14.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/27

tat-13 ta' Jannar 2016

li jemenda l-Annessi III u IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu fl-annimali. Ir-Regolament japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' annimali ħajjin u ta' prodotti li ġejjin mill-annimali u f'ċerti każijiet speċifiċi għall-esportazzjonijiet tagħhom.

(2)

Skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 u l-Kapitolu B tal-Anness III ta' dan ir-Regolament, ta' kull sena, l-Istati Membri jissottomettu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu fit-territorji tagħhom, u l-Kummissjoni tippreżenta sommarju ta' din l-informazzjoni lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(3)

Wara ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, il-preparazzjoni u l-pubblikazzjoni tar-rapport sommarju annwali tal-Unjoni dwar il-monitoraġġ u l-ittestjar tar-ruminanti għall-preżenza tal-enċefalopatija sponġiformi li tinxtered se jiġu trasferiti mill-Kummissjoni għal għand l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Għalhekk il-Kapitolu B tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jiġi emendat biex jirrifletti dawn il-modalitajiet ġodda.

(4)

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprojbixxi t-tagħlif lil ċerti annimali mrobbijin fl-irziezet ta' proteini pproċessati ġejjin mill-annimali, b'mod partikolari dawk il-proteini li ġejjin minn annimali mhux ruminanti.

(5)

Barra minn hekk, skont il-punt (b)(ii) tal-Kapitolu II tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, ħut mitħun u għalf kompost li fih il-ħut mitħun jistgħu jintużaw għat-t-tagħlif lill-annimali mhux ruminanti mrobbijin fl-irżiezet, inklużi annimali tal-akkwakultura.

(6)

Il-punt 3 tat-Taqsima A tal-Kapitolu III tal-Anness IV tar- Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li volum kbir ta' proteini pproċessati tal-annimali li ġejjin minn annimali mhux ruminanti u volum kbir ta' għalf kompost li jkun fih din il-proteina, għandhom jiġu ttrasportati f'vetturi u kontejners li ma jintużawx għat-trasport ta' għalf maħsub għal annimali mhux ruminanti mrobbijin fl-irżiezet, għajr l-annimali tal-akkwakultura. Peress li l-ħut mitħun u l-għalf kompost li jkun fih il-ħut mitħun huma awtorizzati biex jintużaw fl-għalf għall-annimali mhux kollha ruminanti mrobbija fl-irżiezet, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għall-ħut mitħun jew għall-għalf kompost li jkun fih il-ħut mitħun. Għalhekk il-punt 3 tat-Taqsima A tal-Kapitolu III tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jiġi emendat biex jeskludi l-ħut mitħun.

(7)

It-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tipprevedi li l-esportazzjoni tal-proteini pproċessati tal-annimali li ġejjin minn annimali mhux ruminanti u ta' prodotti li jkun fihom din il-proteina għandha tkun awtorizzata biss jekk ikunu maħsuba għal użi mhux ipprojbiti minn dan ir-Regolament u jekk jiġi konkluż ftehim bil-miktub qabel l-esportazzjoni, bejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru esportatur, jew il-Kummissjoni, u l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz importatur, li jkun fih impenn min-naħa tal-pajjiż terz importatur li jirrispetta l-użu maħsub u ma jesportax mill-ġdid il-proteini tal-annimali pproċessati jew il-prodotti li jkun fihom dawn il-proteini, għall-użi pprojbiti mir-Regolament (KE) Nru 999/2001.

(8)

Dan ir-rekwiżit kien oriġinarjament maħsub biex jikkontrolla t-tixrid tal-Enċifalopatija Sponġiformi Bovina (BSE) fiż-żmien meta kien hemm l-epidemija tal-BSE fl-Unjoni u meta l-kontinent Ewropew kien l-akbar parti tad-dinja affettwata mill-epidemija. Madankollu, minn dak iż-żmien, is-sitwazzjoni tal-BSE fl-Unjoni tjiebet b'mod sinifikanti. Fl-2013, ġew irrappurtati seba' (7) każijiet ta' BSE fl-Unjoni u fl-2014, ġew irrappurtati 11-il każ, meta mqabbla mal-2 166 każ irrappurtati fl-2001 u l-2 124 każ irrappurtati fl-2002. Dan it-titjib fis-sitwazzjoni tal-BSE fl-Unjoni huwa rifless fil-fatt li 20 Stat Membru tal-Unjoni issa huma rikonoxxuti bħala li għandhom status ta' riskju negliġibbli ta' BSE skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (2) hekk kif emendata.

(9)

Ir-rekwiżit stipulat fit-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jipprevedi l-obbligu li jiġi konkluż ftehim bil-miktub mal-pajjiż terz ta' destinazzjoni bħala prerekwiżit għall-esportaturi ta' proteini pproċessati tal-annimali minn annimali mhux ruminanti, u ta' prodotti li fihom dawn il-proteini, u l-projbizzjoni li dawn il-prodotti jintużaw f'pajjiżi terzi biex jitimgħu annimali mrobbija fl-irziezet, għajr għal annimali tal-akkwakultura, għalhekk għandu jitħassar.

