26.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/262

tal-25 ta' Frar 2016

li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat l-Istati Membri,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fit-30 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni ta' antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' aspartam lejn l-Unjoni li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”). Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Ippubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) (“in-Notifika ta' Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fis-16 ta' April 2015 minn Ajinomoto Sweeteners Europe SAS (“l-ilmentatur”). L-ilmentatur huwa l-uniku produttur tal-aspartam fl-Unjoni. L-ilmentatur b'hekk jirrappreżenta l-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' aspartam. L-ilment kien jinkludi evidenza ta' dumping u ta' dannu materjali li tirriżulta li kienet biżżejjed biex jiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Il-partijiet interessati

(3)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat speċifikament lill-ilmentatur, lill-produtturi esportaturi magħrufa u l-awtoritajiet Ċiniżi, lill-importaturi magħrufa, lill-fornituri, lill-utenti u lill-operaturi tas-suq li kienu magħrufa li huma kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom biex jipparteċipaw.

(4)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(5)

Fil-kuntest tal-bidu tal-investigazzjoni, ħadd mill-partijiet interessati ma talab smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.3.   Produtturi f'pajjiżi analogi:

(6)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li hija pprevediet lill-Ġappun u l-Korea t'Isfel bħala pajjiżi terzi b'ekonomija tas-suq skont it-tifsira tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-produtturi fil-Ġappun u l-Korea t'Isfel dwar it-tnedija u stednithom sabiex jipparteċipaw. Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.4.   Kampjunar

(7)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni qalet li tista' tieħu kampjun mill-produtturi ta' esportazzjoni u l-importaturi tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.4.1.   Kampjunar tal-importaturi

(8)

Biex tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi kollha magħrufa biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(9)

L-ebda mill-importaturi magħrufa kkuntattjati mill-Kummissjoni wieġbu għall-kwestjonarju fl-Avviż ta' Bidu għall-għażla ta' kampjun. Għalhekk it-teħid ta' kampjuni ma kienx applikabbli f'din l-investigazzjoni.

(10)

Żewġ distributuri, jiġifieri negozjanti li jixtru u jbiegħu mill-ġdid aspartam esklussivament prodott mill-produttur tal-Unjoni, identifikaw irwieħhom u pprovdew tweġiba għall-kwestjonarju.

1.4.2.   Il-kampjunar ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ

(11)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni Permanenti tar-RPĊ għall-Unjoni sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni.

(12)

Sitt produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' tliet kumpaniji bbażat fuq l-ikbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fil-ħin disponibbli. Fuq din il-bażi, it-tliet produtturi esportaturi jew gruppi ta' produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun li qablu li jikkooperaw jirrappreżentaw madwar 90 % tal-importazzjonijiet totali tal-aspartam li joriġinaw fir-RPĊ. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa u kkonċernati kollha, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernati, ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma sar l-ebda kumment.

1.4.3.   Eżami individwali

(13)

Tliet produtturi esportaturi li ma ffurmawx parti mill-kampjun fil-pajjiż kkonċernat talbu eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku u kienu pprovduti mal-formola tat-talba. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn it-tliet produtturi esportaturi pprovdew il-formola tat-talba mimlija fl-iskadenzi mogħtija. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li t-talbiet għal eżami individwali magħmula minn tliet produtturi esportaturi mhux fil-kampjun mhumiex validi.

1.5.   Formola ta' talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

(14)

Għall-finijiet tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bagħtet formoli għat-talbiet għal TES lis-sitt produtturi esportaturi li kkooperaw fil-pajjiż ikkonċernat li xtaqu japplikaw għal marġni ta' dumping individwali. Tnejn mis-sitt produtturi esportaturi li kkooperaw ressqu formola ta' talba għal TES mimlija iżda wieħed minnhom sussegwentement irtira t-talba tiegħu.

1.6.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

(15)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil produtturi tal-Unjoni, il-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-pajjiż ikkonċernat, produttur wieħed fil-Ġappun, magħżul bħala l-pajjiż analogu kif spjegat fil-premessa (45) hawn taħt, iż-żewġ utenti u distributuri li ppreżentaw ruħhom wara l-pubblikazzjoni tan-notifika ta' bidu.

(16)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand il-produttur tal-Unjoni, it-tliet produtturi esportaturi tal-kampjun fil-pajjiż ikkonċernat, produttur wieħed fil-Ġappun (“il-pajjiż analogu”), żewġ distributuri u ħames utenti.

1.7.   Żjarat ta' verifika

(17)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li tqieset neċessarja għal determinazzjoni proviżorja ta' dumping, il-dannu li jirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produttur tal-Unjoni:

Hyet Sweet S.A.S (preċedentament Ajinomoto Sweeteners Europe S.A.S), Gravelines, Franza;

(b)

Utenti:

Princes Limited, Liverpool, ir-Renju Unit;

Wrigley Company Limited, Plymouth, ir-Renju Unit.

(c)

Il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat:

The Sinosweet group (“Sinosweet”), inklużi:

Sinosweet Co., Ltd., Yixing city, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ, u

Hansweet Co., Ltd., Yixing City, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ,

The Niutang group (“Niutang”), inklużi:

Nantong Changhai Food Additive Co., Ltd., Nantong city, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ, u

Changzhou Niutang Chemical Plant Co., Ltd., Niutang town, Changzhou city, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ,

Changmao Biochemical Engineering Co., Ltd, Changzhou City, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ (“Changmao”).

(d)

Importaturi relatati mal-produtturi esportaturi:

Niutang UK Co., Ltd., Telford, Shropshire, ir-Renju Unit.

(e)

Produttur fil-pajjiż analogu

Ajinomoto Co., Tokyo, il-Ġappun

1.8.   Perjodu tal-investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(18)

L-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' April 2014 sal-31 ta' Marzu 2015 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew “PI”). L-analiżi tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopriet il-perjodu bejn Jannar tal-2011 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(19)

Il-prodott ikkonċernat, kif definit fin-Notifika ta' Bidu, huwa aspartam (N-L-α-Aspartyl-L-phenylalanine-1-methyl ester, 3-amino-N-(α-carbomethoxy-phenethyl)-succinamic acid-N-methyl ester), CAS RN 22839-47-0, li joriġina mir-RPĊ, kif ukoll l-aspartam li joriġina mir-RPĊ u li jinsab f'ċerti tħejjijiet u/jew taħlitiet li jinkludu wkoll dolċifikanti oħrajn u/jew ilma, li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi(jiet) NM ex 2924 29 98, ex 2106 90 92, ex 2106 90 98, ex 3824 90 92 u ex 3824 90 93.

(20)

L-aspartam hu ingredjent ta' taħlil prodott fil-forma ta' kristalli bojod u mingħajr riħa ta' diversi daqsijiet bi profil simili għal zokkor iżda b'żieda fil-qawwa tal-ħlewwa u b'valur kaloriku konsiderevolment iżgħar. Għal din ir-raġuni huwa prinċipalment użat bħala sostitut taz-zokkor fl-industriji tas-soft drinks, tal-ikel u tal-ħalib.

(21)

L-investigazzjoni wriet li ċerti tħejjijiet u/jew taħlitiet li fihom l-aspartam li joriġinaw mir-RPĊ ma kinux fil-fatt importati fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet li minħabba n-nuqqas ta' importazzjonijiet, it-tħejjijiet u/jew it-taħlitiet ma għandhomx ikunu inklużi fid-definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott. Din il-kjarifika tad-definizzjoni tal-prodott ma għandha l-ebda effett fuq is-sejbiet dwar id-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni.

(22)

Id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat għandu għalhekk jiġi ċċarat fis-sens li jirreferi biss aspartam (iN-L-α-Aspartyl-L-phenylalanine-1-methyl ester, 3-amino-N-(α-carbomethoxy-phenethyl)-succinamic acid-N-methyl ester), CAS RN 22839-47-0, li joriġina mir-RPĊ, li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 2924 29 98 (“il-prodott ikkonċernat”, jew “aspartam”).

2.2.   Il-prodott simili

(23)

L-investigazzjoni wriet li dawn il-prodotti għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

il-prodott ikkonċernat;

il-prodott magħmul u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat;

il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Ġappun, li serva bħala pajjiż analogu; kif ukoll

il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

F'dan l-istadju l-Kummissjoni ddeċidiet li dawk il-prodotti huma għalhekk prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   ID-DUMPING

3.1.   Il-valur normali

3.1.1.   Trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

(24)

Biex tiddetermina jekk il-kriterji tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ntlaħqux, il-Kummissjoni kisbet l-informazzjoni neċessarja billi talbet lill-produtturi esportaturi kkonċernati biex jimlew il-formola tat-talba ta' TES. Produttur esportatur minnhom fil-kampjun talab TES u ressaq formola ta' talba tat-TES fi żmien id-data ta' skadenza.

