1.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 85/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/465

tal-31 ta' Marzu 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/183/PESK tat-22 ta' April 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/800/PESK (1) adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/183/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea li ħassret u ssostitwiet id-Deċiżjoni 2010/800/PESK.

(2)

Fil-31 ta' Marzu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/475 (3), li telenka l-Korean National Insurance Corporation (KNIC) u li tipprovdi derogi li jippermettu li persuni u entitajiet tal-UE jiksbu assigurazzjoni mill-KNIC għal attivitajiet li jridu jitwettqu fil-Korea ta' Fuq. Il-Kunsill iddeċieda wkoll li persuni jew entitajiet tal-UE għandhom jiħallew jirċievu ħlasijietmill-KNIC li jkunu ġejjin minn tali assigurazzjoni jew fir-rigward ta' ħsara kkaw/ata fit-territorju tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni (PESK) 2016/475.

(3)

Ir- Regolament (KE) Nru 329/2007 għalhekk għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (KE) Nru 329/2007,jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8a

1.   B'deroga mill-Artikolu 6(4), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fis-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għall-Korean National Insurance Company (KNIC) fejn dan ikun meħtieġ għall-ħlas ta' primjums f'kuntratt tal-assigurazzjoni ma' ċittadin ta' Stat Membru jew persuna ġuridika, entità jew korp inkorporati jew ikkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru, dment li l-ħlas:

(a)

ikun esklussivament għall-finijiet ta' attivitajiet li ma jkunux ipprojbiti minn dan ir-Regolament li jitwettqu fil-Korea ta' Fuq minn ċittadin ta' Stat Membru jew persuna ġuridika, entità jew korp ikkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru,

(b)

il-ħlas ma jkunx direttament jew indirettament għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV, V jew Va minbarra l-KNIC,

2.   Ċittadin ta' Stat Membru u persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi inkorporati jew ikkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru jistgħu jirċievu ħlasijiet mill-KNIC soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif indikat fis-siti web elenkati fl-Anness II. Tali awtorizzazzjoni tista' tingħata dment li l-ħlas:

(a)

ikun dovut skont kuntratt għal servizzi tal-assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 8a(1)(a), jew skont kuntratt għal servizzi tal-assigurazzjoni pprovdut mill-KNIC fir-rigward ta' ħsara kkawżata fit-territorju tal-Unjoni minn kwalunkwe parti għal tali kuntratt;

(b)

ma jkunx direttament jew indirettament għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV, V jew Va;

(c)

ma jikkontribwixxix għal attività pprojbita skont dan ir-Regolament; u

(d)

ma jirriżultax fir-rilaxx ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi tal-KNIC li jinsabu barra mill-Korea ta' Fuq.

3.   L-awtorizzazzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx ikunu meħtieġa meta l-ħlas lil jew mill-KNIC ikun meħtieġ għall-finijiet uffiċjali ta' missjoni diplomatika jew konsulari ta' Stat Membru fil-Korea ta' Fuq.

4.   B'deroga mill-Artikolu 6(2), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fis-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati tal-KNIC, skont il-kondizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu stabbilixxew li:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw b'mod esklussiv għal ħlas mill-KNIC dovut għal kuntratt konkluż qabel l-1 ta' April 2016;

(b)

il-kuntratt mhuwiex relatat, direttament jew indirettament, ma' attività pprojbita skont dan ir-Regolament;

(c)

il-ħlas ma jkunx direttament jew indirettament għall-benefiċċju ta' persuna, entità jew korp elenkat fl-Annessi IV, V jew Va.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b'kwalunkwe awtorizzazzjoni li tingħata skont dan il-paragrafu.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Marzu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  ĠU L 111, 23.4.2013, p. 52.

(2)  Regolament (KE) Nru 329/2007 tas-27 ta' Marzu 2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/475 tal-31 ta' Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2013/183/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ara l-paġna 34 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).