9.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/28


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1117

tal-15 ta' Ġunju 2016

indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Greċja fid-dawl tat-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

It-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali lejn il-Greċja skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament ta' Dublin”) ġie sospiż mill-Istati Membri sa mill-2011, wara żewġ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) (2), li identifikaw nuqqasijiet sistemiċi fis-sistema tal-ażil Griega, u rriżultaw fi ksur tad-drittjiet fundamentali tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali trasferiti minn Stati Membri oħra għall-Greċja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (3).

(2)

Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa ilu jsegwi s-sitwazzjoni fil-Greċja minħabba li s-sentenza M.S.S vs il-Belġju u l-Greċja ngħatat mill-QEDB fl-2011 abbażi ta' rapporti tal-progress li l-Greċja hija mitluba tissottometti bħala evidenza tal-eżekuzzjoni tas-sentenza u abbażi tal-evidenza minn NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), li joperaw fil-Greċja.

(3)

B'riżultat tas-sentenza M.S.S, il-Greċja impenjat ruħha li tirriforma s-sistema tal-ażil tagħha abbażi ta' Pjan ta' Azzjoni nazzjonali dwar ir-Riforma tal-Ażil u l-Ġestjoni tal-Migrazzjoni ppreżentat f'Awwissu 2010 u rivedut f'Jannar 2013 (minn hawn 'il quddiem “il-Pjan ta' Azzjoni Grieg”). Fl-1 ta' Ottubru 2015, il-Greċja ppreżentat Pjan Direzzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta' rilokazzjoni u ż-żoni kritiċi lill-Kunsill, li jiddeskrivi wkoll fil-qosor ċerti azzjonijiet li għandhom jingħataw prijorità biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet pendenti li dwarhom kien hemm qbil fl-oqsma tal-ażil u l-akkoljenza.

(4)

Fl-10 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni indirizzat l-ewwel Rakkomandazzjoni lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja minħabba t-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament ta' Dublin (minn hawn 'il quddiem “l-ewwel Rakkomandazzjoni”) (4). Minn dak iż-żmien, kien hemm sforzi kontinwi mill-awtoritajiet Griegi, assistiti mill-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO), l-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali u non-governattivi (l-NGOs) sabiex jitjieb il-funzjonament tas-sistema tal-ażil, skont is-seba' punti inklużi fl-ewwel Rakkomandazzjoni.

(5)

Fl-istess ħin, il-kriżi attwali tar-refuġjati u l-migrazzjoni kompliet tpoġġi pressjoni enormi fuq is-sistemi Griegi tal-ażil u l-migrazzjoni bħala l-pajjiż ewlieni tal-ewwel dħul mir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran. Bejn Jannar u April 2016, aktar minn 157 000 migrant irregolari waslu fil-Greċja. Ftit wara l-ewwel Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Greċja, kienet miftiehma d-Dikjarazzjoni UE-Turkija mill-membri tal-Kunsill Ewropew u l-Gvern Tork f'Marzu 2016. Din id-Dikjarazzjoni wasslet għal tnaqqis sinifikanti fin-numru ta' wasliet ta' kuljum lejn il-Greċja mit-Turkija, filwaqt li poġġiet responsabbiltajiet ġodda fuq l-awtoritajiet Griegi (5). Is-sitwazzjoni fil-Greċja nbidlet b'mod sinifikanti wara l-għeluq de facto tar-rotta tal-Balkani tal-Punent, li permezz tiegħu jiġi evitat li ċittadini ta' pajjiżi terzi jkomplu bil-vjaġġ tagħhom. B'riżultat ta' dan, madwar 57 000 ċittadin irregolari ta' pajjiżi terzi nqabdu fil-Greċja (6). Fl-istess ħin, l-iskemi ta' rilokazzjoni għadhom ma ġewx implimentati b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri kollha u għadhom ma taffewx mill-pressjoni li l-Greċja qed tiffaċċja (7).

(6)

L-eżerċizzju tal-hekk imsejħa “prereġistrazzjoni” beda fit-8 ta' Ġunju 2016 biex jiġu reġistrati dawk iċ-ċittadini kollha irregolari ta' pajjiżi terzi li jridu japplikaw għall-ażil, li waslu l-Greċja qabel l-20 ta' Marzu 2016 u li ma għamlu l-ebda tentattiv biex jirregolarizza r-residenza tagħhom mal-awtoritajiet Griegi (8). Dan l-eżerċizzju qiegħed jitwettaq mis-Servizz tal-Ażil Grieg flimkien mal-EASO, il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), u huwa appoġġjat mill-Kummissjoni. L-eżerċizzju tal-prereġistrazzjoni se jdum sal-aħħar ta' Lulju 2016 u huwa mistenni li madwar 50 000 se japplikaw għall-ażil u jistgħu jkun jeħtieġ li jiġu akkomodati fil-Greċja sakemm jistennew li tittieħed deċiżjoni dwar il-każ tagħhom, rigward jew l-eliġibbiltà għal protezzjoni internazzjonali, rilokazzjoni inkella trasferiment għal Stat Membru ieħor skont ir-Regolament ta' Dublin. Huwa mistenni li l-eżerċizzju jiffaċilita u jħaffef il-preżentazzjoni formali tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mas-Servizz tal-Ażil, ladarba dawn ikunu diġà ġew reġistrati minn qabel. Skont is-sistema l-ġdida, se jintbagħtu gruppi fil-faċilitajiet ta' akkoljenza miftuħa biex il-persuni jiġu reġistrati direttament fis-siti tal-akkomodazzjoni. Wara r-reġistrazzjoni, il-persuni se jingħataw karta uffiċjali ta' applikant għall-ażil. Iż-żieda mistennija fl-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ażil wara l-eżerċizzju ta' prereġistrazzjoni x'aktarx tirriżulta f'mill-inqas erba' darbiet aktar applikazzjonijiet għall-ażil fl-2016 minn dawk li waslu fl-2015 (13 197).