(25)

Il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni ppreżentata fil-bini tal-kumpanija kkonċernata.

(26)

Il-verifika wriet li l-produttur esportatur ma jikkonformax mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, ma jistax jingħata TES, b'mod partikolari nstabu nuqqasijiet fir-rigward il-kriterji 2 u 3.

(27)

Il-Kummissjoni żvelat is-sejbiet dettaljati lill-produttur esportatur ikkonċernat u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u lill-industrija tal-Unjoni. Il-kumpanija kkontestat is-sejbiet tal-Kummissjoni u pprovdiet kummenti bil-miktub dwar l-iżvelar. Il-kummenti sostanzjali ewlenin li waslu huma indirizzati hawn taħt.

(28)

Fir-rigward tal-kriterju 2, il-produttur esportatur tenna li għandu sett wieħed ċar ta' rekords tal-kontabilità li huma vverifikati indipendentement, li jikkonformaw mal-Istandards ta' Rappurtar Finanzjarju ta' Ħong Kong.

(29)

Fir-rigward tal-kriterju 3, il-produttur esportatur iddikjara li l-benefiċċji miksuba minn reġim(i) ta' taxxa preferenzjali, għotjiet jew ix-xiri tad-drittijiet tal-użu tal-art għandhom jitqiesu bħala simili għal sussidju u għalhekk m'għandhomx jiġu evalwati fil-qafas tal-investigazzjoni tat-TES.

(30)

Barra minn hekk, il-produttur esportatur sostna li l-valutazzjoni attwali tal-kriterji 2 u 3 tikkontradixxi l-konklużjoni taż-żewġ investigazzjonijiet preċedenti fejn il-kumpanija talbet it-TES, u fejn ġie konkluż li l-kriterji 2 u 3 ġew sodisfatti.

(31)

Il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni TES għal kull investigazzjoni hija magħmula b'mod indipendenti, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi speċifiċi rilevanti għall-investigazzjoni u billi tirreferi għall-prattika attwali. L-investigazzjonijiet kollha jeħtieġu li jsiru fuq bażi ta' każ b'każ.

(32)

Rigward il-valutazzjoni ta' reġim(i) ta' taxxa preferenzjali u l-għotjiet fil-qafas tal-kriterju 3, il-Kummissjoni tqis li l-għan tal-valutazzjoni tat-TES u l-investigazzjoni kontra s-sussidji huma differenti sa fejn il-valutazzjoni tat-TES tistabbilixxi jekk kumpanija topera skont il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, filwaqt li l-investigazzjoni kontra s-sussidji tistabbilixxi jekk kumpanija tibbenefika minn sussidji kumpensatorji. Dawn iż-żewġ kwistjonijiet iridu jiġu trattati b'mod separat, anki minħabba l-aspett rilevanti fil-kriterju 3 hu dwar jekk il-kostijiet tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinifikanti li ntirtet mis-sistema preċedenti ta' ekonomija mhux tas-suq u mhux jekk kumpanija tibbenefika minn sussidji kumpensatorji (3).

(33)

Rigward il-prezz tat-trasferiment tad-drittijiet tal-użu tal-art, il-Kummissjoni tqis li l-kummenti li waslu ma biddlux il-konklużjoni tagħha li d-drittijiet tal-użu tal-art ma nkisbux bil-prezz tas-suq valur.

(34)

Barra minn hekk, il-produttur esportatur talab li ssir seduta ta' smigħ ippreseduta mill-Uffiċjal tas-Seduta. Din is-seduta saret fis-6 ta' Jannar 2016 u l-kumpanija setgħet tiżviluppa r-raġunijiet kollha għalfejn tqis li tissodisfa r-rekwiżiti tal-kriterji 2 u 3 għat-TES.

(35)

Madankollu, kien ikkunsidrat wara s-seduta ta' smigħ li l-applikant xorta naqas milli juri li hu ssodisfa r-rekwiżiti tat-tieni u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. B'mod partikolari, l-applikant naqas milli juri li hu ma kienx soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti li ntirtu mis-sistema preċedenti ta' ekonomija mhux tas-suq. Tabilħaqq, l-investigazzjoni wriet li l-kumpanija bbenefikat minn reġim(i) ta' taxxa preferenzjali u għotjiet u prezz tat-trasferiment tad-drittijiet tal-użu tal-art preferenzjali u għalhekk ma ssodisfawx ir-rekwiżiti tal-kriterju 3 tal-valutazzjoni TES.

(36)

Minħabba l-gravità tas-sejbiet li saru għal kriterju 3, mhuwiex meqjus bħala neċessarju li jiġu żviluppati aktar in-nuqqasijiet misjuba għall-kriterju 2 f'dan l-istadju tal-investigazzjoni.

(37)

Il-Kummissjoni infurmat lill-produttur esportatur dwar id-deċiżjoni finali għat-TES.

3.1.2.   Għażla tal-pajjiż analogu

(38)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien determinat fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur maħluq f'pajjiż b'ekonomija tat-tielet suq għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx TES. Għal dan il-għan, ried jintgħażel pajjiż terz ta' ekonomija tas-suq (“il-pajjiż analogu”).

(39)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni infurmat lil partijiet interessati li qieset lill-Ġappun jew il-Korea t'Isfel bħala pajjiż analogu xieraq u stiednet partijiet interessati biex jikkummentaw.

(40)

Waslu kummenti mingħand China Chamber of International Commerce, mingħand China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters, kif ukoll minn produtturi esportaturi Ċiniżi, u kollha kemm huma kkontestaw l-użu tal-Ġappun bħala pajjiż analogu. Kienu tal-fehma li l-Korea t'Isfel ikun pajjiż analogu aktar xieraq minħabba li, fost raġunijiet oħra, is-suq domestiku Sud Korean hu iktar kompetittiv minn dik tal-Ġappun.

(41)

Sabiex tinvestiga l-possibiltajiet kollha biex tagħżel pajjiż analogu xieraq, il-Kummissjoni stiednet l-importaturi mhux relatati kollha magħrufa, il-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun, China Chamber of International Commerce, u China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters biex jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha ta' kwalunkwe pajjiżi terzi b'ekonomija tas-suq potenzjali minbarra l-Ġappun u l-Korea t'Isfel.

(42)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, ġie kkonfermat li l-aspartam kien prodott f'numru limitat ta' pajjiżi, jiġifieri fir-RPĊ, fil-Ġappun, fil-Korea t'Isfel u fl-Unjoni.

(43)

Abbażi tal-kummenti riċevuti, il-Kummissjoni kkuntattjat produttur magħruf li jipproduċi aspartam fil-Korea t'Isfel, li madankollu ma qabilx li jikkoopera mal-investigazzjoni.

(44)

Produttur Ġappuniż ġie kkuntattjat fejn proviżorjament qabel li jikkoopera fl-investigazzjoni.

(45)

F'dan l-istadju l-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ġappun hu pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

3.1.3.   Il-valur normali (pajjiż analogu)

(46)

L-informazzjoni li waslet mingħand il-produtturi li kkooperaw fil-pajjiż analogu intużat bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx TES, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(47)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni eżaminat jekk, b'mod konformi mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-volum totali tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv tal-Ġappun. Għal dan il-għan, dan il-volum totali tal-bejgħ ġie mqabbel mal-volum totali tal-prodott ikkonċernat esportat minn kull wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun lejn l-Unjoni. Fuq dik il-bażi, instab li l-prodott simili kien inbiegħ fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq Ġappuniż.

(48)

It-tieni nett, il-Kummissjoni identifikat dawk it-tipi ta' prodotti mibjugħa domestikament mill-produttur tal-pajjiż analogu li kienu identiċi jew direttament komparabbli mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun. Hija għamlet it-tqabbil fuq bażi tat-tip ta' prodott tal-volum tal-bejgħ fil-Ġappun mal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni minn kull produttur esportatur fil-kampjun. Dan it-tqabbil wera li t-tipi kollha tal-prodott ġew mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi fil-Ġappun.

