23.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/73

tat-18 ta' Jannar 2016

li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016 għal ċerti stokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jistipula li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jeżiġi li jiġu adottati miżuri ta' konservazzjoni filwaqt li jittieħed kont tal-pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli, inklużi, fejn ikunu rilevanti, rapporti mfassla mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) u minn korpi konsultattivi oħrajn, kif ukoll fid-dawl ta' kwalunkwe parir riċevut minn Kunsilli Konsultattivi.

(3)

Il-Kunsill għandu d-dmir li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont is-sajd jew il-grupp tas-sajd fil-Baħar l-Iswed, inklużi ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom, kif ikun meħtieġ. Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati skont l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ta' dak ir-Regolament. Skont l-Artikolu 16(1) ta' dak ir-Regolament, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri b'tali mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta' kull Stat Membru għal kull stokk ta' ħut jew żona tas-sajd.

(4)

Il-qabdiet totali permissibbli (TACs, total allowable catches) għandhom għalhekk jiġu stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, b'kunsiderazzjoni ta' aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jkun żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

(5)

L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stabbilit f'dan ir-Regolament huwa suġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (2) u b'mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 tiegħu dwar ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet u n-notifika ta' dejta dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, jeħtieġ li jkunu speċifikati l-kodiċijiet li l-Istati Membri għandhom jużaw meta jibagħtu dejta lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet suġġetti għal dan ir-Regolament.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 (3), meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi għal liema stokkijiet ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4, b'mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet.

(7)

Sabiex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, dan ir-Regolament jeħtieġ li japplika mill-1 ta' Jannar 2016. Għal raġunijiet ta' urġenza, jeħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għall-2016 għall-istokkijiet tal-ħut tal-ispeċijiet li ġejjin fil-Baħar l-Iswed:

(a)

Barbun Imperjali (Psetta maxima),

(b)

Laċċa kaħla (Sprattus sprattus).

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar l-Iswed.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“il-Baħar l-Iswed” tfisser is-subżona ġeografika 29 kif definita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(b)

“bastiment tas-sajd” tfisser kull bastiment mgħammar għall-użu kummerċjali tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(c)

“bastiment tas-sajd tal-Unjoni” tfisser bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru u li jkun irreġistrat fl-Unjoni;

(d)

“qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser:

(i)

fis-sajd suġġett għall-obbligu ta' ħatt l-art imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-kwantità li tista' tinqabad minn kull stokk kull sena;

(ii)

fis-sajd l-oħrajn kollha, il-kwantità li tista' tinħatt minn kull stokk kull sena;

(e)

“kwota” tfisser proporzjon tat-TAC allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.

KAPITOLU II

OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 4

TACs u allokazzjoni

It-TACs għall-bastimenti tal-Unjoni, l-allokazzjoni ta' tali TACs fost l-Istati Membri, u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn meħtieġ, huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet speċjali dwar allokazzjonijiet

L-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stabbilita f'dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

(a)

skambji magħmula skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

tnaqqis u riallokazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(c)

ħatt l-art addizzjonali permess f'konformità mal-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(d)

kwantitajiet miżmuma f'konformità mal-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(e)

tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet inċidentali mhux suġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art

Il-qabdiet u l-qabdiet inċidentali tal-barbun tat-tbajja' f'sajd li mhuwiex suġġett għall-obbligu ta' ħatt l-art għandhom jinżammu abbord jew jinħattu l-art biss jekk il-qabdiet isiru minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru li għandu kwota u dik il-kwota ma tkunx eżawrita.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 7

Trażmissjoni ta' dejta

Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu dejta lill-Kummissjoni relatata mal-ħatt l-art ta' kwantitajiet ta' stokkijiet maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Jannar 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tal-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3).

(4)  Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).


ANNESS

TACs applikabbli għal bastimenti tas-sajd tal-unjoni f'żoni fejn it-tacs jeżistu skont l-ispeċi u skont iż-żona

It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f'tunnellati ta' piż ħaj, ħlief fejn ikun speċifikat mod ieħor) skont l-istokk u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom.

L-istokkijiet tal-ħut huma msemmija skont l-ordni alfabetiku tal-ismijiet tal-ispeċijiet bil-Latin. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-tabella ta' ekwivalenza tal-ismijiet bil-Latin mal-ismijiet komuni tidher hawn taħt:

Isem xjentifiku

Kodiċi Alpha-3

Isem Komuni

Psetta maxima

TUR

Barbun imperjali

Sprattus sprattus

SPR

Laċċa kaħla

Speċi:

Barbun imperjali

Psetta maxima

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed

TUR/F37.4.2.C.

Il-Bulgarija

43,2 (*)

 

 

Ir-Rumanija

43,2 (*)

 

 

L-Unjoni

86,4 (*)

 

 

TAC

Mhux rilevanti

 

TAC Analitika

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.


Isem xjentifiku

Kodiċi Alpha-3

Isem Komuni

Psetta maxima

TUR

Barbun imperjali

Sprattus sprattus

SPR

Laċċa kaħla

Speċi:

Laċċa kaħla

Sprattus sprattus

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed

SPR/F37.4.2.C

Il-Bulgarija

8 032,5

 

 

Ir-Rumanija

3 442,5

 

 

L-Unjoni

11 475

 

 

TAC

Mhux rilevanti

 

TAC Analitika

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.


(*)  L-ebda attività tas-sajd inkluż it-trażbord, it-teħid abbord, il-ħatt l-art u l-ewwel bejgħ mhi permessa mill-1 ta' April sat-30 ta' Ġunju 2016.