(7)

Minkejja l-passi kontinwi meħuda mill-Greċja biex titjieb is-sistema tal-ażil, għad hemm ammont sinifikanti ta' progress li jrid jintlaħaq qabel ma jiġi kkunsidrat jekk it-trasferimenti skont ir-Regolament ta' Dublin jerġgħux jibdew. Din ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-oqsma ewlenin ta' riforma li għad iridu jiġu indirizzati mill-awtoritajiet Griegi biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet fis-sistema tal-ażil kif spjegat fis-sentenzi msemmija iktar 'il fuq, sabiex tiġi żgurata integrazzjoni mill-ġdid ta' trasferimenti skont ir-Regolament ta' Dublin.

(8)

Fis-7 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni rċeviet l-ewwel rapport ta' progress mill-Greċja fejn jissemma xi titjib li sar rigward il-kwistjonijiet li ġew speċifikati fl-ewwel Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Permezz tal-ittri tat-18 ta' Mejju u tat-8 ta' Ġunju 2016, l-awtoritajiet Griegi pprovdew informazzjoni addizzjonali.

(9)

Il-Kummissjoni nnotat li sar progress biex tiġi rriformata l-liġi nazzjonali Griega u jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet legali ġodda tar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (“Il-Proċeduri tal-Ażil”) u ftit mir-riformulazzjoni tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (“Il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza”) ġew trasposti. Liġi ġdida (il-Liġi 4375/2016) ġiet adottata mill-Parlament Grieg fit-3 ta' April 2016, iżda mhux id-dispożizzjonijiet kollha daħlu fis-seħħ (11).

(10)

Wara s-Summit tal-Mexxejja Ewropej tal-25 ta' Ottubru 2015, il-Greċja impenjat ruħha li żżid il-kapaċità ta' akkoljenza għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali u migranti irregolari għal 30 000 post sa tmiem l-2015 u l-UNHCR impenja ruħu li jipprovdi sussidji għall-kera u programmi ta' familji ospitanti għal mill-inqas 20 000 persuna permezz ta' skema separata mmexxijja mill-Uffiċċju msemmi. Il-Greċja għamlet progress biex jiġu stabbiliti għadd ta' faċilitajiet ta' akkoljenza ta' emerġenza u skont l-informazzjoni ta' kuljum maħruġa mill-awtoritajiet Griegi fl-10 ta' Ġunju 2016 hemm 'il fuq minn 50 000 faċilità ta' akkoljenza temporanji ta' emerġenza u postijiet ta' akkoljenza permanenti disponibbli kemm għal migranti irregolari kif ukoll għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-Greċja (12).

(11)

Għalkemm il-Greċja żdiedet b'mod sinifikanti l-kapaċità globali tagħha tal-akkoljenza kemm għall-migranti irregolari kif ukoll għal applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, il-maġġoranza ta' dawn il-faċilitajiet huma faċilitajiet ta' emerġenza temporanji u uħud jippovdu biss l-aktar kundizzjonijiet bażiċi ta' akkoljenza għal dawk li qed jiġu akkomodati hemm, bħal ikel, ilma, sanità u kura medika bażika filwaqt li oħrajn lanqas biss ikopru l-aktar ħtiġijiet bażiċi (13). Filwaqt li dan jista' jkun biżżejjed għal perjodu qasir ħafna sakemm l-individwi jkunu jistgħu jiġu trasferiti lejn faċilitajiet aħjar, dawn il-kundizzjonijiet u l-faċilitajiet għadhom 'il bogħod milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva 2013/33/UE għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant huwa essenzjali li l-Greċja progressivament tistabbilixxi, bħala kwistjoni ta' urġenza, kapaċità ta' akkoljenza miftuħa u permanenti adegwata apposta għall-applikanti għall-ażil, li hija ta' livell xieraq, u li żżomm kapaċità suffiċjenti rigward faċilitajiet temporanji biex tagħmel tajjeb għal kull nuqqas fil-kapaċità li jirriżulta minn flussi ta' dħul mhux mistenni.

(12)

F'Jannar 2016, ġie ffirmat Ftehim ta' Delega għal total ta' EUR 80 miljun bejn il-Kummissjoni u l-UNHCR sabiex jiġu stabbiliti 20 000 post ta' akkomodazzjoni miftuħa primarjament għall-benefiċċju ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali li huma eliġibbli għal rilokazzjoni (14). Dawn il-postijiet inizjalment se jkunu stabbiliti skont skema ta' appartamenti bil-kera li se tkun immaniġġjata mill-UNHCR. Filwaqt li dawn il-postijiet huma attwalment stabbiliti, qed tiġi diskussa reviżjoni tal-Ftehim ta' Delega, sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti madwar 6 000 post ta' ċentri ta' rilokazzjoni minflok appartamenti, u jiġi kkonfermat li l-grupp fil-mira li għandu jiġi akkomodat jista' wkoll jinkludi persuni li qed ifittxu l-ażil li mhumiex se jiġu rilokati jew dawk li jistgħu jiġu trasferiti lejn il-Greċja fil-futur skont ir-Regolament ta' Dublin. Skont id-dejta tal-UNHCR, mis-6 ta' Ġunju 2016, ġew stabbiliti 6 385 post ta' akkoljenza għall-applikanti għal rilokazzjoni, li l-maġġoranza tagħhom jikkostitwixxu f'lukandi u appartamenti (15).

