4.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/13


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/301

tat-30 ta' Novembru 2015

li jissupplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-prospett u t-tixrid tar-reklamar u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jkun ippubblikat meta titoli jkunu offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(7), t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 14(8) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(7) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/71/KE armonizzat il-ħtiġijiet għat-tfassil, l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prospetti. Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti u biex jitqiesu l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati dawk ir-rekwiżiti, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-proċess ta' approvazzjoni, il-pubblikazzjoni u t-tagħrif mxerred dwar l-offerta jew l-ammissjoni għan-negozjar minbarra l-prospett, inkluż reklamar.

(2)

Il-proċess ta' reviżjoni u approvazzjoni tal-prospett huwa wieħed iterattiv, fejn id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tapprova l-prospett tinvolvi eżerċizzji ripetuti ta' analiżi u żvilupp ta' abbozz tal-prospett mill-emittent, offerent jew persuna li titlob għal ammissjoni għan-negozjar f'suq regolat biex ikun żgurat li l-prospett jissodisfa r-rekwiżit ta' kompletezza, inklużi l-konsistenza tal-informazzjoni u l-komprensibbilità tagħha. Sabiex jipprovdu ċertezza akbar dwar il-proċess ta' approvazzjoni li l-emittenti, l-offerenti jew persuni li jitolbu aċċess għall-kummerċ, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat liema dokumenti għandhom jiġu pprovduti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali f'mumenti differenti taċ-ċiklu tal-approvazzjoni tal-prospett.

(3)

Abbozz ta' prospett għandu dejjem jiġi ppreżentat lill-awtorità nazzjonali kompetenti f'format elettroniku li jippermetti li jsir tiftix u permezz ta' mezzi elettroniċi aċċettabbli għal dik l-awtorità. Bħala format elettroniku li jippermetti li jsir tiftix jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex iffittxu termini jew kliem speċifiċi fil-prospett, jiffaċilita skrutinju iktar mgħaġġel u jikkontribwixxi għall-proċess ta' reviżjoni f'waqtu u effiċjenti.

(4)

Bl-eċċezzjoni tal-ewwel abbozz tal-prospett, huwa imperattiv li kull abbozz tal-prospett sottomess lill-awtorità nazzjonali kompetenti juri biċ-ċar il-bidliet li saru fl-abbozz sottomess preċedentament u jispjega kif dawn jindirizzaw kull nuqqas ta' kompletezza nnotifikata mill-awtorità kompetenti nazzjonali. Kull sottomissjoni ta' abbozz ta' prospett lill-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tinkludi kemm il-verżjoni mmarkata, b'enfasi fuq il-bidliet kollha li saru lill-abbozz sottomess preċedentament u verżjoni mhux immarkata, fejn dawn il-bidliet mhumiex enfasizzati.

(5)

Fejn l-azzjonijiet ta' divulgazzjoni inklużi fl-annessi rilevanti għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (2) mhumiex applikabbli jew, meta wieħed iqis in-natura tal-kwistjoni jew l-emittent, mhumiex rilevanti fil-każ ta' prospett speċifiku, dawk l-azzjonijiet ta' divulgazzjoni għandhom jiġu identifikati lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex jimminimizzaw kwalunkwe dewmien fil-proċess ta' reviżjoni.

(6)

Sabiex jiġi żgurat użu effiċjenti tar-riżorsi, fejn isir evidenti lill-awtorità kompetenti nazzjonali li l-emittent, offerent jew persuna li tkun qed titlob għall-ammissjoni għan-negozjar ma tkunx f'pożizzjoni li tikkonforma mar-rekwiżiti tar-reġim tal-prospett, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha jkollha d-dritt li ttemm il-proċess ta' rieżami mingħajr ma tapprova l-prospett.

(7)

Il-pubblikazzjoni elettronika tal-prospetti, inklużi t-termini finali, tiżgura li l-investituri jiġu pprovduti b'aċċess rapidu u faċli għall-informazzjoni li tinsab fih. Li l-investituri jintalbu jaqblu ma' dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà li tillimita r-responsabbiltà legali, iħallsu miżata jew jgħaddu minn proċess ta' reġistrazzjoni biex jiksbu aċċess għal prospett ifixkel l-aċċessibbiltà faċli u m'għandux ikun permess. Filtri ta' twissija fil-ġurisdizzjonijiet li l-offerta hija magħmula u li l-investituri jintalbu jiżvelaw il-pajjiż tar-residenza tagħhom jew jindikaw li ma jkunux residenti f'pajjiż partikolari jew ġurisdizzjoni m'għandhomx jitqiesu bħala dikjarazzjonijiet ta' ċaħda li jillimitaw ir-responsabbiltà ċivili.

