18.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/15


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Lulju 2016

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Polonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2016 tal-Polonja

(2016/C 299/04)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx lill-Polonja bħala wieħed mill-Istati Membri li fir-rigward tiegħu kellha ssir analiżi fil-fond.

(2)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2016 għall-Polonja ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Dan ivvaluta l-progress li għamlet il-Polonja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress tal-Polonja lejn il-miri Europa 2020 nazzjonali tagħha.

(3)

Fit-28 ta' April 2016, il-Polonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tagħha u l-Programm ta' Konverġenza tal-2016 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perijodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif ser tuża din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma' governanza ekonomika soda.

(5)

Bħalissal-Polonja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tal-2016 tiegħu, il-gvern qed jippjana li jżid id-defiċit nominali minn 2,6 % tal-PDG fl-2015 għal 2,9 % tal-PDG fl-2017 qabel ma jonqos għal 1,3 % tal-PDG fl-2019. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju — defiċit ta' 1 % tal-PDG f'termini strutturali — mhuwiex mistenni li jintlaħaq sal-2019, il-perijodu kopert mill-programm. Skont il-programm ta' konverġenza, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jiżdied minn 51,3 % fl-2015 għal 52,5 % tal-PDG fl-2017 qabel jonqos għal 50,4 % fl-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jsejjes dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli fl-2016 u favorevoli minn hemm 'il quddiem. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament rakkomandat kemm fl-2016 kif ukoll, jekk ma jinbidlux il-politiki, fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u filwaqt li jqis it-tbassir tar-rebbiegħa 2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm riskju li l-Polonja ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għaldaqstant ser ikunu meħtieġa aktar miżuri biex jiżguraw il-konformità fl-2016 u fl-2017.

(6)

Il-Polonja hija l-uniku Stat Membru mingħajr kunsill fiskali indipendenti żviluppat u mingħajr ebda pjanijiet biex toħloq wieħed, anki jekk għandha istituzzjonijiet fiskali indipendenti li jkopru xi wħud mill-funzjonijiet tagħha. Minbarra l-limitu massimu ta' dejn stabbilit mill-Kostituzzjoni Pollakka, fl-2013 il-Polonja introduċiet regola ta' stabbilizzazzjoni tan-nefqa, li ġiet applikata b'mod sħiħ għall-ewwel darba fil-baġit tal-2015. Madankollu, ir-regola ġiet emendata f'Diċembru 2015 u ser tippermetti nefqa ogħla, partikolarment fl-ambjent ta' inflazzjoni baxxa attwali. Hemm riskji sinifikanti ta' sostenibbiltà fiskali fuq perijodu twil minħabba pożizzjoni baġitarja inizjalment sfavorevoli u ż-żieda projettata fil-kostijiet tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, prinċipalment relatati mal-infiq fil-kura tas-saħħa. Minn perspettiva tas-sostenibbiltà tad-dejn, skont politiki li ma nbidlux, ir-riskju fiskali fuq terminu medju huwa għoli minħabba ż-żieda projettata fid-dejn.

(7)

Id-dħul mill-VAT għall-2015 huwa projettat li baqa' baxx bħala proporzjon tal-PDG, minkejja l-miżuri introdotti s'issa, li jinkludu l-mekkaniżmu tar-reverse charge u r-responsabbiltà konġunta ta' kumpaniji f'setturi sensittivi. Għall-Gvern, iż-żieda fil-ġbir tal-VAT kif ukoll il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT huma prijoritajiet, u qed titħejja strateġija f'dan ir-rigward. Huwa mistenni li tinkludi miżuri bħalma huma għodod ġodda tal-IT biex jidentifikaw u jiġġieldu l-frodi tal-VAT u riforma fl-amministrazzjoni tat-taxxa. F'Jannar 2017 ser jiġi introdott limitu aktar baxx għall-ħlasijiet fi flus kontanti bejn il-kumpaniji. Il-Polonja għadha tħabbat wiċċha mal-isfida antika ta' amministrazzjoni ineffiċjenti tat-taxxa. Dan il-proporzjon tal-kost tal-ġbir, jiġifieri il-kostijiet amministrattivi għal kull dħul nett tat-taxxa miġbur, huwa l-ogħla fl-Unjoni.