(13)

Ġie nnutat titjib sostanzjali għat-twaqqif ta' Uffiċċji Reġjonali għall-Ażil. Il-liġi tal-Greċja tipprevedi l-istabbiliment ta' Uffiċċji Reġjonali għall-Ażil fir-reġjuni ta' Attica, Tessaloniki, Traċja, ta' Epirus, Thessaly, il-Greċja tal-Punent, Kreta, Lesvos, Chios, Samos, Leros u Rodi (16). Sa issa tmien Uffiċċji Reġjonali bdew joperaw fir-reġjuni ta' Attica, Thrace, Tessaloniki, Samos, Lesvos, Chios u Rodi. Fix-xhur li ġejjin għandu jiftaħ Uffiċċju Reġjonali għall-Ażil addizzjonali fir-reġjun ta' Attica (Piraeus). Huwa mistenni li Erbgħa Uffiċċji Reġjonali għall-Ażil oħra jibdew joperaw fl-2016 fiż-żona ta' Kos u Leros, Kreta (Heraklio) u fil-Greċja tal-Punent (Patra), b'dan l-uffiċċju tal-aħħar previst li jkun qed jopera fi ftit żmien. Għaldaqstant l-Uffiċċji Reġjonali għall-Ażil ippjanati għandhom jiġu stabbiliti fir-reġjun ta' Thessaly (Volos) u Epirus (Ioannina). Barra minn hekk, ġew stabbiliti żewġ unitajiet addizzjonali ta' ażil f'Chios, Kos, u b'hekk l-għadd totali ta' unitajiet ta' ażil żdied għal ħamsa (Amygdaleza, Xanthi, Patra, Chios u Kos). Ġiet ukoll stabbilita Unità ta' Riallokazzjoni f'Alimos u mistenni li tibda topera f'Lulju 2016.

(14)

Fl-ewwel rapport tagħhom, l-awtoritajiet Griegi rrappurtaw ukoll li kienu fil-proċess li jirreklutaw aktar persunal għas-Servizz tal-Ażil biex tiżdied il-kapaċità tiegħu tal-ipproċessar. Bħalissa hemm 370 membru tal-persunal li qed jaħdmu fil-qasam tas-Servizz tal-Ażil, li huwa doppju tal-kapaċità tal-għadd ta' riżorsi umani li kienu disponibbli fl-2015. Terz tal-persunal huwa b'kuntratt fiss, iffinanzjat minn diversi sorsi ta' finanzjament tal-UE u taż-ŻEE. Il-Parlament Grieg approva 300 post ieħor għal membri permanenti tal-persunal li għandhom jiġu impjegati matul ix-xhur li ġejjin (17). Dan minbarra l-persunal impjegat għal żmien fiss mill-UNHCR u l-esperti tal-Istati Membri mibgħuta permezz tal-EASO lis-Servizz tal-Ażil Grieg għal perjodu fiss. Madankollu, huwa ċar li l-livelli tal-impjegati attwali u dawk ippjanati għas-Servizz ta' Ażil għadhom 'il bogħod milli jissodisfaw dak li huwa meħtieġ għall-ipproċessar tal-għadd ta' każijiet kurrenti u potenzjalment futuri b'mod adegwat. Il-Greċja għandha tiżgura li s-Servizz tal-Ażil jissaħħaħ aktar b'għadd sostanzjali ta' aktar persunal u riżorsi materjali sabiex ikun kapaċi jipproċessa ż-żieda fl-applikazzjonijiet għall-ażil. Għal dan l-għan, għandha ssir valutazzjoni tal-ħtiġijiet li tqis l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ażil li x'aktarx jiġu pproċessati mis-Servizz tal-Ażil Griega f'waqt wieħed u n-numru ta' persunal disponibbli meħtieġ jew x'aktarx li jkun meħtieġ biex jiġu pproċessati dawk l-applikazzjonijiet.

(15)

L-Awtorità ta' Appell il-ġdida u l-Kumitati tal-Appell stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni adottata riċentement (Liġi 4375/2016) għandhom jiġu stabbiliti progressivament u jkunu kompletament fis-seħħ sa tmiem l-2016. Minħabba ż-żieda sinifikanti fl-għadd ta' applikazzjonijiet li se ssir fix-xhur li ġejjin fil-Greċja, hija meħtieġa Awtorità b'għadd sħiħ ta' persunal, li kapaċi tittratta żieda sinifikanti fl-għadd ta' appelli. Kritika partikolari tas-sentenza M.S.SA kienet l-aċċess għal rimedju effettiv fil-Greċja, għalhekk huwa essenzjali li, meta fil-ġejjieni sseħħ l-integrazzjoni mill-ġdid tat-trasferimenti skont ir-Regolament ta' Dublin, l-applikanti għall-ażil iridu jkunu jistgħu jkollhom mezz ta' rikors effettiv għal rimedju ġudizzjarju kontra deċiżjoni negattiva rigward it-talba tagħhom.

(16)

Sadattant, il-Kumitati tal-Appell tat-“Talbiet pendenti” antiki li ġew stabbiliti sabiex jinstemgħu l-appelli għall-ażil mill-każijiet ta' “Talbiet pendenti” tal-Greċja ngħataw mandat addizzjonali. Għal perjodu tranżizzjonali, dawn il-Kumitati tal-Appelli tat-“Talbiet pendenti” beħsiebhom jisimgħu, minbarra l-appelli sostantivi fuq deċiżjonijiet fl-ewwel istanza, l-appelli kontra d-deċiżjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta' ammissibilità bħala parti mid-Dikjarazzjoni UE-Turkija.

