24.3.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 78/47 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/441
tat-23 ta' Marzu 2016
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala ħlewwa fil-mustarda
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati biex jintużaw fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom. |
(2) |
Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara applikazzjoni. |
(3) |
Fit-23 ta' Jannar 2015 ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala ħlewwa fil-mustarda. Sussegwentement l-awtorizzazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008. |
(4) |
Il-glikosidi tal-istevjol huma kostitwenti b'togħma ħelwa mingħajr kaloriji li jistgħu jintużaw biex jissostitwixxu s-sukrożju fil-produzzjoni tal-mustarda u b'hekk jiġi estiż il-perjodu ta' konservazzjoni tiegħhu u tiżdied l-istabbiltà mikrobijoloġika tiegħhu (it-tnaqqis tal-kontenut taz-zokkor jostakola l-proċess ta' fermentazzjoni li għalih iz-zokkor huwa substrat) filwaqt li jinżammu l-proprjetajiet organolettiċi mitluba tal-prodott. Bis-saħħa tal-glikosidi tal-istevjol fil-mustarda se jkun possibbli li titwessa' l-medda ta' dan il-prodott permezz ta' prodott li fih ħlewwa differenti minn dawk li ġew applikati s'issa u li għandu proprjetajiet ta' togħma kemxejn differenti. |
(5) |
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) evalwat is-sigurtà tal-glikosidi tal-istevjol estratti mill-weraq tal-pjanta Stevia rebaudiana Bertoni bħala ħlewwa u esprimiet il-fehma tagħha dwarhom fl-14 ta' April 2010 (3). L-Awtorità stabbilixxiet Doża Aċċettabbli ta' Kuljum (ADI) għall-glikosidi tal-istevjol, espressa bħala ekwivalenti tal-istevjol, ta' 4 mg/kg tal-piż tal-ġisem/jum. |
(6) |
L-awtorizzazzjoni ta' din il-ħlewwa f'ammont ta' 120 mg/kg (ta' ekwivalenti tal-istevjol) fil-mustarda twassal għal żieda fil-konsum tal-E960 fil-limiti li ġejjin: bejn 0 u 0,133 % tal-ADI fil-każ ta' konsum medju u bejn 0 u 1,143 % tal-ADI fil-każ ta' livell għoli ta' konsum. Dan huwa kkunsidrat bħala esponiment negliġibbli addizzjonali għall-konsumatur u għalhekk mhuwiex ta' tħassib għas-sikurezza. |
(7) |
Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta dak l-aġġornament mhux mistenni jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala ħlewwa fil-mustarda tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li x'aktarx ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhux meħtieġ li titfittex l-opinjoni tal-Awtorità. |
(8) |
Għalhekk, huwa xieraq li jkun awtorizzat l-użu tal-glikosidi tal-istevjol (E 960) bħala ħlewwa miżjuda fil-mustarda (is-sottokategorija tal-ikel 12.4) f'livell massimu ta' 120 mg/kg. |
(9) |
Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan. |
(10) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Marzu 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).
(3) EFSA Journal 2010; 8(4):1537.
ANNESS
Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:
(1) |
fis-sottokategorija tal-ikel 12.4 Mustarda, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-E 959:
|
(2) |
Tiżdied in-nota f'qiegħ il-paġna li ġejja:
|