(8)

Il-Polonja għadha tapplika rati mnaqqsa ta' VAT fuq għadd kbir ta' prodotti u servizzi. Dan jikkontribwixxi għal dħul mitluf u jnaqqas l-effiċjenza tas-sistema tal-VAT. L-evidenza tindika li r-rati mnaqqsa tal-VAT mhumiex strument effettiv ta' politika soċjali, b'mod partikolari peress li dawn mhumiex immirati speċifikament lejn l-unitajiet domestiċi vulnerabbli. Dawn għandhom it-tendenza li jissarfu f'sussidji sinifikanti lill-kontribwenti għonja. Il-benefiċċji soċjali u t-taxxa fuq l-introjtu jitqiesu li jistgħu jiġu mmirati aħjar u għalhekk huma aktar adattati biex jinkisbu l-għanijiet ta' ridistribuzzjoni. Id-dħul mitluf potenzjali minħabba rati tal-VAT imnaqqsa u l-eżenzjonijiet fakultattivi huwa fost l-ogħla fl-Unjoni.

(9)

Minkejja t-titjib reċenti, is-suq tax-xogħol Pollakk qed jaffaċċja sfidi sinifikanti — tixjiħ tal-forza tax-xogħol, produttività baxxa u segmentazzjoni għolja tas-suq tax-xogħol. Flimkien ma' dan jeżistu nuqqasijiet fis-sistema edukattiva. Għalkemm is-sistema edukattiva tjiebet b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, xorta waħda għadu mhux jirnexxielha tħejji studenti b'biżżejjed kompetenzi trasversali meħtieġa għas-suq tax-xogħol u l-innovazzjoni, żewġ affarijiet li qed jinbidlu b'rata mgħaġġla. Il-medji relattivament baxxi tal-mertu tal-edukazzjoni għolja u x-xjenza Pollakki għandhom effett ħażin fuq il-kwalità tal-provvista. Il-livell ta' internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla Pollakka huwa limitat ħafna kemm f'termini ta' studenti barranin kif ukoll f'termini ta' parteċipazzjoni f'kollaborazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali. Il-mudell ta' finanzjament tal-edukazzjoni għolja ma jippromovix biżżejjed il-kwalità, peress li juża ħafna l-mertu passat tal-università u varjabbli kwantitattivi, bħall-għadd ta' studenti u persunal akkademiku. Skont l-impjegaturi, il-gradwati ma għandhomx ħiliet trasversali bħal kif isolvu l-problemi, ħsieb kritiku jew kif jaħdmu f'tim. Il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja hija baxxa u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ma jikkorrispondux mal-ħtiġijiet tas-suq.

(10)

Filwaqt li d-disponibbiltà u l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni preprimarja żdiedet b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, id-disponibbiltà ta' servizzi għall-indukrar tat-tfal żgħar għadha fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. Iż-żieda fl-età obbligatorja biex it-tfal jibdew l-iskola għal seba' snin, u t-tneħħija tal-obbligu li t-tfal ta' ħames snin jattendu skola preprimarja, flimkien ma' benefiċċju ġdid għat-tfal, jista' jkollhom effetti negattivi fuq il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, speċjalment tan-nisa, u jistħoqqilhom monitoraġġ mill-qrib.

(11)

Minkejja żieda qawwija fil-kuntratti permanenti tax-xogħol fl-2015, il-proporzjon ta' impjiegi b'terminu fiss fil-Polonja huwa fost l-ogħla fl-Unjoni. Il-Polonja dan l-aħħar ħadet għadd ta' miżuri biex tindirizza s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. Iddaħħlet emenda fil-Kodiċi tax-Xogħol, għolew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali marbuta ma' xi kuntratti tal-liġi ċivili u f'Jannar 2017 huwa mistenni li tiġi introdotta remunerazzjoni minima fis-siegħa għal min jaħdem b'kuntratt tal-liġi ċivili. Madankollu ċerti karatteristiċi tal-Kodiċi tax-Xogħol joħolqu diżinċentivi għall-impjegaturi biex jimpjegaw persuni b'kuntratti indefiniti u l-użu ta' dawn il-kuntratti għadu limitat. Dan huwa l-aktar minħabba l-kumplessità tar-regolamenti tax-xogħol u l-kostijiet impliċiti għolja tas-sensji taħt dawn il-kuntratti. Dawn jinkludu kostijiet proċedurali għoljin, kostijiet assoċjati ma' mekkaniżmi twal u inċerti għas-soluzzjoni tat-tilwim u dispożizzjonijiet bħal protezzjoni speċjali għall-ħaddiema akbar fl-età milli jiġu sensjati.