(49)

Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat għall-produttur tal-pajjiż analogu jekk kull tip ta' prodott ikkonċernat li kien jinbiegħ fis-suq domestiku setax jitqies li kien jinbiegħ fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ kif iddefinita fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku attwali għal kull tip ta' prodott irrispettivament jekk dan il-bejgħ huwiex profittabbli u sew jekk mhuwiex, jekk il-volum mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew ogħla mill-prezz ikkalkolat tal-produzzjoni, jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta' dak it-tip, u fejn il-prezz tal-bejgħ medju ponderat ta' dak it-tip ta' prodott huwa daqs jew ogħla mill-ispiża ta' produzzjoni għal kull unità. Għat-tipi tal-prodott kollha li ġew mqabbla, il-valur normali jista' jkun bbażat fuq il-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta' dak it-tip ta' prodott matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(50)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta' prodotti esportati mir-RPĊ lejn l-Unjoni u mhux mibjugħa fil-Ġappun u l-valur normali kostrutt ibbażat fuq l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku. Biex jinbena valur normali għal dawn it-tipi, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kost medju tal-produzzjoni tal-eqreb tipi tal-prodott magħmula mill-produttur tal-pajjiż analogu u żiedet ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u l-profitt korrispondenti tal-ammonti medji ponderati realizzati mill-produttur tal-pajjiż analogu fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fl-andament ordinarju tal-kummerċ, matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

3.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(51)

It-tliet produtturi esportaturi esportaw lejn l-Unjoni jew direttament lil konsumaturi indipendenti jew permezz ta' kumpaniji relatati li jaġixxu bħala importaturi.

(52)

Fejn il-produtturi esportaturi esportaw il-prodott ikkonċernat direttament lill-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz li tħallas realment jew dak pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(53)

Fejn il-produtturi esportaturi esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta' kumpanija relatata li taġixxi bħala importatur, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa' nbiegħ għall-ewwel darba lill-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F'dan il-każ, l-aġġustamenti tal-prezz saru għall-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inkluż għall-kostijiet SG&A, u għal marġni ta' profitt raġonevoli.

3.3.   Tqabbil

(54)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi fil-kampjun fuq il-bażi tal-prezz mill-fabbrika.

(55)

Fejn ġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(56)

Rigward il-prezzijiet ta' esportazzjoni tal-produtturi esportaturi fil-kampjun, saru aġġustamenti għall-ispejjeż tat-trasport, tal-assigurazzjoni, tal-immaniġġjar, l-ispejjeż ta' kreditu, l-ispejjeż tal-bank u l-kummissjonijiet. Dwar il-prezzijiet domestiċi tal-produttur tal-pajjiż analogu, saru aġġustamenti għal trasport, kostijiet ta' kreditu u l-immaniġġjar.

(57)

Esportatur talab aġġustament għall-konverżjoni tal-munita għall-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Dan il-produttur esportatur daħal fi ftehimiet ta' saldu tal-kambju bil-quddiem sabiex jinnewtralizza l-apprezzament tal-munita tiegħu vis-à-vis il-muniti li normalment ikunu applikati għall-bejgħ tal-esportazzjoni, jiġifieri tal-euro u d-dollaru Amerikan. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li ma kien hemm l-ebda rabta diretta bejn kuntratti ta' kambju barrani u kuntratt ta' bejgħ ta' esportazzjoni kummerċjali. Għalhekk, it-talba ma ġietx milqugħa.

(58)

Produttur esportatur fir-RPĊ li kien fil-kampjun sostna li serje ta' fatturi li għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġi determinat jekk aġġustament kienx ġustifikat sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni tal-esportaturi Ċiniżi fil-kampjun u l-valur normali stabbilit fil-Ġappun. Dawn il-fatturi kkonċernaw il-livell tal-kummerċ, il-kwantità ta' bejgħ, il-kwalità fiżika u d-differenzi fl-immarkar, u d-differenzi fil-kostijiet bħar-riċerka u l-iżvilupp, materja prima, l-ispejjeż fissi u l-iskemi tat-taxxa.

(59)

Fir-rigward tal-livell tal-kummerċ, ma nstabet l-ebda differenza sinifikanti dwar l-istruttura tal-bejgħ jew it-tip ta' klijenti ta' min jagħmel it-talba ta' produttur esportatur u tal-produttur ta' pajjiż analogu. Bl-istess mod, ma nstabet l-ebda differenza fil-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott simili u tal-prodott ikkonċernat li tiġġustifika aġġustament. Barra minn hekk, l-investigazzjoni ma sabitx li l-marka tal-produttur tal-pajjiż analogu jista' jkollha effett fuq il-prezzijiet tali li jiġġustifikaw aġġustament. Il-produttur esportatur sostna li ma pprovdiex evidenza konvinċenti jew elementi deċiżivi f'dan is-sens.

(60)

Fir-rigward l-allegazzjonijiet dwar il-kostijiet, l-investigazzjoni kkonfermat li l-produttur tal-pajjiż analogu qaleb għal metodu ta' produzzjoni differenti f'dawn l-aħħar snin. Madankollu, l-investigazzjoni ma kkonfermatx kwalunkwe żieda sinifikanti fil-kostijiet, minħabba metodu ta' produzzjoni differenti, li tiġġustifika aġġustament.

3.4.   Marġnijiet tad-dumping

(61)

Għall-produtturi esportaturi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju peżat ta' kull tip ta' prodott simili fil-pajjiż analogu (ara l-premessi minn (46) sa (50) iktar 'il fuq) mal-prezz tal-esportazzjoni medju peżat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(62)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping medju ponderat proviżorji, murija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġini proviżorju tad-dumping

Changmao Biochemical Engineering Co., Ltd

284,23 %

Sinosweet group

275,91 %

Niutang group

219,17 %

(63)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkulat il-marġini tad-dumping medju peżat, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, dak il-marġini kien stabbilit fuq il-bażi tal-marġnijiet tal-produtturi esportaturi fil-kampjun.

(64)

Fuq il-bażi ta' dan, il-marġini tad-dumping proviżorju tal-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun kien ta' 262,93 %.

(65)

Għall-produtturi esportaturi kollha l-oħrajn fil-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġini tad-dumping fuq il-bażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta' kooperazzjoni huwa l-volum ta' esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni espress bħala proporzjon tal-volum totali ta' esportazzjoni — kif irrapportat fl-istatistika tal-importazzjonijiet tal-Eurostat — mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(66)

Il-livell ta' kooperazzjoni huwa għoli minħabba li l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw jammontaw għal 90 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża l-marġni ta' dumping residwu fil-livell tal-kampjun tal-produttur esportatur li kkooperat bl-ogħla marġni ta' dumping.

(67)

Il-marġnijiet proviżorji tad-dumping mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġini proviżorju tad-dumping

Changmao Biochemical Engineering Co., Ltd

284,23 %

Sinosweet group

275,91 %

Niutang group

219,17 %

Kumpaniji li kkooperaw mhux fil-kampjun

262,93 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

284,23 %

4.   DANNU

4.1.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(68)

Il-prodott simili ġie mmanifatturat minn produttur wieħed fl-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni, Ajinomoto Sweeteners Europe S.A.S (“ASE”). Fil-15 ta' Ottubru 2015 ASE inxtrat minn Hyet Holding B.V. u konsegwentement l-isem tal-produttur tal-Unjoni nbidel għal Hyet Sweet S.A.S (“Hyet”). Is-sid il-ġdid ikkonferma l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-investigazzjoni li għaddejja. Għalhekk Hyet tifforma l-industrija tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(69)

Peress li l-industrija tal-Unjoni hija magħmula minn produttur wieħed biss, iċ-ċifri kollha relatati ma' dejta sensittiva kellhom jiġu indiċjati jew jingħataw f'firxa għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(70)

Il-konsum fl-Unjoni kien ibbażat fuq il-bejgħ tal-produttur tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mir-RPĊ. Minbarra l-Unjoni, ir-RPĊ u l-Ġappun, l-aspartam huwa attwalment prodott biss fil-Korea t'Isfel. L-uniku produttur fl-Istati Uniti rrevoka l-aspartam mis-suq fl-2014. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli (4) ma kienx hemm jew kien hemm kwantitajiet insinifikanti biss ta' importazzjonijiet ta' aspartam fis-suq tal-Unjoni mill-Ġappun, il-Korea u l-Istati Uniti matul il-perjodu kkunsidrat.

