20.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 45/3 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/239
tad-19 ta' Frar 2016
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta' alkalojdi tropaniċi f'ċertu ikel b'bażi ta' ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistabbilixxi livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel. |
(2) |
Il-Bord Xjentifiku dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni dwar l-alkalojdi tropaniċi fl-ikel u fl-għalf (3). |
(3) |
L-alkalojdi tropaniċi huma metaboliti sekondarji li jokkorru b'mod naturali fil-pjanti ta' bosta familji, fosthom il-Brassicaceae, is-Solanaceae u l-Erythroxylaceae. S'issa ġew identifikati aktar minn 200 alkalojde tropaniku. L-aktar alkalojdi tropaniċi studjati huma (-)-joxjamina u (-)-skopolamina. L-atropina hija taħlita raċemika ta' (-)-joxjamina u (+)-joxjamina li minnha l-enantjomeru (-)-joxjamina biss juri attività antikolinerġika. |
(4) |
Il-preżenza tal-alkalojdi tropaniċi fil-ġenus Datura hija magħrufa sew. Id-Datura stramonium hija mxerrda sew f'reġjuni bi klima temperata u tropikali u għal din ir-raġuni ż-żrieragħ tad-Datura stramonium instabu bħala impuritajiet fiż-żerriegħa tal-kittien, fis-sojja, fis-sorgu, fil-millieġ, fil-ġirasol u fil-qamħ Saraċin u fil-prodotti tagħhom. Iż-żrieragħ tad-Datura stramonium ma jistgħux jitneħħew faċilment mis-sorgu, mill-millieġ u mill-qamħ Saraċin bl-issortjar u bit-tindif u, għalhekk, is-sorgu, il-millieġ u l-qamħ Saraċin u l-prodotti derivati tagħhom, kif ukoll ikel b'bażi taċ-ċereali li fih dawn iż-żrieragħ, jinstabu li jkunu kkontaminati bl-alkalojdi tropaniċi. |
(5) |
Il-Bord CONTAM stabbilixxa Doża Akuta ta' Referenza (“DAR”) tal-grupp ta' 0,016 μg/kg piż tal-ġisem (body weight — “b.w.”) espressa bħala s-somma ta' (-)-joxjamina u (-)-skopolamina, bil-preżunzjoni ta' potenza ekwivalenti. Il-Bord CONTAM ikkonkluda li, fuq il-bażi tal-informazzjoni limitata disponibbli, l-espożizzjoni fid-dieta tat-trabi li jkunu għadhom kemm telqu jimxu tista' tisboq b'mod sinifikanti d-DAR tal-grupp. |
(6) |
Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit livell massimu għal (-)-joxjamina u (-)-skopolamina f'ikel b'bażi taċ-ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar li fih il-millieġ, is-sorgu, il-qamħ Saraċin jew il-prodotti derivati tagħhom. Madankollu, billi, minħabba raġunijiet analitiċi, mhux dejjem ikun possibbli li wieħed jiddistingwi bejn l-enantjomeri tal-joxjamina, huwa xieraq li jiġi stabbilit il-livell massimu għall-atropina u l-iskopolamina. Billi s-sinteżi tal-alkalojdi tropaniċi fil-pjanti twassal għal (-)-joxjamina u (-)-skopolamina u mhux għal (+)-joxjamina, ir-riżultati analitiċi tal-atropina f'ikel li joriġina mill-pjanti jirrifletti l-okkorrenza ta' (-)-joxjamina. |
(7) |
Huwa f'loku li jiġu stabbiliti r-regoli tal-kampjunar li jridu jiġu applikati biex tiġi vverifikata l-konformità mal-livelli massimi. |
(8) |
Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandu jiġi emendat skont dan. |
(9) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandu jiġi emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
It-teħid ta' kampjuni għall-kontroll tal-konformità mal-livelli massimi għandhom jitwettqu skont ir-regoli stipulati fil-parti J tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 (4).
Artikolu 3
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Frar 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).
(3) Il-Bord CONTAM tal-EFSA (Il-Bord dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-EFSA), 2013. Scientific Opinion on Tropane alkaloids in food and feed. (Opinjoni xjentifika relatata mal-alkalojdi fl-ikel u fl-għalf.) EFSA Journal 2013;11(10):3386, 113 pp. doi:10.2903/j.efsa.2013.3386
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 tat-23 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' mikotossini fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 12).
ANNESS
Fit-Taqsima 8 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 tiżdied l-entrata li ġejja:
Oġġetti tal-Ikel (1) |
Livell massimu (μg/kg) |
||
“8.2 |
Alkalojdi tropaniċi (*) |
||
|
|
Atropina |
Skopolamina |
8.2.1 |
Ikel ipproċessat b'bażi ta' ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u t-tfal żgħar, li fihom il-millieġ, is-sorgu, il-qamħ Saraċin jew il-prodotti derivati tagħhom (29) |
1,0 μg/kg |
1,0 μg/kg |
(*) L-alkalojdi tropaniċi msemmija huma l-atropina u l-iskopolamina. L-atropina hija taħlita raċemika ta' (-)-joxjamina u (+)-joxjamina li minnha l-enantjomeru (-)-joxjamina biss juri attività antikolinerġika. Billi, minħabba raġunijiet analitiċi, mhux dejjem ikun possibbli li wieħed jiddistingwi bejn l-enantjomeri tal-joxjamina, il-livelli massimi huma stabbiliti għall-atropina u għall-iskopolamina.”