17.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/217

tas-16 ta' Frar 2016

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward tal-kadmju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-annotazzjoni 23 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tipprojbixxi l-użu tal-kadmju u tal-komposti tal-kadmju fiż-żebgħa bil-kodiċijiet [3208] u [3209], b'deroga għaż-żebgħa bbażata fuq iż-żingu. Madankollu, din ir-restrizzjoni ma tapplikax għat-tqegħid fis-suq ta' żebgħa li fiha l-kadmju.

(2)

F'Novembru tal-2012, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) biex tħejji dossier skont l-Anness XV bil-għan li testendi r-restrizzjoni eżistenti għat-tqegħid fis-suq tat-tali żebgħa li jkun fiha l-kadmju f'konċentrazzjoni li tkun taqbeż ċertu ammont.

(3)

Fid-9 ta' Settembru 2014, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija (RAC) adotta, b'kunsens, opinjoni li tikkonkludi li t-tali emenda tal-annotazzjoni eżistenti tiffaċilita l-infurzar u li tikkonferma li mhija meħtieġa l-ebda stima addizzjonali tar-riskji ppreżentati mill-kadmju fiż-żebgħa.

(4)

Fil-25 ta' Novembru 2014, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika tal-Aġenzija (SEAC) adotta, b'kunsens, opinjoni li tindika li l-emenda proposta tar-restrizzjoni eżistenti hija proporzjonata minħabba li mhix se timponi spejjeż addizzjonali tal-konformità fuq il-manifatturi, l-importaturi jew il-konsumaturi, iżda se ttejjeb l-eżegwibbiltà tar-restrizzjoni.

(5)

Huwa aktar faċli għall-awtoritajiet tal-infurzar li jimmonitorjaw u jikkontrollaw it-tqegħid fis-suq milli l-użu. Barra minn hekk, id-dħul ta' limitu tal-konċentrazzjoni jiċċara l-fatt li l-preżenza mhux intenzjonata tal-kadmju fiż-żebgħa bħala impurità taħt dan il-limitu mhux se twassal għal ksur tar-restrizzjoni.

(6)

Saret konsultazzjoni mal-Forum għall-Iskambju ta' Informazzjoni dwar l-Infurzar u tqiesu r-rakkomandazzjonijiet ta' dan il-Forum.

(7)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 qed jiġi emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS

Fit-tieni kolonna tal-annotazzjoni 23 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“Kadmju

Nru tal-CAS 7440-43-9

Nru tal-KE 231-152-8 u l-komposti tiegħu

2.

M'għandhomx jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw fiż-żebgħa bil-kodiċijiet [3208 ] u [3209 ] f'konċentrazzjoni ta' 0,01 % tal-piż jew iktar (mogħtija bħala metall Cd).

Għaż-żebgħa bil-kodiċijiet [3208 ] u [3209 ] b'kontenut taż-żingu ta' iktar minn 10 % tal-piż taż-żebgħa, il-konċentrazzjoni tal-kadmju (mogħtija bħala metall Cd) m'għandhiex tkun ta' 0,1 % tal-piż jew iktar.

L-oġġetti miżbugħa ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq jekk il-konċentrazzjoni tal-kadmju fihom (mogħtija bħala metall Cd) tkun ta' iktar minn 0,1 % tal-piż taż-żebgħa fuqhom.”