(71)

Attwalment l-aspartam huwa kklassifikat f'Eurostat taħt bosta kodiċijiet NM li fihom ħafna sustanzi kimiċi oħra u għal din ir-raġuni d-dejta tal-Eurostat mhijiex xierqa biex jiġu stabbiliti volumi ta' importazzjoni. L-ilmentatur ipprovda l-istatistika dwar tal-bejgħ miċ-Ċiniżi għall-Unjoni għall-perjodu kkunsidrat minn kumpanija tar-riċerka bbażata fiċ-Ċina, CCM Information science and technology Co., Ltd (“CCM”) (5). Din l-informazzjoni kienet verifikata mal-bażi tad-dejta tal-esportazzjonijiet Ċiniżi, fejn madankollu ma kienx hemm dejta rilevanti disponibbli għall-perjodu kollu kkunsidrat. Billi għal 2013, 2014 u l-perjodu ta' investigazzjoni ċ-ċifri rrappurtati fiż-żewġ bażijiet ta' dejta mqabbla ġie deċiż li tintuża d-dejta pprovduta minn CCM li tkopri l-perjodu kollu kkunsidrat.

(72)

Fuq il-bażi ta' hawn fuq, il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni (f'tunnellati)

 

2011

2012

2013

2014

PI

L-Indiċi tal-Konsum Totali fl-Unjoni

100

92

95

91

88

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni minn CCM, il-bażi tad-dejta tal-esportazzjonijiet Ċiniża u verifikata għall-kwestjonarju tal-industrija tal-Unjoni

(73)

Il-konsum tal-Unjoni naqas bi 12 % waqt il-perjodu kkunsidrat. Skont l-għarfien tas-suq miksub mill-ilmentatur u mill-utenti, dan huwa prinċipalment minħabba tħassib dwar is-saħħa dwar l-aspartam, li wassal lil xi utenti jaqilbu għal sustanzi li jagħtu ħlewwa oħra bħal aċesulfam tal-potassju (“ACE-K”), stevja jew sukralożju.

4.3.   Importazzjonijiet mir-RPĊ

4.3.1.   Volum u sehem tas-suq tal-importazzjonijiet

(74)

Importazzjonijiet lejn l-Unjoni u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum ta' importazzjoni (f'tunnellati) u s-sehem mis-suq

 

2011

2012

2013

2014

PI

Volum ta' importazzjoni mir-RPĊ — Indiċi  (6)

100

96

93

95

88

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ — Indiċi

100

105

98

105

100

(75)

Matul il-perjodu kkunsidrat il-volumi ta' importazzjoni mir-RPĊ naqsu b'12 %, l-istess bħat-tnaqqis tal-konsum ġenerali tal-Unjoni kif imsemmi fil-premessa (73) hawn fuq. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi baqa' stabbli, madwar 50 % — 70 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

4.3.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

(76)

Il-prezzijiet medji għal kull tunnellata tal-importazzjonijiet mir-RPĊ żviluppaw kif ġej:

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjoni CIF mir-RPĊ (EUR/tunnellata)

 

2011

2012

2013

2014

PI

Il-medja ponderata tal-prezzijiet ta' importazzjoni

10,6

11,2

10,0

9,1

9,4

Indiċi

100

105

94

86

88

Sors: Statistika pprovduta mill-produttur tal-Unjoni minn CCM u verifikata wkoll darb' oħra b'risposta għall-kwestjonarju vverifikat tal-produtturi esportaturi Ċiniżi għall-perjodu ta' investigazzjoni

(77)

Il-livell tal-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiż mir-RPĊ naqas b'12 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.3.3.   It-twaqqigħ tal-prezz

(78)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni billi qabblet:

(a)

il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ tal-produttur uniku tal-Unjoni imposti fuq il-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni għal tipi ta' prodotti esportati lejn l-Unjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, aġġustati għal livell ta' prezzijiet tal-fabbrika, u

(b)

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta' importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi ta' spiża, assigurazzjoni, merkanzija (CIF), b'aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali (6,5 %) u għall-kostijiet ta' wara l-importazzjoni.

(79)

Sabiex ikun hemm biżżejjed tqabbil bejn it-tipi ta' prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni u mill-produtturi esportaturi Ċiniżi n-numru ta' kontroll tal-prodott ġie mnaqqas mal-parametri dwar id-daqs tal-ippakkjar u t-tip ta' ppakkjar. L-investigazzjoni kkonfermat li l-prezz għal kull tunnellata mhuwiex influwenzat b'mod sinifikanti minn dawn iż-żewġ parametri.

(80)

Il-medja ponderata tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni għal kull tip ta' prodott ġie mqabbel mal-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta' prodott tal-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw. Ir-riżultat tat-tqabbil ingħata bħala perċentwal tal-fatturat tal-produttur tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni sabet marġini medju ta' twaqqigħ tal-prezz ta' 21,1 %.

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Rimarki ġenerali

(81)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżaminar tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping fl-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(82)

Sabiex tkun rispettata informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, kien neċessarju li tkun ippreżentata l-informazzjoni li tikkonċerna l-uniku produttur tal-Unjoni f'forma indiċjata.

4.4.2.   L-indikaturi tad-dannu

4.4.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(83)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni (7) u l-użu tal-kapaċità żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 4

Il-produzzjoni, il-kapaċità produttiva u l-użu tal-kapaċità

 

2011

2012

2013

2014

PI

Volum ta' produzzjoni — Indiċi

100

83

76

65

58

Kapaċità ta' produzzjoni — Indiċi

100

100

100

100

100

Użu tal-kapaċità — Indiċi

105  (8)

87

80

68

61

(84)

Il-volum ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b'mod konsistenti u b'mod kostanti matul il-perjodu kkunsidrat b'42 %. Mill-2013 il-produttur tal-Unjoni kellu jdaħħal shut-downs ta' xahrejn tal-faċilitajiet ta' produzzjoni sabiex jitnaqqsu l-kostijiet meta mqabbla mar-rata standard ta' 3 ġimgħat għal kull 18-ix xahar ta' għeluq għall-manutenzjoni.

(85)

Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqgħet l-istess matul il-perjodu kkunsidrat u għalhekk, l-użu tal-kapaċità naqas b'konformità mal-volum tal-produzzjoni.

4.4.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(86)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati u s-sehem mis-suq żviluppaw kif muri fit-tabella hawn taħt:

Tabella 5

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

 

2011

2012

2013

2014

PI

Il-volum ta' bejgħ fis-suq tal-Unjoni — Indiċi

100

85

98

84

88

Sehem mis-suq

100

93

103

93

100

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(87)

Matul il-perjodu ikkunsidrat, il-volum ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b'mod ġenerali bi 12 %. Il-konsum tal-Unjoni naqas bi 12 % waqt il-perjodu kkunsidrat. Kif jidher mill-istatistika, il-volum tal-bejgħ Ċiniż naqas bl-istess perċentwal (ara l-premessa (74) hawn fuq) li jfisser li l-produtturi Ċiniżi u l-produttur tal-Unjoni qasmu b'mod ugwali (b'12 %) it-telf fil-bejgħ minħabba t-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni.

(88)

Konsegwentement, is-sehem tas-suq tal-produttur tal-Unjoni baqa' stabbli wkoll matul il-perjodu kkunsidrat fil-medda ta' 30 % sa 50 %.

4.4.2.3.   Impjiegi

(89)

L-impjiegi, il-produttività u l-ispejjeż ta' xogħol żviluppaw kif ġej tul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 6

L-impjiegi u l-produttività

 

2011

2012

2013

2014

PI

Numru ta' impjegati — Indiċi

100

102

98

94

93

Produttività (tunnellata għal kull impjegat) — Indiċi

100

81

77

69

63

Kostijiet medji tal-manodopera għal kull impjegat — Indiċi

100

98

96

101

102

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(90)

Mill-2011 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni, l-industrija tal-Unjoni naqqset il-persunal tagħha b'7 % u fid-dawl tat-tnaqqis qawwi fil-produzzjoni kif deskritt fil-premessa (84) hawn fuq, il-produttività naqset bi 37 % b'kollox. L-industrija tal-Unjoni spjegat li aktar tnaqqis fin-numru ta' impjegati huwa diffiċli minħabba l-proċess ta' produzzjoni kontinwu kif ukoll pagamenti tat-tmiem tal-impjieg applikabbli. Fi kwalunkwe każ, l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tnaqqas il-kostijiet totali ta' ħaddiema furzati minn waqfien tal-produzzjoni u b'hekk l-ispejjeż medji tax-xogħol għal kull impjegat baqgħu relattivament stabbli matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.2.4.   Id-daqs tal-marġini tad-dumping u l-irkupru minn dumping fl-imgħoddi

(91)

Il-marġnijiet kollha tad-dumping kienu sinifikanti kif indikat fil-premessa (67) hawn fuq. L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet attwali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, meta jitqies il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ.

