2.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 208/46


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1318

tad-29 ta' Lulju 2016

dwar il-linji gwida għall-promozzjoni ta' binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero u l-aħjar prattiki biex jiġi żgurat li, sal-2020, il-binjiet ġodda kollha jkunu binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-bini huwa fil-qalba tal-politika tal-effiċjenza enerġetika tal-UE, minħabba li dan jikkostitwixxi qrib l-40 % (1) tal-konsum aħħari tal-enerġija.

(2)

L-importanza tas-settur tal-bini għat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija ġiet enfasizzata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-effiċjenza enerġetika u l-kontribut tagħha għas-sigurtà tal-enerġija u l-qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija (2) u fil-Komunikazzjoni tagħha dwar qafas strateġiku għal unjoni tal-enerġija reżiljenti b'politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il quddiem (3).

(3)

L-implimentazzjoni sħiħa u t-tisħiħ tal-leġislazzjoni eżistenti tal-enerġija huma rikonoxxuti bħala l-ewwel prijorità fl-istabbiliment tal-Unjoni tal-Enerġija.

(4)

Id-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija hi l-istrument legali prinċipali li jindirizza l-effiċjenza enerġetika tal-bini fil-kuntest tal-miri tal-2020 għall-effiċjenza enerġetika.

(5)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva jistipula objettiv speċfiku li, sa tmiem l-2020, kull bini ġdid għandu jkollu ħtiġijiet enerġetiċi baxxi ħafna jew qrib żero. Il-ħtiġijiet enerġetiċi baxxi ħafna jew qrib żero għandhom fil-parti l-kbira tagħhom jiġu koperti minn sorsi ta' enerġija rinovabbli.

(6)

Hija meħtieġa leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) biex jiġi żgurat li sal-31 ta' Diċembru 2020 il-bini ġdid kollu jkun bini li juża qrib żero enerġija. L-istess mira ta' enerġija qrib żero iżda bi skadenza iqsar sal-31 ta' Diċembru 2018 tapplika għal bini ġdid li huwa proprjetà ta' awtoritajiet pubbliċi u okkupat minnhom. Din għandha toħloq qafas legali nazzjonali trasparenti għall-operaturi ekonomiċi fir-rigward tar-rekwiżiti għall-prestazzjoni tal-enerġija ta' bini ġdid sa tmiem l-2020.

(7)

B'mod parallel għal rekwiżiti għal bini ġdid, id-Direttiva tistipula li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu politiki ta' appoġġ biex jistimulaw ir-rinnovazzjoni ta' stokks ta' bini eżistenti lejn il-mira li dan jibda juża livelli ta' enerġija qrib żero.

(8)

Il-Kummissjoni ħarġet rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq il-progress mill-Istati Membri lejn bini li juża qrib żero enerġija (4). Aktar tagħrif inġabar mill-Istati Membri bħala parti mill-obbligi ta' rapportar tagħhom dwar is-suġġett.

(9)

Il-progress mill-Istati Membri tjieb bil-mod iżda għandu jitħaffef. Għalkemm żdiedu l-miżuri li jappoġġaw it-tkattir ta' bini li juża qrib żero enerġija fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li kull bini ġdid ikun bini li juża qrib żero enerġija sad-dati fil-mira fid-Direttiva.

(10)

Id-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini attwalment qed tiġi riveduta. Il-prinċipji għal bini li juża qrib żero enerġija huma wieħed mill-pilastri tad-Direttiva attwali u mistennija li jsiru n-norma għal bini ġdid mill-2020. Ir-reviżjoni għandha tivvaluta jekk se jkunux se jiġu meħtieġa miżuri addizzjonali għall-2030. L-iżvilupp ta' politiki u approċċi ġodda għandu jissejjes fuq sisien sodi. Huwa importanti li r-rekwiżiti għall-bini li juża qrib żero enerġija għall-2020 jiġu implimentati bis-sħiħ.

(11)

Dan isostnih ukoll l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva, li jipprevedi li l-Kummissjoni tista' toħroġ rakkomandazzjoni dwar bini li juża qrib żero enerġija lill-Istati Membri,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri għandhom isegwu l-linji gwida stipulati fl-Anness għal din ir-Rakkomandazzjoni. Is-segwiment ta' dawn il-linji gwida għandu jgħin sabiex, sal-31 ta' Diċembru 2020, il-bini kollu ġdid ikun bini li juża qrib żero enerġija, u se jgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali biex jiżdied l-għadd ta' bini li juża qrib żero enerġija.

2.

Ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ara “Energy, transport and environment indicators, 2012 edition”, il-Kummissjoni Ewropea. Għall-finijiet ta' din l-istima, il-konsum aħħari tal-enerġija għad-djar u għas-setturi tas-servizzi ġie magħqud. Dan jinkludi, pereżempju, il-konsum tal-elettriku għal tagħmir iżda jeskludi l-konsum tal-enerġija f'bini industrijali.

(2)  SWD(2014) 255 finali.

(3)  Il-Pakkett dwar l-unjoni tal-enerġija COM(2015) 80 finali.

(4)  COM(2013) 483 finali/2.


ANNESS

1.   INTRODUZZJONI

Wara l-introduzzjoni tar-rekwiżiti tal-effiċjenza fil-kodiċijiet nazzjonali tal-bini, il-binjiet ġodda tal-lum saru jikkunsmaw biss nofs dak li kienu jikkunsmaw binjiet tipiċi tas-snin tmenin.

Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (l-“EPBD” jew “id-Direttiva”) titlob li l-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija ta' binjiet mibnijin ġodda u binjiet eżistenti li jkunu qed isirulhom xogħlijiet kbar ta' rinnovazzjoni. Minbarra dawn ir-rekwiżiti minimi, l-EPBD tistabbilixxi rekwiżit ċar għall-binjiet ġodda kollha li, sa tmiem id-deċennju, ikollhom ħtiġijiet enerġetiċi qrib iż-żero jew baxxi ħafna u li jikkwalifikaw bħala binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero (NZEB, nearly żero-energy buildings). Madankollu, l-istokk ta' binjiet eżistenti huwa qadim u ineffiċjenti u qiegħed jiġi rinnovat bil-mod wisq. B'konformità mal-EPBD, l-istokk tal-binjiet eżistenti għandu wkoll jiġi gradwalment ittrasformat għal standards simili.

L-implimentazzjoni u l-infurzar bis-sħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-enerġija huma rikonoxxuti bħala l-ewwel prijorità fl-istabbiliment tal-Unjoni tal-Enerġija (1). L-iżgurar li sal-31 ta' Diċembru 2020 (sentejn qabel għall-binjiet pubbliċi) il-binjiet ġodda kollha jkunu binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero, u l-appoġġ tat-trasformazzjoni tal-istokkijiet ta' binjiet eżistenti għall-istandards ta' NZEB, huma żewġ rekwiżiti kruċjali fil-qafas ġuridiku attwali.

2.   KUNTEST: ID-DISPOŻIZZJONIJIET TAL-EPBD DWAR L-NZEB

2.1.   Il-kunċett ta' NZEB

Skont l-Artikolu 2(2) tal-EPBD, NZEB “… tfisser bini li għandu rendiment tajjeb ħafna fl-użu tal-enerġija, kif determinat skont l-Anness I. L-enerġija qrib iż-żero jew l-ammont baxx ħafna ta' enerġija meħtieġa għandu jiġi fil-maġġor parti tiegħu minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, inkluż minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli prodotta fuq il-post jew fil-qrib”.

