4.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/28


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/304

tat-2 ta' Marzu 2016

li jdaħħal fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [“Heumilch”/“Haymilk”/“Latte fieno”/“Lait de foin”/“Leche de heno” (STG)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 52(3)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l- Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, it-talba mill-Awstrija biex tirreġistra l-ismijiet “Heumilch”/“haymilk”/“Latte fieno”/“Lait de foin”/“Leche de heno” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Fis-17 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni rċeviet tliet avviżi ta' oġġezzjoni mill-Ġermanja (ppreżentata minn Naturland — Verband für ökologischen Landbau e.V., Gläeserne Molkerei GmbH and Bauernverband Mecklenburg-Vorpommern e.V.) li kien fiha wkoll id-dikjarazzjonijiet ta' raġunijiet ta' opożizzjoni rispettivi. Fit-30 ta' Diċembru 2014, ġie ppreżentat avviż ta' oppożizzjoni direttament lill-Kummissjoni mill-Assoċjazzjoni Ġermaniża VHM (Verband für handwerkliche Milchverarbeitung im ökologischen Landbau e.V.). Fil-5 ta' Jannar 2015, il-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni avviż ġdid ta' oppożizzjoni (imressaq minn Deutsche Heumilchgesellschaft mbH).

(3)

Il-proċedura ta' oppożizzjoni abbażi ta' notifika mibgħuta direttament lill-Kummissjoni mill-VHM ma nfetħitx. Skont l-Artikolu 51(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, li tkun stabbilita jew residenti fi Stat Membru ieħor għajr dak minn fejn tkun saret l-applikazzjoni, tista' tippreżenta avviż ta' oppożizzjoni lill-Istat Membru li fih tkun stabbilita. Għalhekk, il-VHM ma kinitx permessa li tippreżentaa notifika jew dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni direttament lill-Kummissjoni.

(4)

Il-proċedura ta' oppożizzjoni abbażi ta' notifika mibgħuta mill-Ġermanja fil-5 ta' Jannar 2015 ma tneditx. Skont l-Artikolu 51(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-preżentazzjoni ta' avviż ta' oppożizzjoni għandu jsir fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-avviż ta' oppożizzjoni li wasal fil-5 ta' Jannar 2015 qabez din l-iskadenza.

(5)

Il-Kummissjoni eżaminat it-tliet oppożizzjonijiet mibgħuta mill-Ġermanja fis-17 ta' Diċembru 2014 u sabet li huma ammissibbli. Għalhekk, bl-ittra tad-19 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jidħlu f'konsultazzjonijiet xierqa biex jilħqu qbil bejniethom, f' konformità mal-proċeduri interni tagħhom.

(6)

L-oppożizzjoni abbażi ta' notifika mibgħuta mill-Ġermanja fis-17 ta' Diċembru 2014 b'referenza għall-oppożizzjoni mressqa minn Naturland — Verband für ökologischen Landbau e.V. ġew iritirati.

(7)

L-iskadenza għall-konsultazzjoni ġiet estiża għal tliet xhur oħra.

(8)

L-Awstrija u l-Ġermanja laħqu ftehim, li ġie notifikat lill-Kummissjoni fl-10 ta' Awwissu 2015.

(9)

Il-kontenut tal-ftehim konkluż bejn l-Awstrija u l-Ġermanja għandu jiġi kkunsidrat, billi jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(10)

Xi dettalji fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġew modifikati. Dawn jikkonċernaw il-possibbiltà tas-separazzjoni ta' azjendi agrikoli tal-produzzjoni f'unitajiet separati, l-inklużjoni ta' għalf addizzjonali oħxon obbligatorju ta' 75 % li għandu jiġi kkalkulat bħala medja annwali, il-permess biex jintuża kompost ekoloġiku għall-fertilizzazzjoni u mitigazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-produzzjoni ta' ħuxlief umduż, ħuxlief iffermentat u għall-produzzjoni u l-ħżin tal-foraġġ insilat.

