiegħu in-New Zealand hu awtorizzat għall-introduzzjoni fl-Unjoni, li huwa akkumpanjat mill-mudell xieraq taċ-ċertifikat veterinarju maħruġ mill-awtorità kompetenti tan-New Zealand, destinat għall-Unjoni u li jinħatt, bil-ħażna jew mingħajrha u li jitgħabba mill-ġdid fi stabbiliment approvat matul it-tranżitu f'Singapore.

(*2)  Mad-dħul tagħhom fl-Unjoni, il-kunsinni għandhom ikunu akkumpanjati kemm minn dan il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju maħruġ fi TRACES mill-awtorità kompetenti ta' Singapore kif ukoll mill-mudell xieraq taċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjoni ta' laħam frisk maħruġ mill-awtorità kompetenti ta' New Zealand, li jista' jinhemeż fi TRACES mill-awtorità kompetenti ta' Singapore.”