L-ewwel parti tad-definizzjoni tistabbilixxi r-rendiment fl-użu tal-enerġija bħala l-element ta' definizzjoni li jagħmel bini “NZEB”. Dan ir-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jkun għoli ħafna u għandu jiġi ddeterminat skont l-Anness I tal-EPBD. It-tieni parti tad-definizzjoni tipprovdi l-prinċipji ta' gwida biex jinkiseb dan ir-rendiment għoli ħafna billi l-ammont ta' enerġija baxx li jirriżulta jiġi kopert f'livell sinifikattiv ħafna b'enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Il-kunċett ta' NZEB jirrifletti l-fatt li l-enerġija rinnovabbli u l-miżuri tal-effiċjenza jaħdmu flimkien. Meta tkun preżenti fil-bini, l-enerġija rinnovabbli tnaqqas l-enerġija fornita netta. F'ħafna każijiet, l-enerġija rinnovabbli fuq il-post ma tkunx biżżejjed sabiex twassal għal-ħtiġijiet enerġetiċi għal qrib żero, mingħajr miżuri ulterjuri ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew tnaqqis sinifikattiv fil-fatturi tal-enerġija primarja għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli mhux fuq il-post. Għaldaqstant, rekwiżiti ogħla u iktar stretti għal NZEB effiċjenti ħafna jixprunaw użu ikbar ta' rinnovabbli fuq il-post u għandhom jirriżultaw fl-adattament ta' fatturi tal-enerġija primarja għall-portaturi tal-enerġija mhux fuq il-post, filwaqt li jitqies il-kontenut ta' enerġija rinnovabbli.

Filwaqt li l-EPBD tistabbilixxi d-definizzjoni qafas ta' NZEBs, l-applikazzjoni dettaljata tagħha fil-prattika (eż. x'inhurendiment għoli ħafna fl-użu tal-enerġija ” u xi jkun il-kontribut sinifikanti rrakkomandat ta' “ enerġija minn sorsi rinnovabbli ”) hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri meta jittrasponu l-Artikolu 9 tad-Direttiva fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali tagħhom.

2.1.1.   X'inhu r-rendiment fl-użu tal-enerġija ta' bini “b'użu ta' enerġija qrib iż-żero”?

Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija huwa ddefinit (2) bħala “… l-ammont ta' enerġija meħtieġ sabiex tiġi sodisfatta d-domanda għall-enerġija assoċjata ma' użu tipiku tal-bini li jinkludi, fost l-oħrajn, l-enerġija użata għat-tisħin, it-tkessiħ, il-ventilazzjoni, l-ilma sħun u l-illuminazzjoni”. Ir-Regolament ta' delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 244/2012 (3) u l-linji gwida li jakkumpanjawh (4) jipprovdu gwida siewja dwar kif wieħed jikkalkula r-rendiment fl-użu tal-enerġija ta' bini (5).

Skont l-Anness I(3) għar-Regolament, il-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jibda bil-kalkolu tal-ħtiġijiet enerġetiċi  (6) finali għat-tisħin u t-tkessiħ, u jintemm bil-kalkolu tal-enerġija primarja netta. Id-“direzzjoni” tal-kalkolu tmur mill-ħtiġijiet tal-bini għas-sors (jiġifieri lejn l-enerġija primarja).

Skont l-EPBD, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-fatturi tal-enerġija primarja nazzjonali tagħhom stess sabiex jittrasformaw l-enerġija fornuta finali f'enerġija primarja u jikkalkulaw ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini.

L-użu tal-enerġija primarja għandu jiġi kkalkulat billi jintużaw fatturi tal-enerġija primarja speċifiċi għal kull portatur tal-enerġija (eż. elettriku, żejt għat-tisħin, bijomassa, tisħin u tkessiħ distrettwali). Il-linji gwida li jakkumpanjaw ir-Regolament Delegat jirrakkomandaw li jintuża l-istess fattur tal-enerġija primarja ta' 2.5 għall-elettriku fornut u għal dak esportat.

L-enerġija prodotta fuq il-post (użata fuq il-post jew esportata) tnaqqas il-ħtiġijiet ta' enerġija primarja assoċjata mal-enerġija fornuta.

L-għan aħħari tal-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija huwa li jkun stabbilit l-użu tal-enerġija annwali kumplessiv f'enerġija primarja netta, li jikkorrispondi għall-użu ta' enerġija għat-tisħin, it-tkessiħ, il-ventilazzjoni, l-ilma sħun u l-illuminazzjoni. Dan l-ibbilanċjar annwali huwa konsistenti mal-qafas attwali tal-EPBD. Madankollu, l-istudji jissuġġerixxu li jista' jkun hemm benefiċċji fil-kalkolu tal-bilanċi tal-enerġija f'intervalli iżgħar ta' żmien (eż. sabiex jiġu osservati l-effetti ta' kuljum u staġjonali) (7).

B'konformità mal-Artikolu 4(1), ir-rekwiżiti minimi għandhom iqisu l-kundizzjonijiet klimatiċi ġenerali fuq ġewwa ġenerali sabiex jevitaw effetti negattivi possibbli bħal ventilazzjoni inadegwata. Sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-kwalità tal-arja, tal-kumdità u tal-kundizzjonijiet tas-saħħa ta' ġewwa fl-istokk ta' binjiet Ewropej (8), l-approċċ pass, pass biex ir-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' NZEB madwar l-Ewropa jsiru iktar stretti għandu jitwettaq flimkien ma' strateġiji adatti li jindirizzaw l-ambjent ta' ġewwa.

B'mod simili, l-istudji (9) jindikaw li spiss, binjiet ġodda u rinnovati ma jilħqux il-prestazzjonni ppjanata fl-użu tal-enerġija. Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi għall-kalibraġġ tal-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija mal-użu tal-enerġija attwali.

2.1.2.   Ir-relazzjoni bejn il-livelli kostottimali u ta' NZEB

L-EPBD tistabbilixxi sistema ta' valutazzjoni komparattiva (il-prinċipju ta' “kostottimalità”) sabiex tiggwida lill-Istati Membri fl-istabbiliment tar-rekwiżiti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jinsabu fil-kodiċijiet nazzjonali jew reġjonali tal-bini, u sabiex jirriveduhom b'mod regolari. Skont l-EPBD, il-kostottimalità (10) tistabbilixxi l-livell minimu ta' ambizzjoni kemm għar-rinnovazzjoni ta' bini kif ukoll għal binjiet ġodda.

B'konformità mar-rekwiżiti kostottimali tal-Artikolu 5 tad-Direttiva, ir-rekwiżiti nazzjonali minimi ta' rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jiġu riveduti kull ħames snin u jissaħħu jekk ikunu b'mod sinifikattiv inqas ambizzjużi mil-livelli kostottimali nazzjonali.

Il-metodoloġija tal-kostottimalità tippermetti lill-Istati Membri jiddefinixxu l-medda ta' rekwiżiti ta' NZEB fl-2020. Dan jeħtieġ il-valutazzjoni u t-tqabbil tal-miżuri differenti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, kemm individwalment kif ukoll f'taħlita, bħala parti mill-pakketti ta' miżuri li jridu jiġu applikati għall-binjiet ta' referenza.