(11)

Dawn l-elementi ma jikkostitwixxux emendi sostanzjali skont l-Artikolu 51(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Għalhekk, l-ispeċifikazzjoni mmodifikata tal-prodott ma għandhiex tiġi ppubblikata għall-oppożizzjoni. Madankollu, din għandha tiġi annessa ma' dan ir-Regolament għal informazzjoni debita.

(12)

Il-ftehim milħuq mill-partijiet ikkonċernati jikkonkludi wkoll li għandu jingħata perjodu ta' tranżizzjoni ta' sentejn lill-produtturi attwali ta' prodotti li jkollhom l-ismijiet “Heumilch”/“Haymilk”/“Latte fieno”/“Lait de foin”/“Leche de heno” sabiex jippermettilhom li jikkonformaw progressivament mal-ispeċifikazzjoni. Barra minn hekk, il-prodotti li jkunu għadhom m'humiex fis-suq f'dik id-data għandhom jitħallew jitqiegħdu fis-suq sakemm jispiċċaw il-ħażniet.

(13)

Il-Kummissjoni tqis li l-protezzjoni tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti għandhom jiġu modulati filwaqt li jittieħed kont tal-interessi ta' produtturi u operaturi li kienu legalment jużaw dawk l-ismijiet s'issa. Għalhekk, filwaqt li jitqiesu l-konklużjonijiet imsemmijin hawn fuq kif miftiehma mill-partijiet u l-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, abbażi tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, applikabbli b'analoġija ukoll għal speċjalitajiet tradizzjonali garantiti, perjodu tranżitorju ta' sentejn għal produtturi li jużaw l-isem “Heumilch”/“haymilk”/“latte fieno”/“lait de Foin”/“Leche de heno” mingħajr ma jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott flimkien ma' awtorizzazzjoni biex ikomplu, wara li l-perjodu ta' sentejn jkun skada, jqiegħdu fis-suq prodotti li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott sakemm il-ħażniet jiġu eżawriti, għandu jingħata bil-ħsieb li jippermetti adattament progressiv għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Prodotti bħal dawn, madankollu, m'għandhomx ikunu kummerċjalizzati akkumpanjati mill-indikazzjoni “speċjalità tradizzjonali garantita”, l-akkronomu “STG” jew is-simbolu tal-Unjoni assoċjat ma' din l-indikazzjoni.

(14)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-isem “Heumilch”/“Haymilk”/“Latte fieno”/“Lait de foin”/“Leche de heno” għandu jiddaħħal fir-“reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti”.

(15)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ismijiet “Heumilch”/“haymilk”/“latte fieno”/“lait de Foin”/“Leche de heno” (STG) huma rreġistrati.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu tiddentifika prodott mill-Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.), kif elenkati fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni kkonsolidata tal-prodott hija stipulata fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-ismijiet “Heumilch”/“haymilk”/“latte fieno”/“lait de Foin”/“Leche de heno” jistgħu jintużaw biex jindikaw prodotti li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-“Heumilch”/“haymilk”/“latte fieno”/“lait de Foin”/“Leche de heno” għal perjodu ta' sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Meta jintuża b'referenza għal prodotti li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, ismijiet bħal dawn jistgħu ma jkunux akkumpanjati mill-indikazzjoni “speċjalità tradizzjonali garantita”, l-akkronomu “STG” jew is-simbolu tal-Unjoni assoċjat ma' din l-indikazzjoni.

