9.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 32/143


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/166

tat-8 ta' Frar 2016

li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-importazzjoni ta' oġġetti tal-ikel li fihom il-weraq tal-betel (“Piper Betle”) mill-Indja u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 669/2009

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta' emerġenza tal-Unjoni xierqa għall-ikel u l-għalf importati minn pajjiż terz biex jitħarsu s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent, meta r-riskju ma jkunx jista' jiġi kkontrollat b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżuri li jieħdu l-Istati Membri individwali.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 (3) jistipula livell ogħla ta' kontrolli uffiċjali fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu ikel u għalf li mhux ġej mill-annimali, li huwa elenkat fl-Anness I ta' dak ir-Regolament. Weraq tal-betel (Piper betle L.) li joriġina mill-Indja li mill-1 ta' April 2014, huwa soġġetti għal żieda fil-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-preżenza ta' ħafna razez tal-mikrobu tas-Salmonella.

(3)

Ir-riżultati miż-żieda fil-frekwenza tal-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 dwar dawk l-oġġetti tal-ikel juru frekwenza għolja u kontinwa ta' nuqqas ta' konformità mal-kriterji mikrobijoloġiċi għal oġġetti tal-ikel stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Mill-2011, ħarġu madwar 90 notifika (4) għas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf minħabba l-preżenza ta' firxa wiesgħa ta' razez patoġeniċi tal-mikrobu tas-Salmonella fl-oġġetti tal-ikel li fihom weraq tal-betel jew li jikkonsistu minnu li joriġinaw jew li jaslu mill-Indja.

(4)

Dawk ir-riżultati juru li l-importazzjoni ta' dawk l-oġġetti tal-ikel tal-ikel tikkostitwixxi riskju għas-saħħa tal-bniedem. Minkejja ż-żieda fil-frekwenza tal-kontrolli fis-seħħ fuq il-fruntieri tal-Unjoni, is-sitwazzjoni ma tjibitx. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Indjani ma pprovdew l-ebda pjan ta' azzjoni konkret u sodisfaċenti biex jissewwew l-iżbalji u n-nuqqasijiet fil-produzzjoni u s-sistemi ta' kontroll, minkejja t-talba espliċita tal-Kummissjoni Ewropea.

(5)

Għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fl-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu previsti garanziji addizzjonali fir-rigward ta' dan l-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-Indja. Għaldaqstant il-kunsinni kollha ta' weraq tal-betel mill-Indja għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa li jiddikjara li dawk l-oġġetti tal-ikel ġew prodotti skont id-dispożizzjonijiet tal-iġjene stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), itteħdulhom kampjuni u ġew analizzati għall-preżenza tas-Salmonella u nstabu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u skont ir-riżultati tat-testijiet analitiċi.

(6)

Huwa xieraq li kunsinni mhux kummerċjali jiġu esklużi mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(7)

It-teħid tal-kampjuni u l-analiżi tal-kunsinni għandhom isiru skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (6) jistabbilixxi kemm il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar it-teħid ta' kampjuni għall-kontroll uffiċjali ta' kriterji mikrobijoloġiċi għal oġġetti tal-ikel applikabbli fl-Unjoni.

(8)

L-awtoritajiet Indjani għarrfu lill-Kummissjoni dwar l-isem tal-awtorità kompetenti li r-rappreżentant awtorizzat tagħha huwa intitolat jiffirma ċ-ċertifikat tas-saħħa.

(9)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 669/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kunsinni ta' oġġetti tal-ikel li fihom weraq betel jew li jikkonsistu minnu (“Piper betle L.” magħrufa b'mod komuni bħala “Paan leaf” jew “Betel quid”) inklużi dawk iddikjarati taħt il-kodiċi NM 1404 90 00, li joriġinaw jew jaslu mill-Indja, stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-kunsinni tal-oġġetti tal-ikel imsemmija fil-paragrafu 1 li huma destinati għal persuna privata għall-konsum u l-użu personali biss. F'każ ta' dubju, l-oneru tal-provi ikun dak li jirċievi l-kunsinna.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 669/2009.

Artikolu 3

Importazzjoni fl-Unjoni

Il-kunsinni tal-oġġetti tal-ikel li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) jistgħu jiġu importati fl-Unjoni biss skont il-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Il-kunsinni taoġġetti tal-ikel bħal dawn jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni biss minn Punt tad-Dħul Magħżul (PDM) kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 669/2009.

Artikolu 4

Riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi

1.   Il-kunsinni tal-oġġetti tal-ikel li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) għandhom ikunu akkumpanjati mir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u tal-analiżi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Indja, sabiex tkun aċċertata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi tas-Salmonella, għall-oġġetti tal-ikel li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1).

2.   It-teħid tal-kampjuni li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1 irid isir skont id-Direttiva 2073/2005/KE.

Artikolu 5

Ċertifikat tas-saħħa

1.   Il-kunsinni għandu jkollhom magħhom ukoll ċertifikat tas-saħħa skont il-mudell stabbilit fl-Anness II.

2.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jkun mimli, iffirmat u vverifikat minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompetenti tal-Indja.

