|
28.1.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 21/2 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/98
tas-16 ta' Ottubru 2015
li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji sabiex jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi tas-superviżuri
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 51(4) u l-Artikolu 116(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
It-twettiq tal-ippjanar ta' grupp ta' istituzzjonijiet, li tidentifika l-entitajiet tal-grupp fl-Unjoni jew f'pajjiż terz u li tiddeskrivi għal kull entità tal-grupp in-natura, il-lok, l-awtoritajiet involuti fis-superviżjoni tiegħu, l-eżenzjonijiet prudenzjali applikabbli, l-importanza tiegħu għall-grupp u l-importanza għall-pajjiż li fih huwa awtorizzat jew stabbilit kif ukoll il-kriterji għad-determinazzjoni ta' dik l-importanza, hija meqjusa bħala element essenzjali għall-identifikazzjoni tal-membri tal-kulleġġ u l-osservaturi potenzjali. F'dan il-kuntest, l-informazzjoni dwar l-importanza ta' fergħa għall-grupp u l-importanza ta' dik il-fergħa għall-Istat Membru li fih huwa stabbilit huma essenzjali sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru fl-attivitajiet tal-Kulleġġ. Informazzjoni dwar in-natura tal-entitajiet tal-grupp, kemm jekk istituzzjonijiet, fergħat jew entitajiet oħra fis-settur finanzjarju, kif ukoll fuq il-pajjiż tagħhom ta' awtorizzazzjoni jew ta' stabbiliment, jekk hux Stat Membru jew pajjiż terz, huwa importanti wkoll biex jiġu identifikati membri tal-kulleġġ u osservaturi potenzjali. |
|
(2) |
Informazzjoni dwar l-importanza tal-entità tal-grupp għall-grupp u l-importanza tagħha għall-Istat Membru li fih huwa awtorizzat li jew stabbilit hija essenzjali għad-determinazzjoni tal-livell ta' involviment tal-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru fl-attivitajiet tal-kulleġġ, u, b'mod partikolari, għat-twettiq tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni. |
|
(3) |
Arranġamenti ta' kordinazzjoni u koperazzjoni bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 115 tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom ikopru l-oqsma kollha tal-ħidma tal-Kulleġġ biex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-kulleġġi superviżorji. L-arranġamenti bil-miktub għandhom ikopru wkoll ftehimiet bejn xi membri tal-kulleġġ involuti f'attivitajiet speċifiċi tiegħu bħal dawk imwettqa permezz ta' substrutturi speċifiċi tal-Kulleġġ. L-arranġamenti bil-miktub għandhom jinkludu wkoll aspetti operattivi ta' ħidma tal-Kulleġġ peress li dawn l-aspetti huma essenzjali biex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tal-kulleġġ kemm f'sitwazzjonijiet ta' tħassib u waqt sitwazzjonijiet ta' emerġenza. Billi huwa essenzjali li tiġi żgurata l-koperazzjoni fil-kulleġġ qabel u bil-għan li jingħata kontribut għal kwistjonijiet ta' riżoluzzjoni ta' grupp, l-arranġamenti bil-miktub għandhom jipprovdu għall-proċessi ta' kordinazzjoni, l-input rilevanti kif ukoll ir-responsabbiltajiet u r-rwol tas-superviżur konsolidanti fil-komunikazzjoni ta' dak l-input permezz tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp kif definit fl-Artikolu 2(1)(44) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni. L-arranġamenti bil-miktub għandhom ikunu komprensivi, koerenti u eżawrijenti u għandhom jipprovdu bażi adegwata u xierqa lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet u l-kompiti rilevanti fil-kulleġġ, pjuttost milli barra minnu. |
|
(4) |
Il-kulleġġi huma għodda ewlenija għall-iskambju ta' informazzjoni, jantiċipaw u jittrattaw sitwazzjonijiet ta' emerġenza, u jippermettu lill-kontrollur li jikkonsolida li jwettaq superviżjoni effettiva fuq bażi konsolidata. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u biex l-ABE tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha kif previsti fir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u fl-Artikolu 116 tad-Direttiva 2013/36/UE, huwa xieraq li l-ABE tipparteċipa fil-kulleġġi kollha bħala membru. |
|
(5) |
Sabiex iwettaq l-attivitajiet kollha tal-kulleġġ, is-superviżur konsolidanti u l-membri l-oħra tal-kulleġġ għandu jkollhom ħarsa ġenerali tal-attivitajiet imwettqa mill-entitajiet kollha tal-grupp, inklużi minn dawk li jwettqu attivitajiet finanzjarji mingħajr ma jkunu kkwalifikati bħala istituzzjonijiet u minn dawk li joperaw barra mill-Unjoni. L-interazzjoni bejn is-superviżur konsolidanti, il-membri tal-kulleġġ, l-awtoritajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi, l-awtoritajiet pubbliċi jew il-korpi li huma responsabbli mis-superviżjoni tal-entità tal-grupp jew involuti fiha, inklużi l-awtoritajiet responsabbli mis-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet tas-settur finanzjarju tal-grupp jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta' swieq fl-istrumenti finanzjarji, il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu, jew il-protezzjoni tal-konsumatur, għandhom jiġu promossi billi jippermettu lil dawn l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiżi terzi u lawtoritajiet jew il-korpi pubbliċi li jieħdu sehem f'ħidma tal-kulleġġ bħala osservaturi, kif jixraq. |
|
(6) |
Il-membri tal-kulleġġ għandhom jiddiskutu u jaqblu dwar l-ambitu u l-livell ta' involviment ta' osservaturi, jekk ikun hemm, fil-kulleġġ. Il-qafas tal-parteċipazzjoni ta' osservaturi fil-kulleġġ għandu jiġi ddikjarat b'mod ċar u l-arranġamenti ta' kordinazzjoni u koperazzjoni bil-miktub għandhom jiġu kkomunikati lill-osservaturi. |
|
(7) |
Il-membri tal-kulleġġ tas-superviżuri għandhom jaħdmu flimkien, jikkordinaw l-azzjonijiet tagħhom ta' superviżjoni sal-limitu massimu possibbli u jikkoperaw mill-qrib sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompiti, inkluża d-duplikazzjoni tat-talbiet għall-informazzjoni indirizzati lill-entitajiet tal-grupp taħt superviżjoni. F'dan il-kuntest, ftehimiet dwar l-inkarigu ta' kompiti u delega tar-responsabbiltajiet għandhom jitqiesu fuq bażi regolari mill-membri tal-kulleġġ, u tal-inqas meta l-membri tal-kulleġġ għandhom jiżviluppaw programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġi. |
|
(8) |
Is-superviżur konsolidanti għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq il-kompiti u r-responsabbiltajiet tiegħu u għandu jaġixxi bħala l-kordinatur għall-ġbir u t-tixrid ta' informazzjoni li tkun waslet minn kwalunkwe membru tal-kulleġġ jew osservatur jew minn kwalunkwe l-entità tal-grupp, jew xi input li jkun wasal mill-kulleġġ rilevanti ta' riżoluzzjoni, b'mod partikolari mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell ta' grupp. L-istess japplika wkoll għall-membri tal-kulleġġ. B'mod partikolari, fejn is-superviżur konsolidanti jiddetermina r-rilevanza ta' informazzjoni partikolari għal membru ieħor tal-Kulleġġ, inkluża l-awtorità kompetenti fi Stat Membru ospitanti fejn tkun stabbilita fergħa sinifikanti, għandu joqgħod lura milli, b'mod mhux ġustifikat jeskludi membri tal-kulleġġ milli jirċievu informazzjoni. |
|
(9) |