Wara li jiskadi l-perjodu ta' sentejn, il-produtturi tal- “Heumilch”/“haymilk”/“latte fieno”/“lait de Foin”/“Leche de heno” għandhom jkunu awtorizzati biex ikomplu jqiegħdu fis-suq prodotti li jkollhom dawn l-ismijiet, li jkunu saru qabel it-tmiem ta' dan il-perjodu u li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 2, sakemm jiġu eżawriti l-ħażniet.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU C 340, 30.9.2014, p. 6.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


ANNESS

TALBA GĦAR-REĠISTRAZZJONI TA' SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA (STG)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (*1)

“HEUMILCH”/“HAYMILK”/“LATTE FIENO”/“LAIT DE FOIN”/“LECHE DE HENO”

Nru tal-KE: AT-TSG-0007-01035 — 27.08.2012

1.   Isem u indirizz tal-grupp applikant

Isem

:

ARGE Heumilch Österreich

Indirizz

:

Grabenweg 68, A-6020 Innsbruck

Telefown

:

0043 (0)512 345245

Posta elettronika

:

office@heumilch.at

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Awstrija

3.   Speċifikazzjoni tal-prodott

3.1.   Ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati

“Heumilch” (bil-Ġermaniż); “Haymilk” (bl-Ingliż); “Latte fieno” (bit-Taljan); “Lait de foin” (bil-Franċiż);“Leche de heno” (bl-Ispanjol)

3.2.   Indika jekk l-isem

huwiex speċifiku fih innifsu

jesprimix in-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

Il-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” hija l-iktar forma naturali tal-produzzjoni tal-ħalib li teżisti. Il-ħalib jiġi minn annimali li jitrabbew fi rziezet tradizzjonali u sostenibbli tal-produzzjoni tal-ħalib. Id-differenza ewlenija bejn il-ħalib standard u l-ħalib tat-tip “Heumilch” hija li, bħalma kien jiġri fl-iktar forma oriġinali tal-produzzjoni tal-ħalib, l-annimali ma jingħataw l-ebda għalf iffermentat. Mis-snin sittin 'il quddiem, u minħabba l-mekkanizzazzjoni, l-industrijalizzazzjoni tal-agrikoltura bdiet tistrieħ dejjem iktar fuq il-produzzjoni tal-foraġġ insilat (għalf iffermentat) u b'hekk naqset ferm il-produzzjoni tal-għalf frisk. Barra minn hekk, ir-regolamenti jipprojbixxu l-użu ta' annimali u għalf li jridu jiġu identifikati bħala annimali u għalf “ġenetikament modifikati” skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Il-proċedura tal-għalf tinbidel skont it-tibdil tal-istaġun: Fil- “perjodu tal-foraġġ frisk”, l-annimali jiġu mitmugħa ħaxix frisk u faxxina u xi ħuxlief u forom ta' għalf permessi skont il-punt 3.6; fil-perjodu tax-xitwa, l-annimali jiġu mitmugħa ħuxlief, jew forom oħra ta' għalf permess skont il-punt 3.6.

3.3.   Jekk hux qed jintalab li l-isem jiġi rriżervat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

Reġistrazzjoni flimkien ma' riżerva tal-isem

Reġistrazzjoni mingħajr ma l-isem jiġi rriżervat

3.4.   Tip ta' prodott

Klassi 1.4. Prodotti oħra ta' oriġini mill-annimali

3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1

Ħalib tal-baqar li huwa konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu ta' produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1

Il-ħalib tat-tip “Heumilch” huwa prodott skont kundizzjonijiet ta' produzzjoni tradizzjonali li jikkonformaw mal- “Heumilchregulativ” (regolamenti dwar il-produzzjoni ħalib tat-tip “Heumilch” ). Dan it-tip ta' ħalib huwa kkaratterizzat mill-projbizzjoni tal-foraġġ iffermentat, bħall-foraġġ insilat, u mill-projbizzjoni tal-użu ta' annimali u għalf li jridu jiġu identifikati bħala annimali u għalf 'ġenetikament modifikati' skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Regolamenti għall-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” imsejħin “Heumilchregulativ”

Il-ħalib tat-tip “Heumilch” huwa ħalib tal-baqar li ġej minn baqar li qed jaħilbu li jiġi prodott minn azjendi agrikoli li jkunu ntrabtu li għandhom iħarsu l-kriterji li ġejjin. Sabiex tinżamm il-bażi tradizzjonali tal-ħalib tat-tip “Heumilch”, ma jistgħux jintużaw annimali u għalf li jridu jiġu identifikati bħala annimali u għalf ġenetikament modifikati skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