(92)

Qatt ma ġew imposti dazji antidumping dwar l-aspartam li joriġinaw fir-RPĊ. Kienu imposti dazji antidumping dwar l-aspartam li joriġinaw mill-Ġappun u l-Istati Uniti fl-1991 u skadew żmien ilu. Għalhekk, f'dan il-każ il-valutazzjoni ta' effetti ta' dumping fil-passat mhijiex applikabbli.

4.4.2.5.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(93)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta' unità tal-industrija tal-Unjoni lill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 7

Prezzijiet tal-bejgħ u l-kost tal-oġġetti mibjugħa tal-industrija tal-Unjoni

 

2011

2012

2013

2014

PI

Prezz medju tal-bejgħ fl-Unjoni — Indiċi

100

97

90

90

93

Kost tal-oġġetti mibjugħa għal kull tunnellata — Indiċi

100

113

107

113

122

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(94)

Il-prezz tal-bejgħ medju tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili naqas b'7 % fil-perjodu kkunsidrat. L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima kif deskritt f'aktar dettall fil-premessa (110) parzjalment jispjega dan it-tnaqqis fil-prezz madankollu mhuwiex l-unika spjegazzjoni kif diskuss f'iżjed dettall fit-taqsima 5 hawn taħt.

(95)

Minħabba t-tnaqqis sinifikanti fil-volum tal-produzzjoni, il-prezz għal kull unità tal-oġġetti mibjugħa żdied bi 22 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.2.6.   Il-profittabbiltà, il-fluss ta' flus, l-investiment, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiżdied il-kapital

(96)

It-tabella 8 hawn taħt turi t-tendenzi tal-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2011

2012

2013

2014

PI

Profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati — Indiċi

100

7

– 11

– 47

– 83

Fluss tal-flus — Indiċi

100

– 81

– 17

– 19

73

L-investimenti — Indiċi

100

101

140

79

79

Redditu fuq l-investimenti — Indiċi

– 100

– 575

– 1 862

– 1 801

– 1 513

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(97)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni billi l-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. Kif jidher fit-tabella ta' hawn fuq, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni naqset b'mod drastiku matul il-perjodu kkunsidrat. Il-varjazzjonijiet kbar fil-fluss tal-flus huma marbuta mill-qrib ma' bidliet fl-inventarji. Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-industrija tal-Unjoni, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti naqas ukoll b'mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat.

(98)

L-industrija tal-Unjoni skont il-GAAP Franċiża (9) kellha indeboliment sinifikanti fis-sena finanzjarja 2012 (10). Dan l-indeboliment kien ibbażat fuq tbassir tas-suq u kien jikkonsisti f'ammont tassew sinifikanti. Għall-finijiet ta' din l-investigazzjoni madankollu ġie deċiż li ma jiħux din il-prenotazzjoni eċċezzjonali sabiex tiġi evitata distorsjoni tax-xejriet.

4.4.2.7.   Inventarji

(99)

Il-livelli tal-istokk tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 9

Inventarji

 

2011

2012

2013

2014

PI

Stokkijiet tal-għeluq — Indiċi

100

104

104

77

97

Il-ħażniet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni — Indiċi

100

125

138

119

166

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(100)

Għalkemm l-istokks tal-għeluq naqsu fil-perjodu kkunsidrat minħabba shut-down itwal ta' faċilitajiet ta' produzzjoni biex jitnaqqsu l-kostijiet kif spjegat fil-premessa (84) hawn fuq, bħala perċentwal tal-produzzjoni, il-livell tal-istokks żdied b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-produzzjoni.

4.4.3.   Konklużjoni dwar id-dannu

(101)

L-investigazzjoni wriet li kważi l-indikaturi ekonomiċi kollha, bl-eċċezzjoni ta' sehem mis-suq li baqa' stabbli, iddeterjoraw matul il-perjodu kkunsidrat.

(102)

Ġew osservati xejriet negattivi sinifikanti f'dawn l-indikaturi ekonomiċi li ġejjin: il-volum tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volumi tal-bejgħ u l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, il-likwidità, l-investimenti, l-impjiegi u l-produttività. Minħabba l-effett ikkombinat ta' tnaqqis fil-produzzjoni, li jwassal għal żieda fl-ispiża għal kull unità tal-oġġetti mibjugħa, u tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni naqset b'mod drastiku matul il-perjodu kkunsidrat. Dawn ix-xejriet jagħtu sinjal ċar ta' sitwazzjoni dannuża.

(103)

Parti interessata ddikjarat li l-industrija farmaċewtika u tal-ikel huma żewġ swieq separati u li l-industrija tal-Unjoni mhux qed tiffaċċja dannu għall-bejgħ tagħha lill-industrija farmaċewtika u b'hekk l-investigazzjoni għandha tkun limitata għall-aspartam użat fis-settur tal-ikel u x-xorb. Din il-parti interessata sostniet ukoll li billi mhumiex qegħdin jikkompetu fis-suq farmaċewtiku mal-industrija tal-Unjoni, m'għandhomx għalhekk jitħallew jitolbu dannu għall-bejgħ tagħha lill-industrija farmaċewtika.

(104)

Bi tweġiba għal din l-istqarrija, ta' min jinnota li l-investigazzjoni wriet li l-esportaturi Ċiniżi jistgħu jipproduċu t-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat inklużi t-tipi maħsuba għall-klijenti farmaċewtiċi. Għalissa, madankollu, il-konsum tal-aspartam tas-settur farmaċewtiku huwa limitat ħafna u l-esportaturi Ċiniżi li ma kinux (għadhom) jistgħu jidħlu f'dan is-suq. Huwa importanti li wieħed jinnota li mingħajr il-bejgħ aktar profittabbli farmaċewtiku, id-dannu għall-industrija tal-Unjoni kien ikun saħansitra aktar evidenti.

(105)

Fuq kollox, l-investigazzjoni kkonfermat li l-aspartam mibjugħ fuq fis-sehem mis-suq farmaċewtiku u fis-suq tal-ikel għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u għalhekk huwa meqjus bħala prodott wieħed. Għal din ir-raġuni, mhijiex ġustifikata l-esklużjoni ta' aspartam destinat għas-settur farmaċewtiku. Id-differenzi fil-prezzijiet, prinċipalment minħabba proċess ta' ċertifikazzjoni u kontroll iktar strett kif ukoll rekwiżiti aktar stretti għal produzzjoni, jittieħdu inkonsiderazzjoni fin-numru tal-kontroll tal-prodott li jiddistingwi bejn aspartam destinat għas-setturi tal-farmaċewtika u s-setturi tal-ikel. Din id-distinzjoni tiggarantixxi biss li l-istess tipi ta' prodotti huma mqabbla u jitqies għal kalkoli ta' dumping u ta' dannu. Fuq il-bażi ta' dak imsemmi hawn fuq, din it-talba kellha tiġi rrifjutata.

(106)

Fuq il-bażi ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

(107)

F'konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi konċernati kkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufa oħrajn setgħux fl-istess ħin għamlu ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kull dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn barra l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-pajjiżi konċernati ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping

(108)

Il-marġnijiet kollha tad-dumping misjuba matul il-perjodu tal-investigazzjoni kienu sinifikanti kif indikat fil-premessa (67) hawn fuq. Il-marġini ta' twaqqigħ tal-prezz fl-istess perjodu kien għoli ħafna u kien jammonta għal 21,1 % kif imsemmi fil-premessa (80).

(109)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-prezzijiet Ċiniżi kienu aktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni fl- 2011 u komplew jonqsu bi 12 % matul il-perjodu kkunsidrat. Minħabba l-pressjoni tal-prezz eżerċitata mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-industrija tal-Unjoni kellha tnaqqas il-prezzijiet tagħha u, mill-2013 'il quddiem, ma kinitx kapaċi tbigħ bi prezzijiet li jippermettilha tirkupra l-kostijiet kollha tagħha b'mod partikolari matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(110)

Sabiex tkompli tanalizza l-imġiba tal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-investigazzjoni ivvalutat l-iżvilupp fil-prezzijiet tal-materja prima ewlenija. L-aspartam huwa magħmul bit-taħlit ta' żewġ amminoaċidi (L-aspartic and L-phenylalanine) bejn wieħed u l-ieħor bi kwantitajiet ugwali. Dawn iż-żewġ aċidi amminiċi flimkien jirrappreżentaw madwar 25 % tal-ispiża totali tal-produzzjoni. Il-prezzijiet ta' dawn iż-żewġ materji primi naqsu matul il-perjodu meqjus b'madwar + 3,5 % u – 27 % rispettivament. Dan ifisser li l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima jista' b'mod massimu jispjega biss tnaqqis ta' 3 % fil-kostijiet tal-produzzjoni jew fil-prezzijiet tal-aspartam bħala kuntrast mal-12 % osservata fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Dan jikkonferma l-allegazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni li l-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu qed jipprattikaw imġiba pjuttost aggressiva ta' pprezzar fis-suq tal-Unjoni.