(8)

Ir-reklamar li jikkonċerna offerta lill-pubbliku jew ammissjoni għall-kummerċ jista' jsir mhux preċiż jew qarrieq meta jinħolqu jew jiġu nnutati fattur ġdid sinifikanti, żball materjali jew inakkuratezza relatata mal-informazzjoni fil-prospett korrispondenti. Għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti biex jiġi żgurat li meta r-reklamar isir ineżatt jew qarrieq minħabba fattur ġdid, żball jew ineżattezza sostanzjali, dan ir-reklamar jiġi emendat.

(9)

Billi l-prospett huwa s-sors awtoritattiv ta' informazzjoni dwar offerta lill-pubbliku jew ammissjoni għall-kummerċ, l-informazzjoni kollha ċċirkolata dwar tali offerti u ammissjonijiet għall-kummerċ, sew jekk għar-reklamar jew għal skopijiet oħra u kemm jekk f'forma orali jew miktuba, għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-prospett. Dan għandu jiġi żgurat billi jintalab li kull informazzjoni li tiċċirkula ma tikkontradixxix, jew tirreferi għal informazzjoni li tikkontradixxi, il-kontenut tal-prospett. Barra minn hekk, l-informazzjoni ċċirkulata għandha tkun ipprojbita milli tippreżenta fehma materjalment żbilanċjata minħabba l-informazzjoni inkluża fil-prospett. Barra minn hekk, bħala alternattiva l-miżuri ta' prestazzjoni jistgħu b'mod sproporzjonat jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta' investiment, informazzjoni dwar offerta lill-pubbliku jew ammissjoni għall-kummerċ iċċirkolata barra l-prospett ma għandiex tkun permessa li tinkludi miżuri bħal dawn, jekk dawn ma jkunux inklużi fil-prospett.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 809/2004 jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-pubblikazzjoni tal-prospett u t-tixrid tar-reklamar. Sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni tar-rekwiżiti, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 809/2004 għandhom jiġu mħassra.

(11)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(12)

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 ta' dak ir-Regolament.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U APPROVAZZJONI TAL-PROSPETT

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ulterjorment:

1.

l-arranġamenti għall-approvazzjoni tal-prospett kif imsemmi fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/71/KE;

2.

l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tal-prospett kif stabbilit fl-Artikolu 14(1) sa (4) tad-Direttiva 2003/71/KE;

3.

it-tixrid tar-reklamar imsemmi fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/71/KE;

4.

il-konsistenza bejn l-informazzjoni żvelata dwar offerta lill-pubbliku jew l-ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat, fuq naħa waħda, u l-informazzjoni inkluża fil-prospett, min-naħa l-oħra, kif stabbilit fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/71/KE.

Artikolu 2

Sottomissjoni ta' applikazzjoni għall-approvazzjoni

1.   L-emittent, l-offerent, jew il-persuna li tkun qed titlob għall-ammissjoni għan-negozjar f'suq regolat għandha tissottometti l-abbozzi kollha tal-prospett f'format elettroniku li jippermetti li jsir tiftix permezz ta' mezzi elettroniċi lill-awtorità kompetenti. Punt ta' kuntatt, lil min l-awtorità kompetenti tista' tissottometti n-notifiki kollha bil-miktub, permezz ta' mezzi elettroniċi, għandu jiġu speċifikat fil-mument li l-ewwel abbozz tal-prospett jiġi sottomess.