L-azjenda agrikola kollha trid titmexxa skont ir-regoli tal-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch”.

a)

Azjenda agrikola tista' tkun maqsuma f'unitajiet separati tal-produzzjoni ddefiniti b'mod ċar, li mhux bilfors kollha jitmexxew skont dawn ir-regoli. Iridu jkunu marbuta ma' oqsma tal-produzzjoni separati.

b)

Jekk l-unitajiet tal-azjenda agrikola ma jitmexxewx kollha skont ir-regoli tal-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” skont il-punt (a) t'hawn fuq, l-operatur irid iżomm l-annimali li jintużaw fl-unitajiet tal-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” separati mill-annimali li jintużaw fl-unitajiet l-oħrajn tal-azjenda, u għandu jżomm reġistru adegwat dwar dan sabiex juri din is-separazzjoni.

Tipi ta' għalf permessi

L-alimentazzjoni tal-annimali li jintużaw għall-produzzjoni tal-ħalib hija magħmula essenzjalment mill-ħaxix frisk, il-pjanti leguminużi u faxxina u waqt il-perjodu tal-foraġġ u l-ħuxlief fix-xitwa.

Dawn li ġejjin huma inklużi u permessi bħala għalf aktar oħxon: Iż-żerriegħa tal-kolza ħadra, il-qamħirrum aħdar, is-segala ħadra u l-pitravi għall-għalf, kif ukoll silla, xnien u gerbub tal-qamħirrum u tipi simili ta' għalf.

Tal-inqas 75 % mill-għalf niexef kollu li l-annimali jingħataw kull sena jrid ikun għalf oħxon.

Bħala ċereali, jistgħu jintużaw dawn li ġejjin, fil-forma konvenzjonali tagħhom u hekk kif jitqiegħdu fuq is-suq u f'kompożiti bil-granza, gerbub, eċċ.: il-qamħ, ix-xgħir, il-ħafur, it-tritikali, is-segala u l-qamħirrum.

Dawn li ġejjin jistgħu jintużaw ukoll bħala għalf: Fażola, piżelli tal-għelieqi, lupini, frott żejtni, u t-taħlitiet estratti jew kejkijiet.

Għalf ipprojbit

Dawn it-tipi ta' għalf huma pprojbiti: foraġġ insilat (foraġġ iffermentat), ħuxlief umduż u ħuxlief iffermentat.

L-annimali m'għandhomx jingħalfu bil-prodotti sekondarji tal-birreriji, tad-distilleriji u tal-għasir tal-frott, jew bi prodotti sekondarji oħrajn tal-industrija alimentari, bħaż-żrieragħ imxarrbin tal-birreriji jew il-biċċiet tal-pjanti mxarrbin. L-uniċi eċċezzjonijiet għal dan huma: Il-biċċiet tal-pjanti nexfin u l-melassa li huma prodott sekondarju tal-produzzjoni taz-zokkor u l-għalf tal-proteina li joħroġ mill-ipproċessar taċ-ċereali, fil-forma niexfa tiegħu.

L-annimali li jkunu qed jaħilbu m'għandhomx jingħataw l-ebda għalf imxarrab.

L-annimali m'għandhomx jingħataw l-ebda għalf li jkun ġej mill-annimali (bħall-ħalib, ix-xorrox, id-dqiq mill-karkassi, eċċ.), ħlief għall-baqar iż-żgħar li jistgħu jingħataw il-ħalib u x-xorrox.

L-annimali m'għandhomx jingħataw l-ebda skart tal-ġonna u tal-frott, patata u urea.

