27.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/22


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/90

tas-26 ta' Jannar 2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, inter alia, fl-Ukrajna wara rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Il-miżuri antidumping fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw fl-Ukrajna kienu oriġinarjament imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 (2) (ir-“Regolament oriġinali”) u estiżi l-aħħar permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 (3) (il-“miżuri fis-seħħ”).

(2)

Dawn il-miżuri fis-seħħ jieħdu l-forma ta' dazju ad valorem ta' 51,8 %.

1.2.   Talba għal rieżami

(3)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. It-talba saret minn PJSC “PA”“Stalkanat-Silur” (“l-applikant”), produttur esportatur mill-Ukrajna.

(4)

It-talba kienet limitata fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha għall-analiżi tad-dumping li jikkonċerna biss lill-applikant.

(5)

Fit-talba tiegħu, l-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-bidliet fl-istruttura kurrenti tiegħu bbażati fuq il-fużjoni ta', inter alia, żewġ produtturi esportaturi indipendenti fl-Ukrajna (li wieħed minnhom biss kien ġie investigat individwalment), huma ta' natura dejjiema.

(6)

Barra minn hekk, l-applikant sostna li abbażi tal-prezzijiet domestiċi tal-applikant stess, jew abbażi tal-valur normali maħdum (il-kostijiet ta' manifattura, il-kostijiet tal-bejgħ, dawk ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u l-profitt) minflok il-valur normali tal-pajjiż analogu użat preċedentement, il-marġni ta' dumping tal-applikant huwa ferm aktar baxx mil-livell kurrenti tal-miżuri.

(7)

Għalhekk, l-applikant sostna li ma kienx hemm aktar il-ħtieġa li jibqgħu jiġu imposti l-miżuri fil-livell eżistenti sabiex jagħmlu tajjeb għall-effetti ta' dumping dannuż kif stabbilit preċedentement.

1.3.   Tnedija ta' rieżami

(8)

Wara li għarrfet lill-Istati Membri, il-Kummissjoni ddeterminat li kienet teżisti biżżejjed evidenza sabiex tiġġustifika t-tnedija ta' rieżami interim parzjali u permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4) tat-18 ta' Novembru 2014 ħabbret it-tnedija ta' investigazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitata fil-kamp ta' applikazzjoni għall-analiżi tad-dumping li jikkonċerna biss lill-applikant.

1.4.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

(9)

Il-prodott ikkonċernat mir-rieżami attwali huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali u fl-aħħar investigazzjoni li wasslet biex jiġu imposti l-miżuri fis-seħħ, jiġifieri ħbula u kejbils tal-azzar, li jinkludu l-ħbula koljaturi maqfulin, esklużi ħbula u kejbils tal-azzar inossidabbli, b'qies ta' wiċċ il-qatgħa massimu ta' aktar minn 3 mm, li joriġinaw fl-Ukrajna (“il-prodott ikkonċernat” jew l-“SWR”), attwalment klassifikabbli taħt il-kodiċi(jiet) NM ex 7312 10 81, ex 7312 10 83, ex 7312 10 85, ex 7312 10 89 u ex 7312 10 98.

(10)

Il-prodott li huwa prodott u mibjugħ fl-Ukrajna, kif ukoll f'pajjiżi terzi, u dak esportat lejn l-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użu aħħari u għalhekk jitqiesu li huma simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

1.5.   Il-partijiet ikkonċernati

(11)

Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-applikant, lill-assoċjazzjoni magħrufa tal-industrija tal-Unjoni u lill-awtoritajiet tal-Ukrajna dwar it-tnedija tar-rieżami interim. Il-partijiet interessati ngħataw opportunità li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu għal smigħ.

(12)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba sal-iskadenza stipulata. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li dehrilha li kien meħtieġ sabiex jiġi ddeterminat id-dumping. Il-verifika saret fl-istabbiliment tal-applikant f'Odessa, l-Ukrajna.

1.6.   Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

(13)

L-investigazzjoni ta' rieżami kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2013 sal-30 ta' Settembru 2014.