2.   Flimkien mal-ewwel abbozz ta' prospett sottomess lill-awtorità kompetenti, jew matul il-proċess ta' reviżjoni tal-Prospett, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat għandhom jissottomettuh ukoll f'format elettroniku li jippermetti li jsir tiftix:

(a)

fejn mitlub mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju skont l-Artikolu 25(4) tar-Regolament (KE) Nru 809/2004 jew fuq inizjattiva tagħhom stess, lista ta' kontroreferenza li għandha wkoll tidentifika kwalunkwe oġġetti mill-Annessi I sa XXX tar-Regolament (KE) Nru 809/2004 li ma ġewx inklużi fil-prospett għaliex, minħabba n-natura tal-emittent, l-offerent, jew il-persuna li titlob għal ammissjoni għal-kummerċ jew tat-titoli offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ, dawn ma kinux applikabbli.

Fejn lista ta' kontroreferenza ma tiġix sottomessa, u fejn l-ordni tal-punti tal-abbozz tal-prospett ma jaqblux bl-eżatt mal-ordni tal-informazzjoni stipulata fl-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 809/2004, l-abbozz tal-prospett għandu jkun annotat fil-marġini biex jidentifika liema partijiet tal-prospett jikkorrispondu mar-rekwiżiti ta' divulgazzjoni rilevanti. Prospett li jkun annotat fil-marġini għandu jkun akkumpanjat minn dokument li jidentifika kwalunkwe oġġett li jinsab fl-annessi rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 809/2004, li ma ġewx inklużi fil-prospett minħabba li ma kinux applikabbli, minħabba n-natura tal-emittent, l-offerent, jew il-persuna li jitolbu ammissjoni għal kummerċ jew tat-titoli offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ;

(b)

fejn l-emittent, l-offerent jew il-persuna li jitolbu ammissjoni għal kummerċ f'suq regolat qed jitolbu li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tawtorizza l-ommissjoni ta' informazzjoni mill-prospett skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/71/KE, talba motivata f'dan is-sens;

(c)

fejn l-emittent, l-offerent jew il-persuna li jitolbu ammissjoni għal kummerċ f'suq regolat qed jitolbu li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti mal-approvazzjoni tal-prospett, b'ċertifikat ta' approvazzjoni skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/71/KE, talba f'dan is-sens;

(d)

kwalunkwe informazzjoni li hija inkorporata b'referenza fil-prospett, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx diġà ġiet approvata minn jew preżentata mal-istess awtorità kompetenti konformi mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/71/KE;

(e)

kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa neċessarja, fuq bażi raġonevoli, għar-reviżjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u espressament mitluba mill-awtorità kompetenti għal dak l-għan.

Artikolu 3

Tibdiliet għall-abbozz tal-prospett

1.   Wara s-sottomissjoni tal-ewwel abbozz ta' prospett lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, fejn l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat jissottomettu abbozzi tal-prospett sussegwenti, l-abbozzi sussegwenti għandhom ikunu mmarkati biex jenfasizzaw il-bidliet kollha li saru fuq l-abbozz tal-prospett preċedenti mhux immarkat kif sottomess lill-awtorità kompetenti. Fejn isiru bidliet limitati biss, estratti ta' abbozz tal-prospett immarkati, li juru l-bidliet kollha mill-abbozz preċedenti, għandhom jitqiesu aċċettabbli. Abbozz tal-prospett mhux immarkat għandu dejjem jiġi sottomess flimkien mal-abbozz li jenfasizza l-bidliet kollha.

Fejn l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat ma jkunux jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżit stipulat fl-ewwel subparagrafu minħabba d-diffikultajiet tekniċi relatati mal-immarkar tal-prospett, kull tibdil li jsir fl-abbozz tal-prospett preċedenti jkun identifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju bil-miktub.

2.   Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, f'konformità mal-Artikolu 5(2) ta' dan ir-Regolament, innotifikat l-emittent, l-offerent, jew lil-persuna li jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat li tqis li l-abbozz tal-prospett ma jissodisfax ir-rekwiżit ta' kompletezza, inklużi l-konsistenza u l-intelliġibilità tat-tagħrif mogħti, l-abbozz tal-prospett li sussegwentement jiġi sottomess għandu jkun akkumpanjat minn spjegazzjoni dwar kif in-nuqqas ta' kompletezza nnotifikat mill-awtorità kompetenti ġie indirizzat.

Fejn il-bidliet li saru fl-abbozz tal-prospett sottomess preċedentament huma evidenti jew jindirizzaw b'mod ċar in-nuqqas ta' kompletezza nnotifikata mill-awtorità kompetenti, indikazzjoni ta' fejn saru l-bidliet biex jindirizzaw in-nuqqas ta' kompletezza għandha titqies suffiċjenti.

