|
23.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 46/8 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/248
tas-17 ta' Diċembru 2015
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u għad-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u prodotti tal-banana fil-qafas tal-iskema tal-frott u tal-ħxejjex għall-iskejjel, u li jiffissa l-allokazzjoni indikattiva għal dik l-għajnuna
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b'mod partikolari l-Artikoli 62(2)(a) sa (d) u 64(7)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (3), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħa post ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (4) u jistabbilixxi regoli ġodda dwar l-iskema tal-frott u tal-ħxejjex għall-iskejjel (“l-Iskema”). Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Iskema fil-qafas legali l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' tali atti. Dawk l-atti għandhom jieħdu post ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 (5), li tħassar bir-Regolament Delegat (UE) 2016/247 (6). |
|
(2) |
F'konformità mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri li jkunu jixtiequ jipparteċipaw fl-Iskema għandhom ifasslu strateġija minn qabel għall-implimentazzjoni tagħha. Sabiex tkun tista' tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-Iskema, għandhom jiġu definiti l-elementi tal-istrateġija. |
|
(3) |
Fl-interess ta' ġestjoni soda tal-amministrazzjoni u tal-baġit, l-Istati Membri li jimplimentaw l-Iskema għandhom japplikaw għall-għajnuna tal-Unjoni fuq bażi annwali u għandu jiġi definit il-kontenut ta' tali applikazzjoni. |
|
(4) |
Għandhom jiġu ddetermianti l-kontenut u l-frekwenza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna ppreżentati mill-applikanti għall-għajnuna, kif ukoll ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi speċifikata l-evidenza meħtieġa għas-sostenn tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll il-penali li jridu jiġu applikati mill-awtorità kompetenti meta applikazzjoni għall-għajnuna tiġi ppreżentata tard. |
|
(5) |
Il-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-għajnuna għandhom jiġu ċċarati aktar sabiex titqies id-distinzjoni bejn l-għajnuna għall-provvista u għad-distribuzzjoni tal-prodotti u tal-għajnuna għat-twettiq ta' monitoraġġ, evalwazzjoni, reklamar u miżuri ta' akkumpanjament. Għandu jkun speċifikat il-kontenut tal-evidenza ddokumentata meħtieġa għas-sostenn ta' kull applikazzjoni għall-ħlas tal-għajnuna. |
|
(6) |
Sabiex tiġi vvalutata l-effettività tal-Iskema, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultati u bis-sejbiet tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni tagħhom tal-Iskema. Għal raġunijiet ta' ċarezza, jixraq li tiġi ffissata data għan-notifika tar-rapport ta' evalwazzjoni u tar-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk id-dokumenti. |
|
(7) |
Sabiex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għandhom jiġu adottati miżuri ta' kontroll adegwati għall-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi. Dawn il-miżuri ta' kontroll għandhom jinvolvu verifika amministrattiva sħiħa ssupplementata b'verifiki fuq il-post. Il-kamp ta' applikazzjoni, il-kontenut, l-iskeda taż-żmien u r-rappurtar ta' tali miżuri ta' kontroll għandhom jiġu speċifikati biex jiżguraw approċċ ġust u uniformi bejn l-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-implimentazzjoni differenti tagħhom tal-Iskema. |
|
(8) |
L-ammonti mħallsa b'mod mhux dovut għandhom jiġu rkuprati skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (7). |
|
(9) |
F'konformità mal-Artikolu 23(10) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 il-pubbliku għandu jkun konxju biżżejjed dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Iskema. Minbarra d-dispożizzjonijiet rigward il-kartellun stipulati fir-Regolament Delegat (UE) 2016/247 jixraq li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-reklamar tal-Iskema u dwar l-użu tal-emblema tal-Unjoni. Jixraq ukoll li jiġi permess l-użu tranżizzjonali tal-kartelluni użati bħalissa u ta' għodod oħra ta' reklamar għal perjodu ta' żmien limitat. |
|
(10) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni u definizzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1370/2013 rigward l-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u għad-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u prodotti tal-banana (“il-prodotti”) għat-tfal u għal ċerti spejjeż relatati fil-qafas tal-iskema tal-frott u tal-ħxejjex għall-iskejjel kif imsemmi fl-Artikolu 23 tar- Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“l-Iskema”).