2.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Id-dumping

2.1.1.   Il-valur normali

(14)

Il-volum totali tal-bejgħ b'esportazzjoni lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami kien limitat għal żewġ tranżazzjonijiet ta' bejgħ biss, u kif spjegat fil-premessa (26), dawn it-tranżazzjonijiet ma tqisux bħala rappreżentattivi. B'hekk, kif imsemmi wkoll fil-premessa (26), il-prezz tal-esportazzjoni kien iddeterminat abbażi tal-bejgħ b'esportazzjoni mwettaq mill-applikant lejn pajjiżi terzi matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami f'konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Il-volum tal-bejgħ lejn swieq ta' pajjiżi terzi ntuża biex tiġi vvalutata r-rappreżentattività tal-bejgħ domestiku sabiex ikun stabbilit il-valur normali għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku

(15)

Sabiex ikun iddeterminat il-valur normali, l-ewwel ġie stabbilit jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili tal-applikant lil klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum totali tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. F'konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, irriżulta li l-bejgħ domestiku kien rappreżentattiv billi l-volum totali tal-bejgħ domestiku kien mill-anqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ b'esportazzjoni lejn pajjiżi terzi matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami.

(16)

Għal kull tip tal-prodott mibjugħ mill-applikant fis-suq domestiku tiegħu u li jirriżulta komparabbli direttament mat-tip tal-prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku kienx rappreżentattiv biżżejjed għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta' tip partikolari tal-prodott kien ikkunsidrat rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum totali ta' dak it-tip tal-prodott mibjugħ fis-suq domestiku lil klijenti indipendenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami kien jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-volum totali ta' bejgħ tat-tip ta' prodott komparabbli esportat lejn pajjiżi terzi matul l-istess perjodu.

(17)

Ġie eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku ta' kull tip ta' prodott jistax jitqies bħala bejgħ li sar fl-andament normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon ta' bejgћ domestiku lil klijenti indipendenti li sar bi qligħ matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami għal kull tip tal-prodott esportat lejn pajjiżi terzi li kienu kkonċernati.

(18)

Għal dawk it-tipi tal-prodott li għalihom aktar minn 80 % bħala volum tal-bejgħ fis-suq domestiku kien ogħla mill-kost u l-prezz tal-bejgħ medju ponderat ta' dak it-tip kien daqs jew ogħla mill-kost ta' produzzjoni għal kull unità, il-valur normali, skont it-tip tal-prodott, ġie kkalkolat bħala dak tal-medja ponderata tal-prezzijiet domestiċi attwali tal-bejgħ kollu tat-tip tal-prodott inkwistjoni, irrispettivament minn jekk il-bejgħ sarx bi qligħ jew le.

(19)

Meta l-volum tal-bejgħ li sar bi qligħ ta' tip tal-prodott irrappreżenta 80 % jew anqas tal-bejgħ totali, jew meta l-prezz medju ponderat ta' dak it-tip tal-prodott kien anqas mill-kost ta' produzzjoni għal kull unità, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku attwali, li ġie kkalkolat bħala prezz medju ponderat tal-bejgħ domestiku bi qligħ biss ta' dak it-tip tal-prodott li sar matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(20)

Kull fejn il-prezzijiet domestiċi ta' tip partikolari tal-prodott mibjugħ mill-applikant ma setgħux jintużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, il-valur normali ġie stabbilit f'konformità mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

(21)

Meta ġie biex jissawwar il-valur normali skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, l-ammonti għall-kostijiet tal-bejgħ, dawk ġenerali u amministrattivi u għall-profitti ġew ibbażati, skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, fuq id-dejta attwali marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ, fl-andament normali tal-kummerċ, tal-prodott simili, min-naħa tal-applikant.

(22)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-applikant sostna li l-bejgħ domestiku tiegħu lill-kumpaniji li huma proprjetà tal-Istat (state-owned companies, SOEs) għandu jkun eskluż mid-determinazzjoni tal-valur normali. L-applikant saħaq li l-prezzijiet li l-SOEs intalbu jħallsu kienu sistematikament aktar għoljin mill-prezzijiet li l-klijenti l-oħra fis-suq domestiku ntalbu jħallsu abbażi ta' riskju ogħla ta' nuqqas ta' pagament jew ta' pagament b'dewmien sinifikattiv, li kien rifless ukoll fil-politika tariffarja interna tal-kumpanija. Ġie sostnut li l-prezzijiet ogħla ma kellhomx għalhekk rabta mal-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat. It-tieni nett, l-applikant sostna li fejn il-valur normali nħadem f'konformità mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-kostijiet tal-bejgħ, dawk ġenerali u amministrattivi (selling, general and administrative, “SG&A”) biss imġarrba fil-bejgħ domestiku lil distributuri indipendenti għandhom jintużaw sabiex tkun żgurata l-komparabilità mal-bejgħ b'esportazzjoni li sar esklużivament għall-istess tip ta' konsumaturi.