Regoli dwar it-tidmil

Il-fornitur tal-ħalib m'għandux juża l-ebda ħama tad-dranaġġ, prodotti tal-ħama tad-dranaġġ jew kompost li jkun ġej mill-impjanti muniċipali tat-trattament tal-iskart fir-raba' kollu li juża, minbarra l-kompost ekoloġiku.

Il-fornituri tal-ħalib irid jistennew tal-inqas tliet ġimgħat minn meta jiġi prodott id-demel tal-irziezet qabel ma jużawh fir-raba' kollu li jużaw għall-għalf tal-bhejjem.

L-użu ta' sustanzi awżiljajri kimiċi

Il-prodotti kimiċi u sintetiċi għall-protezzjoni tal-pjanti jistgħu jintużaw biss b'mod selettiv taħt it-tmexxija esperta ta' konsulenti esperti fl-agrikoltura u f'postijiet partikulari fir-raba' kollu tal-fornitur tal-ħalib użat għall-għalf aħdar.

L-isprej permess li joqtol id-dubbien jista' jintuża fl-imqawel għall-baqar biss meta fihom ma jkunx hemm il-baqar li jkunu qed jaħilbu.

Projbizzjonijiet fuq il-konsenja

Il-ħalib jista' jibda jitqassam bħala ħalib tat-tip “Heumilch” minn għaxart ijiem wara li twelled l-baqra.

Fil-każ ta' baqar li jkunu ngħalfu bil-foraġġ insilat (il-foraġġ iffermentat), irid jgħaddi perjodu ta' stennija ta' mill-inqas 14-il jum.

Fil-każ ta' annimali alpini li jkunu ngħalfu bil-foraġġ insilat (il-foraġġ iffermentat) fir-razzett fejn ikunu qed jitrabbew, dawn għandhom jew jingħalfu b'għalf li ma jkunx jinkludi l-foraġġ insilat għal 14-il jum qabel ma jittellgħu jirgħu fil-mergħat alpini, jew inkella l-ħalib tagħhom jista' jibda jintuża bħala ħalib tat-tip “Heumilch” biss wara li jkunu qattgħu 14-il jum fir-reġjun alpin (f'impjant li jkun tal-istess azjenda agrikola li tforni l-ħalib tat-tip “Heumilch”). Fil-mergħat fir-reġjun alpin, la jista' jiġi prodott il-foraġġ insilat u l-annimali lanqas ma jistgħu jingħalfu bih.

Projbizzjoni tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati

Sabiex tinżamm il-bażi tradizzjonali tal-ħalib tat-tip “Heumilch”, ma jistgħux jintużaw annimali u għalf li jridu jiġu identifikati bħala annimali u għalf ġenetikament modifikati skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Regolamenti oħrajn:

La jista' jiġi prodott u lanqas maħżun il-foraġġ insilat (il-foraġġ iffermentat).

La jistgħu jiġu prodotti u lanqas maħżuna l-balal tondi ta' kull tip imkebbin fil-plastik irqiq.

Ma jista' jiġi prodott l-ebda ħuxlief umduż jew ħuxlief iffermentat.

3.7.   In-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

Il-ħalib tat-tip “Heumilch” ivarja mill-ħalib standard tal-baqar minħabba l-kundizzjonijiet speċjali tal-produzzjoni tiegħu skont ir-regolamenti għall-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” imsejħin “Heumilchregulativ”, spjegati fil-punt 3.6.