Artikolu 4

Sottomissjoni finali

1.   Bl-eċċezzjoni tal-lista tal-kontroreferenza msemmija fl-Artikolu 2(2)(a), is-sottomissjoni għall-approvazzjoni tal-abbozz finali tal-prospett tkun akkumpanjata minn kwalunkwe tagħrif msemmi fl-Artikolu 2(2) li nbidel mis-sottomissjoni preċedenti. L-abbozz finali tal-prospett ma għandux jkun annotat fil-marġini.

2.   Fejn ma sar l-ebda tibdil għas-sottomisjoni preċedenti fit-tagħrif msemmi fl-Artikolu 2(2), l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat għandhom jikkonferma bil-miktub li ma sar l-ebda tibdil għat-tagħrif sottomess preċedentement.

Artikolu 5

Riċeviment u proċessar tal-applikazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tirrikonoxxi li rċeviet l-applikazzjoni inizjali għal approvazzjoni ta' prospett bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn tmiem il-ġurnata tax-xogħol fit-tieni jum ta' xogħol wara r-riċevuta. Ir-rikonoxximent għandu jinforma l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat bi kwalunkwe numru ta' referenza tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni u bil-punt ta' kuntatt fi ħdan l-awtorità kompetenti, lil min il-mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni jistgħu jiġu indirizzati. Id-data ta' rikonoxximent m'għandhiex taffettwa d-data tas-sottomissjoni tal-abbozz tal-prospett, skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/71/KE, minn meta l-limitu ta' żmien għan-notifiki jibda.

2.   Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tikkunsidra, fuq bażi raġonevoli, li d-dokumenti ppreżentati lilha huma nkompleti jew li hija meħtieġa informazzjoni supplimentari, pereżempju minħabba inkonsistenzi jew nuqqas ta' ftehim ta' ċertu tagħrif pprovdut, din għandha tinnotifika l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li titlob ammissjoni għall-kummerċ tal-ħtieġa ta' tagħrif supplimentari u r-raġunijiet tagħha, bil-miktub, permezz ta' mezzi elettroniċi.

3.   Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tikkunsidra li l-inkompletezza tkun ta' natura minuri jew il-ħin ikun ta' importanza kbira, l-awtorità kompetenti tista' tinnotifika l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li jitolbu ammissjoni għall-kummerċ bil-mod orali, f'liema każ ma għandu jkun hemm l-ebda interruzzjoni tal-limiti ta' żmien għall-approvazzjoni tal-prospett kif imsemmi fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2003/71/KE.

4.   Fejn l-emittent, l-offerent jew il-persuna li jkunu qed jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat ma jistax jew ma jridx jipprovdi l-informazzjoni supplimentari mitluba skont il-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tkun intitolata li tirrifjuta l-approvazzjoni tal-prospett u ttemm il-proċess ta' reviżjoni.

5.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tinnotifika l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat bid-deċiżjoni tagħha rigward l-approvazzjoni tal-prospett bil-miktub, permezz ta' mezzi elettroniċi, fil-jum tad-deċiżjoni. Fil-każ ta' rifjut li tapprova l-prospett, id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tinkludi r-raġunijiet għal tali rifjut.

KAPITOLU II

PUBBLIKAZZJONI TAL-PROSPETT

Artikolu 6

Pubblikazzjoni tal-prospett f'forma elettronika

1.   Meta jiġi ppubblikat f'forma elettronika skont il-punti (c), (d) jew (e) tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/71/KE, il-prospett, sew jekk dokument uniku jew magħmul min-numru ta' dokumenti, għandu:

(a)

ikun faċilment aċċessibbli meta wieħed jidħol fil-websajt;

(b)

ikun f'format elettroniku disponibbli għat-tiftix li ma jkunx jista' jiġi mmodifikat;

(c)

ma jkunx fih link ipertest bl-eċċezzjoni ta' links għal indirizzi elettroniċi fejn ikun disponibbli tagħrif inkorporat b'referenza;

(d)

ikun jista' jiġi mniżżel u stampat.