(23)

Fir-rigward tat-talba tal-applikant għall-esklużjoni tal-bejgħ domestiku lill-SOEs mid-determinazzjoni tal-valur normali, l-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni kkonfermat li l-prezzijiet tal-bejgħ għall-SOEs, għal kull tip tal-prodott, kienu bħala medja ogħla b'mod konsistenti minn dawk li ntalbu jħallsu kull tip ta' klijent ieħor fis-suq domestiku. Din id-differenza konsistenti fil-prezzijiet irriżultat minn taħlita ta' għadd ta' fatturi speċifiċi li jolqtu biss lil dan it-tip ta' klijent fis-suq domestiku. (i) l-identifikazzjoni min-naħa tal-applikant li l-bejgħ lill-SOEs għandu riskju għoli ta' nuqqas ta' pagament jew ta' pagamenti mdewwma ħafna; (ii) il-fatt li din il-politika tiġi applikata b'mod effettiv billi l-SOEs jingħataw perjodi ta' kreditu ħafna itwal (fosthom il-possibbiltà ta' posponiment ulterjuri tal-pagament bħalma huwa rifless fil-kuntratt); (iii) l-evidenza ta' każijiet ta' pagamenti mdewwma fil-passat; (iv) il-fatt li l-liġi tal-Ukrajna teżenta lill-SOEs milli jissodisfaw il-pretensjonijiet tal-kredituri f'każ ta' falliment; (v) il-fatt li l-bejgħ lill-SOEs isir permezz ta' proċeduri tal-offerti kumplessi, li fihom id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ma jkunux negozjabbli u jintuża kuntratt standard stabbilit minn qabel, u fl-aħħar nett li (vi) l-liġi ma tippermettix lill-SOEs li jagħmlu pagamenti bil-quddiem għall-akkwist ta' oġġetti. Għaldaqstant, abbażi ta' dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi, it-talba tal-applikant ġiet aċċettata.

(24)

Fir-rigward tat-talba biex jintużaw biss il-kostijiet tal-SG&A mġarrba fil-bejgħ lid-distributuri indipendenti meta jinħadem il-valur normali, l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku jipprevedi li l-ammonti għall-kostijiet tal-SG&A għandhom ikunu bbażati fuq id-dejta attwali marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ, fl-andament normali tal-kummerċ, tal-prodott simili, min-naħa tal-applikant. F'konformità ma' dan l-Artikolu, intużat id-dejta tal-applikant marbuta mal-bejgħ kollu (bl-esklużjoni tal-bejgħ lill-SOEs) fis-suq domestiku. Billi l-prezzijiet tal-bejgħ lill-utenti aħħarin fis-suq domestiku ġew aġġustati f'konformità mal-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku (kif spjegat fil-premessi (30) u (31) aktar 'l isfel), dawn tpoġġew fuq livell paragunabbli mal-bejgħ domestiku lid-distributuri indipendenti. Għaldaqstant, din it-talba ġiet irrifjutata.

(25)

L-applikant saħaq ukoll li meta jinħadem il-valur normali skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, għandu jintuża marġni ta' profitt raġonevoli ta' 5 %. Saret referenza għal investigazzjoni preċedenti rigward l-SWR, li fiha marġni ta' profitt bħal dan ġie kkunsidrat bħala raġonevoli. L-applikant saħaq ulterjorment li altrimenti, il-livell ta' profitt ma għandux jaqbeż il-livell ta' profitt miksub fir-rigward tal-bejgħ lid-distributuri indipendenti billi dan il-livell ta' bejgħ huwa paragunabbli mal-livell tal-bejgħ b'esportazzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, l-ammonti għall-kostijiet tal-SG&A u għall-profitti għandhom ikunu bbażati fuq id-dejta attwali tal-applikant marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ, fl-andament normali tal-kummerċ, tal-prodott simili. Billi din id-dejta kienet disponibbli, intużat għalhekk f'konformità ma' dan l-Artikolu. Għaldaqstant, din it-talba ġiet irrifjutata.