(17)

Sar aktar progress dwar it-talbiet pendenti fit-tul ta' appelli skont il-“proċedura l-antika” rregolata mid-Digriet Presidenzjali 114/2010. It-talbiet pendenti bħalissa jammontaw għal madwar 13 975 każ (minn total ta' madwar 51 000 każ li ġew ikkunsidrati bħala parti mit-talbiet pendenti fil-bidu tal-2013). Skont il-Liġi Griega 4375/2016, l-awtoritajiet Griegi ntrabtu li jagħtu permess għal skopijiet umanitarji lil persuni li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil tkun ilha pendenti għal żmien konsiderevoli u li huma eliġibbli li jiksbu permess ta' residenza fuq bażi umanitarja jew raġunijiet eċċezzjonali. Huwa mistenni li permezz tal-implimentazzjoni ta' din il-miżura se jingħalqu madwar 10 000 każ ta' talbiet pendenti. Il-permess ta' residenza se jinħareġ għal perjodu ta' sentejn u jista' jiġġedded (18). Dan se jagħti l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jingħataw status ta' protezzjoni sussidjarja fil-Greċja (19). Il-Greċja għandha tkompli tagħmel progress biex tittratta l-appelli ta' talbiet pendenti f'dan ir-rigward, li jiżgura li l-applikanti b'appell pendenti jkollhom l-opportunità li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

(18)

Fil-liġi l-ġdida (il-Liġi 4375/2016) ġie inkluż l-għoti ta' għajnuna legali bla ħlas għall-applikanti fl-istadju tal-appell; Madankollu, sa issa, l-ebda għajnuna legali bla ħlas ma tingħata fil-prattika mill-awtoritajiet Griegi. Qed tiġi ffinalizzata Deċiżjoni Ministerjali li timplimenta d-dispożizzjoni għal għajnuna legali skont il-Liġi 4375/2016 u fit-8 ta' Ġunju 2016 l-awtoritajiet Griegi nedew sejħa għal proposti għall-għoti ta' għajnuna legali bla ħlas u rappreżentazzjoni fi stadju ta' appell għal 6 750 applikant eliġibbli taħt il-programm nazzjonali tagħhom skont il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) biex tiġi appoġġjata sistema ta' roster ta' avukati għall-għajnuna legali (20). Din is-sejħa se tintemm fl-24 ta' Ġunju 2016. Barra minn hekk, ingħata ftehim ta' għotja lill-UNHCR skont is-sistema ta' finanzjament għal għajnuna ta' emerġenza tal-UE għall-ammont totali ta' EUR 30 miljun. Fost affarijiet oħra, dan il-finanzjament se jintuża mill-UNHCR biex jipprovdi għajnuna legali bla ħlas għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fi stadju ta' appell għal perjodu massimu ta' erba' xhur sakemm l-awtoritajiet Griegi huma mistennija li jimplimentaw l-iskema tagħhom ta' għajnuna legali bla ħlas. Il-Greċja għandha tieħu l-passi meħtieġa biex mingħajr dewmien tiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna legali bla ħlas fil-proċedura tal-ażil.

(19)

Il-Liġi l-ġdida 4375/2016 tipprevedi Direttorat ġdid għall-Akkoljenza u Direttorat għall-Integrazzjoni Soċjali li t-tnejn li huma jinkludu dipartimenti speċjalizzati għall-akkoljenza u l-integrazzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati, inkluż il-provvediment ta' rappreżentant. Minkejja dan, il-miżuri ta' implimentazzjoni għad iridu jiġu adottati mill-awtoritajiet Griegi biex jiġi żgurat li garanziji proċedurali xierqa u kundizzjonijiet ta' akkoljenza jiġu pprovduti fil-prattika lill-minorenni mhux akkumpanjati. Filwaqt li diġà ġiet adottata Deċiżjoni Ministerjali li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-età tal-minorenni mhux akkumpanjati li qed ifittxu l-ażil mill-Gvern Grieg (21), għad irid jiġi adottat Digriet Presidenzjali addizzjonali li għandu jinkludi dispożizzjonijiet għal sistema effiċjenti ta' kurazija.

(20)

Minn Ġunju 2016, l-għadd totali ta' faċilitajiet ta' akkoljenza disponibbli għall-minorenni mhux akkumpanjati fil-Greċja huwa ta' 585 post. Dawn il-faċilitajiet bħalissa huma mimlija u hemm lista ta' stennija għal 625 minorenn mhux akkumpanjati li jeħtieġu li jitqiegħdu f'faċilitajiet xierqa. Skont l-ittra mibgħuta mill-awtoritajiet Griegi lill-Kummissjoni fit-8 ta' Ġunju 2016, sal-aħħar ta' Lulju 2016 il-Greċja beħsiebha tistabbilixxi 800 post ulterjuri ta' akkoljenza għall-minorenni mhux akkumpanjati. Jeħtieġ li l-Greċja tiżgura li jkun hemm numru xieraq ta' faċilitajiet ta' akkoljenza għall-minorenni mhux akkumpanjati biex tiġi indirizzata t-talba għal dawn il-postijiet.

(21)

Hemm tħassib li dejjem qed jikber minn NGOs li ħafna tfal fil-Greċja ma jistgħux ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u li s-sitwazzjoni għall-minorenni mhux akkumpanjati hija ġeneralment prekarja, b'uħud isostnu li t-tfal għadhom qed jinżammu f'detenzjoni sakemm tinstab akkomodazzjoni adatta għalihom.

(22)

Il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet finanzjament sostanzjali lill-Greċja biex tappoġġja lill-pajjiż fl-isforzi tiegħu biex is-sistema tal-ġestjoni tal-ażil tkun skont l-istandards tal-UE.