Il-membri tal-kulleġġ li jipparteċipaw fit-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 113 tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom ikunu mħeġġa jiskambjaw informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-elementi prinċipali tar-rieżami superviżorju u l-proċess tal-evalwazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 97 ta' dik id-Direttiva, waqt li jirrikonoxxu fl-istess ħin li r-rieżami superviżorju u l-proċess tal-evalwazzjoni jistgħu jitwettqu b'mod differenti madwar l-Istati Membri skont it-traspożizzjoni ta' dawk ir-regoli tal-Unjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b'kunsiderazzjoni wkoll għal-linji gwida maħruġa mill-ABE skont l-Artikolu 107(3) tad-Direttiva 2013/36/UE. |
|
(10) |
Sabiex tiġi ffaċilita l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u sabiex tikkordina kwalunkwe deċiżjonijiet maħsuba biex jindirizzaw kwistjonijiet ta' konformità minn istituzzjoni mar-rekwiżiti dwar approċċi li jeħtieġu l-permess mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jintuża għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji (użu ta' mudelli interni għar-riskju tal-kreditu, ir-riskju tas-suq, ir-riskju tal-kontroparti u r-riskju operazzjonali), għandhom jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet ta' koperazzjoni bejn is-superviżur konsolidanti u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-prestazzjoni ta' dawk l-approċċi interni, u biex jiġu diskussi u jintlaħaq qbil dwar miżuri li jindirizzaw l-ineffiċjenzi identifikati. |
|
(11) |
Biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' sinjali bikrija ta' twissija, riskji potenzjali u vulnerabbiltajiet għall-grupp u l-entitajiet tiegħu u għas-sistema li joperaw fihom, il-membri tal-kulleġġ huma mistennija li jagħmlu skambju ta' informazzjoni kwantitattiva, għall-grupp u l-entitajiet tiegħu, b'mod konsistenti u komparabbli. Din l-informazzjoni għandha tkopri oqsma prinċipali ta' informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (4) li jispeċifika l-formati uniformi, il-frekwenzi, id-dati tar-rappurtar, id-definizzjonijiet u s-soluzzjonijiet tal-informatika li għandhom jiġu applikati mill-istituzzjonijiet għal finijiet ta' rappurtar superviżorju, u għandhom ikunu skambjati filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti huma fil-proċess li jiżviluppaw ir-rapport ta' valutazzjoni tar-riskju tal-grupp u li jintlaħqu deċiżjonijiet konġunti dwar il-kapital u l-likwidità skont l-Artikolu 113 tad-Direttiva 2013/36/UE. Kull kulleġġ għandu jiddeċiedi dwar is-sett eżatt ta' informazzjoni li għandu jiġi skambjat għal dawn il-finijiet. |
|
(12) |
Biex jiġi żviluppat il-programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġ, il-membri tal-kulleġġ jieħdu kont tar-rapport ta' valutazzjoni tar-riskju tal-grupp u l-eżitu tad-deċiżjoni konġunta dwar il-kapital u l-likwidità sabiex jidentifikaw aħjar il-prijoritajiet komuni ta' ħidma. Għaldaqstant, l-iżvilupp ta' programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġi għandu jibda ladarba l-valutazzjoni tar-riskju tal-grupp u l-proċess ta' deċiżjoni konġunta ġew konklużi, filwaqt għall-finalizzazzjoni tiegħu l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-kompiti li huma impenjaw ruħhom li jwettqu fil-livell nazzjonali, ir-riżorsi allokati għal dawk il-kompiti u l-iskedi ta' żmien rispettivi għar-rendiment tagħhom. |
|
(13) |
Il-membri tal-kulleġġ għandhom jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom bi tħejjija għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u matulhom bħal żviluppi negattivi li jistgħu jipperikolaw serjament il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha tal-Unjoni, jew sitwazzjonijiet oħra li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw b'mod espliċitu s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta' grupp bankarju jew xi waħda mis-sussidjarji tiegħu. Għalhekk, l-ippjanar u l-kordinazzjoni tal-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti bi tħejjija għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u matulhom għandhom jinkludu, iżda ma għandhomx ikunu limitati għal attivitajiet imsemmija fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/59/UE; b'mod partikolari għall-attivitajiet li għandhom l-għan li jikkordinaw l-ippjanar tal-irkupru tal-grupp u li jipprovdu kontribut kordinat lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, fejn meħtieġ, għandhom jitqiesu bħala eżempji ta' attivitajiet bi tħejjija għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u matulhom. |
|
(14) |
Meta jkunu qed jittrattaw sitwazzjoni ta' emerġenza, il-membri tal-kulleġġ, taħt il-kordinazzjoni tas-superviżur konsolidanti, għandu jkollhom l-għan li jiżviluppaw valutazzjoni superviżorja kkordinata tas-sitwazzjoni, jaqblu dwar ir-reazzjoni superviżorja kordinata u jissorveljaw l-implimentazzjoni tar-reazzjoni tagħhom biex jiżguraw li s-sitwazzjoni ta' emerġenza tkun ivvalutata u indirizzata sewwa. Huma għandhom jiżguraw ukoll li kull komunikazzjoni esterna ssir b'mod kordinat u tkopri l-elementi li huma stabbiliti minn qabel bejn il-membri tal-kulleġġ. |
|
(15) |
Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib ma' xulxin, peress jittrattaw l-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi tas-superviżuri. Biex jiżguraw koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex jiffaċilitaw perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom minn persuni suġġetti għal dawk l-obbligi, huwa mixtieq li jkunu inklużi l-istandards tekniċi regolatorji kollha meħtieġa mill-Artikolu 51(4) u 116(4) tad-Direttiva 2013/36/UE f'Regolament wieħed. |
|
(16) |
Peress li l-maġġoranza vasta ta' kulleġġi superviżorji madwar l-UE huma stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 116 tad-Direttiva 2013/36/UE jidher aktar xieraq li l-ewwel jiġi speċifikati l-kundizzjonijiet dwar il-kulleġġi skont l-Artikolu 116 tad-Direttiva 2013/36/UE qabel ma jiġu speċifikati dawk dwar il-kulleġġi skont l-Artikolu 51 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-ewwel waħda kienet tidher aktar bħala każ ġenerali, tal-aħħar bħala każ speċjali. |
|
(17) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ippreżentat mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) lill-Kummissjoni. |
|
(18) |
L-ABEgħamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-potenzjal relatat mal-ispejjeż u l-benefiċċji u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Konċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU 1
ID-DISPOŻIZZJONIIET ĠENERALI
Artikolu 1
Is-suġġett inkwistjoni
Dan ir-Regolament jispeċifika l-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi tas-superviżuri (“il-Kulleġġ”), imsawwar f'konformità mal-Artikolu 116 u l-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2013/36/UE.
KAPITOLU 2
KUNDIZZJONIJIET RIGWARD IL-FUNZJONAMENT TA' KULLEĠĠI MSAWRA SKONT L-ARTIKOLU 116 TAD-DIRETTIVA 2013/36/UE
TAQSIMA 1
L-istabbiliment u l-funzjonament tal-kulleġġi
Artikolu 2
L-istabbiliment tal-immappjar ta' grupp ta' istituzzjonijiet
1. Għall-iskop li jiġu identifikati l-membri u l-osservaturi potenzjali tal-kulleġġ superviżorju, is-superviżur konsolidanti għandu jistabbilixxi l-immappjar ta' grupp ta' istituzzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/99 (5).
