17.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/218

tas-16 ta' Frar 2016

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċertu miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 tad-19 ta' Frar 2004 dwar ċertu miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 jelenka l-persuni u l-entitatjiet koperti mill-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi skont dak ir-Regolament.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK (2) tidentifika l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għalihom japplikaw ir-restrizzjonijiet kif ipprovdut fl-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni, u r-Regolament (KE) Nru 314/2004 idaħħal fis-seħħ dik id-Deċiżjoni sal-punt li l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tkun meħtieġa.

(3)

Fil-15 ta' Frar 2016, il-Kunsill iddeċieda li jżomm seba' persuni u entità waħda fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK u elenka l-persuni u l-entitajiet li għalihom għandhom japplikaw ir-restrizzjonijiet.

(4)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 għandu jiġi emendat sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma' dik id-deċiżjoni tal-Kunsill.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 jinbidel bl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija


(1)  ĠU L 55, 24.2.2004, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK tal-15 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 42, 16.2.2011, p. 6).


ANNESS

“ANNESS III

Lista ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 6

I.   Persuni

Isem (u psewdonomi possibbli)

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għall-indikazzjoni

(1)

Mugabe, Robert Gabriel

President, imwieled fil-21.2.1924; Passaport AD001095

Kap tal-Gvern u responsabbli għal attivitajiet li jimminaw serjament id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.

(2)

Mugabe, Grace

Imwielda fit-23.7.1965; Passaport AD001159. ID 63-646650Q70

Assoċjata mal-fazzjoni tal-Gvern taż-ZANU-PF. Ħadet taħt idejha l-Iron Mask Estate fl-2002; allegata li tikseb profitti kbar mit-tħaffir għad-djamanti.

(3)

Bonyongwe, Happyton Mabhuya

Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Ċentrali tas-Servizzi Sigrieti, imwieled fis-6.11.1960; Passaport: AD002214; ID: 63-374707A13

Membru anzjan tas-sigurtà assoċjat mill-qrib mal-fazzjoni tal-gvern taż-ZANU-PF (Zimbabwe African National Union — Patriotic Front) u kompliċi fil-formazzjoni jew it-tmexxija tal-politika ripressiva tal-istat. Akkużat li huwa responsabbli għall-ħtif, it-tortura u l-qtil ta' attivisti tal-MDC (Moviment għall-Bidla Demokratika) f'Ġunju 2008.

(4)

Chihuri, Augustine

Kummissarju tal-Pulizija, imwieled fl-10.3.1953. Passaport AD000206. ID 68-034196M68

Uffiċjal anzjan tal-pulizija u membru tal-Kmand Operattiv Konġunt, assoċjat mill-qrib mal-politiki ripressivi taż-ZANU-PF. Stqarr pubblikament li jappoġġa liż-ZANU-PF f'kontravenzjoni tal-Att tal-Pulizija. F'Ġunju 2009 ordna lill-pulizija biex iwaqqgħu l-każijiet kollha relatati mal-qtil li twettaq fiż-żmien ta' qabel l-elezzjoni Presidenzjali ta' Ġunju 2008.

(5)

Chiwenga, Constantine

Kmandant tal-Forzi ta' Difiża taż-Żimbabwe, Ġeneral (ex Kmandant tal-Armata, Logutenent Ġenerali), imwieled fil-25.8.1956 Passaport AD000263. ID 63-327568M80

Membru tal-Kmand Operattiv Konġunt u kompliċi fil-formazzjoni jew id-direzzjoni tal-politika ripressiva tal-istat. Uża l-armata għall-ħtif ta' azjendi agrikoli. Matul l-elezzjonijiet tal-2008 kien arkitett prim tal-vjolenza assoċjata mal-proċess taż-żmien ta' qabel l-elezzjoni Presidenzjali.

(6)

Shiri, Perence (magħruf ukoll bħala Bigboy) Samson Chikerema

Marixxall tal-Ajru (Forza tal-Ajru), imwieled fl-1.11.1955 ID 29-098876M18

Uffiċjal militari anzjan u membru tal-Kmand Operattiv Konġunt taż-ZANU-PF u kompliċi fil-formazzjoni jew id-direzzjoni tal-politika oppressiva tal-istat. Involut fi vjolenza politika, inkluż waqt l-elezzjonijiet tal-2008 f'Mashonaland West f'Chiadzwa.

(7)

Sibanda, Phillip Valerio (magħruf ukoll bħala Valentine)

Kmandant tal-Armata Nazzjonali taż-Żimbabwe, Logutenent Ġeneral, imwieled fil-25.8.1956 jew fl-24.12.1954. ID 63-357671H26

Figura anzjana tal-armata b'rabtiet mal-Gvern u kompliċi fit-tiswir jew l-attwazzjoni ta' politika statali ripressiva.

II.   Entitajiet

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għall-indikazzjoni

Zimbabwe Defence Industries

10th floor, Trustee House, 55 Samora Machel Avenue, PO Box 6597, Harare, Zimbabwe

Assoċjata mal-Ministeru tad-Difiża u mal-fazzjoni tal-Gvern taż-ZANU-PF.”