Għaldaqstant, sabiex jiddefinixxu u jilħqu l-livell ta' NZEB, l-Istati Membri jistgħu jużaw taħlitiet differenti ta' miżuri fir-rigward tal-iżolament jew miżuri oħrajn ta' effiċjenza enerġetika, l-inklużjoni ta' sistemi tekniċi ta' kostruzzjoni effiċjenti ħafna u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fuq il-post (11). Bħala parti mill-kalkoli kostottimali, l-Istati Membri jeħtieġ jistħarrġu l-kontribut ta' kull wieħed minn dawn it-tliet tipi ta' miżuri.

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu fatturi tal-enerġija primarja għal kull portatur tal-enerġija. Dawn il-fatturi tal-enerġija primarja jistgħu jkunu bbażati fuq valuri medji nazzjonali jew reġjonali, jew fuq valuri speċifiċi. Dawn il-fatturi għandhom iqisu l-kontenut ta' enerġija rinnovabbli tal-enerġija fornuta lill-bini, inkluż minn sorsi fil-qrib, sabiex is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq il-post u mhux fuq il-post ikunu fuq l-istess livell.

Ta' min jiftakar li, għall-parti l-kbira tal-binjiet il-ġodda, il-kunċett ta' binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero ser jibda japplika minn Jannar 2021 'il quddiem (għal binjiet pubbliċi ġodda minn Jannar 2019 'il quddiem). Sa dak iż-żmien, l-ispejjeż marbutin mat-teknoloġija aktarx li jkunu aktar baxxi b'reazzjoni għal swieq iktar maturi u volumi ikbar. Huwa għalhekk probabbli li l-livelli ta' NZEB ser jikkorrispondu mal-livell kostottimali għall-2020.

L-evidenza tissuġġerixxi li t-teknoloġiji eżistenti marbutin mal-iffrankar tal-enerġija, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli huma biżżejjed sabiex, flimkien, jilħqu mira adatta għal binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero (12). Ma ġietx identifikata diskrepanza teknoloġika li kieku riedet titneħħa sal-2021. L-analiżi tar-rapporti dwar il-kostottimalità meħtieġa mill-Artikolu 5 tal-EPBD tindika li huwa possibbli li tinkiseb tranżizzjoni mingħajr problemi bejn il-kostottimalità u l-NZEB (13).

Kull ċiklu tal-kostottimalità ta' ħames snin jippreżenta opportunità sabiex il-kisbiet fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jiddaħħlu fil-kodiċijiet nazzjonali tal-bini hekk kif tinkiseb evidenza ta' teknoloġiji ġodda, u possibbiltà li jiġu emendati r-regoli dwar ir-rendiment tal-bini sabiex tonqos id-differenza għal livelli kostottimali. Wara l-2020, il-prinċipju ta' kostottimalità ser jippermetti li jsir titjib kontinwu tal-livell ta' ambizzjoni tar-rekwiżiti ta' NZEB għall-binjiet ġodda, bħala parti mir-reviżjoni regolari tal-kodiċijiet nazzjonali tal-kostruzzjoni għal binjiet ġodda u eżistenti.

2.1.3.   Kif jikkontribwixxu s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli?

Objettiv importanti partikolari kien l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-implimentazzjoni nazzjonali ta' NZEB. Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli tirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu fir-regolamenti u l-kodiċi tal-kostruzzjoni tagħhom miżuri adatti sabiex iżidu s-sehem ta' kull tip ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli fis-settur tal-kostruzzjoni (15).

Dawn il-miżuri huma kumplimentari għar-rekwiżiti ta' NZEB fl-EPBD. Id-dispożizzjonijiet tal-EPBD naturalment jixprunaw l-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari fuq il-post peress li l-enerġija prodotta fuq il-bini tnaqqas l-enerġija primarja assoċjata mal-enerġija fornuta. B'dan il-mod, ir-rinnovabbli fuq il-post dejjem huma parti mill-kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini.

Filwaqt li bosta Stati Membri jeħtieġu sehem ta' enerġija rinnovabbli tal-enerġija primarja użata jew kontribut minimu ta' enerġija rinnovabbli f'kWh/(m2.y), oħrajn jużaw rekwiżit indirett bħal użu baxx ta' enerġija primarja mhux rinnovabbli li jista' jiġi ssodisfat biss jekk l-enerġija rinnovabbli tkun parti mill-kunċett tal-bini (16). Din il-flessibbiltà tippermetti l-adattament għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-kundizzjonijiet lokali (tip ta' bini, klima, kostijiet għal teknoloġiji rinnovabbli u aċċessibbiltà komparabbli, tgħaqqid ottimali mal-miżuri fin-naħa tad-domanda, densità tal-bini, eċċ). L-iktar sistemi tal-enerġija rinnovabbli applikati spiss f'NZEB huma sistemi termiċi solari u PV fuq il-bini. Sorsi oħrajn tal-enerġija rinnovabbli użati f'dawn il-binjiet huma ġeotermiċi (minn pompi tas-sħana mill-art) u l-bijomassa.

Pereżempju, teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli bħal sistemi termiċi solari u PV huma iktar kosteffettivi fi klimi Mediterranji (ikkaratterizzati minn radjazzjoni solari ogħla) milli fi klimi oħrajn. Għaldaqstant, dawn it-teknoloġiji jista' jkollhom kontribut relattivament ogħla għal rekwiżiti iktar stretti ta' rendiment fl-użu tal-enerġija.

Fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli mhux fuq il-post, inklużi dawk fil-qrib bħal tisħin u tkessiħ distrettwali (17), is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita ta' portaturi tal-enerġija (pereżempju fit-taħlita ta' netwerk tal-elettriku meta l-elettriku jkun il-portatur tal-enerġija) sejrin jaffettwaw ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini permezz ta' fatturi tal-enerġija primarja. L-Istati Membri jużaw din il-flessibbiltà peress li ġeneralment jiġu osservati fatturi ferm differenti tal-enerġija primarja għal portaturi tal-enerġija differenti, u għall-biċċa l-kbira mis-sorsi u t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli b'mod partikolari (18).

2.2.   X'hemm bżonn li jkopru d-definizzjonijiet nazzjonali applikati ta' NZEB?

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (19) diġà jużaw indikatur tal-użu tal-enerġija primarja f'kWh/(m2.y) b'konformità mal-Anness I. Barra minn hekk, l-Istati Membri spiss jinkludu parametri oħrajn bħall-valuri-U tal-komponenti tal-envelopp tal-bini, l-enerġija netta u finali għat-tisħin u t-tkessiħ u l-emissjonijiet tad-CO2.

Madwar 60 % tal-Istati Membri stabbilew l-applikazzjoni dettaljata tagħhom tad-definizzjoni ta' NZEB f'dokument legali (eż. regolamenti dwar il-kostruzzjoni u digrieti dwar l-enerġija).

L-applikazzjoni dettaljata tal-Istati Membri fil-prattika tad-definizzjoni ta' binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero trid tinkludi indikatur numeriku ta' użu tal-enerġija primarja espress f'kWh/(m2.y) (20). Din l-applikazzjoni dettaljata għandha tkun inkluża fil-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali jew fil-pjan nazzjonali għaż-żieda tan-numru ta' NZEB.