3.   Iċ-ċertifikat tas-saħħa għandu jinkiteb bil-lingwa uffiċjali, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn jinsab il-PDM. Madankollu, Stat Membru jista' jaċċetta li ċ-ċertifikati tas-saħħa jinkitbu b'lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 6

Identifikazzjoni

Kull kunsinna ta' oġġetti tal-ikel li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi identifikata b'kodiċi tal-identifikazzjoni li jikkorrispondi mal-kodiċi tal-identifikazzjoni miktub fuq ir-riżultati tal-kampjuni u tal-analiżi li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4 u fuq iċ-ċertifikat tas-saħħa li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5. Kull borża individwali, jew kull forma oħra ta' imballaġġ tal-kunsinna għandha tiġi identifikata b'dak il-kodiċi.

Artikolu 7

Notifika minn qabel dwar il-wasla tal-kunsinni

1.   L-operaturi kummerċjali tal-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom javżaw minn qabel bid-data u l-ħin mistennija tal-wasla fiżika tal-kunsinni tal-oġġetti tal-ikel li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) lill-awtoritajiet kompetenti fil-PDM, u dwar in-natura tal-kunsinna.

2.   Għall-fini tan-notifika minn qabel, huma għandhom jimlew il-Parti I tad-dokument komuni tad-dħul (DKD) li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 u jibagħtu dak id-dokument lill-awtorità kompetenti fil-PDM, tal-anqas ġurnata waħda tax-xogħol qabel il-wasla fiżika tal-kunsinna.

3.   Meta jimlew id-DKD fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-operaturi kummerċjali tal-ikel għandhom iqisu n-noti gwida għad-DKD għall-oġġetti tal-ikel li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1), stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 669/2009.

Artikolu 8

Kontrolli uffiċjali

1.   L-awtorità kompetenti fil-PDM għandha tagħmel spezzjonijiet dokumentati ta' kull kunsinna tal-oġġetti tal-ikel li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) biex taċċerta l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

2.   L-ispezzjonijiet fiżiċi u ta' identità li jsiru fuq l-oġġetti tal-ikel li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament għandhom isiru f'konformità mal-Artikoli 8, 9 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 bil-frekwenza stabbilita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

3.   Wara li jitlestew l-ispezzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jimlew l-entrati rilevanti tal-Parti II tad-DKD;

(b)

jiġbru flimkien ir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u tal-analiżi mwettqa skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu;

(c)

jipprovdu u jimlew in-numru ta' referenza tad-DKD fuq id-DKD;

(d)

jittimbraw u jiffirmaw id-DKD oriġinali;

(e)

jagħmlu u jżommu kopja tad-DKD iffirmat u ttimbrat.

4.   L-oriġinali tad-DKD u taċ-ċertifikat tas-saħħa flimkien mar-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u tal-analiżi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4 għandhom jibqgħu mal-kunsinna waqt it-trasportazzjoni kollha, sakemm din tinħeles għaċ-ċirkulazzjoni libera. Għall-oġġetti tal-ikel li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1), f'każ ta' awtorizzazzjoni biex il-kunsinni jkomplu fil-vjaġġ tagħhom skont ir-riżultati tal-ispezzjonijiet fiżiċi, għandha tinħareġ kopja ċċertifikata tal-oriġinali tad-DKD għal dak il-għan.

Artikolu 9

Qsim ta' kunsinna

1.   Il-kunsinni ma għandhomx jinqasmu qabel ma jkunu tlestew l-ispezzjonijiet uffiċjali kollha, u jkun imtela kompletament id-DKD mill-awtoritajiet kompetenti kif stipulat fl-Artikolu 8.

2.   Fil-każ li wara dan, il-kunsinna tinqasam, għandha tintbagħat kopja awtentikata tad-DKD ma' kull parti tal-kunsinna matul it-trasport tagħha sakemm din tiġi rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera.

Artikolu 10

Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera

Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-kunsinni għandu jkun suġġett għall-preżentazzjoni (fiżikament jew b'mod elettroniku), mill-operaturi kummerċjali tal-ikel jew mir-rappreżentant tagħhom lill-awtoritajiet tad-dwana, ta' DKD mimli kif suppost mill-awtorità kompetenti hekk kif il-kontrolli uffiċjali kollha jkunu twettqu u jkunu magħrufa r-riżultati favorevoli tal-ispezzjonijiet fiżiċi, meta jkunu ntalbu tali spezzjonijiet. L-awtoritajiet doganali għandhom jirrilaxxaw il-kunsinna għaċ-ċirkolazzjoni libera biss jekk l-awtorità kompetenti tindika deċiżjoni favorevoli għal dan fil-kaxxa II.14 u tiffirma fil-kaxxa II.21 tad-DKD.

Artikolu 11

Nuqqas ta' konformità

Jekk il-kontrolli uffiċjali jistabbilixxu li hemm nuqqas ta' konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti, l-awtorità kompetenti għandha timla l-Parti III tad-DKD u għandha tittieħed azzjoni skont l-Artikoli 19, 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Artikolu 12

Rapporti

Kull tliet xhur, l-Istati Membri għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni bir-riżultati analitiċi kollha tal-kontrolli uffiċjali fuq il-kunsinni tal-oġġetti tal-ikel skont dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat matul ix-xahar li jaħbat wara kull trimestru.

