3.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/22


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/882

tal-1 ta' Ġunju 2016

li temenda d-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti tal-lingwa

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha,

Billi:

(1)

Ċerti dispożizzjonijiet fl-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE dwar ir-rekwiżiti tal-lingwa ta' livell B1 għas-sewwieqa tal-ferroviji huma diffiċli bla bżonn speċjalment f'dawk il-każijiet speċifiċi ħafna fejn is-sewwieqa tal-ferroviji jaslu biss sal-istazzjon tal-fruntiera ta' Stat Membru ġar u għalhekk iħallu impatt fuq il-kontinwità ta' operazzjonijiet transkonfinali.

(2)

Għaldaqstant hemm bżonn li l-piż lingwistiku żejjed jitnaqqas speċjalment fit-taqsimiet bejn il-fruntieri u l-istazzjonijiet li jinsabu qrib il-fruntieri u li huma identifikati bħala stazzjonijiet fejn isiru operazzjonijiet transkonfinali, billi s-sewwieqa inkwistjoni jiġu eżentati mir-rekwiżiti tal-lingwa fil-livell B1.

(3)

Bħala prerekwiżit għall-eżenzjoni, għandhom isiru arranġamenti suffiċjenti biex tiġi żgurata l-komunikazzjoni bejn is-sewwieqa inkwistjoni u l-persunal tal-maniġer tal-infrastruttura f'sitwazzjonijiet ta' rutina, dawk perikolużi u ta' emerġenza, sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv fuq is-sikurezza tas-sistema ferrovjarja.

(4)

Għandhom jiġu pprovduti miżuri ta' tranżizzjoni għas-sewwieqa tal-ferroviji li kisbu jew se jiksbu l-liċenzja tagħhom skont id-Direttiva 2007/59/KE qabel id-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva.

(5)

Id-Direttiva 2007/59/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2007/59/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Is-sewwieqa tal-ferroviji li kisbu jew se jiksbu l-liċenzja tagħhom skont id-Direttiva 2007/59/KE qabel l-1 ta' Lulju 2016 se jitqies li huma konformi mar-rekwiżiti tagħha.

Artikolu 3

1.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2016, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2016.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza ta' dan it-tip waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir referenza ta' dan it-tip.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   L-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għar-Repubbika ta' Ċipru u għar-Repubblika ta' Malta sakemm ma tiġix stabbilita sistema ferrovjarja fit-territorji tagħhom.

Artikolu 4

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.


ANNESS

Il-punt 8 tal-Anness VI tad-Direttiva 2007/59/KE jinbidel b'dan li ġej:

“8.   TESTIJIET TAL-LINGWA

1.

Is-sewwieqa li jridu jikkomunikaw mal-amministratur tal-infrastruttura dwar kwistjonijiet essenzjali ta' sigurtà għandhom ikollhom kompetenzi lingwistiċi mill-inqas f'waħda mill-lingwi indikati mill-amministratur tal-infrastruttura kkonċernat. Il-ħiliet lingwistiċi tagħhom għandhom ikunu tali li jistgħu jikkomunikaw attivament u effettivament f'sitwazzjonijiet ta' rutina, dawk perikolużi u ta' emerġenza. Għandhom ikunu kapaċi jużaw il-messaġġi u l-metodu ta' komunikazzjoni speċifikat fit-TSI tal-“Operat u l-Ġestjoni tat-Traffiku”.

2.

Sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fil-punt 1, is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi jifhmu (kemm mis-smigħ u kif ukoll mill-qari) u jikkomunikaw (kemm mit-taħdit u kif ukoll mill-kitba) fil-livell B 1 tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (QKERL) kif stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa (1).

3.

Fil-każ ta' taqsimiet bejn il-fruntieri u l-istazzjonijiet li jinsabu qrib il-fruntieri u li huma identifikati bħala stazzjonijiet fejn isiru operazzjonijiet transkonfinali, is-sewwieqa ta' ferroviji mħaddma minn impriża ferrovjarja jistgħu jiġu eżentati mill-amministratur tal-infrastruttura mir-rekwiżiti tal-paragrafu 2, dment li tiġi applikata l-proċedura segwenti:

(a)

l-impriża ferrovjarja għandha titlob deroga mingħand l-amministratur tal-infrastruttura għas-sewwieqa kkonċernati. Sabiex ikun żgurat trattament ġust u indaqs tal-applikanti, l-amministratur tal-infrastruttura għandu japplika l-istess proċedura ta' valutazzjoni li għandha tkun parti mid-dikjarazzjoni tan-netwerk, għal kull talba ppreżentata;

(b)

il-maniġer tal-infrastruttura għandu jagħti deroga jekk l-impriża ferrovjarja tkun tista' turi li hija tkun għamlet arranġamenti suffiċjenti biex tiġi żgurata l-komunikazzjoni bejn is-sewwieqa kkonċernati u l-impjegati tal-amministratur tal-infrastruttura f'sitwazzjonijiet ta' rutina, dawk perikolużi u ta' emerġenza, kif previst fil-paragrafu 1;

(c)

l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura għandhom jiżguraw li l-persunal ikkonċernat jaf b'dawn ir-regoli u l-arranġamenti u li jirċievi t-taħriġ xieraq permezz tas-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza tagħhom.”


(1)  Il-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi: Learning, Teaching, Assessment, 2001 (Cambridge University Press għall-verżjoni bl-Ingliż ISBN 0-521-00531-0). Disponibbli wkoll fuq is-sit web tas-Cedefop: http://www.cedefop.europa.eu/