Stħarriġ li għamlu Dr Ginzinger u l-kollegi tiegħu fil-Bundesanstalt für alpenländische Milchwirtschaft (Aġenzija Federali għall-produzzjoni tal-ħalib tar-reġjuni alpini) f'Rotholz fl-1995 u fl-2001, wera li 65 % tal-kampjuni tal-ħalib mill-għalf bil-foraġġ insilat kien fihom iktar minn 1 000 spora tal-batterju Clostridium għal kull litru. Analiżi li sar fuq il-ħalib imqassam lilproduttur kbir tal-ġobon wera li 52 % tal-kampjuni kellhom iktar minn 10 000 spora tal-batterju Clostridium għal kull litru. Studji wrew li 85 % tal-kampjuni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” prodott minn baqar li ma ngħataw l-ebda foraġġ insilat kellhom inqas minn 200 spora tal-batterju Clostridium f'kull litru, u 15 % tal-kampjuni ta' dan it-tip ta' ħalib kellhom bejn 200 u 300 spora f'kull litru. Minħabba l-metodu speċjali tal-għalf tal-baqar li minnu jinħaleb, il-ħalib tat-tip “Heumilch” fih livell partikolarment baxx ta' spori tal-batterju Clostridium. B'hekk, meta jintuża l-ħalib tat-tip “Heumilch” għall-produzzjoni tal-ġobon iebes, dan il-ġobon ikollu inqas difetti serji marbutin mat-togħma u mat-toqob tiegħu.

It-togħma tal-ħalib prodott minn baqar li ngħalfu bil-foraġġ insilat u ta' dak prodott minn annimali li ma ngħatawx dan l-għalf ġiet mistħarrġa fil-kuntest tal-proġett tar-riċerka msejjaħ “L-influwenza tal-foraġġ insilat fuq il-kwalità tal-ħalib” (Ginzinger u Tschager, l-Aġenzija Federali għall-produzzjoni tal-ħalib tar-reġjuni alpini, Rotholz, l-1993). 77 % mill-kampjuni tal-ħalib prodott minn annimali li ngħalfu bil-ħuxlief ma kellhom l-ebda difett fit-togħma tal-ħalib. Fil-każ tal-kampjuni tal-ħalib prodott minn baqar li ngħalfu bil-foraġġ insilat (ħalib standard), 29 % biss tal-kampjuni tal-ħalib ma kellu l-ebda problema fit-togħma tiegħu. Il-kampjuni tal-ħalib meħudin mit-tankijiet tal-vannijiet tal-ġbir tal-ħalib ukoll urew differenza sinifikanti. 94 % mill-kampjuni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” prodott minn baqar li ma ngħataw l-ebda foraġġ insilat ma kellhom l-ebda difett fit-togħma tal-ħalib. Madanakollu, fil-każ tal-kampjuni tal-ħalib prodott minn baqar li ngħalfu bil-foraġġ insilat, dan il-perċentwali ta' ħalib li ma kellux difetti fit-togħma tiegħu kien biss ta' 45 %.

Fi studju bħala teżi li sar fl-Università ta' Vjenna (minn Schreiner, Seiz u Ginzinger fl-2011), ġie ppruvat li, minħabba l-għalf ibbażat fuq l-għalf oħxon u l-foraġġ tal-baqar li minnhom jinħaleb, il-ħalib tat-tip “Heumilch” fih bejn wieħed u ieħor id-doppju tal-aċidi xaħmin tal-Omega 3 u tal-aċidi linolejċi konjugati tal-ħalib standard.