2.3.   Binjiet ġodda: skeda ta' żmien għall-miri ta' NZEB

L-Artikolu 9(1) tal-EPBD jirrikjedi lill-Istati Membri li

“… jiżguraw li:

(a)

sal-31 ta' Diċembru 2020, il-binjiet ġodda kollha għandhom ikunu binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero; u

(b)

wara l-31 ta' Diċembru 2018, binjiet ġodda okkupati mill-awtoritajiet pubbliċi u fil-pussess tagħhom għandhom ikunu binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) teħtieġ li jkun fiha dispożizzjonijiet, miżuri jew politiki li jiżguraw li sal-31 ta' Diċembru 2020 il-binjiet ġodda kollha jkunu binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero. L-istess japplika għal binjiet pubbliċi ġodda okkupati u fil-pussess tas-settur pubbliku li jridu jkunu binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero sal-31 ta' Diċembru 2018.

Bil-għan li titħejja l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(1), il-pjanijiet nazzjonali għaż-żieda tan-numru ta' binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero kellhom jinkludu inter alia miri intermedji għat-titjib tal-prestazzjoi fl-użu tal-enerġija tal-binjiet ġodda sal-2015. Dawn il-miri jistgħu jirrelataw mal-perċentwal minimu ta' binjiet ġodda li jridu jkunu binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero, sa dik id-data.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1)(a) jintlaħqu sal-31 ta' Diċembru 2020 u l-31 ta' Diċembru 2018 għall-Artikolu 9(1)(b). Għad li dawn id-dati huma fil-futur, l-iskadenza għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 9 kienet id- 9ta' Jannar 2013  (21). Sa din id-data, id-dispożizzjonijiet kollha ta' NZEB tal-Artikolu 9 kellhom ikunu riflessi fil-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali. Tabilħaqq, perjodu twil bħal dan huwa neċessarju peress li l-ippjanar, il-kisba ta' permess u l-kostruzzjoni ta' bini jirrekjedu ħafna żmien.

L-istabbiliment ta' dawn il-miri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali joħloq trasparenza dwar l-għanijiet politiċi u jagħti viżibilità lill-operaturi ekonomiċi u partijiet ikkonċernati oħrajn rigward ir-rekwiżiti futuri għar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-binjiet il-ġodda.

Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li sad-dati rilevanti, “il-bini kollu jkun bini li juża kważi żero enerġija”. Għaldaqstant, ċittadini li jixtru binjiet jew appartamenti mibnijin ġodda fl-2021 jistennew li s-suq ikun evolva skont dawn il-miri, u li l-binjiet ikunu NZEBs.

L-esperjenza mis-settur tal-kostruzzjoni turi li ż-żmien ta' tmiem il-kostruzzjoni jew it-tlestija ta' bini jista' jkun inċert u jista' jġarrab dewmien. L-Istati Membri jridu jqisu fil-perjodu ta' validità tal-permessi tal-bini, it-tul tal-kostruzzjoni u t-tlestija tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni u l-miri fl-Artikolu 9(1) tal-EPBD sabiex jevitaw milli jonqsu milli jissodisfaw l-obbligu li jiżguraw li “il-bini kollu jkun bini li juża kważi żero enerġija sa Jannar 2021”.

2.4.   Il-politiki u l-miżuri għall-promozzjoni ta' NZEB

Skont l-Artikolu 9(1), l-Istati Membri għandhom ifasslu l-pjanijiet nazzjonali sabiex iżidu n-numru ta' NZEBs. L-elementi minimi li jridu jiddaħħlu fil-pjanijiet nazzjonali huma stabbiliti fl-Artikolu 9(3), kif ġej:

“Il-pjanijiet nazzjonali għandhom jinkludu, inter alia, l-elementi li ġejjin:

(a)

l-applikazzjoni dettaljata tal-Istat Membru fil-prattika tad-definizzjoni ta' bini li juża kważi żero enerġija, filwaqt li jirriflettu l-kundizzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, u jinkludu indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja espressa kWh/m2fis-sena …;

(b)

miri intermedji għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-binjiet ġodda, sal-2015 …;

(c)

informazzjoni dwar il-politiki u miżuri finanzjarji jew oħrajn (…) inklużi dettalji tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f'binjiet ġodda u binjiet eżistenti li jkun qiegħed issirilhom rinnovazzjoni ewlenija fil-kuntest tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Artikoli 6 u 7 ta' din id-Direttiva.”

2.5.   L-appoġġ lit-trasformazzjoni ta' binjiet eżistenti lejn NZEB

L-EPBD tinkludi wkoll obbligi ta' NZEB relatati ma' binjiet eżistenti mingħajr dati mira jew obbligu li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi ta' rendiment fl-użu tal-enerġija. L-Artikolu 9(2) tal-EPBD jirrikjedi li l-Istati Membri “jsegwu l-eżempju mexxej tas-settur pubbliku, jiżviluppaw linji politiċi u jieħdu miżuri bħall-iffissar ta' miri sabiex jistimulaw t-trasformazzjoni ta' bini li jiġi rinnovat f'bini li juża kważi żero enerġija, u jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom …”.

L-appoġġ għat-trasformazzjoni tal-istokkijiet ta' binjiet eżistenti lejn NZEBs skont l-Artikolu 9(2) tal-EPBD għandu jinkludi bħala element iż-żieda tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (Artikolu 9(3)(c)). Barra minn hekk, l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva RES jirrikjedi li l-Istati Membri jippromwovu l-użu tat-tisħin u t-tkessiħ bl-enerġija rinnovabbli fil-kodiċijiet u r-regolamenti tal-kostruzzjoni tagħhom.

Għalhekk, l-Artikolu 9(2) għandu l-għan li jżid il-firxa tar-rinnovazzjoni billi jistabbilixxi politiki nazzjonali ta' appoġġ sabiex il-binjiet eżistenti jiġu mġeddin għal livelli ogħla ta' NZEB. L-obbligu fl-Artikolu 9(2) tal-EPBD huwa kkumplimentat minn strateġiji nazzjonali fit-tul dwar il-bini skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) (EED), li għandhom jirriżultaw f'rati ikbar ta' rinnovazzjoni ikbar permezz tal-mobilizzazzjoni ta' finanzjament u investimenti fir-rinnovazzjoni tal-bini. Dawn l-istrateġiji ta' rinnovazzjoni fit-tul jiġbru flimkien l-elementi msemmijin hawn fuq tal-EED (rata ta' rinnovazzjoni) u tal-EPBD (firxa tar-rinnovazzjoni).

Id-definizzjoni qafas ta' NZEB fl-EPBD ma tagħmilx distinzjoni bejn binjiet ġodda u eżistenti. Distinzjoni bħal din tista' tqarraq bil-konsumatur, hekk ukoll jekk ikun hemm klassifikazzjonijiet separati taċ-Ċertifikazzjoni tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija għal binjiet ġodda u eżistenti.

Għaldaqstant, “Tiġdid għal NZEB” ifisser tiġdid ta' qies li jippermetti li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' rendiment fl-użu tal-enerġija f'livell ta' NZEB. Dan ma jipprevjenix l-iskedi ta' żmien u l-appoġġ finanzjarju differenti għal binjiet eżistenti, b'rikonoxximent tal-perjodu itwal meħtieġ sabiex il-livelli ta' NZEB ikunu kostottimali fil-każ ta' binjiet eżistenti.