(10)

It-Taqsima D tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-produzzjoni u l-użu tal-proteini tal-annimali pproċessati minn annimali mhux ruminanti maħsuba għat-t-tagħlif ta' annimali tal-akkwakultura u ta' għalf kompost li fih din il-proteina, li jeħtieġu separazzjoni kompleta bejn il-materjali minn annimali ruminanti u dawk mhux ruminanti f'kull stadju tal-katina tal-produzzjoni, u li jeħtieġu teħid ta' kampjuni u analiżi regolari biex jiġi vverifikat li ma hemmx kontaminazzjoni kroċjata. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jintalbu wkoll għall-proteini pproċessati tal-annimali minn annimali mhux ruminanti, u għall-għalf kompost li fih din il-proteina maħsuba għall-esportazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-proteini tal-annimali pproċessati u l-għalf kompost li jkun fih din il-proteina esportati jipprovdu l-istess livell ta' sikurezza bħal dawk li jintużaw fit-territorju tal-Unjoni.

(11)

Billi l-ikel għall-annimali domestiċi u l-ħut mitħun huma manifatturati f'impjanti tal-ipproċessar iddedikati esklussivament għall-produzzjoni ta' prodotti li ġejjin minn annimali akkwatiċi, għajr il-mammiferi tal-baħar, rispettivament għall-produzzjoni ta' ikel għall-annimali domestiċi, ir-rekwiżit li jipprevedi li l-esportazzjonijiet huma permessi biss minn stabbilimenti fejn ir-rekwiżiti tat-Taqsima D tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma sodisfati, ma japplikax għall-ikel għall-annimali domestiċi jew għall-ħut mitħun.

(12)

Għaldaqstant, il-Parti E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandha tiġi emendata skont dan.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Kapitolu B tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jinbidel b'dan li ġej:

“KAPITOLU B

REKWIŻITI TA' RAPPORTAR U REKORDJAR

I.   REKWIŻITI GĦALL-ISTATI MEMBRI

A.   Informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-Istati Membri fir-rapport annwali tagħhom kif previst fl-Artikolu 6(4)

1.

L-għadd ta' każijiet suspettati mqiegħda taħt restrizzjonijiet uffiċjali ta' moviment skont l-Artikolu 12(1), għal kull speċi ta' annimal.

2.

L-għadd ta' każijiet suspettati suġġetti għal eżaminazzjoni f'laboratorju skont l-Artikolu 12(2), għal kull speċi ta' annimal, inklużi r-riżultati tat-testijiet rapidi u konfermatorji (l-għadd ta' pożittivi u negattivi) u, fir-rigward tal-annimali bovini, id-distribuzzjoni tal-età tal-annimali kollha ttestjati. Id-distribuzzjoni tal-età għandha tinġabar fi gruppi kif ġej: ‘taħt l-24 xahar’, distribuzzjoni għal kull 12-il xahar bejn 24 u l-155 xahar, u ta' età ta' ‘aktar minn 155 xahar’.

3.

L-għadd ta' qatgħat fejn ġew irrappurtati u investigati każijiet suspettati ta' annimali ovini u kaprini skont l-Artikolu 12(1) u (2).

4.

L-għadd ta' annimali bovini ittestjati f'kull subpopolazzjoni msemmija fil-punti 2.1, 2.2, 3.1 u 5 tal-Parti (I) tal-Kapitolu A. Għandhom jingħataw il-metodu tal-għażla tal-kampjun, ir-riżultati tat-testijiet rapidi u ta' konferma u d-distribuzzjoni tal-età tal-annimali ttestjati miġbura fi gruppi kif stabbilit fil-punt 2.

5.

L-għadd ta' annimali u qatgħat ta' ovini u kaprini ttestjati f'kull subpopolazzjoni msemmija fil-punti 2, 3, 5 u 6 tal-Parti II tal-Kapitolu A flimkien mal-metodu għall-għażla tal-kampjun u r-riżultati tat-testijiet rapidi u ta' konferma.

6.

Id-distribuzzjoni ġeografika, inkluż il-pajjiż tal-oriġini jekk ma jkunx l-istess pajjiż li qed jirrapporta, ta' każijiet pożittivi ta' BSE u scrapie. Is-sena, u meta jkun possibbli x-xahar tat-twelid jingħataw għal kull każ ta' TSE f'annimali bovini, ovini u kaprini. Jiġu indikati l-każijiet ta' TSE li tqiesu atipiċi għandhom. Għall-każijiet ta' scrapie, meta jkun xieraq, jiġu rrappurtati r-riżultati tal-ittestjar molekulari primarju u sekondarju msemmija fil-punt 3.2(c) tal-Kapitolu C tal-Anness X.

7.

F'annimali għajr dawk bovini, ovini jew kaprini, l-għadd ta' kampjuni u każijiet konfermati ta' TSE għal kull speċi.