(23)

Mill-bidu tal-2015, ingħata total ta' EUR 262 miljun f'assistenza ta' emerġenza permezz ta' Fondi tal-Affarijiet Interni (AMIF u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF)) lill-Greċja, jew direttament lill-awtoritajiet Griegi inkella permezz ta' Aġenziji tal-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali li joperaw fil-Greċja, li xi EUR 81 miljun minnhom ingħataw f'Mejju 2016. Fl-20 ta' Mejju 2016, ingħataw EUR 56 miljun f'finanzjament ta' emerġenza lill-awtoritajiet Griegi (EUR 13-il miljun), lill-IOM (EUR 13-il miljun) u lill-UNHCR (EUR 30 miljun), biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet Griegi biex jirreġistraw il-migranti li jkunu waslu reċentement u li jipproċessaw it-talbiet tagħhom għall-ażil, joħolqu kundizzjonijiet aħjar għal migranti vulnerabbli u jtejbu l-proċess ta' reġistrazzjoni u l-ażil b'riżorsi umani addizzjonali, jiżguraw infrastruttura tal-IT aħjar, iżidu d-disponibbiltà ta' interpreti u jiżguraw aċċess aħjar għall-informazzjoni. Fl-24 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni Ewropea allokat EUR 25 miljun f'finanzjament ta' emerġenza (AMIF) lill-EASO biex ikabbar il-kapaċità tiegħu biex ikompli jappoġġja lill-awtoritajiet Griegi. Dan il-finanzjament se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' reazzjoni għal emerġenzi żviluppat flimkien mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet Griegi u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja fil-post u l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tat-18 ta' Marzu bejn l-UE u t-Turkija.

(24)

Din l-assistenza ta' emerġenza hija apparti mill-EUR 509 miljun allokati lill-Greċja għall-perjodu 2014–2020 permezz tal-programmi nazzjonali tagħha skont il-Fondi AMIF u ISF, biex b'hekk il-Greċja tkun l-ewwel benefiċjarju ta' fondi tal-Affarijiet Interni tal-UE fost l-Istati Membri tal-UE.

(25)

Il-Greċja għandha tiżgura li dawn ir-riżorsi finanzjarji jintużaw b'mod sħiħ bl-aktar mod effiċjenti u effettiv u mingħajr aktar dewmien. Għal dan l-għan, ir-reviżjoni li għaddejja tal-programmi nazzjonali tal-Greċja skont il-Fondi tal-Affarijiet Interni (AMIF, FSI) biex jiġu aġġustati skont il-prijoritajiet il-ġodda għandha titlesta b'urġenza. Bl-istess mod, il-proċess ta' trasferiment tal-awtorità responsabbli għall-ġestjoni ta' dawn il-fondi lill-istess Ministeru li jimmaniġja wkoll il-fondi strutturali, għandu jitlesta b'urġenza sabiex jiġi żgurat użu aktar effiċjenti tar-riżorsi disponibbli. Il-Greċja għandha b'mod partikolari tlesti għadd ta' kwistjonijiet prattiċi ta' implimentazzjoni (il-persunal, il-ġestjoni u l-kontroll, l-opinjoni tal-awditjar, in-notifika formali) b'tali mod li l-Awtorità Responsabbli l-ġdida tista' tibda topera qabel Lulju 2016.

(26)

Kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2016 dwar “Lura lejn Schengen” (22), l-iżgurar ta' Sistema ta' Dublin li tiffunzjona bis-sħiħ, huwa element indispensabbli tal-isforzi usa' meħtieġa biex il-politika tal-Ażil, il-migrazzjoni u l-fruntieri tiġi stabilizzata. Dawn l-isforzi għandhom iwasslu biex iż-żona Schengen terġa' tibda topera b'mod normali, sa mhux aktar tard minn Diċembru 2016. Għalhekk huwa importanti li l-Greċja tikkunsidra b'urġenza l-azzjonijiet pendenti identifikati f'din ir-Rakkomandazzjoni sabiex jiġi żgurat li jerġgħu jibdew it-trasferimenti lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta' Dublin fl-istess perjodu ta' żmien, u mhux aktar tard minn Diċembru 2016. Fl-istess ħin, ir-riforma tar-regoli ta' Dublin kif proposta mill-Kummissjoni (23), ibbażata fuq l-objettiv ta' solidarjetà u qsim ġust tal-piż bejn l-Istati Membri, għandha tkun prijorità.

(27)

Rappurtar regulari mill-Greċja dwar il-progress li qed isir fl-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet, kif ukoll elementi rilevanti oħra inkluż kull rapport mingħand l-UNCHR u organizzazzjonijiet rilevanti oħra, għandu jikkjarifika l-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet humiex tali mod li jippermettu lil Stati Membri biex jerġgħu jibdew it-trasferimenti individwali lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta' Dublin, filwaqt li jitqies li l-volum tat-trasferimenti u l-kategoriji ta' persuni li jiġu trasferiti għandhom jikkorrespondu mal-progress speċifiku li sar. Il-Greċja għandha tipprovdi rapport aġġornat li jkopri l-perjodi minn April sa Ġunju 2016 fejn ma kien riċevut l-ebda rapport ta' kull xahar għall-perjodu ta' rappurtar li jmiss f'Ġunju 2016.

(28)

Il-Kummissjoni beħsiebha tikkunsidra l-progress li sar u taġġorna kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tagħha f'Settembru 2016.

(29)

Fil-każ li jerġgħu jibdew it-trasferimenti lejn il-Greċja skont is-sistema ta' Dublin għandu jitqies ukoll li l-Greċja għadha trid tindirizza għadd kbir potenzjali ta' applikanti għall-ażil, b'mod partikolari minħabba l-implimentazzjoni tal-hekk imsejjaħ eżerċizzju ta' qabel ir-reġistrazzjoni, u għandu jiġi evitat li jitpoġġa piż mhux sostenibbli fuq il-Greċja.

(30)

Ir-responsabbiltà biex jiġi deċiż dwar li jerġgħu jibdew it-trasferimenti f'każijiet individwali taqa' esklussivament f'idejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri taħt il-kontroll tal-qrati, li jistgħu jagħmlu referenzi preliminari lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament ta' Dublin.

