3.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/137

tas-26 ta' Jannar 2016

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew bis-sħiħ, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), għar-raġunijiet stipulati fil-kolonna (3) tal-istess tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett li jikkonsisti minn biċċa materjal tessili rettangolari trasparenti magħmula minn drapp ta' fibri sintetiċi u minsuġa bil-labar b'mod magħluq, minn virga tal-plastik u minn mekkaniżmu ta' romblu magħmul mill-plastik u mill-metall.

Fuq naħa waħda, id-drapp huwa mwaħħal mal-mekkaniżmu ta' romblu ddisinjat biex jeħel b'mod permanenti mal-panil tal-bieba ta' mudell speċifiku ta' vettura bil-mutur. Fuq in-naħa l-oħra, id-drapp huwa mwaħħal mal-virga tal-plastik, li għandha mekkaniżmu għat-twaħħil li tippermetti li din titwaħħal mal-qafas tat-tieqa tal-vettura bil-mutur meta d-drapp irrumblat jinfetaħ biex jipprovdi protezzjoni kontra x-xemx. Dan l-oġġett ma jgħattix il-ħġieġa kollha tat-tieqa.

(Ara l-istampi) (*)

6303 12 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (GIR), in-Nota 7(f) tas-Sezzjoni XI u mit-test tal-kodiċijiet NM 6303 , 6303 12 u 6303 12 00 .

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8708 29 90 bħala parti jew aċċessorju ta' karrozzeriji ta' vetturi bil-mutur tal-intestatura 8703 hija eskluża, minħabba li l-oġġett mhuwiex indispensabbli għall-funzjonament tal-vettura bil-mutur u lanqas ma jadatta l-vettura għal operazzjoni partikolari, jew iżid il-firxa tagħha ta' operazzjonijiet, u lanqas ma jippermetti li din twettaq servizz partikolari b'rabta mal-funzjoni prinċipali tagħha (ara l-Kawża C-152/10, Unomedical, ECLI:EU:C:2011:402, il-paragrafi 29 u 36).

Minħabba l-fatt li l-oġġett huwa ddisinjat biex jitwaħħal b'mod permanenti mal-panil tal-bieba ta' vettura speċifika bil-mutur (hemm inċiżjoni fil-panil tal-bieba), u minħabba li ma jistax jitneħħa u jitwaħħal mal-ħġieġ ta' twieqi oħra, dan huwa blind ta' ġewwa tal-intestatura 6303 . Barra minn hekk, oġġetti komparabbli bħal blinds tat-twieqi tal-vaguni tal-ferroviji huma wkoll koperti mill-intestatura 6303 (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 6303 , l-ewwel paragrafu, punt (2)).

Dan l-oġġett huwa blind magħmul minn materjal tessili tas-Sezzjoni XI u mhux blind tal-plastik tas-subintestatura 3925 30 00 għax il-materjali tal-plastik iservu biss għal finijiet ta' twaħħil.

Dan l-oġġett huwa magħmul minn partijiet ta' materjal tessili, tal-plastik u tal-metall. Għalhekk huwa oġġett maħdum.

Għaldaqstant l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6303 12 00 bħala blind ta' ġewwa minsuġ magħmul minn fibri sintetiċi.


Image

Image

Image

Image


(*)  L-istampi huma biss għal finijiet ta' informazzjoni.