2. L-immappjar ta' grupp ta' istituzzjonijiet għandu jirriżulta fl-identifikazzjoni ta' dawn l-entitajiet tal-grupp:
|
(a) |
l-istituzzjonijiet awtorizzati u fergħat stabbiliti fi Stat Membru; |
|
(b) |
l-entitajiet tas-settur finanzjarju awtorizzati fi Stat Membru; |
|
(c) |
istituzzjonijiet awtorizzati u fergħat stabbiliti f'pajjiż terz. |
3. L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi riflessa fl-immappjar għal kull istituzzjoni awtorizzata u fergħa stabbilita fi Stat Membru:
|
(a) |
l-Istat Membru fejn hija awtorizzata l-istituzzjoni jew stabbilita l-fergħa; |
|
(b) |
l-awtorità kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tal-istituzzjoni jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fejn hija stabbilita l-fergħa kif ukoll awtoritajiet oħra fis-settur finanzjarju ta' dak l-Istat Membru, tali awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta' swieq fl-istrumenti finanzjarji, il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu, jew il-protezzjoni tal-konsumatur; |
|
(c) |
għal istituzzjoni, inkluż għal sussidjarja ta' impriża principali tal-UE stabbilita fl-istess Stat Membru kif ukoll għall-impriża prinċipali tal-UE stess, informazzjoni dwar jekk l-istituzzjoni hix soġġetta għal superviżjoni prudenzjali fuq bażi individwali jew jekk tkunx ingħatat eżenzjoni mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet Tnejn sa Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) fuq bażi individwali skont l-Artikoli 7, 8, jew 10 ta' dan ir-Regolament; |
|
(d) |
għal istituzzjoni, informazzjoni dwar l-importanza tal-istituzzjoni għall-Istat Membru fejn tkun awtorizzata u l-kriterji rilevanti użati mill-awtoritajiet kompetenti biex jiddeterminaw din l-importanza kif ukoll informazzjoni dwar l-importanza ta' dik l-istituzzjoni għall-grupp, sakemm l-ammont totali tal-assi u l-elementi li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ ta' dik l-istituzzjoni jaqbeż il-1 % tal-assi totali tal-grupp u ta' partiti li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ fuq bażi konsolidata; |
|
(e) |
għal fergħa, informazzjoni dwar l-importanza tal-fergħa għall-Istat Membru fejn tkun stabbilita, b'mod partikolari fejn din il-fergħa kienet ġiet stabbilita jew proposta biex tiġi stabbilita bi qbil sinifikanti mal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2013/36/UE, kif ukoll informazzjoni dwar l-importanza ta' dik il-fergħa għall-grupp, sakemm l-ammont totali tal-assi u l-elementi li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ ta' dik il-fergħa jaqbeż il-1 % tal-assi totali tal-grupp u ta' partiti li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ fuq bażi konsolidata; |
4. L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi riflessa fl-immappjar għal kull entità tas-settur finanzjarju, istituzzjoni jew fergħa msemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 2:
|
(a) |
l-Istat Membru fejn l-entità tas-settur finanzjarju hija awtorizzata jew il-pajjiż terz fejn l-istituzzjoni hija awtorizzata jew il-fergħa tkun stabbilita; |
|
(b) |
l-awtorità responsabbli jew involuta fis-superviżjoni ta' dik l-entità tas-settur finanzjarju, istituzzjoni jew fergħa; |
|
(c) |
Informazzjoni dwar l-importanza tal-entità tas-settur finanzjarju, tal-istituzzjoni jew tal-fergħa għall-grupp, sakemm l-ammont totali tal-assi u l-partiti li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ ta' dik l-entità tas-settur finanzjarju, istituzzjoni jew fergħa jaqbeż il-1 % tal-ammont totali tal-assi tal-grupp u l-partiti li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ fuq bażi konsolidata. |
Artikolu 3
In-nomina tal-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ
1. Is-superviżur konsolidanti għandu jistieden lill-awtoritajiet li ġejjin biex isiru membri tal-kulleġġ:
|
(a) |
l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta' istituzzjonijiet li huma sussidjarji ta' istituzzjoni prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti fejn huma stabbiliti fergħat sinifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2013/36/UE; |
|
(b) |
il-banek ċentrali tas-SEBĊ tal-Istati Membri li huma involuti f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom ta' superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet ġuridiċi msemmija fil-punt a, iżda li mhumiex awtoritajiet kompetenti; |
|
(c) |
l-ABE. |
2. Is-superviżur konsolidanti jista' jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti fejn huma stabbiliti fergħat sinifikanti biex jieħdu sehem fil-kulleġġ bħala osservaturi bi qbil mal-proċess iddeterminat fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
3. Is-superviżur konsolidanti jista' jistieden lill-awtoritajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi fejn huma awtoritazzati l-istituzzjonijiet jew huma stabbiliti fergħat sinifikanti biex jieħdu sehem fil-kulleġġ bħala osservaturi bi qbil mal-proċess iddeterminat fl-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
4. Is-superviżur konsolidanti jista' jistieden lill-awtoritajiet li ġejjin biex jieħdu sehem fil-kulleġġ bħala osservaturi bi qbil mal-proċess iddeterminat fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
|
(a) |
il-banek ċentrali tas-SEBĊ li ma għandhomx is-setgħa mid-dritt nazzjonali li jissupervizzaw istituzzjoni awtorizzata jew fergħa stabbilita fi Stat Membru; |
|
(b) |
l-awtoritajiet pubbliċi jew il-korpi fi Stat Membru li huma responsabbli mis-superviżjoni tal-entità tal-grupp jew involuti fiha, inklużi l-awtoritajiet responsabbli mis-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet tas-settur finanzjarju tal-grupp jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta' swieq fl-istrumenti finanzjarji, il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu, jew il-protezzjoni tal-konsumatur. |
5. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ għandhom jispeċifikaw l-arranġamenti li jkopru l-parteċipazzjoni tal-osservaturi fil-kulleġġ fl-arranġamenti ta' kordinazzjoni u koperazzjoni bil-miktub msemmija fl-Artikolu 5(c). Is-superviżur konsolidanti għandu jinnotifika dawn l-arranġamenti lill-osservaturi.
Artikolu 4
Il-komunikazzjoni dwar l-istabbiliment u l-kompożizzjoni ta' kulleġġ
Is-superviżur konsolidanti għandu jikkomunika lill-impriża prinċipali tal-UE tal-grupp l-istabbiliment ta' kulleġġ u l-identità tal-membri u l-osservaturi tiegħu, kif ukoll kwalunkwe bidliet f'dik il-kompożizzjoni.
Artikolu 5
L-istabbiliment tal-arranġamenti ta' kordinazzjoni u koperazzjoni bil-miktub
L-arranġamenti ta' kordinazzjoni u koperazzjoni bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 115 tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom jinkludu tal-anqas dan li ġej:
|
(a) |
l-informazzjoni dwar l-istruttura ġenerali tal-grupp li tkopri l-entitajiet kollha tal-grupp; |
|
(b) |
l-identifikazzjoni tal-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ; |
|
(c) |
deskrizzjoni tat-termini li jkopru l-parteċipazzjoni ta' osservaturi fil-kulleġġ kif imsemmi fl-Artikolu 3(5) ta' dan ir-Regolament, inkluż l-involviment tagħhom fid-diversi djalogi u proċessi tal-kulleġġ u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward ta' skambju ta' informazzjoni; |
|
(d) |
deskrizzjoni tal-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni inklużi l-ambitu, il-frekwenza u l-mezzi ta' komunikazzjoni; |
|
(e) |
deskrizzjoni tal-arranġamenti għat-trattament ta' informazzjoni kunfidenzjali; |
|
(f) |
deskrizzjoni tal-arranġamenti dwar l-inkarigu ta' kompiti u delega ta' responsabbiltajiet, fejn rilevanti; |
|
(g) |
deskrizzjoni ta' kull substruttura tal-kulleġġ; |
|
(h) |
deskrizzjoni tal-qafas għall-ippjanar u l-kordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji f'sitwazzjonijiet ta' negozju avvjat; |
|
(i) |
deskrizzjoni tal-qafas għall-ippjanar u l-kordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji bi tħejjija għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u matulhom, inkluż l-ippjanar ta' kontinġenza, għodod u proċeduri ta' komunikazzjoni; |
|
(j) |
deskrizzjoni tal-politika ta' komunikazzjoni tas-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ bl-impriża prinċipali tal-UE u l-entitajiet tal-grupp; |
|
(k) |
proċeduri miftehma u skadenzi li għandhom jiġu segwiti għaċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti tal-laqgħat; |
|
(l) |
kull ftehim ieħor bejn il-membri tal-kulleġġ, inklużi indikaturi miftiehma biex jiġu identifikati sinjali ta' twissija bikrija, riskji potenzjali u vulnerabbiltajiet; |
|
(m) |
deskrizzjoni tal-qafas għall-għoti ta' kontribut ikkordinat fil-kulleġġ tar-riżoluzzjoni, b'mod partikolari biex jipprovdi kontribut kordinat mingħajr restrizzjoni għall-finijiet tal-proċess ta' konsultazzjoni msemmija fl-Artikoli 12, 13, 16, 18, 91 u 92 tad-Direttiva 2014/59/UE; |
|
(n) |
deskrizzjoni tar-rwol tas-superviżur konsolidanti b'mod partikolari fir-rigward tal-kordinazzjoni tal-provvediment tal-input msemmi fil-punt (m) permezz tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell ta' grupp lill-kulleġġ tar-riżoluzzjoni rilevanti; |
|
(o) |
dispożizzjonijiet li jkopru arranġamenti fejn membru jew osservatur itemm il-parteċipazzjoni tiegħu fil-kulleġġ. |
Artikolu 6
Il-parteċipazzjoni fil-laqgħat u l-attivitajiet tal-kulleġġ
1. Meta jiddeċiedi liema awtoritajiet għandhom jipparteċipaw f'laqgħa jew attività tal-kulleġġ f'konformità mal-Artikolu 116(7) tad-Direttiva 2013/36/UE, is-superviżur konsolidanti għandu jqis dan li ġej:
|
(a) |
is-suġġetti li se jiġu diskussi u l-għan tal-laqgħa jew l-attività, b'mod partikolari fir-rigward tar-rilevanza tagħhom għal kull entità tal-grupp; |
|
(b) |
l-importanza tal-entità tal-grupp għall-Istat Membru fejn l-entità tal-grupp hija awtorizzata jew stabbilita, u l-importanza tagħha għall-grupp. |
2. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ għandhom jiżguraw li l-aktar rappreżentanti xierqa jipparteċipaw fil-laqgħat jew attivitajiet tal-kulleġġ, fuq il-bażi tas-suġġetti diskussi u l-objettivi segwiti. Dawk ir-rappreżentanti għandu jkollhom is-setgħa li jimpenjaw lill-awtoritajiet tagħhom bħala membri tal-kulleġġ, sal-limitu massimu possibbli, għad-deċiżjonijiet ippjanati li jkunu se jittieħdu matul laqgħat jew attivitajiet.