3.   PROGRESS MILL-ISTATI MEMBRI LEJN NZEB

3.1.   Definizzjonijiet nazzjonali ta' NZEB applikati

L-indikaturi numeriċi mhumiex komparabbli bejn l-Istati Membri għaliex jintużaw metodoloġiji differenti ta' kalkolu tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (23). Ċerti Stati Membri estendew l-ambitu tal-indikatur numeriku billi inkludew użi tal-enerġija mhux obbligatorji, eż. l-użu tal-enerġija fl-apparati domestiċi. L-evidenza turi kif l-inklużjoni tal-illuminazzjoni u l-apparati domestiċi tista' tirriżulta f'soluzzjonijiet iktar ottimali, speċjalment għall-użu tal-elettriku (24).

B'din l-ispjegazzjoni, l-evidenza disponibbli (25) turi li fejn ġie stabbilit indikatur numeriku, ir-rekwiżiti jvarjaw ħafna minn 0 kWh/(m2.y) sa 270 kWh/(m2.y) (li tinkludi l-użu tal-enerġija fl-apparati domestiċi) u fil-parti l-kbira jingħataw bħala użu tal-enerġija primarja f'kWh/m2/y. Il-valuri aktar għoljin huma l-iktar għall-isptarijiet jew binjiet mhux residenzjali speċjalizzati oħrajn.

Għal binjiet residenzjali, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom l-għan li jkollhom użu tal-enerġija primarja li mhuwiex ogħla minn 50 kWh/(m2.y). L-użu massimu tal-enerġija primarja jvarja bejn 20 kWh/(m2.y) fid-Danimarka jew 33 kWh/(m2.y) fil-Kroazja (Littoral) u 95 kWh/(m2.y) fil-Latvja. Bosta pajjiżi (il-Belġju (Brussell), l-Estonja, Franza, l-Irlanda, is-Slovekkja, ir-Renju Unit, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Kroazja (Kontinentali), Malta, is-Slovenja) jimmiraw lejn 45 jew 50 kWh/(m2.y) (26).

Fir-rigward tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli, ir-rappurtar huwa kemxejn varjat, bi ftit pajjiżi biss li jiddefinixxu perċentwal minimu speċifiku u l-maġġoranza jagħmlu dikjarazzjonijiet kwalitattivi.

Ebda Stat Membru ma għadu rrapporta xi reġim leġiżlattiv għaliex ma applikax ir-rekwiżiti ta' NZEB f'każijiet speċifiċi u ġustifikabbli li fihom l-analiżi tal-kost-benefiċċju tul iċ-ċiklu tal-ħajja ekonomiku tal-bini inkwistjoni tkun negattiva, kif permess taħt l-Artikolu 9(6) tal-EPBD.

3.2.   Il-politiki u l-miżuri għall-promozzjoni ta' NZEB

Valutazzjoni tal-qagħda attwali f'Ottubru 2014 (27) uriet li l-Istati Membri rrappurtaw firxa wiesgħa ta' politiki u miżuri b'appoġġ tal-objettivi tal-NZEB fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom u l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika, għad li spiss mhuwiex ċar kemm dawn il-miżuri huma mmirati b'mod speċiiku għal NZEB. Meta mqabbel mas-sitwazzjoni rrappurtata fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2013 dwar il-progress (28), in-numru ta' politiki u miżuri rrappurtati mill-Istati Membri żdied.

Iktar minn żewġ terzi tal-Istati Membri għandhom politiki u miżuri fis-seħħ fil-kategoriji ta' sensibilizzazzjoni u edukazzjoni, tisħiħ tar-regolamenti dwar il-bini u ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. L-istrumenti finanzjarji u l-miżuri ta' appoġġ, inklużi, eż. politiki dwar inċentivi, self b'rata tal-imgħax imnaqqsa, eżenzjonijiet mit-taxxa, bonusijiet enerġetiċi għal individwi privati, skemi ta' għotjiet għall-installazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, gwida u finanzjament għal popolazzjonijiet f'riskju u rati tal-imgħax issussidjati għall-ipoteki għal djar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, huma enfasi oħra għall-promozzjoni ta' NZEB.

Il-biċċa l-kbira tal-politiki u l-miżuri rrappurtati mill-Istati Membri japplikaw għal binjiet pubbliċi wkoll. L-ambitu tal-miżuri għal binjiet pubbliċi jvarja b'mod sostanzjali bejn l-Istati Membri, minn binjiet tal-gvern ċentrali biss sal-binjiet kollha ta' proprjetà pubblika jew il-binjiet kollha użati għal skopijiet pubbliċi. Ċerti Stati Membri għandhom miżuri speċifiċi għal binjiet pubbliċi wkoll. Fil-parti l-kbira, dawn huma kampanji ta' monitoraġġ (eż. “NRClick” hija sistema tal-kontabilità enerġetika għat-tqabbil ta' muniċipalitajiet differenti fil-Belġju) u proġetti ta' wiri (eż. fil-Ġermanja, il-Bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero għall-Aġenzija Ambjentali Federali (Umweltbundesamt)).

Fl-2015 tħejjiet ħarsa ġenerali wiesgħa madwar l-UE tal-istatus tal-pjanijiet nazzjonali għal NZEB (29). Din l-analiżi reċenti tikkonferma l-progress sostnut, kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità tal-miżuri nazzjonali għall-promozzjoni ta' NZEB, inkluża l-applikazzjoni ddettaljata tad-definizzjoni, il-miri intermedji sal-2015 u politiki finanzjarji u oħrajn. Dan ir-rapport jidentifika bosta oqfsa politiċi eżemplari jew pijuniera.

Ċerti Stati Membri stmaw il-benefiċċji tal-implimentazzjoni ta' NZEB. Sejrin jinħolqu impjiegi full time ġodda: bejn 649 u 1 180 fil-Bulgarija, bejn 4 100 u 6 200 fil-Polonja, bejn 1 390 u 2 203 fir-Rumanija. Il-Bulgarija qiegħda tistenna investimenti addizzjonali ta' bejn EUR 38 u 69 miljun, il-Polonja bejn EUR 240 u EUR 365 miljun, u r-Rumanija bejn EUR 82 u 130 miljun. Ir-rekwiżiti minimi għall-enerġija primarja huma previsti għal bejn 70 kWh/m2/y (il-Bulgarija u l-Polonja) u 100 kWh/m2/y (ir-Rumanija) fl-2015, iżda sejrin isiru bejn 30 kWh/m2/y u 50 kWh/m2/y fl-2020. Il-perċentwal ta' enerġija rinnovabbli sejjer jgħaddi minn 20 % fl-2015 għal 40 % fl-2020. L-emissjonijiet ta' CO2 sejrin jgħaddu minn 8-10 kgCO2/m2/y għal 3-7 kgCO2/m2/y fl-2020.

L-istudji riċenti jissuġġerixxu li t-tnaqqis fl-użu tal-enerġija ta' 80 % jew iktar huma ekonomikament vijabbli f'binjiet NZEB ġodda fl-Ewropa, għad li t-taħlita tal-miżuri magħżulin tvarja ħafna skont il-klima. Ir-riżultati juru kif approċċ wisa' għall-effiċjenza flimkien ma' miżuri rinnovabbli huwa fattibbli madwar l-UE, b'kostijiet differenti (30).

4.   RAKKOMANDAZZJONIJIET

4.1.   L-applikazzjoni tad-definizzjoni ta' NZEB fil-prattika: l-ambizzjoni ta' livell ta' NZEB ta' rendiment fl-użu tal-enerġija meta hija baxxa wisq?