(12)

Arranġamenti preferenzjali tas-sigurtà soċjali speċifiċi għas-settur, b'mod partikolari sussidji għoljin tas-sistemi tal-pensjonijiet għall-bdiewa u għall-ħaddiema tal-minjieri, għandhom k ostijiet baġitarji għoljin u jistgħu jikkontribwixxu biex tonqos il-mobilità tal-impjiegi L-għadd ta’ persuni assigurati skont is-sistema speċjali ta’ sigurtà għall-bdiewa beda jonqos bil-mod mill-2007, u l-Gvern jistenna li fl-2019 dan ser ikun ta’ 1,18 miljun ruħ, filwaqt li l-għadd ta’ benefiċjarji tal-irtirar, li jammonta għal 1,229 miljun, probabbilment ser jibqa’ jikber sal-2018. Sa mill-2011, il-proporzjon tan-nefqa tal-baġit tal-istat fil-PDG għall-KRUS kien kostanti ta' 1 %. Ma hemm l-ebda rekwiżit ġenerali tat-taxxa għall-bdiewa jew xi obbligu li jkollhom sistema ta' kontabilità, u l-awtofinanzjament tal-KRUS huwa baxx. Kien hemm 1,382 miljun razzett fil-Polonja fl-2014, li minnhom 52 % kienu iżgħar minn ħames ettari (GUS). Il-ħaddiema tal-minjieri huma eżentati mis-sistema ġenerali tal-pensjonijiet pubbliċi b'kontribuzzjoni definita b'koeffiċjenti multiplikaturi preferenzjali speċjali tal-pensjoni, li hija sors ta' kost sinifikanti fis-sena fuq il-finanzi pubbliċi ta' aktar minn 0,5 % tal-PDG. Il-prospetti demografiċi sfavorevoli diġà qed iwasslu għal popolazzjoni fl-età tax-xogħol dejjem tonqos. Il-preservazzjoni tax-xejra pożittiva fl-impjiegi, partikolarment tal-ħaddiema ta' età avvanzata, hija għalhekk essenzjali, anki bl-għan li tinżamm l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi. Minkejja li l-età medja effettiva tal-irtirar żdiedet f'dawn l-aħħar snin, din għadha b'mod sinifikanti taħt l-età statutorja tal-irtirar. Għalhekk, żieda fl-età effettiva tal-irtirar hija ta' importanza kruċjali għall-adegwatezza soċjali tal-pensjonijiet fil-ġejjieni fuq terminu twil u għall-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(13)

Minkejja investiment konsiderevoli fl-aħħar snin għadhom jippersistu ostakli u nuqqasijiet fit-trasport, fl-enerġija u fin-netwerks ta' komunikazzjoni. L-attività ta' investiment hija mxekkla minn ostakli relatati mal-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika, mat-tassazzjoni u mal-ambjent għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni, kif ukoll it-tul tal-infurzar tal-kuntratti. Dgħufijiet fil-kapaċità maniġerjali u amministrattiva qed iħallu effett negattiv fuq l-implimentazzjoni f'waqtha ta' proġetti ta' investiment fis-settur ferrovjarju u proġetti oħra fit-trasport, fl-enerġija u fl-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni. L-ekonomija Pollakka għadha tiddependi wisq fuq l-enerġija u l-karbonju, u l-potenzjal ta' qligħ minn titjib fl-effiċjenza tal-enerġija huwa sinifikanti. Il-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku qed jiqdiemu u għadhom jiddependu ħafna fuq il-faħam. In-netwerk tal-elettriku mhuwiex konness mal-pajjiżi ġirien. Skema ta' appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, li kellha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016, ġiet ittardjata u ħolqot l-inċertezza fl-investiment. Xi fatturi ewlenin li jfixklu l-investimenti, b'mod partikulari fil-kostruzzjoni, huma l-kopertura baxxa ħafna tal-ippjanar spazjali u l-instabbiltà, speċjalment fil-livelli lokali, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda u l-inkonsistenzi regolatorji u amministrattivi li jxekklu l-għoti tal-permessi tal-bini.

(14)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Polonja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Polonja fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Polonja iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (3) ta' hawn taħt.

(15)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (4) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni Nru (1) ta' hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2016 u l-2017 biex:

1.

Tikseb aġġustament fiskali annwali ta' 0,5 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2016 u fl-2017. Issaħħaħ il-qafas fiskali, inkluż billi twaqqaf kunsill fiskali indipendenti. Ittejjeb il-ġbir tat-taxxa billi tiżgura konformità aħjar mal-VAT u tillimita l-użu estensiv fir-rati mnaqqsa tal-VAT.

2.

Tiżgura s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistema tal-pensjonijiet u żżid il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, billi tibda tirriforma l-arranġamenti preferenzjali tal-pensjonijiet, tneħħi l-ostakli għal aktar tipi ta' impjiegi permanenti u ttejjeb ir-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq.

3.

Tieħu miżuri biex tneħħi l-ostakli għall-investiment fl-infrastruttura tat-trasport, tal-kostruzzjoni u tal-enerġija u biex iżżid il-kopertura tal-ippjanar spazjali fil-livell lokali.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(4)  Taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.