|
26.1.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 17/10 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/85
tal-25 ta' Jannar 2016
li jissospendi t-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin privat għal-laħam tal-majjal prevista fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2334
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 826/2008 tal-20 ta' Awwissu 2008 li jipprovdi regoli komuni għall-għotja ta' għajnuna għall-ħażna privata ta' ċerti prodotti agrikoli (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(3)(a) u (c) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Analiżi tal-qagħda tas-suq u tal-użu tal-iskema tal-għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tal-majjal prevista fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2334 (3) tagħti lok għall-possibbiltà li l-iskema tingħalaq. Il-Kummissjoni beħsiebha tressaq ir-Regolament rispettiv tal-għeluq lill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli biex dan jagħtiha l-opinjoni tiegħu dwaru. Madankollu, din l-intenzjoni fiha nfisha ġġorr ir-riskju li jkun hemm għadd kbir wisq ta' applikazzjonijiet għall-iskema ta' għajnuna. |
|
(2) |
Għalhekk, jeħtieġ li jiġi sospiż it-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna prevista fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2334 u li jiġu rrifjutati ċerti applikazzjonijiet li tressqu qabel il-perjodu ta' sospensjoni. |
|
(3) |
Sabiex tiġi evitata l-ispekulazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2334 għandha tiġi sospiża għall-perjodu bejn is-27 ta' Jannar 2016 u t-2 ta' Frar 2016. L-applikazzjonijiet għall-konklużjoni tal-kuntratti li tressqu matul dan il-perjodu ma għandhomx jintlaqgħu.
2. L-applikazzjonijiet li tressqu mill-21 ta' Jannar 2016, li d-deċiżjoni dwar l-aċċettazzjoni tagħhom tkun ittieħdet matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, għandhom jiġu rrifjutati.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolamelnt għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Jannar 2016.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Jerzy PLEWA
Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) ĠU L 223, 21.8.2008, p. 3.
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2334 tal-14 ta' Diċembru 2015 li jiftaħ il-ħażna privata għal-laħam tal-majjal u li jiffissa bil-quddiem l-ammont ta' għajnuna (ĠU L 329, 15.12.2015, p. 10).