Ir-rapport għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

l-għadd ta' kunsinni importati;

l-għadd ta' kunsinni li minnhom ittieħdu kampjuni għall-analiżi;

ir-riżultati tal-ispezzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 8(2);

Artikolu 13

Spejjeż

L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-ispezzjonijiet uffiċjali, inkluż it-teħid tal-kampjuni, l-analiżi, il-ħżin u kull miżura li tittieħed wara riżultat ta' nuqqas ta' konformità, għandhom jitħallsu mill-operatur kummerċjali tal-ikel.

Artikolu 14

Miżuri tranżizzjonali

B'deroga mill-Artikoli 4(1) u 5(1), l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta' kunsinni tal-ikel li hemm referenza għalih fl-Artikolu 1(1) li ħarġu mill-pajjiż tal-oriġini qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament mingħajr ma kienu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa u r-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u tal-analiżi.

Artikolu 15

Emenda tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 669/2009 huwa emendat skont l-Anness III ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 tal-24 ta' Lulju 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta' ċertu għalf u ikel ta' oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE (ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11).

(4)  Mill-2011 sal-15 ta' Ottubru 2015 (12 fl-2011, 6 fl-2012, 13 fl-2013, 17 fl-2014 u 43 fil-15/10/2015).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta' Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-prodotti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).


ANNESS I

Ikel mhux ta' oriġini mill-annimali soġġett għall-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament:

Għalf u ikel

(l-użu maħsub)

Kodiċi NM (*)

Sottodiviżjoni tat-TARIC

Pajjiż tal-oriġini jew tad-dispaċċ

Periklu

Frekwenza tal-ispezzjonijiet fiżiċi u tal-identità (%) waqt l-importazzjoni

Weraq tal-betel (Piper betle L.) — (Ikel)

ex 1404 90 00

10

L-Indja (IN)

Salmonella (**)

10


(*)  Meta jkun meħtieġ li jiġu eżaminati biss ċerti prodotti li jidħlu f'kodiċi tan-NM partikolari u ma tkun teżisti l-ebda sottodiviżjoni speċifika f'dak il-kodiċi, il-kodiċi tan-NM jiġi mmarkat bl-ittri “ex” quddiemu.

(**)  Il-metodu ta' referenza EN/ISO 6579 jew il-metodu vvalidat miegħu, kif hemm referenza fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta' Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).


ANNESS II

Ċertifikat tas-Saħħa għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta'

 (1)

Kodiċi tal-Kunsinna …Numru taċ-Ċertifikat …

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/166 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-importazzjoni tal-weraq tal-Betel (“Piper Betle”) mill-Indja,

…(l-awtorità kompetenti li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2016/166)

TIĊĊERTIFIKA li …

…(isem l-ikel li hemm referenza għalih fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2016/166)

ta' din il-kunsinna magħmula minn: …

…(deskrizzjoni tal-kunsinna, tal-prodott, tal-għadd u t-tip ta' pakketti, tal-piż gross jew nett)

imbarkata fi …(il-post tal-imbarkazzjoni)

minn …(l-identifikazzjoni tat-trasportatur)

lejn …(il-post u l-pajjiż tad-destinazzjoni)

li ġejja mill-istabbiliment …

…(l-isem u l-indirizz tal-istabbiliment)

ġew prodotti skont kundizzjonijiet li jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

Ittieħdu kampjuni minn din il-kunsinna skont ir-Regolament (KE) Nru 2073/2005 bil-għan li tiġi spezzjonata l-preżenza tar-razza tal-mikrobu tas-salmonella

fil- …(id-data), soġġetti għal analiżi tal-laboratorju fil-…

(id-data) fil-…

(isem il-laboratorju). Id-dettalji tat-teħid tal-kampjuni, il-metodi tal-analiżi użati u r-riżultati kollha huma mehmużin.

Magħmul fi …fil-…

Timbru u firma tar-rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompetenti li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2016/166


(1)  Il-prodott u l-pajjiż tal-oriġini.


ANNESS III

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 669/2009, titħassar din l-entrata:

Għalf u ikel

(l-użu maħsub)

Kodiċi tan-NM (1)

Sottodiviżjoni tat-TARIC

Pajjiż tal-oriġini

Periklu

Frekwenza tal-kontrolli fiżiċi u tal-identità (%)

“Weraq tal-Betel (Piper betle L.) — (Ikel)

ex 1404 90 00

10

L-Indja (IN)

Salmonella (10)

50”


(1)  Meta jkun meħtieġ li jiġu eżaminati biss ċerti prodotti li jidħlu f'kodiċi tan-NM partikolari u ma tkun teżisti l-ebda sottodiviżjoni speċifika f'dak il-kodiċi, il-kodiċi tan-NM jiġi mmarkat bl-ittri “ex” quddiemu.

(10)  Il-metodu ta' referenza EN/ISO 6579 jew il-metodu vvalidat miegħu, kif hemm referenza fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta' Novembru 2005 dwar kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).