2.1.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(26)

Kien hemm biss żewġ tranżazzjonijiet ta' bejgħ li saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Ma ġewx ikkunsidrati bħala rappreżentattivi minħabba l-volum limitat tagħhom u għaliex saru lejn klijent wieħed biss bi speċifikazzjonijiet partikolari tal-prodott. Għalhekk il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit f'konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, li jagħti lok għal prezz tal-esportazzjoni li jkun imsawwar fuq kull bażi raġonevoli. F'dan il-każ, intuża l-bejgħ tal-prodott simili li sar mill-applikant lil pajjiżi terzi matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami bħala bażi għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni. Tabilħaqq, il-bejgħ lil pajjiżi terzi kien ikkaratterizzat minn volum sinifikanti lil għadd kbir ta' klijenti u l-investigazzjoni ma żvelatx distorsjonijiet fil-prezzijiet jew fatturi oħrajn fis-swieq tal-pajjiżi terzi, li setgħu jindikaw li l-bejgħ tal-applikant lil dawn is-swieq ma setax jintuża għall-fini li jkun stabbilit il-prezz tal-esportazzjoni.

2.1.3.   Tqabbil

(27)

Il-valur normali medju u l-prezz medju tal-esportazzjoni tqabblu fuq il-bażi tal-prezz tal-prodott mill-fabbrika. Bl-għan li jkun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta' esportazzjoni, saret konċessjoni dovuta f'għamla ta' aġġustamenti għad-differenza fil-kostijiet tat-trasport u tal-kreditu f'konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(28)

L-applikant ippreżenta wkoll talba għal aġġustament tal-valur normali għad-differenza fil-livell ta' kummerċ filwaqt li rrefera għall-fatt li l-bejgħ tiegħu fis-suq domestiku lill-kummerċjanti u lill-utenti aħħarin minn ċentri ta' bejgħ reġjonali ma kienx komparabbli mal-bejgħ lid-distributuri indipendenti. L-applikant kompla billi sostna li l-bejgħ kollu b'esportazzjoni sar lid-distributuri indipendenti u kien b'hekk komparabbli biss mal-bejgħ domestiku lid-distributuri indipendenti. F'konformità mal-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku, ġie msostni li bażi għall-kalkolu tal-aġġustament tkun dik tad-differenza medja ponderata fil-prezzijiet ta' bejn il-bejgħ liż-żewġ livelli ta' kummerċ fis-suq domestiku.

(29)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-applikant kompla jsostni t-talba tiegħu għal aġġustament għad-differenzi fil-livell ta' kummerċ. Barra minn hekk, saħaq li d-determinazzjoni tal-aġġustament fil-livell ta' kummerċ għandha ssir fuq bażi trimestrali sabiex jitneħħa l-impatt tad-devalwazzjoni tal-munita tal-Ukrajna kontra l-muniti barranin milli jkollu impatt fuq il-prezzijiet tal-materja prima u l-inflazzjoni għolja fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(30)

L-investigazzjoni żvelat li l-bejgħ lill-kummerċjanti (minn ċentri ta' bejgħ reġjonali) sar tabilħaqq f'livell ta' kummerċ differenti minn dak tal-bejgħ b'esportazzjoni u li din id-differenza kienet riflessa fil-prezzijiet tal-bejgħ. Il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku lill-utenti aħħarin minn ċentri ta' bejgħ reġjonali kienu ogħla b'mod konsistenti u l-kwantitajiet kienu inqas b'mod konsistenti milli għall-bejgħ lid-distributuri indipendenti. Barra minn hekk, l-utenti aħħarin ibbenefikaw minn servizzi addizzjoni offruti miċ-ċentri ta' bejgħ reġjonali. Għaldaqstant, ingħata aġġustament għad-differenzi fil-livell ta' kummerċ fis-sens tal-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku.

