25.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/13


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1028

tad-19 ta' April 2016

li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni li għandha x'taqsam maċ-ċomb fl-istann tal-konnessjonijiet elettriċi għas-sensers tal-kejl tat-temperatura f'ċertu apparat

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq.

(2)

Iċ-ċomb jintuża għal konnessjonijiet elettriċi f'sensers krijoġeniċi għal apparat mediku u strumenti ta' monitoraġġ u kontroll biex tiġi evitata l-formazzjoni ta' fażijiet intermetalliċi ħoxnin, whiskers, u tin pest. Dawn is-sensers jintużaw f'ċerti applikazzjonijiet biex jitkejlu temperaturi baxxi ħafna fuq perjodi qosra.

(3)

L-istann mingħajr ċomb mhux adattat għall-applikazzjonijiet krijoġeniċi, peress li huwa suxxettibbli għat-tin pest, li jaffettwa b'mod serju l-affidabbiltà tal-apparat. Ġie ppruvat li fis-sensers krijoġeniċi li jitħaddmu b'mod normali, l-ebda teknoloġija ta' konnessjoni oħra apparti mill-issaldjar ma hija kemm affidabbli kif ukoll disponibbli.

(4)

Għalhekk, sat-30 ta' Ġunju 2021, bħall-eżenzjoni fil-punt 26 tal-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE, għandu jkun eżentat l-istann taċ-ċomb fil-kuntatti esterni tas-sensers tat-temperatura li jintuża perjodikament f'temperaturi iktar baxxi minn – 150 °C,. Fir-rigward taċ-ċikli ta' innovazzjoni għall-apparat mediku u strumenti ta' monitoraġġ u kontroll, din l-eżenzjoni mhjiex mistennija li jkollha impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(5)

Id-Direttiva 2011/65/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mit-30 ta' April 2017. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness IV mad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 26 jinbidel b'dan li ġej:

“26.

Iċ-ċomb fl-applikazzjonijiet li ġejjin li huma reżistenti għall-użu f'temperaturi ta' inqas minn – 20 °C f'kundizzjonijiet normali ta' tħaddim u ħżin:

(a)

stann ta' unitajiet ta' ċirkwit stampati;

(b)

kisjiet tat-terminazzjoni tal-komponenti elettriċi u elettroniċi u kisjiet tal-unitajiet ta' ċirkwit stampati;

(c)

stann għall-wajers u l-kejbils ta' konnessjoni;

(d)

stann għall-konnessjoni ta' transdjusers u sensers.

Iċ-ċomb fi stann ta' konnessjonijiet elettriċi tas-sensers tal-kejl tat-temperatura f'apparat li huwa mfassal biex jintuża perjodikament f'temperaturi taħt – 150 °C.

Dawn l-eżenzjonijiet jiskadu fit-30 ta' Ġunju 2021.”