Din it-taqsima tipprovdi l-prinċipji u l-fatturi ġenerali li l-Istati Membri huma rrakkomandati li jqisu meta jiżviluppaw id-definizzjoni ta' NZEB li għandha tiħi applikata fil-livell nazzjonali, b'konformità mal-EPBD.

Ma jistax ikun hemm livell uniku ta' ambizzjoni għal NZEB madwar l-UE. Hemm bżonn ta' flessibbiltà għall-impatt tal-kundizzjonijiet klimatiċi fuq il-ħtiġijiet ta' tisħin u tkessiħ u fuq il-kosteffettività tal-pakketti tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

Minkejja dan, it-termini “qrib iż-żero” jew “ammont baxx ħafna” ta' enerġija introdotti mill-EPBD jipprovdu indikazzjonijiet dwar il-firxa u l-limiti ta' diskrezzjoni tal-Istati Membri. Id-definizzjonijiet ta' NZEB għandhom jimmiraw lejn bilanċ tal-enerġija kważi perfett.

Il-livell ta' NZEB għal binjiet ġodda ma jistax ikun inqas (inqas strinġenti) mil-livell kostottimali tal-2021 li sejjer jiġi kkalkolat skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva. Il-livell kostottimali huwa l-livell minimu ta' ambizzjoni għar-rendiment ta' NZEB. Il-livell ta' NZEB tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għal binjiet ġodda sejjer jiġi stabbilit mill-aħjar teknoloġija li hija disponibbli u introdotta sew fis-suq f'dak iż-żmien, l-aspetti finanzjarji u kunsiderazzjonijiet legali u politiċi fil-livell nazzjonali.

L-istabbiliment ta' punti ta' riferiment numeriċi għall-indikaturi tal-użu tal-enerġija primarja ta' NZEB, fil-livell tal-UE, huwa l-iktar siewi meta l-valuri li jkunu jridu jitqabblu ma' dawn il-punti ta' riferiment jirriżultaw minn metodoloġiji ta' kalkolu trasparenti. Bħalissal-istandards (31) qegħdin jiġu ffinalizzati sabiex ikunu jistgħu jitqabblu b'mod trasparenti l-metodoloġiji ta' kalkolu nazzjonali u reġjonali.

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, normalment jiġu pprovduti punti ta' riferiment f'termini ta' ħtiġijiet ta' enerġija. Ir-raġunijiet sottostanti huma l-fatt li l-ħtiġijiet ta' enerġija huma l-punt ta' tluq għall-kalkolu tal-enerġija primarja u, għalhekk, livell baxx ħafna ta' ħtieġa ta' enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ huwa prekundizzjoni vitali għal binjiet b'użu ta' enerġija primarja qrib iż-żero. Ħtiġijiet baxxi ħafna ta' enerġija huma prekundizzjoni sabiex jinkiseb sehem sinifikattiv ta' enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u enerġija primarja qrib iż-żero.

Bi projjezzjoni tal-prezzijiet u t-teknoloġiji tal-2020, il-punti ta' riferiment għar-rendiment fl-użu tal-enerġija ta' NZEB huma fil-firxiet li ġejjin għaż-żoni klimatiċi differenti tal-UE (32):

 

Mediterranji:

Uffiċċji: 20-30 kWh/(m2.y) tal-enerġija primarja netta, tipikament bi 80 — 90 kWh/(m2.y) ta' użu tal-enerġija primarja kopert b'60 kWh/(m2.y) ta' sorsi rinnovabbli fuq il-post;

Dar ġdida ta' familja waħda: 0-15 kWh/(m2.y) tal-enerġija primarja netta, tipikament b'50-65 kWh/(m2.y) ta' użu tal-enerġija primarja kopert b'50 kWh/(m2.y) ta' sorsi rinnovabbli fuq il-post;

 

Oċeaniċi:

Uffiċċji: 40-55 kWh/(m2.y) tal-enerġija primarja netta, tipikament b'85-100 kWh/(m2.y) ta' użu tal-enerġija primarja kopert b'45 kWh/(m2.y) ta' sorsi rinnovabbli fuq il-post;

Dar ġdida ta' familja waħda: 15-30 kWh/(m2.y) tal-enerġija primarja netta, tipikament b'50-65 kWh/(m2.y) ta' użu tal-enerġija primarja kopert b'35 kWh/(m2.y) ta' sorsi rinnovabbli fuq il-post; u

 

Kontinentali:

Uffiċċji: 40-55 kWh/(m2.y) tal-enerġija primarja netta, tipikament b'85-100 kWh/(m2.y) ta' użu tal-enerġija primarja kopert b'45 kWh/(m2.y) ta' sorsi rinnovabbli fuq il-post;

Dar ġdida ta' familja waħda: 20-40 kWh/(m2.y) tal-enerġija primarja netta, tipikament b'50-70 kWh/(m2.y) ta' użu tal-enerġija primarja kopert bi 30 kWh/(m2.y) ta' sorsi rinnovabbli fuq il-post;

 

Nordiċi:

Uffiċċji: 55-70 kWh/(m2.y) tal-enerġija primarja netta, tipikament b'85-100 kWh/(m2.y) ta' użu tal-enerġija primarja kopert bi 30 kWh/(m2.y) ta' sorsi rinnovabbli fuq il-post;

Dar ġdida ta' familja waħda: 40-65 kWh/(m2.y) tal-enerġija primarja netta, tipikament b'65-90 kWh/(m2.y) ta' użu tal-enerġija primarja kopert bi 25 kWh/(m2.y) ta' sorsi rinnovabbli fuq il-post.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jużaw is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli f'kunċett ta' tfassil integrat sabiex ikopru r-rekwiżiti ta' użu baxx ta' enerġija tal-binjiet (33).

Ċerti Stati Membri għażlu li jorbtu l-livell ta' NZEB ma' waħda mill-aqwa klassijiet ta' rendiment fl-użu tal-enerġija (eż. klassi tal-bini A++), kif speċifikat f'ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Dan l-approċċ, meta akkumpanjat minn indikatur ċar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, huwa rrakkomandat biex tingħata informazzjoni ċara lill-investituri u biex is-suq jiġi xprunat lejn NZEB.

4.2.   L-issodisfar tal-obbligu sabiex jiġi żgurat li l-binjiet il-ġodda huma NZEB minn tmiem l-2020

It-tħejjija tal-binjiet il-ġodda sabiex jintlaħqu l-miri ta' NZEB tista' teħtieġ l-adattament tal-prattiki eżistenti. Ir-rekwiżiti minimi ta' rendiment fl-użu tal-enerġija u r-rekwiżiti ta' użu ta' enerġija qrib iż-żero jkollhom jiġu vvalutati fid-dawl tal-iskadenzi fl-Artikolu 9(1).

Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jiżguraw li jekk il-kostruzzjonijiet il-ġodda ma jirrispettawx ir-rekwiżiti ta' rendiment fl-użu tal-enerġija, ikun hemm fis-seħħ mekkaniżmi adegwati ta' sanzjonar. Dan jista' jeħtieġ sanzjonijiet differenzjati għal binjiet ġodda wara li jkunu għaddew l-iskadenzi ta' NZEB.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jivvalutaw dawn l-elementi mill-iktar fis possibbli sabiex jiġi żgurat li jinkisbu l-miri ta' NZEB. Daqstant ieħor huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiddefinixxu l-mekkaniżmu li sejjer jintuża sabiex jiġi ssorveljat l-ilħuq tal-miri ta' NZEB. Dan il-mekkaniżmu għandu jissorvelja wkoll l-ilħuq tal-miri intermedji tal-2015 b'konformità mal-Artikolu 9(1), kif ukoll it-tragwardi addizzjonali possibbli f'livell nazzjonali sal-2020. Dan sejjer isaħħaħ il-pjanijiet direzzjonali attwali ta' NZEB u jikkontribwixxi għall-mekkaniżmi ta' monitoraġġ fis-snin li ġejjin.