(31)

L-applikant ibbaża l-kalkolu tal-aġġustament mitlub fuq id-differenza medja kumplessiva fil-prezzijiet bejn iż-żewġ livelli ta' kummerċ ipponderata abbażi tal-volumi mibjugħa lid-distributuri indipendenti. Madankollu, il-volumi mibjugħa lid-distributuri indipendenti ma għandhomx ikollhom effett fuq il-livell ta' aġġustament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkalkolat l-aġġustament abbażi tad-differenza medja ponderata fil-prezzijiet għal kull tunnellata u għal kull tip tal-prodott applikata għall-volum ta' bejgħ lill-utenti aħħarin biss.

(32)

Fl-aħħar nett, l-aġġustament ma ġiex ikkalkulat fuq bażi trimestrali kif propost mill-applikant, billi ġie stabbilit li dan ma jmewwitx l-impatt tad-distorsjonijiet imsemmija fil-premessa (29).

2.1.4.   Il-marġini tad-dumping

(33)

Kif previst fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali medju ponderat skont it-tip tqabbel mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat lejn pajjiżi terzi tat-tip korrispondenti tal-prodott simili. Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta' dumping.

(34)

Il-marġni ta' dumping tal-applikant, maħdum bħala perċentwal tal-prezz nett u frank fil-fruntiera tal-Unjoni, irriżulta li kien ta' 10,5 %.

2.2.   In-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdulin

(35)

F'konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat jekk iċ-ċirkostanzi mibdulin fir-rigward tad-dumping jistgħux b'mod raġonevoli jitqiesu ta' natura dejjiema.

(36)

Id-dazju antidumping li japplika attwalment ġie stabbilit matul l-investigazzjoni oriġinali. Matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' dik l-investigazzjoni, l-Ukrajna kienet ikkunsidrata bħala ekonomija fi tranżizzjoni u b'hekk il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku. Minħabba f'hekk, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet imħallsin f'suq ta' pajjiż analogu li huwa pajjiż b'ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Polonja.

(37)

Fl-2005, l-Ukrajna ngħatat l-istatus ta'ekonomija tas-suq u għalhekk l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku ma għadux japplika għaliha aktar. Għalhekk, il-marġni ta' dumping tal-applikant matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami kien ibbażat fuq id-dejta proprja vverifikata.

(38)

L-evidenza miksuba u vverifikata matul l-investigazzjoni kkonfermat il-bidliet fl-istruttura kurrenti tal-kumpanija tiegħu, ibbażati fuq il-fużjoni ta' żewġ produtturi esportaturi indipendenti u entità terza responsabbli għall-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni. Il-fużjoni twettqet fl-2010. Il-bidla hija meqjusa bħala waħda ta' natura dejjiema billi l-kompiti mwettqa preċedentement mill-entitajiet separati ġew trasferiti b'mod effettiv lill-applikant. Ma rriżultat l-ebda indikazzjoni li tindika bidliet possibbli fil-ġejjieni.

(39)

Għalhekk, fid-dawl ta' kulma ntqal hawn fuq, qed jitqies li ċ-ċirkostanzi li wasslu għat-tnedija ta' din ir-reviżjoni aktarx li mhumiex se jinbidlu fil-futur qrib b'mod li jaffettwaw is-sejbiet tar-reviżjoni attwali. Għalhekk, ġie konkluż li l-bidliet jitqiesu bħala ta' natura dejjiema u li l-applikazzjoni tal-miżuri fil-livell kurrenti tagħha ma tibqax ġustifikata aktar.