3. Is-superviżur konsolidanti jista' jistieden lil rappreżentanti tal-entitajiet tal-grupp biex jipparteċipaw f'laqgħa jew attività tal-kulleġġ, fuq il-bażi tas-suġġetti u l-objettivi ta' laqgħa jew attività tal-kulleġġ.
Artikolu 7
L-inkarigu tal-kompiti u d-delega tar-responsabbiltajiet
1. Waqt l-iżvilupp ta' programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġi skont l-Artikolu 16, u l-aġġornament tiegħu fejn meħtieġ, is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ għandhom iqisu l-possibbiltà ta' ftehimiet dwar l-affidament volontarju tal-ħidmiet u d-delegazzjoni tar-responsabbiltajiet skont l-Artikolu 116(1)(b) tad-Direttiva 2013/36/UE, speċjalment jekk tali inkarigu jew delegazzjoni ta' responsabbiltà hija mistennija li twassal għal iktar superviżjoni effiċjenti u effikaċi, b'mod partikolari bit-tneħħija tad-duplikazzjoni mhux meħtieġa tar-rekwiżiti superviżorji, inkluż dawk fir-rigward ta' talbiet għal informazzjoni.
2. Il-konklużjoni ta' ftehim dwar inkarigu tal-kompiti jew delega ta' responsabbiltajiet għandhom jiġu nnotifikati mis-superviżur tal-konsolidazzjoni lill-impriża prinċipali tal-UE, u mill-awtorità kompetenti, li tiddelega s-setgħat tagħha, lill-istituzzjoni kkonċernata.
Artikolu 8
L-iskambju ta' informazzjoni bejn il-membri tal-kulleġġ u grupp ta' istituzzjonijiet
1. Is-superviżur konsolidanti għandu jkun responsabbli li jikkomunika u jitlob l-informazzjoni mingħand l-impriża prinċipali tal-UE. Il-membri tal-kulleġġ għandhom ikunu responsabbli sabiex jikkomunikaw u jitolbu l-informazzjoni minn istituzzjonijiet u fergħat taħt ir-responsabbiltà tagħhom ta' superviżjoni.
2. Meta, b'mod eċċezzjonali, membru tal-kulleġġ jkun fi ħsiebu jikkomunika jew jitlob informazzjoni mingħand l-impriża prinċipali tal-UE, huwa għandu jinforma minn qabel lis-superviżur konsolidanti.
3. Meta, eċċezzjonalment, is-superviżur konsolidanti jkollu l-intenzjoni li jikkomunika jew jitlob l-informazzjoni minn istituzzjoni jew fergħa barra l-ambitu ta' superviżjoni tiegħu, hu għandu jinforma bil-quddiem il-membru tal-kulleġġ responsabbli mis-superviżjoni ta' din l-istituzzjoni jew fergħa.
TAQSIMA 2
L-ippjanar u l-kordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji f'sitwazzjonijiet ta' tħassib
Artikolu 9
Il-kundizzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni bejn is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ
1. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fl-Artikoli 112 u 113 tad-Direttiva 2013/36/UE, suġġett għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità stabbiliti fit-Taqsima II tal-Kapitolu 1, tat-Titolu VII ta' din id-Direttiva, u fejn applikabbli, l-Artikoli 54 u 58 tad-Direttiva 2004/39/KE (7).
2. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw ukoll l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun iffaċilitat l-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/59/UE.
3. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, kemm jekk riċevuti minn entità tal-grupp, awtorità kompetenti jew superviżorja jew kull sors ieħor, u f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99. Dik l-informazzjoni għandha tkun suffiċjentement adegwata, preċiża u f'waqtha.
Artikolu 10
L-iskambju tal-informazzjoni għat-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju tal-gruppi u biex jintlaħq deċiżjonijiet konġunti
1. Għall-finijiet ta' deċiżjonijiet konġunti dwar rekwiżiti prudenzjali speċifiċi għal istituzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 113 tad-Direttiva 2013/36/UE, is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ rilevanti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa, kemm fil-livell individwali kif ukoll f'dak ikkonsolidat, biex jaslu għal deċiżjoni konġunta.
2. B'mod partikolari, is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ rilevanti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar l-eżiti tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE. Dan it-tagħrif għandu jipprovdi l-eżitu tal-valutazzjoni, mill-inqas, bl-elementi li ġejjin:
|
(a) |
analiżi tal-mudell ta' negozju, inkluża l-valutazzjoni tal-vijabilità tal-mudell ta' negozju attwali u s-sostenibilità tal-istrateġija tan-negozju tal-istituzzjoni tal-ġejjieni; |
|
(b) |
arranġamenti ta' governanza interna u kontrolli mal-istituzzjoni kollha; |
|
(c) |
riskji individwali tal-kapital tal-istituzzjoni, li tkopri l-elementi li ġejjin:
|
|
(d) |
valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali, inklużi fondi proprji rikjesti proposti skont l-Artikolu 104(1)(a) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
|
(e) |
riskji għal-likwidità u l-finanzjament tal-istituzzjoni, li tkopri l-elementi li ġejjin:
|
|
(f) |
valutazzjoni tal-adegwatezza tal-likwidità, inklużi miżuri ta' likwidità kwantitattivi u kwalitattivi proposti skont l-Artikolu 105 tad-Direttiva 2013/36/UE; |
|
(g) |
miżuri oħra ta' sorveljanza jew miżuri ta' intervent bikri meħuda jew ippjanati li jittieħdu sabiex jiġu indirizzati l-ineffiċjenzi identifikati bħala riżultat tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni; |
|
(h) |
ir-riżultati tat-testijiet superviżorji tal-istress imwettqa skont l-Artikolu 100 tad-Direttiva 2013/36/UE; |
|
(i) |
is-sejbiet minn spezzjonijiet fil-post u monitoraġġ mhux fil-post li huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-profil tar-riskju tal-grupp jew kwalunkwe waħda mill-entitajiet tiegħu. |
Artikolu 11
L-iskambju ta' informazzjoni fir-rigward ta' rieżami kontinwu tal-permess biex jintużaw approċċi interni u estensjonijiet mhux materjali jew bidliet f'mudelli interni
1. Għall-finijiet li tiġi żgurata l-koerenza u l-kordinazzjoni fir-rigward ta' rieżami kontinwu tal-permess biex jintużaw approċċi interni kif imsemmija fl-Artikolu 101 tad-Direttiva 2013/36/UE, is-superviżur tal-konsolidazzjoni u l-membri rilevanti tal-kulleġġ, li jissorveljaw istituzzjonijiet li ngħataw permess li jużaw approċċi interni skont l-Artikoli 143(1), l-Artikolu 151(4) jew (9), l-Artikolu 283, l-Artikolu 312(2), jew l-Artikolu 363 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għandhom jiskambjaw kull informazzjoni dwar l-eżitu tar-rieżami kontinwu u kull informazzjoni rilevanti oħra.