3.8.   In-natura tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

Il-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” u l-ipproċessar tiegħu ilhom jeżistu minn kemm ilhom jitrabbew il-bhejjem għall-ħalib fl-azjendi agrikoli (minn madwar il-ħames seklu qabel Kristu). Fil-Medju Evu, fl-għoljiet ta' madwar l-Alpi u fil-muntanji tar-reġjun ta' Tirol, kien diġà jiġi prodott il-ġobon mill-ħalib tat-tip “Heumilch” f'irziezet tradizzjonali żgħar ta' dan ir-reġjun imsejħin “Schwaighöfen”. Il-kelma “Schwaig” ġejja mill-Ġermaniż mitkellem bejn l-1050 u l-1350, u tirreferi għal forma speċjali ta' insedjament u, b'mod partikulari, għall-biedja fir-reġjun alpin. Ħafna drabi, l-irziezet tat-tip “Schwaighöfe” kienu jiġu stabbiliti bħala insedjamenti permanenti mis-sidien tal-art stess u l-irziezet tal-baqar kienu jintużaw l-iktar għall-produzzjoni tal-ħalib (u b'mod partikulari għall-produzzjoni tal-ġobon). Dawn it-tip ta' rziezet kienu jeżistu fir-reġjuni ta' Tirol u Salzburg sa mit-12-il seklu. Fiż-żoni tal-muntanji, il-ħalib tat-tip “Heumilch” kien marbut oriġinarjament mal-produzzjoni tal-ġobon iebes mill-ħalib mhux ipproċessat. Bejn wieħed u ieħor, sa mill-1900 diġà kienu għaddew regolamenti dwar il-ħalib prodott minn baqar li ma jingħataw l-ebda foraġġ insilat u li jkun adattat għall-produzzjoni tal-ġobon iebes. Abbażi ta' dawn ir-regolamenti tal-ħalib, magħrufa bħala “Milchregulative”, madwar is-sena 1950, fl-Awstrija ħarġu r-regolamenti għall-produzzjoni tal-ħalib tar-reġjuni ta' Vorarlberg, Tirol u Salzburg. Fl-1975, dawn ir-regolamenti tal-ħalib ġew issimplifikati u ddefiniti bħala il-prerekwiżiti tal-ħalib li jkun adattat għall-produzzjoni tal-ġobon iebes mill-korp Awstrijak għall-produzzjoni tal-ħalib (ara: “Bestimmungen über die Übernahme von hartkäsetauglicher Milch” (regoli dwar ħalib li jkun adattat għall-produzzjoni tal-ġobon iebes), Österreichische Milchwirtschaft Heft 14, Beilage 6 Nr. 23c, 21.7.1975). Sal-1993, l-awtorità ta' ppjanar tal-produzzjoni tal-ħalib li kien hemm qabel fl-Awstrija kienet iddikjarat ċerti żoni tal-produzzjoni bħala “żoni fejn huwa pprojbit l-użu tal-foraġġ insilat”, sabiex jibqa' jiġi ppreservat il-ħalib tat-tip “Heumilch” (li huwa magħruf ukoll bħala “ħalib prodott minn baqar li ma jingħataw l-ebda foraġġ insilat” u bħala “ħalib li huwa adattat għall-produzzjoni tal-ġobon iebes”), għall-produtturi tal-ġobon li jiddependu mill-ħalib mhux ipproċessat. Fl-1995, iż-żona fejn huwa pprojbit l-użu tal-foraġġ insilat għall-produzzjoni għall-ħalib tat-tip “Heumilch”, kompliet tiġi protetta permezz tal-“miżura ta' rinunzja tal-foraġġ insilat” inkluża fil-linji gwida speċjali tal-Ministeru Federali għall-Agrikoltura, il-Forestrija, l-Ilma u l-Ġestjoni Ambjentali sabiex tiġi promossa agrikoltura estensiva li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent u li tħares il-ħabitat naturali (il-programm Awstrijak għal agrikoltura li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, magħruf bħala “ÖPUL”).

Fir-reġjuni tal-Alpi, l-annimali minn dejjem ingħalfu b'mod tradizzjonali skont il-kriterji għall-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch”. Il-produzzjoni tal-ġobon fir-reġjuni tal-Alpi tissemma f'dokumenti individwali u ċertifikati dwar Holzalm fir-reġjun ta' Wildschönau fir-reġjun ta' Tirol li jmorru lura sal-1544.

Sa mill-bidu tas-snin tmenin tas-seklu li għadda, xi bdiewa li jipproduċu l-ħalib tat-tip “Heumilch” qed imexxu l-irziezet tagħhom ukoll skont kriterji tal-agrikoltura organika u ekoloġika.

3.9.   Rekwiżiti minimi u proċeduri għall-verifika tan-natura speċifika

4.   Awtoritajiet jew entitajiet li jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

4.1.   Isem u indirizz

4.2.   Kompiti speċifiċi tal-awtorità jew tal-korp


(*1)   ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.