2. Għall-finijiet tal-Iskema, “sena skolastika” tfisser perjodu li jibda mill-1 ta' Awwissu sal-31 ta' Lulju tas-sena ta' wara.
Artikolu 2
Strateġija tal-Istati Membri
1. L-istrateġija ta' Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 għandha tinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
il-livell ġeografiku u amministrattiv li fih se tiġi implimentata l-Iskema; |
|
(b) |
it-tul ta' żmien tal-istrateġija; |
|
(c) |
jekk disponibbli, informazzjoni dwar il-livell tal-konsum tal-prodotti kkonċernati; |
|
(d) |
l-għanijiet operattivi tagħha fi ħdan l-Iskema u l-miri li jridu jinkisbu; |
|
(e) |
jekk skema għall-iskejjel nazzjonali eżistenti qed tiġi estiża jew qed issir aktar effettiva permezz tal-użu ta' fondi tal-Unjoni, l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ biex jiġi żgurat il-valur miżjud tal-Iskema; |
|
(f) |
il-baġit stmat jew il-perċentwali tal-baġit għall-elementi ewlenin tal-Iskema; |
|
(g) |
il-grupp fil-mira; |
|
(h) |
il-lista ta' prodotti li se jiġu pprovduti fi ħdan l-Iskema; |
|
(i) |
l-għanijiet u l-kontenut tal-miżuri ta' akkumpanjament; |
|
(j) |
deskrizzjoni ta' kif il-partijiet ikkonċernati rilevanti se jkunu involuti; |
|
(k) |
informazzjoni dwar l-arranġamenti għad-distribuzzjoni ta' prodotti u proċeduri ta' għażla tal-fornituri; |
|
(l) |
l-arranġamenti implimentati għar-reklamar tal-għoti ta' għajnuna tal-Unjoni, inkluż fejn l-istrateġija tippermetti l-konsum tal-ikliet regolari tal-iskola fl-istess ħin mal-prodotti ffinanzjati fi ħdan l-Iskema; |
|
(m) |
l-istrutturi u l-formoli stabbiliti għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-Iskema skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 u għall-verifiki stipulati fl-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament. |
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-istrateġiji tal-Istati Membri.
Artikolu 3
Applikazzjoni għall-għajnuna ppreżentata mill-Istati Membri
L-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-sena skolastika li jmiss sal-31 ta' Jannar ta' kull sena. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-allokazzjoni indikattiva ta' għajnuna stabbilita fl-Anness; |
|
(b) |
l-ammont mitlub jekk ma jkunx hemm rieda li jintuża l-ammont kollu tal-allokazzjoni indikattiva; |
|
(c) |
ir-rieda li tintuża aktar mill-allokazzjoni indikattiva u l-ammont addizzjonali massimu mitlub jekk tkun disponibbli allokazzjoni addizzjonali; |
|
(d) |
l-ammont totali mitlub. |
L-ammonti msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu espressi f'EUR.
Artikolu 4
Applikazzjoni għall-għajnuna ppreżentata mill-applikanti għall-għajnuna
1. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-forma, il-kontenut u l-frekwenza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-istrateġija tagħhom u r-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7.
2. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni ta' prodotti għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
il-kwantitajiet ta' prodotti distribwiti; |
|
(b) |
l-isem u l-indirizz jew in-numru tal-identifikazzjoni tal-istabbilimenti edukattivi jew tal-awtoritajiet tal-edukazzjoni li lilhom ġew distribwiti dawn il-kwantitajiet; |
|
(c) |
in-numru ta' tfal li jattendu regolarment l-istabbilimenti edukattivi rispettivi intitolati li jirċievu l-prodotti koperti mill-Iskema matul il-perjodu kopert mill-applikazzjoni għall-għajnuna. |
3. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni ta' prodotti għandhom ikopru perjodu ta' mhux aktar minn ħames xhur.
4. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jiġu ppreżentati fi żmien tliet xhur minn tmiem il-perjodu li jkopru.
5. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mar-rapport ta' evalwazzjoni stipulat fl-Artikolu 6(2) għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahar mid-data li fiha ġie ppreżentat dak ir-rapport kif imsemmi f'dak il-paragrafu.