(111)

L-investigazzjoni wriet ukoll li l-prodotti Ċiniżi huma preżenti ħafna fis-suq tal-Unjoni. Anki jekk il-volum tagħhom ma żdidx matul il-perjodu meqjus iżda segwa x-xejra tal-konsum li kull ma jmur tonqos, is-sehem mis-suq tagħhom baqa' stabbli u kien ferm ogħla minn dak tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(112)

Minħabba l-preżenza ta' volumi kbar ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx f'qagħda li żżid jew li żżomm il-prezzijiet tagħha biex tkopri l-ispiża sħiħa ta' produzzjoni. Fil-fatt, sabiex iżżomm il-klijenti u l-produzzjoni, l-industrija tal-Unjoni kellha tnaqqas aktar il-prezzijiet tagħha b'7 % matul il-perjodu kkunsidrat biex għamlu telf mill-2013 'il quddiem. Dan it-tnaqqis fil-prezz kif spjegat fil-premessi (108) — (110) kien aktar sinifikanti minn dak li jista' jiġi spjegat permezz tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima.

(113)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

5.2.   L-effetti ta' fatturi oħra

5.2.1.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(114)

Il-volum u l-medja tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 10

Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

 

2011

2012

2013

2014

PI

Il-volum tal-esportazzjonijiet

Indiċi

100

70

47

36

34

Prezz medju

Indiċi

100

97

90

90

93

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(115)

Il-volum tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b'mod drastiku, b'66 % matul il-perjodu kkunsidrat u l-prezzijiet medji naqsu wkoll b'7 %. L-investigazzjoni wriet li dan kellu impatt negattiv fuq il-volum ta' produzzjoni (il-premessa (84)) u mbagħad fuq il-prezz tal-oġġetti mibjugħa (il-premessa (94)). Għalhekk huwa kkunsidrat li l-prestazzjoni fqira fis-swieq tal-esportazzjoni wkoll ikkontribwiet għad-dannu materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

(116)

Madankollu, fih innifsu, it-tnaqqis fil-volumi ta' bejgħ u l-prezzijiet tal-esportazzjoni ma kienx biżżejjed biex jispjega l-livell u l-intensità ġenerali tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-industrija tal-Unjoni kienet sfurzata biex tkompli tnaqqas il-prezzijiet tagħha fis-suq tal-Unjoni minkejja li l-istruttura tal-ispejjeż dejjem sejra għall-agħar minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet kontinwa u intensa tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni kif spjegat fil-Kapitolu 5.1.

(117)

L-investigazzjoni żvelat ukoll li waqt il-perjodu ta' investigazzjoni, is-sehem tal-produzzjoni li kien esportat kien sostanzjalment iżgħar minn dak is-sehem tal-produzzjoni mibjugħ fis-suq tal-Unjoni.

(118)

Fuq dik il-bażi, huwa kkunsidrat li t-tnaqqis fil-volumi u l-prezzijiet tal-bejgħ ta' esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat ma kisirx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping miċ-Ċina u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.2.   Importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn

(119)

Kif diġà msemmi hawn fuq fil-premessa (70), l-aspartam hu biss prodott fil-Ġappun, fir-RPĊ, fil-Korea t'Isfel u fl-Unjoni. L-Istati Uniti kellhom impjant ta' produzzjoni li madankollu waqaf jopera fl-2014. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Korea t'Isfel qed tnaqqas ukoll il-volumi tal-produzzjoni tagħha. Aktar importanti minn hekk, l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi (11) li l-importazzjonijiet fl-Unjoni minn produtturi oħrajn, ħlief dawk mir-RPĊ, kienu neqsin jew preżenti fi kwantitajiet negliġibbli matul il-perjodu kkunsidrat.

(120)

Għal dawn ir-raġunijiet kien konkluż li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ma kellhom l-ebda impatt fuq id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u għaldaqstant ma setgħux ikissru r-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u d-dannu li ġarrab l-industrija tal-Unjoni.

5.2.3.   Konsum tal-Unjoni

(121)

Il-konsum tal-Unjoni naqas bi 12 % waqt il-perjodu kkunsidrat. Kif jidher fit-tabelli 2 u 5 hawn fuq, is-sehem mis-suq tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u l-industrija tal-Unjoni baqa' stabbli matul il-perjodu kkunsidrat peress li ż-żewġ partijiet jaqsmu ugwalment (kull wieħed b'12 %) it-telf fil-volum tal-bejgħ.

(122)

Fi kwalunkwe każ, huwa kkunsidrat li n-nuqqas fil-konsum tal-Unjoni ma kienx daqshekk sostanzjali minħabba t-telf fil-produzzjoni u mhuwiex biżżejjed biex jispjega l-firxa tad-dannu mġarrab mill-produttur tal-Unjoni. Huwa mfakkar li l-prezzijiet tal-bejgħ naqsu b'7 % u t-telf fil-volum tal-produzzjoni wassal għal kostijiet ogħla ħafna ta' profittabilità negattivi matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Huwa għalhekk ikkunsidrat li t-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni affettwa b'mod negattiv l-industrija tal-Unjoni iżda ma kienx tali li jikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping miċ-Ċina u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.4.   Fatturi oħra mressqa mill-partijiet interessati

(123)

Parti interessata waħda ddikjarat li produttur tal-Unjoni qed ibigħ l-prodotti tal-marka għall-kuntrarju tal-bejgħ mingħajr marka tal-produtturi Ċiniżi. Skont din il-parti, prodotti tal-marka huma aktar notevoli u għalhekk isofru aktar minn kampanji medjatiċi negattivi possibbli li jqajmu tħassib dwar is-saħħa u din hija r-raġuni għat-tnaqqis fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

(124)

Dan l-argument huwa ferm spekulattiv u mhuwiex sostnut bl-ebda evidenza sostanzjali. Aspartam jinbiegħ lil kumpaniji kbar li joperaw l-aktar fis-settur tal-ikel u x-xorb u mhux bħala prodott lill-utenti finali. L-investigazzjoni kkonfermat li l-aspartam mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet Ċiniżi huma kompletament identiċi fil-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tagħhom u wara li jitlesta l-proċess ta' ċertifikazzjoni l-utenti ma jagħmlux differenza bejn iż-żewġ sorsi. Għaldaqstant, jeħtieġ li din il-pretensjoni tiġi rifjutata.

(125)

Din il-parti interessata allegat ukoll li l-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni huma miżrappreżentati minn xiri ta' materja prima minn kumpanija relatata. Madankollu, l-investigazzjoni stabbiliet li l-kumpanija relatata biegħet il-materja prima bl-istess prezzijiet lill-industrija tal-Unjoni lil terzi partijiet mhux relatati, l-iktar b'mod indipendenti (at arm's length). Għalhekk il-pretensjoni li l-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni huma distorti mhix ikkonfermata mis-sejbiet tal-investigazzjoni.

(126)

Parti interessata oħra kkontestat ir-rabta kawżali ibbażat fuq l-argument li d-deterjorament tal-industrija tal-Unjoni ma kinitx tikkoinċidi ma' żieda tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ.

(127)

Kif spjegat fid-dettall fil-premessi (108) sa (113) hawn fuq, id-dannu ġie kkawżat bl-effett ikkombinat tas-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi flimkien mal-prezzijiet baxxi tagħhom u li qed jonqsu. Għalhekk, din il-dikjarazzjoni mhix qed tiġi aċċettata.

5.2.5.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(128)

L-investigazzjoni wriet li l-pressjoni kontinwa fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi flimkien mal-preżenza b'saħħitha tagħhom fis-suq tal-Unjoni kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Il-prezzijiet ġa mnaqqsa tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu b'12 % matul il-perjodu kkunsidrat u dan it-tnaqqis fil-prezz jista' sa ċertu punt biss jiġi spjegat permezz tax-xejriet fil-prezzijiet tal-materja prima.

