|
25.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 168/15 |
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1029
tad-19 ta' April 2016
li temenda, għal fini ta' adattament għall-progress tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għal anodi tal-kadmju f'ċelloli Hersch għal ċerti sensuri tal-ossiġenu użati fi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu tal-kadmju fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq. Il-kadmju huwa preżenti fl-anodi ta' ċelloli Hersch, li jintużaw f'sensuri tal-ossiġenu speċjalizzati u ta' sensittività għolja. Meta mqabbla mas-sensuri taċ-ċelloli Hersch, it-teknoloġiji alternattivi kollha disponibbli ma jipprovdux l-istess sensittività, affidabbiltà u preċiżjoni fil-kejl tal-konċentrazzjoni tal-ossiġenu f'livelli baxxi ħafna. |
|
(2) |
L-affidabbiltà ta' alternattivi għal Ċelloli Hersch li jużaw il-kadmju għal sensuri tal-ossiġenu fi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali mhijiex żgurata meta hija meħtieġa sensittività ta' inqas minn 10 partijiet għal kull miljun. Għalhekk, l-użu ta' anodi tal-kadmju fiċ-ċelloli Hersch għal sensuri tal-ossiġenu użati fi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali, li għalihom hija meħtieġa sensittività ta' inqas minn 10 partijiet għal kull miljun, għandu jiġi eżentat mill-projbizzjoni. |
|
(3) |
Billi bħalissa ma hemm l-ebda alternattivi li ma jużawx il-kadmju li huma affidabbli biżżejjed għall-użu speċifiku, u meta jitqies li seba' snin huma perjodu ta' tranżizzjoni relattivament qasir għal strumenti ta' monitoraġġ u kontroll li x'aktarx ma għandu jkollu l-ebda impatt negattiv fuq l-innovazzjoni, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE għandu jingħata perjodu ta' eżenzjoni ta' validità korrispondenti. |
|
(4) |
Id-Direttiva 2011/65/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta' April 2017. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati b'mod uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' April 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
ANNESS
Fl-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 43 li ġej:
|
“43. |
Anodi tal-kadmju f'ċelloli Hersch għal sensuri tal-ossiġenu użati fi strumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali, fejn hija meħtieġa sensittività ta' inqas minn 10 ppm.
Jiskadi fil-15 ta' Lulju 2023.” |