6. Jekk il-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafi 4 u 5 jinqabeż b'anqas minn 60 jum, l-għajnuna għandha titħallas iżda għandha titnaqqas kif ġej:
|
(a) |
b'5 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'perjodu bejn jum u 30 jum; |
|
(b) |
b'10 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'perjodu bejn 31 u 60 jum; |
Ladarba l-limitu ta' żmien jinqabeż b'aktar minn 60 jum, l-għajnuna għandha tkompli titnaqqas b'1 % għal kull jum addizzjonali, ikkalkulat fuq il-bilanċ li jifdal.
7. L-ammonti mitluba fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom ikunu sostnuti minn evidenza ddokumentata li turi l-prezz tal-prodotti, tal-materjal jew tas-servizzi mogħtija flimkien ma' rċevuta jew prova ta' ħlas jew ekwivalenti. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati b'sostenn għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna.
Fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati ma' monitoraġġ, evalwazzjoni, reklamar u miżuri ta' akkumpanjament, l-evidenza ddokumentata għandha tinkludi t-tqassim finanzjarju skont l-attività u d-dettalji tal-ispejjeż relatati.
Artikolu 5
Ħlas tal-għajnuna
1. L-għajnuna relatata mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti għandha titħallas biss:
|
(a) |
jekk tiġi ppreżentata rċevuta għall-kwantitajiet effettivament ipprovduti u ddistribwiti; jew |
|
(b) |
fuq il-bażi tar-rapport ta' spezzjoni magħmul mill-awtorità kompetenti qabel il-ħlas finali tal-għajnuna, li jistabbilixxi li r-rekwiżiti tal-ħlas ikunu ntlaħqu; jew |
|
(c) |
jekk l-Istat Membru jawtorizza hekk, ġaladarba tiġi ppreżentata prova alternattiva li l-kwantitajiet ipprovduti u ddistribwiti għall-finijiet tal-Iskema jkunu tħallsu. |
2. L-għajnuna relatata mal-monitoraġġ, mal-evalwazzjoni, mar-reklamar u mal-miżuri ta' akkumpanjament għandha titħallas biss mal-kunsinna tal-materjal jew tas-servizzi kkonċernati u malli tiġi ppreżentata l-evidenza ddokumentata relatata kif mitlub mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
3. L-awtorità kompetenti għandha tħallas l-għajnuna fi żmien tliet xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna.
Artikolu 6
Monitoraġġ u evalwazzjoni
1. Il-monitoraġġ kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 għandu jissejjes fuq id-dejta li toriġina mill-obbligi ta' ġestjoni u ta' kontroll, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ sat-30 ta' Novembru wara t-tmiem tas-sena skolastika kkonċernata.
2. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport ta' evalwazzjoni, li jkun fih ir-riżultati tal-evalwazzjoni stipulati fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 għall-perjodu preċedenti ta' implimentazzjoni ta' ħames snin skolastiċi sal-1 ta' Marzu tas-sena ta' wara li jintemm dak il-perjodu.
L-ewwel rapport ta' evalwazzjoni għandu jiġi ppreżentat fl-1 ta' Marzu 2017 jew qabel.
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ u r-rapporti ta' evalwazzjoni tal-Istati Membri.
Artikolu 7
Verifiki amministrattivi
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu verifika amministrattiva tal-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna.
2. Il-verifiki amministrattivi mwettqa fir-rigward tal-għajnuna mogħtija għall-provvista u għad-distribuzzjoni tal-prodotti għandhom jinkludu r-rieżami tad-dokumenti ta' sostenn, kif iddefinit mill-Istati Membri, relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti.
Il-verifiki amministrattivi mwettqa fir-rigward tal-għajnuna mogħtija għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-reklamar u l-miżuri ta' akkumpanjament għandhom jinkludu l-verifika tal-għoti tal-materjal u tas-servizzi u l-veraċità tan-nefqa ddikjarata.
3. F'każ ta' għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti u mal-miżuri ta' akkumpanjament, il-verifiki amministrattivi għandhom ikunu ssupplimentati b'verifiki fuq il-post f'konformità mal-Artikolu 8.