ADOTTAT DAWN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET:

IL-KUNDIZZJONIJIET TAL-AKKOLJENZA U L-FAĊILITAJIET

(1)

Il-Greċja għandha tiżgura li hemm biżżejjed faċilitajiet tal-akkoljenza u li l-kundizzjonijiet ta' akkoljenza fil-faċilitajiet għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jilħqu l-istandards stabbiliti fl-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari d-Direttiva 2013/33/UE. B'mod partikolari, il-Greċja għandha mill-inqas:

(a)

tistabbilixxi għadd xieraq ta' faċilitajiet ta' akkoljenza miftuħa permanenti li jikkorrispondi mal-għadd ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali li tirċievi, jew li x'aktarx se tirċievi, u li jkunu jistgħu jakkomodaw l-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali u d-dipendenti tagħhom f'kundizzjonijiet adegwati għal kemm idum il-proċess tal-ażil;

(b)

tiżgura li għadd xieraq ta' faċilitajiet ta' akkoljenza miftuħa temporanji jkunu disponibbli, jew li jistgħu jsiru disponibbli f'perjodu qasir, biex jippermettu l-akkomodazzjoni ta' dħul mhux mistenni ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali, u li jkunu jistgħu jakkomodaw dawn l-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali u d-dipendenti tagħhom f'kundizzjonijiet adegwati;

(c)

tiżgura li dawn il-faċilitajiet ikollhom postijiet ta' akkomodazzjoni miftuħa separati għall-irġiel waħedhom, nisa waħedhom, il-familji u l-persuni vulnerabbli, b'mod partikolari minorenni mhux akkumpanjati li jistgħu jiggarantixxu l-privatezza u l-unità tal-familja;

(d)

tiżgura li l-minorenni mhux akkumpanjati li qed ifittxu l-ażil jingħataw immedjatament akkomodazzjoni xierqa u ma jinżammux f'detenzjoni f'kundizzjonijiet bi standard inferjuri. Il-Greċja għandha tipprovdi b'mod urġenti postijiet ta' akkomodazzjoni għal minorenni mhux akkumpanjati u tiżgura li dawk il-faċilitajiet ikunu sostnuti;

(e)

tiżgura li l-akkomodazzjoni tkun miżmuma tajjeb u li diversi servizzi kuntrattwali bħal tindif, sanitizzazzjoni u l-forniment tal-ikel, ikunu ffinanzjati b'mod adegwat sabiex jiġi evitat il-waqfien ta' servizzi;

(f)

tiżgura li l-faċilitajiet temporanji kollha fil-Greċja jiġu aġġornati biex jipprovdu għal dan kollu li ssemma hawn fuq fejn l-applikanti għall-ażil jiġu milqugħa u jibqgħu fil-Greċja matul il-proċedura tal-ażil.

Il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza fil-faċilitajiet ta' akkoljenza kollha għandhom ukoll:

(g)

jiżguraw li l-applikanti jirċievu l-kura tas-saħħa meħtieġa li tinkludi, mill-inqas, kura ta' emerġenza u trattament essenzjali ta' mard u ta' disturbi mentali serji.

(h)

jipprovdu lill-minuri aċċess effettiv għas-sistema statali tal-edukazzjoni għat-tul tal-proċedura tal-ażil, inklużi korsijiet tal-lingwa sabiex l-ebda tifel jew tifla ma jitħallew mingħajr edukazzjoni.

L-awtoritajiet Griegi għandhom iwettqu valutazzjoni tal-ħtiġijiet skont il-kapaċità ta' akkoljenza totali meħtieġa, u n-natura ta' dik il-kapaċità, u jaġġornaw kontinwament din il-valutazzjoni fid-dawl ta' żviluppi ġodda. Din il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għandha tinforma kontinwament il-kapaċitajiet stabbiliti skont ir-rakkomandazzjonijiet 1 (a) u (b) hawn fuq. L-awtoritajiet Griegi għandhom jiżguraw ukoll ġestjoni kontinwa u koordinazzjoni tal-faċilitajiet kollha, u jiżguraw li l-ministeri responsabbli jkollhom riżorsi adegwati għal dan l-għan.

AĊĊESS GĦAL RIŻORSI U GĦAL PROĊEDURA TA' AŻIL TAL-EWWEL ISTANZA

(2)

Il-Greċja għandha tkompli l-isforzi tagħha biex ikun żgurat li l-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess effettiv għall-proċedura tal-ażil permezz ta':

(a)

proċedura b'urġenza bir-reklutaġġ ta' persunal biex jiġi żgurat li, is-Servizz tal-Ażil ikollu persunal biżżejjed biex l-uffiċċji kollha jkunu jistgħu joperaw b'mod sħiħ u jkunu jistgħu jipproċessaw kull applikazzjoni għall-ażil fil-ħin. Dan jeħtieġ li tiġi stabbilita b'mod rapidu proċedura ta' reklutaġġ għal żieda sinifikanti ħafna ta' dawk li jimmaniġġjaw il-każijiet u persunal rilevanti ieħor għas-Servizz tal-Ażil;

(b)

il-ftuħ b'urġenza ta' Uffiċċji Reġjonali addizzjonali għall-Ażil fir-reġjun ta' Attika (Piraeus), Kos u Leros, Kreta (Heraklio) u l-Greċja tal-Punent (Patra) u Thessaly, Epirus (Volos u Ioannina);

(c)

l-iżgurar ta' proċedura ta' ġestjoni effikaċi tal-każijiet biex jiġi ggarantit li l-każijiet jiġu trattati b'mod strutturat tajjeb u l-kapaċità tal-awtoritajiet tiżdied b'tali mod biex tiġi evalwata l-prestazzjoni attwali, jiġu identifikati ostakli potenzjali, u jiġu ppjanati l-ħtiġijiet tar-riżorsi li jmiss;