2. Meta s-superviżur konsolidanti jew kull membru tal-kulleġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ikun identifika li istituzzjoni awtorizzata fi Stat Membru, inkluża impriża prinċipali tal-UE, ma tkunx għadha tissodisfa r-rekwiżiti biex jiġi applikat approċċ intern jew ikun identifika dgħufijiet f'konformità mal-Artikolu 101 tad-Direttiva 2013/36/UE, għandu immedjatament jiskambja l-informazzjoni li ġejja, kif applikabbli, biex jiffaċilita li jintlaħaq ftehim komuni kif imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99:
|
(a) |
valutazzjoni tal-effett tan-nuqqasijiet identifikati u kwistjonijiet ta' nonkonformità u l-materjalità tagħhom; |
|
(b) |
valutazzjoni tal-pjan biex terġa' tiġi stabbilita l-konformità u biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet identifikati kif ippreżentati mill-istituzzjoni prinċipali tal-UE jew kull istituzzjoni awtorizzata fi Stat Membru, inkluża informazzjoni dwar l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħha; |
|
(c) |
l-informazzjoni dwar l-intenzjoni tas-superviżur konsolidanti jew ta' kwalunkwe membru tal-kulleġġ li jirrevoka l-permess jew jirrestrinġi l-użu ta' mudell għal oqsma li jkunu konformi jew dawk fejn il-konformità tkun tista' tinkiseb fi żmien xieraq, jew dawk iż-żoni li mhumiex milqutai min-nuqqasijiet identifikati; |
|
(d) |
l-informazzjoni dwar kwalunkwe proposta ta' rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali skont l-Artikolu 104(2)(d) tad-Direttiva 2013/36/UE bħala miżura superviżorja biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta' nuqqas ta' konformità jew in-nuqqasijiet identifikati. |
3. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ rilevanti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiskambjaw ukoll informazzjoni dwar l-estensjonijiet jew il-bidliet f'dawn il-mudelli interni li mhumiex estensjonijiet jew bidliet mudell materjali, kif imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/100 (8).
4. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi diskussa u kkunsidrata waqt l-iżvilupp ta' valutazzjoni tar-riskju tal-grupp u waqt li tintlaħaq deċiżjoni konġunta bi qbil mal-Artikolu 113(1)(a) tad-Direttiva 2013/36/UE.
Artikolu 12
L-iskambju tal-informazzjoni dwar sinjali ta' twissija bikrija, riskji potenzjali u vulnerabbiltajiet
1. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ li jipparteċipaw fl-iżvilupp ta' rapport ta' valutazzjoni tar-riskju tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 113(2)(a) tad-Direttiva 2013/36/UE jew tar-rapport ta' valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 113(2)(b) ta' dik id-Direttiva għall-finijiet li jintlaħqu deċiżjonijiet konġunti dwar rekwiżiti prudenzjali speċifiċi għall-istituzzjoni skont dak l-Artikolu għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kwantitattiva bil-għan li jiġu identifikati sinjali ta' twissija bikrija, riskji potenzjali u vulnerabbiltajiet u biex jinformaw ir-rapport ta' valutazzjoni tar-riskju tal-grupp u r-rapport ta' valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità tal-grupp.
2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi żviluppata fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet kompetenti skont l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 680/2014, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u l-komparabbiltà fuq id-dejta użata. Din l-informazzjoni għandha tkopri mill-inqas l-entitajiet kollha tal-grupp awtorizzati jew stabbiliti fi Stat Membru, u mill-inqas l-oqsma li ġejjin:
|
(a) |
il-kapital; |
|
(b) |
il-likwidità; |
|
(c) |
il-kwalità tal-assi; |
|
(d) |
l-iffinanzjar; |
|
(e) |
profitabilità, |
|
(f) |
ir-riskju ta' konċentrazzjoni. |
3. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkunsidraw ukoll l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-ambjent makroekonomiku li fih jopera l-grupp ta' istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-grupp.
Artikolu 13
Skambju tal-informazzjoni fir-rigward ta' non konformità u sanzjonijiet
1. Il-membri tal-kulleġġ għandhom jikkomunikaw lis-superviżur konsolidanti l-informazzjoni dwar kull sitwazzjoni li fir-rigward tagħha l-membri tal-kulleġġ jkunu ddeterminaw li istituzzjoni jew fergħa li tkun taqa' fir-responsabbiltà tagħhom ta' superviżjoni ma tikkonformax mal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni jew mar-rekwiżiti, fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali jew tas-superviżjoni tal-kondotta tal-istituzzjonijiet fis-suq, inklużi r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE u kwalunkwe pieni amministrattivi imposti jew miżuri amministrattivi oħra applikati skont l-Artikoli minn 64 sa 67 tad-Direttiva 2013/36/UE meta din l-informazzjoni taffettwa, jew x'aktarx taffettwa l-profil tar-riskju tal-grupp jew kwalunkwe waħda mill-entitajiet tal-grupp. Il-membri tal-kulleġġ għandhom jiddiskutu mas-superviżur konsolidanti l-impatt possibbli ta' dawn il-kwistjonijiet ta' każijiet ta' non konformità u sanzjonijiet għall-entitajiet tal-grupp jew għall-grupp kollu kemm hu.
2. Is-superviżur konsolidanti għandu jiddeċiedi li jikkomunika l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 lill-membri tal-kulleġġ li għalih din l-informazzjoni tkun ikkunsidrata bħala relevanti skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
Artikolu 14
L-iskambju tal-informazzjoni għall-valutazzjoni tal-pjan tal-irkupru tal-grupp
1. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa għal dawk li jieħdu sehem fil-proċess ta' deċiżjoni konġunta dwar l-elementi msemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2014/59/UE.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, is-superviżur konsolidanti għandu jipprovdi l-pjan tal-irkupru tal-grupp lill-membri tal-kulleġġ wara l-proċedura speċifikata fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
3. Is-superviżur konsolidanti għandu jiżgura li l-membri kollha tal-kulleġġ jkunu informati b'mod xieraq dwar ir-riżultat tal-proċess imsemmi fil-paragrafu 1.
4. Is-superviżur konsolidanti għandu jinforma lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dwar l-iskeda ta' żmien segwita biex ir-rieżami u l-valutazzjoni tal-pjan ta' rkupru tal-grupp u jindika data għall-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell ta' grupp biex tipprovdi r-rakkomandazzjonijiet tagħha, jekk ikun hemm, f'konformità mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2014/59/UE.
Artikolu 15
L-iskambju tal-informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet tal-appoġġ finanzjarju tal-gruppi
Is-superviżur konsolidanti għandu jiżgura li l-membri kollha tal-kulleġġ ikunu infurmati b'mod xieraq dwar it-termini ewlenin tal-awtorizzazzjonijiet ta' ftehimiet ta' għajnuna finanzjarja tal-grupp li jkunu ngħataw skont il-proċess tad-deċiżjoni konġunta msemmija fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/59/UE.
Artikolu 16
L-istabbiliment u aġġornament tal-programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġ
1. Għall-finijiet tal-istabbiliment ta' programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġ skont l-Artikolu 116(1)(c) tad-Direttiva 2013/36/UE, is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ għandhom jidentifikaw l-attivitajiet superviżorji li għandhom jittieħdu.
2. Il-programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġ għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:
|
(a) |
l-oqsma ta' ħidma konġunta identifikati bħala riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità tal-grupp u d-deċiżjonijiet konġunti dwar rekwiżiti prudenzjali speċifiċi għall-istituzzjoni skont l-Artikolu 113 tad-Direttiva 2013/36/UE jew bħala riżultat ta' kull attività oħra mwettqa, inklużi l-isforzi tal-Kulleġġ biex jikkontribwixxu għal superviżjoni effiċjenti u biex titneħħa d-duplikazzjoni tal-kompiti f'konformità mal-Artikolu 116(1)(d) ta' dik id-Direttiva; |
|
(b) |
il-programmi ta' eżami superviżorji rispettivi tas-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ tal-impriża prinċipali u għall-istituzzjonijiet kollha awtorizzati u l-fergħat stabbiliti fi Stat Membru; |
|
(c) |
l-oqsma tal-iffukar tax-xogħol tal-kulleġġ u l-attivitajiet tiegħu ta' sorveljanza ppjanata, inklużi spezzjonijiet fil-post skont l-Artikolu 99(1)(c) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
|
(d) |
il-membri tal-kulleġġ responsabbli mit-twettiq tal-attivitajiet ta' sorveljanza ppjanati; |
|
(e) |
il-perjodi ta' żmien mistennija, kemm f'termini ta' żmien u ta' tul ta' żmien, għal kull attività superviżorja ppjanata. |
3. L-istabbiliment u l-aġġornament tal-programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġ għandu jitwettaq skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
TAQSIMA 3
L-ippjanar u l-kordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji bi tħejjija għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u matulhom
Artikolu 17
L-istabbiliment ta' qafas tal-kulleġġ għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza
1. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ għandhom jistabbilixxu qafas tal-kulleġġ b'antiċipazzjoni ta' sitwazzjonijiet possibilment ta' emerġenza skont l-Artikolu 112(1)(c) tad-Direttiva 2013/36/UE (minn hawn 'il quddiem “qafas tal-kulleġġ għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza”), filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-istruttura tal-grupp ta' istituzzjonijiet.