2.   meta prospett li jkun fih tagħrif inkorporat b'referenza jkun ippubblikat f'forma elettronika, jinkludi link ipertest għal kull dokument li jkun fih tagħrif inkorporat b'referenza jew għal kull paġna web fuq liem dak id-dokument ikun ippubblikat.

3.   Jekk xi prospett għall-offerta ta' titoli lill-pubbliku jkun magħmul disponibbli fuq il-websajts tal-emittenti jew l-intermedjarji finanzjarji jew tas-swieq regolati, dawn għandhom jieħdu miżuri, biex jevitaw milli jimmiraw għal residenti fl-Istati Membri jew f'pajjiżi terzi fejn mhux qed issir l-offerta ta' titoli lill-pubbliku, bħal inklużjoni ta' dikjarazzjoni dwar lil min hija indirizzata l-offerta.

4.   L-aċċess għall-prospett ippubblikat f'forma elettronika m'għandux ikun soġġett għal:

(a)

tlestija ta' proċess ta' reġistrazzjoni;

(b)

l-aċċettazzjoni ta' dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà li tillimita r-responsabbiltà legali;

(c)

ħlas ta' miżata.

Artikolu 7

Pubblikazzjoni tat-termini finali

Il-metodu tal-pubblikazzjoni tat-termini finali li jikkonċernaw prospett bażi m' għandux għalfejn ikun l-istess bħal dak użat għall-prospett bażi sakemm il-metodu tal-pubblikazzjoni użat huwa wieħed mill-metodi ta' pubblikazzjoni indikati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/71/KE.

Artikolu 8

Pubblikazzjoni fil-ġurnali

1.   Sabiex jikkonforma mal-punt (a) tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/71/KE l-pubblikazzjoni ta' prospett għandha ssir f'ġurnal ta' informazzjoni ġenerali jew finanzjarja li għandu skop nazzjonali jew supra-reġjonali.

2.   Jekk l-awtorità kompetenti tkun tal-opinjoni li l-ġurnal magħżul għall-pubblikazzjoni ma jkunx konformi mal-ħtiġijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, hija tistabbilixxi ġurnal li ċ-ċirkolazzjoni tiegħu tkun meqjusa xierqa għal dan l-iskop wara li tikkunsidra, b'mod partikolari, l-arja ġeografika, in-numru ta' abitanti u d-drawwiet tal-qari f'kull Stat Membru.

Artikolu 9

Pubblikazzjoni tan-notifika

1.   Jekk xi Stat Membru jagħmel użu mill-possibilità, imsemmija fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/71/KE biex jitlob il-pubblikazzjoni ta' notifika li tgħid kif il-prospett hu disponibbli u fejn jista' jinkiseb mill-pubbliku, din in-notifika tkun ippubblikata f'ġurnal li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-pubblikazzjoni tal-prospetti skont l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament.

Jekk l-avviż ikun jikkonċerna xi prospett ippubblikat bl-iskop biss li jiddaħħlu titoli għal kummerċ f'suq regolat fejn diġa jkunu ddaħħlu titoli tal-istess klassi, jista' minflok jiġi ppubblikat fil-gazzetta ta' dak is-suq regolat, irrespettivament minn jekk il-gazzetta hijiex f'kopja stampata jew f'forma elettronika.

2.   In-notifika tkun ippubblikata mhux aktar tard mill-jum ta' xogħol li jkun imiss wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-prospett skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/71/KE.

3.   In-notifika jkun fiha t-tagħrif li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni tal-emittent;

(b)

it-tip, il-klassi u l-ammont tat-titoli offruti u/jew li dwarhom issir l-applikazzjoni għad-dħul fil-kummerċ, iżda dawn l-elementi jridu jkunu magħrufa fil-ħin tal-pubblikazzjoni tan-notifika;

(c)

il-kalendarju intenzjonat tal-offerta/dħul fil-kummerċ;

(d)

dikjarazzjoni li l-prospett ġie ppubblikat u fejn jista' jinkiseb;

(e)

l-indirizzi ta' fejn u l-perjodu ta' żmien li matulu l-kopja stampata hija disponibbli għall-pubbliku;

(f)

id-data tagħha.

Artikolu 10

Lista ta' prospetti approvati

Il-lista ta' prospetti approvati ppubblikata fuq il-websajt tal-awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2003/71/KE, issemmi kif dawn il-prospetti huma disponibbli u fejn jistgħu jinkisbu.