8.

Il-ġenotip, u meta jkun possibbli, ir-razza, ta' kull animal tal-ispeċi ovina li jew ikun instab pożittiv għat-TSE u li ttieħed kampjun minnu skont il-punt 8.1 tal-Parti II tal-Kapitolu A, jew li ttieħed kampjun minnu skont il-punt 8.2 tal-Parti II tal-Kapitolu A.

B.   Perjodi ta' rappurtar

Il-kumpilazzjoni tar-rapporti li fihom l-informazzjoni msemmija fit-Taqsima A u sottomessa lill-Kummissjoni (li għandha tibgħatha lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel) fuq bażi ta' kull xahar jew, fil-format elettroniku maqbul bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel jew, fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt 8 fuq bażi ta' kull tliet xhur, tista' tikkostitwixxi r-rapport annwali kif meħtieġ fl-Artikolu 6(4), kemm-il darba l-informazzjoni hija aġġornata kull meta ssir disponibbli informazzjoni ulterjuri.

II.   INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TKUN IPPREŻENTATA FIR-RAPPORT SOMMARJU TAL-UNJONI

Is-sommarju tal-Unjoni jkun ippreżentat f'format ta' tabella u jkopri tal-anqas l-informazzjoni msemmija fil-Parti I.A għal kull Stat Membru.

Mill-1 ta' Jannar 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tanalizza l-informazzjoni msemmija fil-Parti I, u tippubblika sal-aħħar ta' Novembru rapport sommarju dwar it-tendenzi u s-sorsi ta' Enċefalopatiji Sponġiformi li Jinxterdu fl-Unjoni.

III.   REKORDS

1.

L-awtorità kompetenti żżomm, għal seba' snin, rekords tal-informazzjoni msemmija fil-Parti I.A.

2.

Il-laboratorju li jinvestiga jżomm, għal seba' snin, ir-rekords tal-ittestjar, partikolarment il-kotba tax-xogħol tal-laboratorju u, meta xieraq, blokki tal-paraffina u ritratti ta' Western blots.”

Artikolu 2

Fit-Taqsima A tal-Kapitolu III tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.

Volum kbir ta' proteini pproċessati ta' annimali għajr il-ħut mitħun, li ġejjin minn annimali mhux ruminanti, u volum kbir ta' għalf kompost li jkun fih il-proteini pproċessati tal-annimali li ġejjin minn dawn l-annimali għandhom jiġu ttrasportati f'vetturi u kontejners li ma jintużawx għat-trasport ta' għalf maħsub għal annimali mhux ruminanti mrobbijin fl-irżiezet, għajr l-annimali tal-akkwakultura.”

Artikolu 3

Fil-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, it-Taqsima E tinbidel b'dan li ġej:

“TAQSIMA E

L-esportazzjoni ta' proteini pproċessati tal-annimali u ta' prodotti li fihom dawn il-proteini

1.

L-esportazzjoni tal-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin mir-ruminanti, u ta' prodotti li fihom dawn il-proteini għandha tkun ipprojbita.

Permezz ta' deroga, din il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għall-ikel ipproċessat tal-annimali domestiċi, li fih il-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin mir-ruminanti u li jkun ġie pproċessat fi stabbilimenti tal-ikel għall-annimali domestiċi approvat skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u li jkun ippakkjat u ttikkettjat f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

2.

L-esportazzjoni tal-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin minn annimali mhux ruminanti, jew ta' prodotti li jkun fihom dawn il-proteini għandha tkun suġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin minn annimali mhux ruminanti għandhom joriġinaw minn impjanti tal-ipproċessar li jkunu ddedikati esklussivament għall-ipproċessar ta' prodotti sekondarji minn annimali mhux ruminanti ġejjin minn biċċeriji u impjanti tat-tqattigħ imsemmija fil-punt (a) tat-Taqsima D tal-Kapitolu IV jew joriġinaw minn impjanti tal-ipproċessar awtorizzati li huma elenkati fil-listi pubblikament disponibbli msemmija fil-punt (d) tat-Taqsima A tal-Kapitolu V;

(b)

l-għalf kompost li jkun fih il-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin minn annimali mhux ruminanti għandu joriġina minn stabbilimenti awtorizzati li huma elenkati f'listi pubblikament disponibbli msemmija fil-punt (e) tat-Taqsima A tal-Kapitolu V u għandhom ikunu ppakkjati u ttikkettjati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

3.

Il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 2 ma japplikawx għal:

(a)

l-ikel ipproċessat tal-annimali domestiċi, li fih il-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin minn annimali mhux ruminanti u li jkun ġie pproċessat fi stabbilimenti tal-ikel għall-annimali domestiċi approvati skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u li jkun ippakkjat u ttikkettjat f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(b)

il-ħut mitħun u l-għalf kompost li ma fih l-ebda proteina pproċessata tal-annimali għajr il-ħut mitħun.”

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  Id- Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta' Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).