(40)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Kumitat Kollaborattiv tal-Industriji tal-Ħbula tal-Wajer tal-UE (EU Wire Rope Industries, EWRIS) saħaq li l-operazzjonijiet militari li għaddejjin fir-reġjun tal-Ukrajna, li fih tinsab waħda miż-żewġ siti ta' produzzjoni tal-applikant, ma jippermettux li jkun konkluż li l-bidla msemmija fil-premessa (38) hija ta' natura dejjiema. F'dan ir-rigward, l-ewwel nett jiġi nnutat li l-konklużjoni dwar in-natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula fir-rigward tad-dumping kienet ibbażata fuq żewġ elementi msemmija fil-premessi (37) u (38), li minnhom l-EWRIS tikkontesta biss wieħed. It-tieni nett, l-investigazzjoni stabbiliet li s-sit ta' produzzjoni tal-applikant fir-reġjun ta' Donetsk waqaf jopera mis-sajf tal-2014, u b'hekk il-kapaċità ta' produzzjoni tal-applikant ġiet limitata. Deċiżjoni bħal din min-naħa tal-applikant, xprunata mit-tħassib dwar is-sigurtà, ma tikkontradiċix il-konklużjoni li l-fużjoni ta' dawk li qabel kienu żewġ produtturi tal-SWR ilha fis-seħħ mill-2010 u li din tikkostitwixxi bidla strutturali tal-operati taż-żewġ kumpaniji li hija ta' natura dejjiema. Għaldaqstant, dan l-argument ġie rrifjutat.

3.   MIŻURI ANTIDUMPING

(41)

Fid-dawl tar-riżultati ta' din l-investigazzjoni ta' rieżami, huwa meqjus f'loku li jiġi emendat id-dazju antidumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Ukrajna billi jiddaħħal dazju applikabbli għal PJSC “PA”“Stalkanat-Silur” fil-livell ta' 10,5 %.

(42)

Il-miżuri fis-seħħ għall-pajjiż kollu ma jintlaqtux minn din il-konklużjoni.

4.   DIVULGAZZJONI

(43)

Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija aktar 'il fuq u ngħataw l-opportunità li jagħtu l-kummenti tagħhom. Il-kummenti tagħhom ittieħdu f'kunsiderazzjoni meta dan kien xieraq. Ġaladarba dawn il-kummenti wasslu għal bidliet sostanzjali fil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-marġni ta' dumping, seħħet it-tieni divulgazzjoni lill-partijiet interessati fit-8 ta' Diċembru 2015. Il-kummenti wara t-tieni divulgazzjoni tqiesu fil-każijiet xierqa.

(44)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012 huwa sostitwit bis-sussegwenti:

“3.   Ir-rata tad-dazju definittiv antidumping applikabbli għall-prezz CIF nett u frank fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u li joriġina mill-Ukrajna tkun is-sussegwenti:

Kumpanija

Dazju antidumping (%)

Kodiċi Addizzjonali TARIC

PJSC ‘PA’‘Stalkanat-Silur’

10,5

C052

Il-kumpaniji l-oħra kollha

51,8

C999

L-applikazzjoni tar-rati ta' dazju individwali speċifikati għall-kumpanija msemmija fit-tabella ta' hawn fuq isseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha trid tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li tkun qiegħda toħroġ tali fattura, identifikat/a b'ismu/isimha u l-kariga tiegħu/tagħha, imfassla skont is-sussegwenti: ‘Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) ta' ħbula u kejbils tal-azzar mibjugħin biex jiġu esportati lejn l-Unjoni Ewropea koperti minn din il-fattura ġew manifatturati minn (isem u indirizz il-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fl-Ukrajna. Niddikjara li t-tagħrif mogħti f'din il-fattura huwa sħiħ u korrett.’ Jekk ma tkun ippreżentata l-ebda fattura bħal din, tapplika r-rata ta' dazju applikabbli għall-‘kumpaniji l-oħra kollha’.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 tat-12 ta' Awwissu 1999 li jimponi dazju definittiv antidumping, u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost, fuq importazzjoni ta' ħbula u cables tal-azzar ġejjin mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Ungerija, l-Indja, il-Messiku, il-Polonja, l-Afrika ta' Isfel u l-Ukrajna u li jtemm il-proċeduri legali kontra antidumping minn importazzjonijiet ġejjin mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 217, 17.8.1999, p. 1) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 11, Vol. 032, p. 106).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 tas-27 ta' Jannar 2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukrajna kif estiż għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar mibgħutin mill-Marokk, mill-Moldova u mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi u sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u li ttemm il-proċediment tar-reviżjoni tal-iskadenza li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mill-Afrika t'Isfel skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 36, 9.2.2012, p. 1).

(4)  Avviż ta' bidu ta' rieżami interim parzjali tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mill-Ukrajna (ĠU C 410, 18.11.2014, p. 15).