(129)

Id-dannu f'din l-investigazzjoni hu ċar u b'firxa wiesgħa madwar il-biċċa l-kbira tal-indikaturi kif deskritt fil-kapitolu 4 hawn fuq. Il-pressjoni kontinwa u aggressiva fuq il-prezzijiet eżerċitata mir-RPĊ sfurzat lill-industrija tal-Unjoni biex tnaqqas il-prezzijiet taħt l-ispiża totali tal-produzzjoni u ssofri telf sinifikanti, b'mod partikolari matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(130)

Il-Kummissjoni kkunsidrat b'attenzjoni l-effetti tal-fatturi magħrufa kollha li jista' jkollhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u kkonkludiet li dawn ma jikkawżawx dannu (l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, tad-ditta u mhux tad-ditta, tal-bejgħ, tax-xiri tal-materja prima minn parti relatata) jew l-impatt tagħhom kien limitat u, għaldaqstant, ma setgħetx tkisser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni (tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni).

(131)

Huwa għalhekk konkluż li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping miċ-Ċina kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u l-ebda fattur ieħor ma kiser din il-konnessjoni każwali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

6.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(132)

B'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat jekk, minkejja l-konklużjoni dwar dumping dannuż, huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu adottati miżuri f'dan il-każ. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-bosta interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti.

6.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(133)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali kkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ. Kważi l-indikaturi kollha tad-dannu wrew xejriet negattivi matul il-perjodu kkunsidrat, b'mod partikolari l-volum ta' produzzjoni, il-volum tal-bejgħ, il-prezzijiet tal-bejgħ, l-impjiegi, is-sehem tas-suq u l-profittabilità. Ix-xejra 'l isfel ġiet stabbilita wkoll għal indikaturi oħra relatati mal-prestazzjoni finanzjarja, bħalma huma l-profittabbiltà, il-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investimenti.

(134)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri, huwa mistenni li l-industrija tal-Unjoni se tkun kapaċi żżid il-produzzjoni u l-volum ta' bejgħ f'suq irregolat minn kompetizzjoni effettiva. Il-prezzijiet mitluba mill-esportaturi Ċiniżi għandhom jiżdiedu u l-industrija tal-Unjoni se tkun parzjalment meħlusa mill-pressjoni qawwija fuq il-prezzijiet li attwalment qed jeżerċitaw fuq is-suq tal-Unjoni.

(135)

Fin-nuqqas ta' miżuri, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni x'aktarx li tkompli tiddeterjora. Aktar telf fil-volum tal-bejgħ u fis-sehem mis-suq huwa ferm probabbli li jiġġarrab, minħabba pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet minn importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezz baxx. Dan ser iġġiegħel lill-industrija tal-Unjoni biex tbaxxi aktar il-prezzijiet tagħha u se twaqqaf il-produzzjoni tal-aspartam għal kollox fuq it-terminu medju, bil-konsegwenza ta' telf ta' impjiegi fl-Unjoni.

(136)

Għaldaqstant, f'dan l-istadju ġie konkluż li l-impożizzjoni ta' dazji ta' antidumping tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

6.2.   L-interess tal-importaturi u d-distributuri mhux relatati

(137)

Żewġ distributuri li jixtru aspartam biss mill-industrija tal-Unjoni kkooperaw fl-investigazzjoni u esprimew appoġġ għall-miżuri, peress li dawn jiddependu b'mod sħiħ fuq il-produzzjoni u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

(138)

L-ebda importaturi magħrufa ma kkooperaw f'din l-investigazzjoni permezz ta' tweġiba għall-kwestjonarju jew b'kwalunkwe sottomissjoni bil-miktub. B'mod ġenerali, skont l-informazzjoni tas-suq miksuba mill-industrija tal-Unjoni u minn investigazzjoni riċenti dwar prodott simili (12), l-importaturi għandhom portafoll pjuttost wiesgħa tal-prodotti li minnu l-aspartam huwa punt wieħed biss. F'kull każ, billi l-miżuri ma għandhomx jipprojbixxu l-importazzjonijiet ta' aspartam mir-RPĊ iżda biss jerġgħu jġibu kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni, huwa kkunsidrat li huma ma għandhomx iżommu lill-importaturi milli jkomplu jinnegozjaw il-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni.

(139)

Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, huwa meqjus li l-impożizzjoni ta' miżuri ma tmurx kontra l-interess tad-distributuri u l-importaturi fis-suq tal-Unjoni.

6.3.   L-interess tal-utenti

(140)

Il-Kummissjoni kkuntattjat l-utenti kollha tal-aspartam mat-tnedija. Ħames utenti kkooperaw fl-investigazzjoni u ppreżentaw tweġibiet għall-kwestjonarju. Dawn l-utenti jirrappreżentaw 5,4 % tal-konsum tal-Unjoni. Tlieta minn dawn l-utenti xtraw aspartam biss mill-industrija tal-Unjoni u ddikjaraw li huma newtrali jew favur l-impożizzjoni tal-miżuri.

(141)

Iż-żewġ utenti li xtraw aspartam mir-RPĊ flimkien xtraw inqas minn 10 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-verifika tad-dejta tagħhom stabbilit li l-proporzjon ta' aspartam fl-ispiża tagħhom tal-produzzjoni hija anqas minn 3 % u li ż-żewġ kumpaniji kienu profittabbli matul il-perjodu ta' investigazzjoni. L-impatt tal-miżuri fuq il-kostijiet globali tagħhom ikun ta' massimu 1,5 %.

(142)

Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni ġie konkluż li l-impożizzjoni ta' dazji antidumping mhux se tiżdied b'mod sinifikanti l-ispejjeż globali tal-produzzjoni u li, fi kwalunkwe każ, għandhom marġini biex jassorbu dan il-kost addizzjonali.

(143)

Wieħed mill-utenti saħaq dwar l-importanza ta' sorsi doppji, jiġifieri l-possibbiltà li jinġieb l-aspartam minn sorsi alternattivi. L-għan tal-miżuri antidumping mhuwiex li jingħalaq is-suq tal-Unjoni lill-importaturi tal-aspartam ta' oriġini Ċiniża iżda biex jerġa' jkun hemm kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri u l-operaturi preżenti f'dak is-suq. Kif imsemmi fil-premessa (135), li ma jiġux imposti miżuri x'aktarx iwassal għall-għib tal-industrija tal-Unjoni u b'hekk jitnaqqas aktar l-għadd diġà baxx tal-produtturi tal-aspartam madwar id-dinja u għalhekk li jkun hemm provvista doppja tkun saħansitra aktar diffiċli biex tinkiseb. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-miżuri ma jipperikolawx il-bżonn tal-utenti għal provvista doppja.

6.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(144)

L-impożizzjoni ta' miżuri antidumping x'aktarx mistennija li tippermetti lill-industrija tal-Unjoni li tibqa' fis-suq u wara ttejjeb is-sitwazzjoni tagħha. Jeżisti riskju għoli li jekk il-miżuri ma jiġux imposti, l-industrija tal-Unjoni jkollha tikkunsidra li tirtira min-negozju tal-aspartam fit-terminu medju, bir-riżultat ta' telf inevitabbli ta' impjiegi. L-ebda raġunijiet konvinċenti kontra l-impożizzjoni ġew identifikati mill-perspettiva tal-importaturi jew tal-utenti.

(145)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw fir-RPĊ huma fl-interess globali tal-Unjoni u li ma hemm l-ebda raġuni valida kontra l-impożizzjoni tagħhom.

7.   MIŻURI PROVVIŻORJI ANTIDUMPING

(146)

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, għandhom jiġu imposti miżuri antidumping proviżorji sabiex ma jippermettux li jsir aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

7.1.   Livell ta' eliminazzjoni tad-dannu (marġni ta' dannu)

(147)

Sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta' dazju neċessarju sabiex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(148)

Id-dannu jiġi eliminat jekk l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tkopri l-kostijiet tal-produzzjoni tagħha u tagħmel profitt qabel it-taxxa mill-bejgħ tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni li jista' jinkiseb b'mod raġonevoli f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni minn industrija ta' dan it-tip fis-settur, jiġifieri fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

(149)

Għal din ir-raġuni u minħabba n-nuqqas ta' alternattivi raġonevoli oħra, il-Kummissjoni użat il-medja ta' marġini ta' profitt miksuba fl-2011 u l-2012, l-ewwel sentejn tal-perjodu kkunsidrat (fil-firxa bejn 5 % u 10 %). Ir-raġuni għal dan l-approċċ hija li l-profitt tal-2011 fuq il-bejgħ tal-Unjoni kien miksub taħt utilizzazzjoni ta' kapaċità għolja u għalhekk kost tal-produzzjoni għal kull unità relattivament baxx. Fl-2012, is-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba t-telf ta' bejgħ u produzzjoni li wassal għal żieda fil-kost tal-produzzjoni għal kull unità li kellhom effett negattiv fuq il-profittabilità. Huwa meqjus li l-medja tal-marġnijiet ta' profitt osservati fl-2011 u fl-2012 tikkorrispondi għal dak li tista' tinkiseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq u kompetizzjoni effettiva mill-industrija tal-Unjoni.

