23.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/62


REGOLAMENT (UE) 2016/401 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Marzu 2016

dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Ġeorġja għall-konklużjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ġeorġja.

(2)

Dawk in-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fis-27 ta’ Ġunju 2014 u ġie applikat provviżorjament mill-1 ta’ Settembru 2014.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri li jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tal-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni għas-sospensjoni temporanja tad-dazji preferenzjali fuq prodotti speċifiċi, provduti f’dan il-Ftehim.

(4)

Dan ir-Regolament għandu jipprovdi għall-possibbiltà li jiġu sospiżi d-dazji preferenzjali għal perjodu massimu ta’ sitt xhur meta l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati jilħqu l-volumi ta’ importazzjoni annwali definiti fl-Anness II-C għall-Ftehim.

(5)

Għal raġunijiet ta’ trasparenza, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim u dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

(6)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni stipulati fil-Ftehim, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(7)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni għad-deċiżjoni tas-sospensjoni temporanja tad-dazji preferenzjali skont il-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni, minħabba li dawk l-atti għandhom jiġu implimentati malajr ladarba l-limitu rilevanti għall-kategoriji tal-prodotti mniżżla fl-Anness II-C għall-Ftehim ikun intlaħaq peress illi għandhom biss perjodu ta’ applikazzjoni limitat ħafna. Sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq il-qagħda tas-suq tal-Unjoni bħala riżultat ta’ żieda fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih fejn, f’każijiet debitament ġustifikati, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza hekk jirrikjedu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni previst fil-Ftehim.

2.   Dan ir-Regolament japplika għal prodotti li joriġinaw fil-Ġeorġja.

Artikolu 2

Mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati

1.   Il-volum medju ta’ importazzjonijiet annwali huwa stabbilit għall-prodotti mniżżla fl-Anness II-C għal dan il-Ftehim, li huma soġġetti għall-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni stipulat fl-Artikolu 27 tiegħu. Għal raġunijiet imperattivi debitament ġustifikati ta’ urġenza relatati mal-volum tal-importazzjonijiet ta’ waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ prodotti li jilħqu l-volum indikat l-Anness II-C għal dan il-Ftehim fi kwalunkwe sena mill-1 ta’ Jannar, u sakemm ma tkunx irċeviet ġustifikazzjoni valida mill-Ġeorġja, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Permezz ta’ tali att, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi jew li tissospendi temporanjament id-dazju preferenzjali applikat għall-prodott jew prodotti kkonċernati jew inkella li tali sospensjoni mhijiex xierqa.

2.   Is-sospensjoni temporanja tad-dazju preferenzjali tkun applikabbli għal perjodu massimu ta’ sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni biex jiġi sospiż id-dazju preferenzjali. Qabel ma jiskadi dak il-perjodu ta’ sitt xhur u fuq raġunijiet ta’ urġenza imperattivi ġustifikati kif xieraq relatati mas-sospensjoni tad-dazji preferenzjali, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni applikabbli minnufih f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament sabiex titneħħa s-sospensjoni temporanja tad-dazju preferenzjali jekk tkun sodisfatta li l-volum tal-kategorija rilevanti ta’ prodotti importati li jaqbżu l-volum imsemmi fl-Anness II-C għall-Ftehim jirriżulta minn bidla fil-livell ta’ produzzjoni u l-kapaċità ta’ esportazzjoni tal-Ġeorġja għall-prodott jew prodotti kkonċernati.

Artikolu 3

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit permezz tal-Artikolu 229(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u, fir-rigward ta’ prodotti agrikoli pproċessati, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat dwar il-kwistjonijiet orizzontali li jirrigwardaw il-kummerċ fil-prodotti agrikoli pproċessati mhux mniżżla fl-Anness I stabbilit bl-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dawk il-Kumitati għandhom ikunu kumitati fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

Artikolu 4

Rapport

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u t-Titolu IV tal-Ftehim u dwar l-osservanza tal-obbligi stabbiliti hemm.

2.   Ir-rapport għandu, inter alia, jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

3.   Ir-rapport għandu jippreżenta wkoll ġabra qasira tal-istatistika u tal-evoluzzjoni tal-kummerċ mal-Ġeorġja.

4.   Il-Parlament Ewropew jista’, fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa ad hoc tal-kumitat reponsabbli tiegħu sabiex tippreżenta u tispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.   Mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tippubblikah.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-9 ta’ Marzu 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

J. A. HENNIS-PLASSCHAERT


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Frar 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2016.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/494/UE tas-16 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1).