13.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 38/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/190
tat-12 ta' Frar 2016
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1164 li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2015/2016 u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1803
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 139(2) u l-punt (g) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 144 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7e flimkien mal-Artikolu 9(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 139(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, iz-zokkor jew l-isoglukożju prodott matul sena tas-suq li jaqbeż il-kwota msemmija fl-Artikolu 136 ta' dak ir-Regolament jista' jiġi esportat biss fil-limitu kwantitattiv li jrid jiġi stabbilit mill-Kummissjoni. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 951/2006 jistabbilixxi r-regoli dettaljati tal-implimentazzjoni għall-esportazzjonijiet barra mill-kwota. |
(3) |
Għas-sena tas-suq 2015/2016, inizjalment ġie stmat li jekk il-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor barra mill-kwota jiġi ffissat għal 650 000 tunnellata, f'ekwivalent ta' zokkor abjad, dan ikun jikkorrispondi għad-domanda tas-suq. Dan il-limitu kien iffissat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1164 (3). Madankollu, skont l-aħħar stimi, il-produzzjoni taz-zokkor barra mill-kwota hija mistennija tilħaq l-4 150 000 tunnellata. Għaldaqstant, għandhom jiġu żgurati swieq disponibbli addizzjonali għaz-zokkor barra mill-kwota. |
(4) |
B'kunsiderazzjoni li l-livell massimu tad-WTO għall-esportazzjonijiet għas-sena tas-suq 2015/2016 ma ntużax kollu, huwa xieraq li jiżdied il-limitu kwantitattiv tal-esportazzjoni għaz-zokkor barra mill-kwota b'700 000 tunnellata, sabiex jiġu pprovduti opportunitajiet kummerċjali addizzjonali għall-produtturi taz-zokkor tal-Unjoni. |
(5) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1164 għandu jiġi emendat skont dan. |
(6) |
Biex ikunu jistgħu jitressqu l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni li jikkonċernaw il-kwantità addizzjonali taz-zokkor barra mill-kwota, għandha titneħħa s-sospensjoni tat-tressiq tal-applikazzjonijiet stipulata fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1803 (4). |
(7) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1803 għandu jiġi emendat skont dan. |
(8) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1164, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:
“1. Għas-sena tas-suq 2015/2016, il-limitu kwantitattiv imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 139(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkun ta' 1 350 000 tunnellata għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta' zokkor abjad barra mill-kwota kklassifikat fil-kodici NM 1701 99.”
Artikolu 2
Fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1803, jitħassar il-paragrafu 3.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fi jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha..
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.
(3) Ir- Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1164 tal-15 ta' Lulju 2015 li jiffissal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2015/2016 (ĠU L 188, 16.7.2015, p. 28).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1803 tas-7 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi perċentwali ta' aċċettazzjoni għall-ħruġ tal-liċenzji tal-esportazzjoni, li jirrifjuta l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni u li jissospendi t-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għal zokkor barra mill-kwota (ĠU L 263, 8.10.2015, p. 31).