KAPITOLU III

REKLAMAR

Artikolu 11

Tixrid tar-reklamar

1.   Meta riklamar li jkollu x'jaqsam ma' offerta lill-pubbliku jew ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat ikun ġie mxerred, u suppliment għal prospett kien sussegwentement ippubblikat, minħabba li jirriżultaw jew jiġi nnutat fattur ġdid sinifikanti, żball materjali jew inakkuratezza relatati mat-tagħrif inkluż fil-prospett, jitqassam reklamar emendat f'każ li l-fattur ġdid sinifikanti, l-iżball materjali jew l-inakkuratezza relatati mat-tagħrif inkluż fil-prospett irendu r-reklamar preċedentament disseminat ineżatt jew qarrieq.

2.   Reklamar emendat jagħmel referenza għar-reklamar preċedenti, jispeċifika li r-reklamar preċedenti ġie emendat minħabba tagħrif mhux eżatt jew qarrieq u jispeċifika d-differenzi bejn iż-żewġ verżjonijiet tar-reklamar.

3.   Reklamar emendat jiġi mxerred mingħajr dewmien żejjed wara l-pubblikazzjoni tas-suppliment. Bl-eċċezzjoni tar-reklamar imxerred bil-fomm, ir-reklamar emendat jiġi mxerred, bħala minimu, permezz tal-istess mezzi tar-reklamar oriġinali.

L-obbligu li jiġi emendat ir-reklamar ma għandux japplika wara l-għeluq finali tal-offerta lill-pubbliku jew wara ż-żmien meta jibda l-kummerċ f'suq regolat, skont liema minn dawn isseħħ l-aħħar.

4.   Fejn ma jkunx meħtieġ prospett skont id-Direttiva 2003/71/KE, kwalunkwe reklamar għandu jinkludi twissija dwar dan sakemm l-emittent, l-offerent jew il-persuna li jkunu qed jitolbu ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat ma jagħżlux li jippubblikaw prospett konformi mad-Direttiva 2003/71/KE, ir-Regolament (KE) Nru 809/2004 u dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Konsistenza għall-finijiet tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2003/71/KE

Tagħrif żvelat f'forma orali jew miktuba dwar l-offerta lill-pubbliku jew l-ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat, sew jekk għar-reklamar jew għal skopijiet oħra, ma għandux:

(a)

jikkontradixxi t-tagħrif inkluż fil-prospett;

(b)

jirreferi għal tagħrif li jikkontradixxi dak li jkun jinsab fil-prospett;

(c)

jippreżenta fehma materjalment żbilanċjata tat-tagħrif li jinsab fil-prospett, inkluż permezz ta' ommissjoni jew preżentazzjoni ta' aspetti negattivi ta' tali tagħrif b'inqas prominenza milli l-aspetti pożittivi;

(d)

jinkludi miżuri ta' prestazzjoni alternattivi dwar l-emittent, sakemm ma jiġux inklużi fil-prospett.

Għall-finijiet tal-punti (a) sa (d), tagħrif inkluż fil-prospett jikkonsisti f'tagħrif inkluż fil-prospett, jekk diġà ppubblikat, jew tagħrif li għandu jiġi inkluż fil-prospett, jekk il-prospett ikun ippubblikat f'data aktar tard.

Għall-finijiet tal-punt (d), miżuri ta' prestazzjoni alternattivi jikkonsistu f'miżuri ta' prestazzjoni li huma miżuri finanzjarji storiċi jew futuri tal-prestazzjoni finanzjarja, il-pożizzjoni finanzjarja, jew flussi ta' flus, għajr miżuri finanzjarji definiti fil-qafas tar-rapportar finanzjarju applikabbli.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 809/2004

Ir-Regolament (KE) Nru 809/2004 huwa emendat kif ġej:

1.

fl-Artikolu 1, il-paragrafi 5 u 6 huma mħassra;

2.

L-Artikoli 29 sa 34 jitħassru.

Artikolu 14

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta' April 2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b'referenza u l-pubblikazzjoni ta' prospetti bħal dawn u t-tixrid tar-reklamar (ĠU L 149, 30.4.2004, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).