2. Il-qafas tal-kulleġġ għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:
|
(a) |
Il-proċeduri speċifiċi għall-kulleġġ li għandhom japplikaw meta tqum sitwazzjoni ta' emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 114(1) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
|
(b) |
sett minimu ta' informazzjoni li għandu jiġi skambjat meta tqum sitwazzjoni ta' emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 114(1) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
3. Is-sett minimu ta' informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu jinkludi li ġej:
|
(a) |
deskrizzjoni ħafifa tas-sitwazzjoni li seħħet, inkluża l-kawża prinċipali tas-sitwazzjoni ta' emerġenza, u l-impatt mistenni tas-sitwazzjoni ta' emerġenza fuq l-entitajiet tal-grupp u l-grupp inġenerali, fuq il-likwidità tas-suq u fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja; |
|
(b) |
spjegazzjoni tal-miżuri u l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu jew huma ppjanati li jittieħdu mis-superviżur konsolidanti jew kwalunkwe membru tal-kulleġġ jew mill-entitajiet tal-grupp infushom; |
|
(c) |
l-aħħar informazzjoni kwantitattiva disponibbli dwar il-likwidità u l-pożizzjoni tal-kapital tal-entitajiet tal-grupp milquta jew x'aktarx li jiġu milquta mis-sitwazzjoni ta' emerġenza fuq bażi individwali u konsolidata. |
Artikolu 18
Il-kundizzjonijet ġenerali fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni waqt sitwazzjoni ta' emerġenza
1. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 114(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, suġġett għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità stabbiliti fit-Taqsima II tal-Kapitolu 1 tat-Titolu VII ta' din id-Direttiva, u fejn applikabbli, l-Artikoli 54 u 58 tad-Direttiva 2004/39/KE.
2. Wara li jingħata l-allert ta' sitwazzjoni ta' emerġenza minn kwalunkwe membru jew osservatur tal-Kulleġġ jew wara li jidentifika sitwazzjoni ta' emerġenza, is-superviżur konsolidanti għandu jikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(2)(b), skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 17(2)(a), lill-membri tal-kulleġġ li jissorveljaw l-entitajiet tal-grupp li huma milquta jew x'aktarx li jiġu milquta mis-sitwazzjoni ta' emerġenza, u lill-ABE.
3. Skont in-natura, is-severità, l-impatt potenzjali jew sistemiku jew impatt ieħor, u l-probabbiltà ta' kontaġju tas-sitwazzjoni ta' emerġenza, il-membri tal-kulleġġ li jissorveljaw l-entitajiet tal-grupp li huma milquta jew x'aktarx li jiġu milquta mis-sitwazzjoni ta' emerġenza u s-superviżur konsolidanti jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu skambju ta' informazzjoni addizzjonali.
4. Is-superviżur konsolidanti għandu jqis jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 hijiex rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni. F'dan il-każ, is-superviżur konsolidanti għandu jikkomunika din l-informazzjoni lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp kif definit fil-punt 44 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.
5. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3, fejn japplika, għandha tiġi aġġornata immedjatament meta ssir disponibbli informazzjoni ġdida.
6. Meta l-iskambju tal-informazzjoni jew tal-komunikazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu jsir bil-fomm, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom isegwu dan b'komunikazzjoni bil-miktub fi żmien xieraq.
Artikolu 19
Il-kordinazzjoni tal-valutazzjoni superviżorja ta' sitwazzjoni ta' emerġenza
1. Meta tinqala' sitwazzjoni ta' emerġenza, is-superviżur konsolidanti għandu jikkordina l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ta' emerġenza (minn hawn 'il quddiem “valutazzjoni ta' sorveljanza kkordinata”) f'koperazzjoni mal-membri tal-kulleġġ li jissorveljaw l-entitajiet tal-grupp li huma milquta jew x'aktarx li jiġu milquta minn din is-sitwazzjoni ta' emerġenza.
2. Il-kordinazzjoni tal-valutazzjoni superviżorja ta' sitwazzjoni ta' emerġenza li ssir skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99, għandha tkopri mill-anqas l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
in-natura u s-severità tas-sitwazzjoni ta' emerġenza; |
|
(b) |
l-impatt jew l-impatt potenzjali tas-sitwazzjoni ta' emerġenza fuq il-grupp u fuq kull entità tal-grupp milquta jew li x'aktarx tkun milquta; |
|
(c) |
ir-riskju ta' kontaġju transfruntier. |
3. Meta jivvaluta l-punt (c) tal-paragrafu 2, is-superviżur konsolidanti għandu jqis konsegwenza sistemika potenzjali fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri fejn entitajiet tal-grupp ikunu ġew awtorizzati jew fejn ikunu stabbiliti fergħat sinifikanti.
Artikolu 20
Il-kordinazzjoni tar-reazzjoni superviżorja ta' sitwazzjoni ta' emerġenza
1. Meta tinqala' sitwazzjoni ta' emerġenza, is-superviżur konsolidanti għandu jikkordina l-iżvilupp ta' reazzjoni superviżorja għas-sitwazzjoni ta' emerġenza (minn hawn 'il quddiem “reazzjoni superviżorja kkordinata”) f'koperazzjoni mal-membri tal-kulleġġ li jissorveljaw l-entitajiet tal-grupp li huma milquta jew x'aktarx li jiġu milquta minn din is-sitwazzjoni ta' emerġenza.
2. Il-valutazzjoni tas-superviżjoni kordinata msemmija fl-Artikolu 19 għandha tifforma l-bażi ta' reazzjoni superviżorja kkordinata, li tiddefinixxi l-azzjonijiet superviżorji meħtieġa, l-ambitu tagħhom, u l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom.
3. Ir-reazzjoni superviżorja kkordinata għandha tiġi żviluppata mis-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ li jissorveljaw l-entitajiet tal-grupp li huma milquta jew x'aktarx li jiġu milquta mis-sitwazzjoni ta' emerġenza.
Artikolu 21
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-reazzjoni superviżorja kkordinata ta' sitwazzjoni ta' emerġenza
1. Is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ li jissorveljaw l-entitajiet tal-grupp li huma milquta jew x'aktarx li jiġu milquta mis-sitwazzjoni ta' emerġenza għandhom jissorveljaw u jiskambjaw l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' reazzjoni superviżorja kkordinata msemmija fl-Artikolu 20.
2. L-informazzjoni li għandha tiġi skambjata mill-inqas tinkludi aġġornament dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet miftehma fl-iskeda ta' żmien prevista, kif imsemmi fl-Artikolu 20(2), u l-ħtieġa ta' aġġornament jew aġġustament dawn l-azzjonijiet.
Artikolu 22
Il-kordinazzjoni ta' komunikazzjoni esterna f'sitwazzjoni ta' emerġenza
1. Fil-qafas tal-liġi applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali, is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ li jissorveljaw l-entitajiet tal-grupp li huma milquta jew x'aktarx li jiġu milquta mis-sitwazzjoni ta' emerġenza, għandhom jikkordinaw sa fejn hu possibbli l-komunikazzjonijiet esterni tagħhom.
