6.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/4

tal-5 ta' Jannar 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti essenzjali għall-ħarsien tal-ambjent

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jeżiġi li l-prodotti, il-partijiet u t-tagħmir ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent li jinsabu fil-Volumi I u II tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni ta' Chicago”) kif applikabbli fis-17 ta' Novembru 2011, ħlief għall-Appendiċijiet ta' dak l-Anness.

(2)

Il-Volumi I u II tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta' Chicago ġew emendati fl-2014 bl-introduzzjoni ta' standards ġodda tal-istorbju.

(3)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-opinjoni maħruġa mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni skont l-Artikoli 17(2)(b) u 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, il-paragrafu 1 qed jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-prodotti, il-partijiet u t-tagħmir għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent li jinsabu fl-Emenda 11-B tal-Volum I u fl-Emenda 8 tal-Volum II tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta' Chicago, kif applikabbli fl-1 ta' Jannar 2015, ħlief għall-Appendiċijiet tal-Anness 16.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 79, 13.3.2008, p. 1.