Artikolu 8
Verifiki fuq il-post
1. F'każ ta' għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu u għandhom jinkludu b'mod partikolari l-verifika ta' dan li ġej:
|
(a) |
ir-reġistri msemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247, inklużi r-reġistri finanzjarji bħall-fatturi tax-xiri u tal-bejgħ, in-noti ta' kunsinna jew l-estratti bankarji; |
|
(b) |
l-użu tal-prodotti f'konformità ma' dan ir-Regolament. |
2. Il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fir-rigward ta' kull sena skolastika. Dawn għandhom ikopru l-attivitajiet imwettqa matul it-tnax-il xahar ta' qabel.
Il-verifiki fuq il-post jistgħu jsiru matul l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' akkumpanjament.
3. L-għadd totali ta' verifiki fuq il-post għandhom ikopru mill-inqas 5 % tal-għajnuna ddistribwita fil-livell nazzjonali u mill-anqas 5 % tal-applikanti kollha għall-għajnuna li jittrattaw il-provvista u d-distribuzzjoni tal-prodotti u l-miżuri ta' akkumpanjament.
Meta l-għadd tal-applikanti għall-għajnuna fi Stat Membru jkun anqas minn mija, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fil-postijiet ta' mhux anqas minn ħames applikanti.
Meta l-għadd tal-applikanti għall-għajnuna fi Stat Membru jkun anqas minn ħamsa, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fil-bini tal-applikanti kollha.
Meta l-applikant, li ma jkunx stabbiliment edukattiv, japplika għall-għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-verifika fuq il-post imwettqa fil-bini ta' dak l-applikant għandha tkun issupplimentata minn verifiki fuq il-post fil-bini ta' mill-inqas żewġ stabbilimenti edukattivi jew ta' mill-inqas 1 % tal-istabbilimenti edukattivi rreġistrati mill-applikant f'konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247, skont liema minnhom ikun l-akbar.
Meta l-applikant japplika għall-għajnuna marbuta mal-miżuri ta' akkumpanjament, il-verifiki fuq il-post fil-bini tal-applikant jistgħu jiġu sostitwiti, abbażi ta' analiżi tar-riskju, minn verifiki fuq il-post fil-postijiet fejn jitwettqu l-miżuri ta' akkumpanjament. Fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju, l-Istati Membri għandhom jiffissaw il-livell ta' tali verifiki fuq il-post.
4. Fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju, l-awtorità kompetenti għandha tagħżel dawk l-applikanti li għandhom jiġu soġġetti għal verifiki fuq il-post.
Għal dan l-għan, l-awtorità kompetenti għandha b'mod partikolari tqis dan li ġej:
|
(a) |
iż-żoni ġeografiċi differenti; |
|
(b) |
in-natura rikorrenti tal-iżbalji u s-sejbiet tal-verifiki li jkunu twettqu fis-snin ta' qabel; |
|
(c) |
l-ammont ta' għajnuna involuta; |
|
(d) |
it-tip ta' applikanti; |
|
(e) |
it-tip ta' miżura ta' akkumpanjament, jekk ikun hemm. |
5. Sakemm l-iskop tal-verifiki ma jiġix ippreġudikat, jista' jingħata avviż bil-quddiem, limitat b'mod strett għall-perjodu taż-żmien minimu neċessarju.
6. L-awtorità kompetenti ta' kontroll għandha tfassal rapport ta' kontroll dwar kull verifika fuq il-post. Ir-rapport għandu jiddeskrivi preċiżament il-prodotti differenti kkontrollati.
Ir-rapport ta' kontroll għandu jitqassam fil-partijiet li ġejjin:
|
(a) |
parti ġenerali li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja, jekk dan ikun rilevanti:
|
|
(b) |
parti li tiddeskrivi, b'mod separat, il-verifiki mwettqa, u li jkun fiha, b'mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:
|
7. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta' Novembru wara t-tmiem tas-sena skolastika, bil-verifiki fuq il-post imwettqa u s-sejbiet relatati.
Artikolu 9
Rkupru ta' pagamenti indebiti
Għall-irkupru ta' ammonti mħallsa b'mod indebitu, għandu japplika, mutatis mutandis, l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.
Artikolu 10
Reklamar tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Iskema
1. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jużawx il-kartellun imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247, fl-istrateġija tagħhom għandhom jispjegaw b'mod ċar kif se jgħarrfu lill-pubbliku dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-iskema għall-iskejjel tagħhom.