(150)

Fuq il-bażi ta' dan, il-Kummissjoni kkalkulat prezz mingħajr dannu għall-prodott simili għall-industrija tal-Unjoni għal kull PCN billi neħħiet it-telf attwali mġarrab matul il-perjodu tal-investigazzjoni mal-marġini tal-profitt fil-mira imsemmi hawn fuq.

(151)

Il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu fuq il-bażi ta' tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produttur esportatur tal-kampjun li kkoopera, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, mal-prezz medju ponderat mhux inġurjuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni, fuq bażi PCN. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ingħatat bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni. Il-marġni ta' dannu medju għal kull produttur esportatur kien miksub billi jingħaddu d-differenzi li nstabu fuq livell tal-PCN bħala perċentwali tal-valur CIF totali tagħhom.

(152)

Il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu għal “kumpaniji oħra li kkooperaw” u għal “kumpaniji kollha l-oħrajn” huwa ddefinit bl-istess mod bħall-marġini tad-dumping għal dawn il-kumpaniji (ara l-premessi (63) sa (67)).

7.2.   Miżuri proviżorji

(153)

Għandhom jiġu imposti miżuri proviżorji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-RPĊ, skont ir-regola tad-dazju inferjuri fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qabblet il-marġnijiet tad-dannu u l-marġnijiet tad-dumping. L-ammont tad-dazji għandu jkun iffissat fil-livell tal-anqas minn dawn il-marġnijiet.

(154)

Fuq il-bażi ta' dan li ntqal hawn fuq, ir-rati ta' dazju antidumping proviżorji, mogħtija skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazji doganali mhux imħallsa, għandhom ikunu kif ġej:

Kumpanija

Marġini tad-dumping

Marġini tad-dannu

Id-dazju antidumping proviżorju

Changmao Biochemical Engineering Co., Ltd

284,23 %

55,40 %

55,4 %

Sinosweet group

275,91 %

59,40 %

59,4 %

Niutang group

219,17 %

59,13 %

59,1 %

Il-Kumpaniji kollha oħrajn li kkooperaw

262,93 %

58,86 %

58,8 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

284,23 %

59,40 %

59,4 %

(155)

Ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tal-konklużjonijiet ta' din l-investigazzjoni. Għaldaqstant, dawn jirriflettu l-qagħda ta' dawn il-kumpaniji kkonstatata matul din l-investigazzjoni. Dawn ir-rati ta' dazju (għall-kuntrarju tad-dazju applikabbli fil-pajjiż kollu għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) għaldaqstant huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma' dawk imsemmijin b'mod speċifiku, għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi rata individwali ta' dazju antidumping.

(156)

Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju antidumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (13). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma jaffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, avviż dwar il-bidla tal-isem jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

(157)

Biex ikun żgurat infurzar xieraq ta' dazji antidumping, ir-rata tad-dazju antidumping għall-“kumpaniji kollha l-oħrajn” għandha tkun applikata mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f'din l-investigazzjoni, imma anki għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

8.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(158)

Fl-interessi ta' amministrazzjoni tajba, il-partijiet interessati jissottomettu kummenti bil-miktub u/jew jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali bi skadenza fissa.

(159)

Is-sejbiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta' dazji proviżorji huma proviżorji u jistgħu jiġu emendati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju proviżorju ta' antidumping huwa hawnhekk impost fuq l-importazzjonijiet ta' aspartam (N-L-α-Aspartyl-L-phenylalanine-1-methyl ester, 3-amino-N-(α-carbomethoxy-phenethyl)-succinamic acid-N-methyl ester), CAS RN 22839-47-0, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2924 29 98 (kodiċi TARIC 2924299805).

2.   Ir-rati tad-dazju antidumping proviżorji applikabbli għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, ikunu kif ġej:

Kumpanija

Marġnijiet proviżorji tad-dumping

Kodiċi addizzjonali TARIC

Changmao Biochemical Engineering Co., Ltd

55,4 %

C067

Sinosweet group:

 

Sinosweet Co., Ltd., Yixing City, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ,

 

u Hansweet Co., Ltd., Yixing City, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ.

59,4 %

C068

Niutang group:

 

Nantong Changhai Food Additive Co., Ltd., Nantong city, ir-RPĊ,

 

u Changzhou Niutang Chemical Plant Co., Ltd., Niutang town, Changzhou city, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ.

59,1 %

C069

Kumpaniji li kkooperaw mhux fil-kampjun:

Shaoxing Marina Biotechnology Co., Ltd., Shaoxing, Provinċja ta' Zhejiang, ir-RPĊ

58,8 %

C070

Changzhou Guanghui Biotechnology Co., Ltd., Chunjiang Town, Changzhou city, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ

58,8 %

C071

Vitasweet Jiangsu Co., Ltd., Liyang City, Changzhou City, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ.

58,8 %

C072

Il-kumpaniji l-oħra kollha

59,4 %

C999

3.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1, huwa soġġett għall-forniment ta' depożitu ta' garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju proviżorju.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   Fi żmien 25 jum kalendarju mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-partijiet interessati jistgħu:

(a)

Jitolbu l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie adottat dan ir-Regolament;

(b)

jippreżentaw il-kummenti tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni; kif ukoll

(c)

jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

2.   Fi żmien 25 jum kalendarju mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, il-partijiet imsemmijin fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 jistgħu jikkummentaw fuq l-applikazzjoni tal-miżuri proviżorji.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 japplika għal perjodu ta' sitt xhur.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Notifika ta' bidu ta' proċediment antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' aspartam li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif ukoll ta' aspartam li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jinsab f'ċerti tħejjijiet u/jew taħlitiet (ĠU C 177, 30.5.2015, p. 6).

(3)  Ara s-sentenza fil-Kawża T-443/11 Gold East Paper (Jiangsu) Co. Ltd. and Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) Co. Ltd. v Council of the European Union, il-Qorti Ġenerali tal-11 ta' Settembru 2014.

(4)  L-ilment, it-tweġibiet għall-kwestjonarju ta' produttur tal-Unjoni, l-utenti u l-produttur ta' pajjiż analogu.

(5)  CCM Information Science & Technology Co., Ltd, hija kumpanija ta' riċerka li tipprovdi informazzjoni dwar is-suq, esplorazzjoni ta' dejta, dejta ta' riċerka u servizzi ta' konsulenza. Il-kumpanija toffri bażi ta' dejta, rapporti dwar is-suq, analiżi tal-kummerċ, newsletters, importazzjoni u esportazzjoni, u rapporti ta' monitoraġġ tal-prezzijiet. Hija taħseb għal industriji agrikoli, tal-kimika, ikel, farmaċewtiċi, l-istampar u l-ippakkjar, u l-industriji tal-enerġija. www.cnchemicals.com

(6)  Provvista ta' ċifri assoluti flimkien ma' indikazzjoni tas-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi tiżvela d-dejta dwar il-bejgħ tal-uniku produttur tal-Unjoni

Sors: Dejta pprovduta minn produttur tal-Unjoni minn CCM u bażi ta' dejta Ċiniża tal-esportazzjoni u l-importazzjoni

(7)  Il-kapaċità tal-produzzjoni kienet stabbilita fuq il-bażi ta' produzzjoni kontinwa (7/7 u 24/24) b'21 jum ta' shutdown għall-manutenzjoni kull 18-ix xahar.

(8)  Ir-rata tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità eċċezzjonali ta' 105 % li nkisbet fl-2011 minħabba l-fatt li l-produzzjoni ma kinitx twaqqfet matul dik is-sena kalendarja minħabba volum għoli ta' bejgħ (l-Unjoni u l-esportazzjoni flimkien).

Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(9)  Il-Prinċipji tal-Kontabbiltà Aċċettati b'mod Ġenerali

(10)  L-industrija tal-Unjoni tħejji l-kotba tagħha bbażata fuq snin finanzjarji. Is-sena finanzjarja 2012 tfisser il-perjodu minn April 2012 sa Marzu 2013.

(11)  L-ilment, it-tweġibiet għall-kwestjonarju ta' produttur tal-Unjoni, l-utenti u l-produttur ta' pajjiż analogu.

(12)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1963 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċesulfam tal-potassju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, (ĠU L 287, 31.10.2015, p. 52).

(13)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Rue de la Loi 170/Wetstraat 170, 1040 Brussels, Belgium.