(d)

l-iżgurar li s-Servizz tal-Ażil ikollu għadd adegwat ta' persunal ta' appoġġ amministrattiv għal kull uffiċċju li jkun jista' jorganizza intervisti, jagħmel ħatriet għal reġistrazzjoni, jipprovdi interpreti u jimmaniġġja l-fluss tax-xogħol ġenerali ta' kull uffiċċju għall-proċess tal-ażil li tiffunzjona tajjeb;

Abbażi ta' valutazzjoni sħiħa u kontinwa, is-Servizz tal-Ażil Griega għandu jidentifika kemm il-membru tal-persunal probabbilment ikun jeħtieġ biex jiproċessa l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ażil li jkunu waslu fl-iskadenza ta' sitt xhur speċifikat fid-Direttiva 2013/32/UE. Dinil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għandha tiġi aġġornata kontinwament u għandha tinkludi informazzjoni dwar l-għadd tal-persunal li għandu jiġi reklutat f'konformità mar-Rakkomandazzjoni 2 (a) ta' hawn fuq.

L-AWTORITÀ TAL-APPELLI

(3)

Il-Greċja għandha tiżgura li l-Awtorità tal-Appelli tiġi stabbilita mingħajr dewmien u li jkollha għadd xieraq ta' Kumitati tal-Appelli biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, u li dawn ikollhom biżżejjed persunal biex jiġu ttrattati l-appelli pendenti kollha u dawk li x'aktarx isiru fil-ġejjieni. B'mod partikolari, il-Greċja għandha:

(a)

tiżgura għadd suffiċjenti ta' riżorsi umani u ta' kumitati li l-Awtorità tal-Appelli tkun teħtieġ biex tisma' l-appelli li jsiru mill-applikanti u żżomm din il-valutazzjoni aġġornata kontinwament;

(b)

tipproċedi b'urġenza bil-ħatra tal-persunal kollu meħtieġ għall-Awtorità tal-Appelli u l-Kumitati, inkluż l-għadd ta' persunal ta' appoġġ ta' kull Kumitat;

(c)

tara li l-Awtorità tal-Appelli u l-Kumitati jibdew joperaw bħala kwistjoni ta' urġenza;

(d)

tikkonkludi t-talbiet kollha pendenti għal rieżami ġudizzjarju ta' deċiżjonijiet amministrattivi li bħalissa huma pendenti mill-aktar fis possibbli u f'kull każ sa tmiem l-2016;

L-awtoritajiet Griegi għandhom jidentifikaw, abbażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet sħiħa u kontinwa, l-għadd ta' Kumitati ta' Appelli taħt l-Awtorità tal-Appelli l-ġdida biex jindirizzaw l-appelli kollha ppreżentati minn applikanti għal protezzjoni internazzjonali u l-għadd ta' riżorsi umani biex dawk il-kumitati jkomplu joperaw mingħajr tfixkul skont ir-rakkomandazzjoni 3 (a) u (b) ta' hawn fuq.

GĦAJNUNA LEGALI

(4)

Il-Greċja għandha tiżgura li l-aċċess għal għajnuna legali bla ħlas huwa effettiv fil-prattika u li l-applikanti kollha għall-ażil jingħataw l-għajnuna legali meħtieġa għal rieżami ġudizzjarju ta' deċiżjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. B'mod partikolari, il-Greċja għandha:

(a)

tadotta malajr u b'mod effettiv timplimenta Deċiżjoni Ministerjali għall-provvediment ta' servizzi ta' għajnuna legali bla ħlas;

(b)

talloka l-fondi meħtieġa mill-programm tal-AMIF nazzjonali għall-għoti tal-għajnuna legali u tistabbilixxi malajr kuntratt għal reġistru ta' avukati li jkunu jistgħu jipprovdu dawn is-servizzi lill-applikanti fl-istadju tal-appell fil-Greċja.

IT-TRATTAMENT TA' MINORENNI MHUX AKKUMPANJATI U PERSUNI VULNERABBLI MATUL IL-PROĊEDURA TAL-AŻIL

(5)

Il-Greċja għandha tiżgura t-twaqqif ta' strutturi xierqa għall-identifikazzjoni u t-trattament ta' applikanti vulnerabbli, inklużi t-tfal mhux akkumpanjati. B'mod partikolari, il-Greċja għandha:

(a)

tistabbilixxi b'urġenza proċedura xierqa ta' kurazija billi tadotta d-Digriet Presidenzjali meħtieġ għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi 4375/2016;

(b)

tistabbilixxi u tirrekluta l-persunal neċessarju għad-Direttorat għall-akkoljenza u d-Dipartiment għall-protezzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati li jiġu pprvduti l-garanziji meħtieġa skont l-acquis dwar l-ażil għal traċċar tal-familja, u rappreżentanza legali;

(c)

tiżgura li l-proċeduri biex jiġu identifikati applikanti bi bżonnijiet proċedurali speċjali jiġu implimentati fil-prattika, sabiex dawn l-applikanti jiġu pprovduti b'appoġġ psikosoċjali meħtieġa, partikolarment fil-każ li setgħu kienu vittmi ta' vjolenza sesswali u ta' sfruttar jew traffikar.

L-UŻU TA' FINANZJAMENT MILL-UE SKONT IL-PROGRAMMI NAZZJONALI

(6)

Il-Greċja għandha tiżgura li l-finanzjament sostanzjali mill-UE pprovdut jintuża kollu, partikolarment billi mingħajr aktar dewmien jiġu mobilizzati r-riżorsi disponibbli skont il-programmi nazzjonali tal-AMIF u l-FSI u jiġi studjat finanzjament kumplimentari mill-Fondi Strutturali. F'dan il-kuntest, il-Greċja għandha tlesti b'mod urġenti r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-programmi nazzjonali, biex jiġu organizzati aħjar skont il-prijoritajiet ġodda, kif ukoll tiżgura li l-awtorità l-ġdida responsabbli għall-ġestjoni tal-Fondi tal-Affarijiet Interni tibda topera immedjatament.