4.3.   Il-politiki u l-miżuri għall-promozzjoni ta' NZEB

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ntgħażlet firxa wiesgħa ta' politiki sabiex jiżdied in-numru ta' NZEBs (eż. sensibilizzazzjoni u informazzjoni, edukazzjoni u taħriġ, tisħiħ tar-regolamenti dwar il-bini u ċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, magħżulin minn: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, l-Iżvezja, is-Slovenja, ir-Renju Unit). Madankollu, kultant il-politiki jidhru kemxejn ġenerali u indirizzati għall-“binjiet kollha”. L-appoġġ speċifiku tagħhom għal NZEB mhuwiex dejjem ċar biżżejjed, u lanqas kemm jikkontribwixxu fil-prattika għall-ilħuq ta' mira ta' NZEB f'pajjiż. Għaldaqstant, hija rrakkomandata konnessjoni iktar b'saħħitha bejn il-politiki, il-miżuri u l-NZEB.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mudell mhux obbligatorju, li l-użu tiegħu huwa rrakkomandat biex jiġu ffaċilitati l-komparabbiltà u l-analiżi tal-pjanijiet ta' NZEB (34).

4.4.   L-appoġġ lit-trasformazzjoni ta' binjiet eżistenti lejn NZEB

L-aħjar prattiki għall-kisba tat-trasformazzjoni tal-istokk ta' binjiet eżistenti jvarjaw minn għarfien dwar it-teknoloġija (35), skemi ta' inċentivi għal strumenti finanzjarji, mekkaniżmi ta' tassazzjoni, strumenti ekonomiċi bħal skemi ta' obbligi ta' ffrankar tal-enerġija, strumenti tas-suq bħal sħubiji pubbliċi-privati sabiex tiġi stimulata r-rinnovazzjoni tal-bini jew ċentri ta' appoġġ fejn wieħed jinqeda f'post wieħed (one stop) li jagħtu pariri dwar it-tiġdid enerġetiku (36).

L-approċċ segwit f'ċerti Stati Membri li jorbot l-appoġġ finanzjarju għar-rinnovazzjoni tal-bini mal-ilħuq ta' klassijiet enerġetiċi għoljin ekwivalenti għal livell ta' NZEB jista' jitqies li huwa prattika tajba sabiex tiġi stimulata t-trasformazzjoni tal-istokkijiet ta' binjiet nazzjonali lejn il-livelli ta' NZEB.

Fl-aħħar deċennju, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri introduċew miżuri indirizzati lejn l-istokk ta' binjiet eżistenti u dan l-aħħar ġew definiti perspettivi avangardisti ġodda fi ħdan l-istrateġiji nazzjonali ta' tiġdid żviluppati skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika. L-Istati Membri għandhom ifasslu taħlitiet konsistenti ta' strumenti tal-politika (pakketti ta' politiki), li jiddependu parzjalment biss fuq il-baġits pubbliċi.

Dejta affidabbli sabiex jiġu ssorveljati l-impatti tal-politika, inklużi r-rendiment attwali fl-użu tal-enerġija u l-ambjent intern, huma meħtieġa fuq kollox għat-tiġdid tal-istokk ta' binjiet. F'ċerti pajjiżi b'potenzjal limitat ta' enerġija solari rinnovabbli (eż. l-Ewropa tat-Tramuntana), hemm bżonn ta' politiki li jappoġġjaw miżuri alternattivi (eż. il-bijomassa). L-adozzjoni ta' pjanijiet direzzjonali u indikaturi hija wkoll għodda tajba sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet speċifiċi u tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jkomplu jsaħħu u jevalwaw il-miżuri adottati sabiex jistimulaw b'suċċess rinnovazzjonijiet kosteffikaċi profondi u f'livell ta' NZEB.

5.   SOMMARJU TAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET

(1)

Il-prinċipji għal NZEB huma wieħed mill-pilastri tad-Direttiva attwali u huma fi triqithom li jsiru n-norma għall-binjiet ġodda mill-2020. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jimplimentaw u jinfurzaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-EPBD sabiex jiġi żgurat li l-binjiet il-ġodda kollha jsiru NZEB sad-dati fil-mira fid-Direttiva.

(2)

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu definizzjonijiet nazzjonali ta' NZEB f'livell għoli biżżejjed — mhux aktar baxxi mil-livell kostottimali proġettat tar-rekwiżiti minimi — u li jużaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli f'kunċett ta' tfassil integrat sabiex ikopru r-rekwiżiti ta' użu baxx enerġija tal-binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero. Il-punti ta' riferiment irrakkomandati huma pprovduti fit-taqsima 4.1. Għandu jiġi żgurat ambjent intern adatt sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-kwalità tal-arja interna, tal-kumdità u tal-kundizzjonijiet tas-saħħa fl-istokk ta' bini Ewropew.

(3)

Sabiex jiżguraw li binjiet ġodda sejrin ikunu NZEB minn tmiem l-2020, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw mill-iktar fis possibbli jekk hemmx bżonn li jiġu adattati l-prattiki eżistenti. Daqstant ieħor huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiddefinixxu l-mekkaniżmu li sejjer jintuża sabiex jiġi ssorveljat l-ilħuq tal-miri ta' NZEB u li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu stabbiliti sanzjonijiet differenzjati għal binjiet ġodda wara li jkunu skadew l-iskadenzi ta' NZEB.

(4)

Il-politiki u l-miżuri għall-promozzjoni tal-NZEB għandhom ikunu iktar speċifiċi meta jiċċaraw kemm jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-miri ta' NZEB. Hija rrakkomandata konnessjoni iktar b'saħħitha bejn il-politiki, il-miżuri u NZEBs. Sabiex jitħaffef il-forniment ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mudell mhux obbligatorju, li l-użu tiegħu huwa rrakkomandat biex jiġu ffaċilitati l-komparabbiltà u l-analiżi tal-pjanijiet.

(5)

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jgħaġġlu l-progress fl-iżvilupp ta' politiki ta' appoġġ li jindirizzaw b'mod speċifiku t-tiġdid ta' stokkijiet ta' bini eżistenti lejn livelli ta' NZEB. L-Istati Membri għandhom ifasslu taħlitiet konsistenti ta' strumenti ta' politika (pakketti ta' politiki) sabiex jipprovdu l-istabbiltà meħtieġa għall-perjodu fit-tul lill-investituri f'binjiet effiċjenti, inklużi rinnovazzjonijiet profondi u NZEB. Il-ġbir ta' dejta affidabbli sabiex jiġu ssorveljati l-impatti tal-politika huwa rrakkomandat sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet speċifiċi u tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni tat-tiġdid tal-istokkijiet ta' bini.


(1)  COM(2015) 80 finali.

(2)  Artikolu 2(4).

(3)  Regolament ta' delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 244/2012 tas- 16 ta' Jannar 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija billi jistabbilixxi qafas ta' metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku tal-bini u tal-elementi tal-bini (ĠU L 81, 21.3.2012, p. 18).