2. Il-miżuri dwar ir-reklamar u l-mezzi ta' komunikazzjoni msemmija fil-punt (b)(ii) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 għandhom, sa fejn ikun possibbli, juru l-bandiera Ewropea u jsemmu “l-Iskema tal-Frott u tal-Ħxejjex għall-Iskejjel” tal-Unjoni jew l-akronimu tagħha u s-sostenn finanzjarju tal-Unjoni.
3. L-għodod u l-materjal edukattiv li jridu jintużaw fil-qafas tal-miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/247 għandhom, sa fejn ikun possibbli, juru l-bandiera Ewropea u jsemmu “l-Iskema tal-Frott u tal-Ħxejjex għall-Iskejjel” tal-Unjoni jew l-akronimu tagħha u s-sostenn finanzjarju tal-Unjoni.
4. Ir-referenzi għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandhom jirċievu mill-anqas l-istess viżibbiltà bħall-kontribuzzjonijiet minn entitajiet privati jew pubbliċi oħra li jkunu qed jappoġġaw l-iskema għall-iskejjel tal-Istat Membru.
5. L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw ħażniet eżistenti ta' kartelluni u għodod oħra ta' reklamar stampat qabel is-26 ta' Frar 2016 skont ir-Regolament (KE) Nru 288/2009.
Artikolu 11
Notifiki
In-notifiki mill-Istati Membri lill-Kummissjoni stipulati f'dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (8).
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika għal għajnuna għas-sena skolastika 2016/2017 u għas-snin skolastiċi sussegwenti.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(3) ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 288/2009 tas-7 ta' April 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-għajnuna Komunitarja għall-forniment ta' frott u ħaxix, frott u ħaxix ipproċessat u prodotti tal-banana lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, fil-qafas tal-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel (ĠU L 94, 8.4.2009, p. 38).
(6) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/247 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u għad-distribuzzjoni ta' frott u ħxejjex, frott u ħxejjex ipproċessati u prodotti tal-banana fil-qafas tal-iskema tal-frott u tal-ħxejjex għall-iskejjel (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(7) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).
ANNESS
Allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna mill-Unjoni lil kull Stat Membru
|
Stat Membru |
Ir-rata tal-kofinanzjament (f'%) |
Tfal bejn is-6 u l-10 snin — numri assoluti |
EUR |
|
L-Awstrija |
75 |
406 322 |
2 239 273 |
|
Il-Belġju |
75 |
611 450 |
3 369 750 |
|
Il-Bulgarija |
90 |
316 744 |
2 094 722 |
|
Il-Kroazja |
90 |
205 774 |
1 360 845 |
|
Ċipru |
75 |
44 823 |
290 000 |
|
Ir-Repubblika Ċeka |
88 |
480 495 |
3 124 660 |
|
Id-Danimarka |
75 |
328 182 |
1 808 638 |
|
L-Estonja |
90 |
66 436 |
439 361 |
|
Il-Finlandja |
75 |
290 308 |
1 599 911 |
|
Franza |
76 |
4 051 279 |
22 500 145 |
|
Il-Ġermanja |
75 |
3 575 991 |
19 707 575 |
|
Il-Greċja |
81 |
529 648 |
3 143 600 |
|
L-Ungerija |
86 |
482 160 |
3 031 022 |
|
L-Irlanda |
75 |
319 126 |
1 758 729 |
|
L-Italja |
80 |
2 853 098 |
16 719 794 |
|
Il-Latvja |
90 |
95 861 |
633 957 |
|
Il-Litwanja |
90 |
136 285 |
901 293 |
|
Il-Lussemburgu |
75 |
29 473 |
290 000 |
|
Malta |
75 |
19 511 |
290 000 |
|
In-Netherlands |
75 |
986 118 |
5 434 576 |
|
Il-Polonja |
88 |
1 802 733 |
11 645 350 |
|
Il-Portugall |
85 |
527 379 |
3 284 967 |
|
Ir-Rumanija |
89 |
1 054 185 |
6 869 985 |
|
Is-Slovakkja |
89 |
262 703 |
1 709 502 |
|
Is-Slovenja |
83 |
91 095 |
554 291 |
|
Spanja |
75 |
2 337 457 |
12 939 604 |
|
L-Iżvezja |
75 |
518 322 |
2 856 514 |
|
Ir-Renju Unit |
76 |
3 494 635 |
19 401 935 |
|
UE 28 |
79 |
25 917 593 |
150 000 000 |