IR-RAPPURTAR DWAR L-AZZJONIJIET MEĦUDA

(7)

Il-Greċja ntalbet tipprovdi, sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju, rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni u r-Rakkomandazzjoni tal-10 ta' Frar. Għaldaqstant, il-Greċja għandha tirrapporta lill-Kummissjoni fit-tmiem ta' kull xahar dwar il-progress tagħha fl-implimentazzjoni tal-miżuri identifikati f'din ir-Rakkomandazzjoni. Ir-rapporti għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni ta' kif l-awtoritajiet Griegi għandhom, jew qed jippjanaw li jistabbilixxu r-riżorsi umani u materjali meħtieġa msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta' din ir-Rakkomandazzjoni. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni tal-valutazzjonijiet kontinwi tal-ħtiġijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta' din ir-Rakkomandazzjoni, li abbażi tagħha, ġew stabbilit l-miżuri ppjanati u implimentati. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kapaċità ta' akkoljenza totali attwali u permanenti u temporanju ppjanata biex jiġu akkomodati l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u n-natura ta' dik il-kapaċità;

(b)

l-għadd totali ta' persunal attwali u ppjanat biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-ażil irreġistrati mas-Servizz tal-Ażil u għad-Direttorat għall-Akkoljenza; kif ukoll

(c)

l-għadd totali ta' impjegati attwali u ppjanat ta' persunal u l-għadd ta' Kumitati li permezz tal-Awtorità tal-Appelli bdew joperaw progressivament.

Magħmula fi Brussell, il-15 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(2)   M.S.S vs Il-Belġju u l-Greċja (nru 30696/09) u NS vs is-Segretarju tal-Istat għad-Dipartiment tal-Affarijiet Interni C-411/10 u C-493/10.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Frar 2016 indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja sabiex jerġgħu jibdew it-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (C(2016) 871finali.

(5)  Dikjarazzjoni tat-18 ta' Marzu 2016 bejn l-UE u t-Turkija

(6)  http://www.media.gov.gr/index.php aċċessat fl-10 ta' Ġunju 2016

(7)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, Ir-Raba' Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni, COM(2016) 416 finali, il-15 ta' Ġunju 2016.

(8)  http://asylo.gov.gr/en/?page_id=1278

(9)  Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

(10)  Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).

(11)   “Il-Liġi 4395/2016 dwar l-Istruttura u l-Operat tas-Servizz tal-Ażil, l-Awtorità tal-Appelli u s-Servizz tal-Akkoljenza u l-Identifikazzjoni, l-istabbiliment ta' Segretarjat Ġenerali għall-Akkoljenza, it-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni Griega tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) u dispożizzjonijiet oħrajn”, disponibbli fuq: http://www.hellenicparliament.gr/UserFiles/bcc26661-143b-4f2d-8916-0e0e66ba4c50/o-prosf-pap.pdf

Diversi atti ta' implimentazzjoni fil-forma ta' Deċiżjonijiet Ministerjali jew Koministerial jeħtieġu li jiġu adottati sabiex l-awtoritajiet Griegi jkunu jistgħu jimplimentaw il-Liġi fl-intier tagħha.

(12)  http://www.media.gov.gr/index.php

http://rrse-smi.maps.arcgis.com/apps/MapSeries/index.html?appid=d5f377f7f6f2418b8ebadaae638df2e1

Dawn il-faċilitajiet permanenti u temporanji ta' emerġenza jinsabu fuq il-Gżejjer tal-Eġew fiż-żoni kritiċi kif ukoll fil-Greċja kontinentali. Mit-2 ta' Ġunju 2016, hemm biss 1 108 post ta' akkomodazzjoni permanenti li primarjament jilqgħu lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u lill-minorenni mhux akkumpanjati.

(13)  http://www.unhcr.org/news/briefing/2016/5/57480cb89/greece-unhcr-concerned-conditions-new-refugee-sites-urges-alternatives.html

(14)  Filwaqt li tingħata prijorità lill-applikanti eliġibbli għar-rilokazzjoni, l-attivitajiet se jagħtu vantaġġ lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jkunu qed jistennew li jerġgħu jingħaqdu mal-membri tal-familja tagħhom skont ir-Regolament ta' Dublin fi Stat Membru ieħor tal-UE u persuni li jfittxu l-ażil fil-Greċja, b'mod partikolari dawk li jkunu f'kategoriji vulnerabbli inklużi tfal mhux akkumpanjati jew separati, persuni b'diżabbiltà, anzjani, ġenituri waħedhom, dawk b'mard kroniku, nisa tqal eċċ.

(15)  http://data.unhcr.org/mediterranean/country.php?id=83

(16)  L-Artikolu 3(3) tal-Liġi 4375/2016.

(17)  Skont l-Artikolu 2(3) u (4) tal-Liġi Nru 4375/2016, li jistipula l-għadd ta' membri tal-persunal li għandhom jiġu impjegati għas-Servizz tal-Ażil.

(18)  L-Artikolu 22(3) tal-Liġi 4375/2016

(19)  L-Artikolu 28, tad-Digriet Presidenzjali 114/2010

(20)  http://asylo.gov.gr/?p=2802

(21)  Id-Deċiżjoni Ministerjali 1982/16.2.2016 (Gazzetta Uffiċjali, B' 335)

(22)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, “Lura lejn Schengen — Pjan Direzzjonali”, COM(2016) 120 finali, l-4 ta' Marzu 2016.

(23)  COM (2016)270 finali