(4)  Linji gwida li jistabbilixxu qafas ta' metodoloġija għall-kalkolu tal-livelli kostottimali ta'rekwiżiti minimi ta' rendiment fl-użu tal-enerġija (ĠU C 115, 19.4.2012, p. 1).

(5)  Ara t-tabella fil-paġna 10 tal-linji gwida.

(6)   “Ħtieġa ta' enerġija”, “enerġija fornuta” u “enerġija primarja netta” għandhom jinqraw skont id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) Nru 244/2012 u l-Linji Gwida li jakkumpanjawh.

(7)  Ara, pereżempju, “ Analysis of load match and grid interaction indicators in net żero energy buildings with simulated and monitored data ”, Applied Energy, 31 ta' Diċembru 2014, paġni 119-131.

(8)  Rapport tal-JRC bl-isem “Promoting healthy and energy efficient buildings in the European Union” (“Il-promozzjoni ta' binjiet sani u effiċjenti fl-użu tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea”), 2016.

(9)  Ara eż. “ Predicted vs. actual energy performance of non-domestic buildings: Using post-occupancy evaluation data to reduce the performance gap ”, Anna Carolina Menezes, Andrew Cripps, Dino Bouchlaghem u Richard Buswell (2012), Applied Energy, Volum 97, paġni 355-364, http://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S0306261911007811/

(10)  Dan ifisser li l-livell ta' rendiment fl-użu tal-enerġija li jwassal għall-iktar spiża baxxa matul iċ-ċiklu tal-ħajja stmat tal-bini.

(11)  L-“enerġija minn sorsi rinnovabbli” ikopri l-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, jiġifieri enerġija mir-riħ, mix-xemx, aerotermika, ġeotermika, idrotermika u oċeanika, idroelettrika, bijomassa, gass mill-miżbla, gass u bijogassijiet minn impjanti tat-trattament tad-drenaġġ.

(12)   “Towards nearly żero-energy buildings- Definition on common principles under the EPBD” (Lejn binjiet b'użu ta' enerġija qrib iż-żero — Definizzjoni dwar prinċipji komuni taħt l-EPBD (http://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/nzeb_full_report.pdf), imwettaq minn Ecofys għall-Kummissjoni Ewropea, DĠ Enerġija.

(13)  Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-progress tal-Istati Membri fl-ilħuq tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija

(14)  Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(15)  Ara l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva RES.

(16)  EPBD Concerted Action III book, 2016.

(17)  Is-sistemi DHC fl-UE għandhom livell ta' skjerament fis-suq ta' madwar 10-13 % tal-provvista tal-enerġija tal-UE għat-tisħin/it-tkessiħ.

(18)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 12.

(19)  23 Stat Membru u wieħed mir-reġjuni tal-Belġju.

(20)  B'konformità mal-Artikolu 9(3)(a).

(21)  It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1).

(22)  Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(23)  Ħidma ta' standardizzazzjoni kurrenti u proġetti bħall-proġett GE2O (http://www.geoclusters.eu/) jippruvaw jegħlbu din il-limitazzjoni filwaqt li jirrikonoxxu d-differenzi naturali bħall-klima.

(24)  Modelling of optimal paths to reach NZEB for new constructions in Europe (L-immudellar ta' toroq ottimali sabiex jintlaħaq NZEB għal kostruzzjonijiet ġodda fl-Ewropa), ippreżentat minn Delia D'Agostino fil-konferenza tad-WSED fi Frar 2016 (http://www.wsed.at/en/programme/young-researchers-conference-energy-efficiency-biomass/)

(25)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52013DC0483R(01)&from=MT. Dan ir-rapport jinkludi informazzjoni mill-Istati Membri kollha ħlief il-Greċja u Spanja, li ma kienux bagħtu pjan nazzjonali jew mudell ikkonsolidat sat-18 ta' Settembru 2014. Tabella li tagħti ħarsa ġenerali iktar riċenti lejn tad-definizzjonijiet nazzjonali ta' NZEB hija disponibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-efficiency/buildings/nearly-zero-energy-buildings

(26)  Ara l-informazzjoni inkluża fir-rapport ta' sinteżi tal-JRC dwar il-pjanijiet nazzjonali għal NZEB, 2016, skeda informattiva tal-BPIE ta' Jannar 2015 (http://bpie.eu/uploads/lib/document/attachment/128/BPIE_factsheet_nZEB_definitions_across_Europe.pdf) u l-informazzjoni aġġornata ppubblikata mill-Kummissjoni f'Ottubru 2014 (https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/Updated%20progress%20report%20NZEB.pdf)

(27)  https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/Updated%20progress%20report%20NZEB.pdf

(28)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52013DC0483R(01)&from=MT

(29)  Rapport ta' sinteżi tal-JRC dwar il-pjanijiet nazzjonali għal NZEB, 2016, disponibbli fis-sit web li ġej: http://iet.jrc.ec.europa.eu/energyefficiency/publications/all

(30)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 24.

(31)  Il-mandat tal-Kummissjoni M/480 għas-CEN dwar it-tiswir ta' standards tal-EPBD

(32)  Fl-istudju “Towards nearly żero-energy buildings- Definition on common principles under the EPBD” (Lejn bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero — Definizzjoni ta' prinċipji komuni taħt l-EPBD) (http://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/nzeb_full_report.pdf), imwettaq minn Ecofys għall-Kummissjoni Ewropea, DĠ ENERĠIJA:

Il-Mediterran huwa identifikat bħala ż-Żona 1: Katanja (oħrajn: Ateni, Larnaca, Luga, Sivilja, Palermo)

Oċeaniċi bħala ż-Żona 4: Pariġi (oħrajn: Amsterdam, Berlin, Brussell, Copenhagen, Dublin, Londra, Macon, Nancy, Praga, Varsavja)

Kontinentali bħala ż-Żona 3: Budapest (oħrajn: Bratislava, Ljubjana, Milan, Vjenna)

Nordiċi bħala ż-Żona 5: Stokkolma (Helsinki, Riga, Stokkolma, Gdansk, Tovarene)

(33)  Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija integrat ta' bini jikkorrispondi għall-ammont ta' enerġija primarja netta meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet differenti marbutin mal-użu tipiku tiegħu u jrid jirrifletti l-ħtiġijiet tal-enerġija għat-tisħin u l-ħtiġijiet tal-enerġija għat-tkessiħ, il-ħtiġijiet ta' ilma sħun domestiku u l-illuminazzjoni inkorporata. B'hekk, minbarra l-kwalità tal-iżolament tal-bini, rendiment integrat iqis installazzjonijiet tat-tisħin, installazzjonijiet tat-tkessiħ, enerġija għall-ventilazzjoni, installazzjonijiet għall-illuminazzjoni, il-pożizzjoni u l-orjentazzjoni tal-bini, l-irkupru tas-sħana, il-gwadann solari attiv u sorsi tal-enerġija rinnovabbli oħrajn.

(34)  Il-mudelli kif mimlijin mill-Istati Membri huma disponibbli minn fuq dan is-sit web http://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-efficiency/buildings/nearly-zero-energy-buildings

(35)  L-UE tappoġġja l-iżvilupp tat-teknoloġija permezz tal-programm H2020 — b'mod partikolari permezz tas-Sħubija Pubblika-Privata dwar il-Binjiet Effiċjenti fl-użu tal-enerġija — https://ec.europa.eu/research/industrial_technologies/energy-efficient-buildings_en.html

(36)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 22.