2. Għall-fini ta' kordinazzjoni ta' komunikazzjoni esterna, is-superviżur konsolidanti u l-membri tal-kulleġġ għandhom jaqblu dwar l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet għall-kordinazzjoni tal-komunikazzjoni esterna fl-istadji differenti tas-sitwazzjoni ta' emerġenza; |
|
(b) |
il-livell tal-informazzjoni li għandha tiġi żvelata filwaqt li titqies il-ħtieġa li tinżamm il-fiduċja fis-suq u kull obbligu ieħor ta' żvelar addizzjonali fejn strumenti finanzjarji maħruġa mill-entitajiet tal-grupp milquta jew x'aktarx li jiġu milquta mis-sitwazzjoni ta' emerġenza huma negozjati pubblikament f'suq wieħed jew aktar irregolati fl-Unjoni; |
|
(c) |
il-kordinazzjoni ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi, inklużi dawk magħmula minn membru wieħed biss tal-kulleġġ, b'mod partikolari meta dawn jista' jkollhom konsegwenzi għall-entitajiet tal-grupp taħt superviżjoni minn membri oħra tal-kulleġġ; |
|
(d) |
l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet u l-waqt xieraq biex jiġi kkuntattjati l-entitajiet tal-grupp; |
|
(e) |
l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet u l-azzjonijiet li se jittieħdu għall-komunikazzjoni esterna tal-azzjonijiet kordinati li ttieħdu biex tiġi inidrizzata s-sitwazzjoni ta' emerġenza; |
|
(f) |
deskrizzjoni ta' koperazzjoni possibbli ma' grupp ieħor jew kulleġġ li jista' jkun involut fit-trattament ta' sitwazzjoni ta' emerġenza li taffettwa grupp, bħal grupp għall-ġestjoni tal-kriżi jew kulleġġ ta' riżoluzzjoni. |
KAPITOLU 3
KUNDIZZJONIJIET RIGWARD IL-FUNZJONAMENT TA' KULLEĠĠI MSAWRA SKONT L-ARTIKOLU 51(3) TAD-DIRETTIVA 2013/36/UE
TAQSIMA 1
L-istabbiliment u l-funzjonament tal-kulleġġi
Artikolu 23
In-nomina tal-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ
1. Wara t-twettiq tal-immappjar tal-istituzzjoni b'fergħat fi Stati Membri oħra skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99, l-awtoritajiet kompetenti mill-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jistiednu lill-awtoritajiet li ġejjin biex isiru membri tal-kulleġġ:
|
(a) |
l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti fejn ikunu stabbiliti fergħat sinifikanti; |
|
(b) |
il-banek ċentrali tas-SEBĊ tal-Istati Membri li huma involuti f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom ta' superviżjoni prudenzjali ta' fergħat sinifikanti msemmija fil-punt a, iżda li mhumiex awtoritajiet kompetenti; |
|
(c) |
l-ABE. |
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jistgħu jistiednu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti fejn huma stabbiliti fergħat sinifikanti biex jieħdu sehem fil-kulleġġ bħala osservaturi bi qbil mal-proċess iddeterminat fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jistgħu jistiednu lill-awtoritajiet superviżorji ta' pajjii terzi fejn huma stabbiliti fergħat tal-istituzzjoni relevanti biex jieħdu sehem fil-kulleġġ bħala osservaturi bi qbil mal-proċess iddeterminat fl-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jistgħu jistiednu lill-awtoritajiet li ġejjin biex jieħdu sehem fil-kulleġġ bħala osservaturi bi qbil mal-proċess iddeterminat fl-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
|
(a) |
il-banek ċentrali tas-SEBĊ li ma għandhomx is-setgħa mid-dritt nazzjonali li jissupervizzaw l-istituzzjoni jew il-fergħat tagħha stabbiliti fi Stat Membru; |
|
(b) |
l-awtoritajiet pubbliċi jew il-korpi fi Stat Membru li huma responsabbli mis-superviżjoni tal-istituzzjoni jew il-fergħat tagħha jew involuti fiha, inklużi l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tas-swieq fl-istrumenti finanzjarji, il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu, jew il-protezzjoni tal-konsumatur. |
5. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-membri tal-kulleġġ għandhom jispeċifikaw l-arranġamenti li jkopru l-parteċipazzjoni tal-osservaturi fil-kulleġġ fl-arranġamenti bil-miktub msemmija fl-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2013/36/UE. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jinnotifikaw dawn l-arranġamenti lill-osservaturi.
Artikolu 24
Il-komunikazzjoni dwar l-istabbiliment u l-kompożizzjoni ta' kulleġġ
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jikkomunikaw lill-istituzzjoni l-istabbiliment ta' kulleġġ u l-identità tal-membri u l-osservaturi tiegħu, kif ukoll kwalunkwe bidliet f'dik il-kompożizzjoni.
Artikolu 25
L-istabbiliment tal-arranġamenti ta' kordinazzjoni u koperazzjoni bil-miktub
L-istabbiliment u l-funzjonament tal-kulleġġi għal fergħat sinifikanti msawra skont l-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom jkunu bbażati fuq arranġamenti bil-miktub għall-kordinazzjoni u l-koperazzjoni li jiġu stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 26
Il-parteċipazzjoni fil-laqgħat u l-attivitajiet tal-kulleġġ
1. Meta jiddeċiedi liema awtoritajiet għandhom jipparteċipaw f'laqgħa jew attività tal-kulleġġ f'konformità mal-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom iqisu dan li ġej:
|
(a) |
is-suġġetti li se jiġu diskussi u l-għan tal-laqgħa jew l-attività, b'mod partikolari fir-rigward tar-rilevanza tagħhom għal kull fergħa; |
|
(b) |
l-importanza tal-fergħa fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita u l-importanza tagħha għall-istituzzjoni. |
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-membri tal-kulleġġ għandhom jiżguraw li l-aktar rappreżentanti xierqa jipparteċipaw fil-laqgħat jew attivitajiet tal-kulleġġ, fuq il-bażi tas-suġġetti diskussi u l-objettivi segwiti. Dawk ir-rappreżentanti għandu jkollhom is-setgħa li jimpenjaw lill-awtoritajiet tagħhom bħala membri tal-kulleġġ, sal-limitu massimu possibbli, għad-deċiżjonijiet ippjanati li jkunu se jittieħdu matul laqgħat jew attivitajiet.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jistgħu jistiednu lil rappreżentanti tal-istituzzjoni biex jipparteċipaw f'laqgħa jew attività tal-kulleġġ, fuq il-bażi tas-suġġetti u l-objettivi ta' laqgħa jew attività tal-kulleġġ.
Artikolu 27
Il-kundizzjonijiet għall-komunikazzjoni
1. Il-komunikazzjoni mal-istituzzjoni u l-fergħat tagħha għandha tkun organizzata skont ir-responsabbiltajiet superviżorji mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-membri tal-kulleġġ mill-Kapitolu 4 tat-Titolu V u fit-Titolu VII tad-Direttiva 2013/36/UE.
2. Il-laqgħat u l-attivitajiet tal-kulleġġ għandhom jiġu organizzati f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
TAQSIMA 2
L-ippjanar u l-kordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji f'sitwazzjonijiet ta' tħassib
Artikolu 28
Il-kundizzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-membri tal-kulleġġ
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-membri tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata l-koperazzjoni skont l-Artikolu 50 u l-Artikolu 51(2) tad-Direttiva 2013/36/UE.
2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-membri tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw ukoll l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata l-koperazzjoni msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 tad-Direttiva 2014/59/UE.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u l-membri tal-kulleġġ għandhom jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, kemm jekk tasal minn istituzzjoni, awtorità kompetenti jew superviżorja jew kull sors ieħor. Din l-informazzjoni għandha tkun suffiċjentement adegwata, preċiża u f'waqtha.
Artikolu 29
L-iskambju tal-informazzjoni għall-eżitu tar-rieżami superviżorju u l-proċess tal-evalwazzjoni
L-informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju lill-membri tal-kulleġġ għandha tkopri l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4, l-Artikolu 5, l-Artikoli minn 7 sa 13 u l-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 524/2014 (9) delegati bħala riżultat tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE.
Artikolu 30
L-iskambju tal-informazzjoni għall-valutazzjoni tal-pjan tal-irkupru
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti fejn ikunu stabbiliti fergħat sinifikanti dwar il-pjan għall-irkupru ekonomiku sa fejn ikun rilevanti għal dik il-fergħa, f'konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2014/59/UE.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jipprovdu l-pjan tal-irkupru tal-istituzzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti fejn ikunu stabbiliti l-fergħat sinifikanti skont l-Artikolu 19 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jiżguraw li l-membri kollha tal-kulleġġ ikunu infurmati b'mod xieraq dwar ir-riżultat tal-proċess imsemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 31
L-istabbiliment u aġġornament tal-programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġ
1. Għall-finijiet tal-istabbiliment ta' programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 99 tad-Direttiva 2013/36/UE, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u l-membri tal-kulleġġ għandhom jidentifikaw l-attivitajiet superviżorji li għandhom jittieħdu.
2. Il-programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġ għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:
|
(a) |
l-oqsma ta' ħidma konġunta identifikati bħala riżultat tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE jew bħala riżultat ta' kwalunkwe attivitajiet tal-Kulleġġ; |
|
(b) |
l-oqsma tal-iffukar tax-xogħol tal-kulleġġ u l-attivitajiet tiegħu ta' sorveljanza ppjanata, inklużi l-verifiki fil-post u l-ispezzjonijiet tal-fergħat sinifikanti ppjanati skont l-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
|
(c) |
il-membri tal-kulleġġ responsabbli mit-twettiq tal-attivitajiet ta' sorveljanza ppjanati; |
|
(d) |
il-perjodi ta' żmien mistennija, kemm f'termini ta' żmien u ta' tul ta' żmien, għal kull attività superviżorja ppjanata. |
3. Waqt l-iżvilupp ta' programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġi u l-aġġornament tiegħu kif meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u l-membri tal-kulleġġ iqisu l-possibbiltà ta' ftehimiet dwar l-affidament volontarju tal-ħidmiet u d-delegazzjoni tar-responsabbiltajiet, speċjalment jekk tali affidament jew delegazzjoni tkun mistennija li twassal għal iktar superviżjoni effiċjenti u effikaċi, b'mod partikolari bit-tneħħija tad-duplikazzjoni mhux meħtieġa tar-rekwiżiti superviżorji, inkluż dawk fir-rigward ta' talbiet għal informazzjoni.
4. Il-konklużjoni ta' ftehim dwar inkarigu tal-kompiti jew delega ta' responsabbiltajiet jiġu nnotifikati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju lill-istituzzjoni kkonċernata u mill-awtorità kompetenti, li tiddelega s-setgħat tagħha, lill-fergħa kkonċernata.
5. L-istabbiliment u l-aġġornament tal-programm ta' eżami superviżorju tal-kulleġġ għandu jitwettaq skont l-Artikolu 20 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/99.
TAQSIMA 3
L-ippjanar u l-kordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji bi tħejjija għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u matulhom u d-dispożizzjonijiet finali
Artikolu 32
L-istabbiliment ta' qafas tal-kulleġġ għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u l-membri tal-kulleġġ jistabbilixxu qafas tal-kulleġġ b'antiċipazzjoni ta' sitwazzjonijiet possibilment ta' emerġenza skont l-Artikolu 112(1)(c) tad-Direttiva 2013/36/UE (minn hawn 'il quddiem “qafas tal-kulleġġ għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza”).
2. Il-qafas tal-kulleġġ għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:
|
(a) |
Il-proċeduri speċifiċi għall-kulleġġ li għandhom japplikaw meta tqum sitwazzjoni ta' emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 114(1) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
|
(b) |
sett minimu ta' informazzjoni li għandu jiġi skambjat meta tqum sitwazzjoni ta' emerġenza kif imsemmi fl-Artikolu 114(1) tad-Direttiva 2013/36/UE; |
3. Is-sett minimu ta' informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandu jinkludi li ġej:
|
(a) |
deskrizzjoni ħafifa tas-sitwazzjoni li seħħet, inkluża l-kawża prinċipali tas-sitwazzjoni ta' emerġenza, u l-impatt mistenni tas-sitwazzjoni ta' emerġenza fuq l-istituzzjoni, fuq il-likwidità tas-suq u fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja; |
|
(b) |
spjegazzjoni tal-miżuri u l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu jew huma ppjanati li jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jew kwalunkwe membru tal-kulleġġ jew mill-istituzzjoni nnifisha; |
|
(c) |
l-aħħar informazzjoni kwantitattiva disponibbli dwar il-likwidità u l-pożizzjoni tal-kapital tal-istituzzjoni. |
Artikolu 33
Il-kundizzjonijet ġenerali fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni waqt sitwazzjoni ta' emerġenza
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u l-membri tal-kulleġġ jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 114(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, suġġett għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità stabbiliti fit-Taqsima II tal-Kapitolu 1 tat-Titolu VII ta' din id-Direttiva, u fejn applikabbli, l-Artikoli 54 u 58 tad-Direttiva 2004/39/KE.
2. Wara li jingħataw l-allert ta' sitwazzjoni ta' emerġenza minn kwalunkwe membru jew osservatur tal-Kulleġġ jew wara li jidentifikaw sitwazzjoni ta' emerġenza, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 32(2)(b), skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 32(2)(a), lill-membri tal-kulleġġ li jissorveljaw il-fergħat li huma milquta jew x'aktarx li jiġu milquta mis-sitwazzjoni ta' emerġenza, u lill-ABE.
3. Skont in-natura, is-severità, l-impatt potenzjali jew sistemiku jew impatt ieħor, u l-probabbiltà ta' kontaġju tas-sitwazzjoni ta' emerġenza, il-membri tal-kulleġġ li jissorveljaw il-fergħat huma milquta jew x'aktarx li jiġu milquta mis-sitwazzjoni ta' emerġenza u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu skambju ta' informazzjoni addizzjonali.
4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom iqisu jekk l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 hijiex rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni. F'dan il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-awtorità tar-riżoluzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE.
5. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3, fejn japplika, għandha tiġi aġġornata immedjatament meta ssir disponibbli informazzjoni ġdida.
6. Meta l-iskambju tal-informazzjoni jew tal-komunikazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu jsir bil-fomm, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom isegwu dan b'komunikazzjoni bil-miktub fi żmien xieraq.
Artikolu 34
Il-kordinazzjoni tal-valutazzjoni superviżorja ta' sitwazzjoni ta' emerġenza
1. Meta tinqala' sitwazzjoni ta' emerġenza, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jikkordinaw il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ta' emerġenza (minn hawn 'il quddiem “valutazzjoni ta' sorveljanza kkordinata”) f'koperazzjoni mal-membri tal-kulleġġ skont l-Artikolu 112(3) tad-Direttiva 2013/36/UE.
2. Il-valutazzjoni kordinata tas-superviżjoni tas-sitwazzjoni ta' emerġenza, imħejjija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, għandha tkopri mill-anqas l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
in-natura u s-severità tas-sitwazzjoni ta' emerġenza; |
|
(b) |
l-impatt jew l-impatt potenzjali tas-sitwazzjoni ta' emerġenza fuq l-istituzzjoni u fuq kull fergħa tal-grupp milquta jew li x'aktarx tkun milquta; |
|
(c) |
ir-riskju ta' kontaġju transfruntier. |
3. Meta jivvalutaw il-punt (c) tal-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jikkunsidraw il-konsegwenzi sistemiċi potenzjali f'kull Stat Membru fejn huma stabbiliti fergħat sinifikanti.
Artikolu 35
Il-kordinazzjoni tar-reazzjoni superviżorja ta' sitwazzjoni ta' emerġenza
1. Meta tinqala' sitwazzjoni ta' emerġenza, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jikkordinaw l-iżvilupp ta' reazzjoni superviżorja għas-sitwazzjoni ta' emerġenza (minn hawn 'il quddiem “reazzjoni kkordinata ta' emerġenza”) f'koperazzjoni mal-membri tal-kulleġġ skont l-Artikolu 112(3) tad-Direttiva 2013/36/UE.
2. Il-valutazzjoni tas-superviżjoni kordinata msemmija fl-Artikolu 34 għandha tifforma l-bażi ta' reazzjoni superviżorja kkordinata, li tiddefinixxi l-azzjonijiet superviżorji meħtieġa, l-ambitu tagħhom, u l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom.
Artikolu 36
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-reazzjoni superviżorja kkordinata ta' sitwazzjoni ta' emerġenza
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u l-membri tal-kulleġġ li jissorveljaw l-entitajiet tal-grupp li huma milquta jew x'aktarx li jiġu milquta mis-sitwazzjoni ta' emerġenza jissorveljaw u jiskambjaw l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' reazzjoni superviżorja kkordinata msemmija fl-Artikolu 35.
2. L-informazzjoni li għandha tiġi skambjata mill-inqas tinkludi aġġornament dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet miftehma fl-iskeda ta' żmien prevista, kif imsemmi fl-Artikolu 35(2), u l-ħtieġa ta' aġġornament jew aġġustament dawn l-azzjonijiet.
Artikolu 37
Il-kordinazzjoni ta' komunikazzjoni esterna f'sitwazzjoni ta' emerġenza
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u l-membri tal-kulleġġ responsabbli mis-superviżjoni ta' fergħat milquta jew li x'aktarx ikun milquta minn sitwazzjoni ta' emerġenza għandhom jikkordinaw sa fejn hu possibbli l-komunikazzjonijiet esterni tagħhom, b'kont meħud tal-elementi speċifikati skont l-Artikolu 22(2), kif ukoll obbligi legali jew restrizzjonijiet taħt il-liġi nazzjonali.
Artikolu 38
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.
(2) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/99 tas-16 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-funzjonament operattiv tal-kulleġġi ta' superviżuri skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ara l-paġna 21 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(7) Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).
(8) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/100 tas-16 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni li jispeċifika l-proċess ta' deċiżjoni konġunta fir-rigward tal-applikazzjoni ta' ċerti permessi prudenzjali skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ara l-paġna 45 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(9) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 524/2014 tat-12 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta' domiċilju u ospitanti jissupplixxu lil xulxin (ĠU L 148, 20.5.2014, p. 6).