16.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/61


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/212

tat-12 ta' Frar 2016

dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (l-għaxar FEŻ) għas-sena finanzjarja 2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) u emendat bil-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (2),

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna Komunitarja taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2008 sa 2013 f'konformità mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni tal-assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat KE (3) (“il-'Ftehim Intern”) li jistabbilixxi, fost oħrajn, l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (l-għaxar FEŻ), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat-18 ta' Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (4), u b'mod partikolari l-Artikoli 142 sa 144 tiegħu,

Wara li eżamina l-kont tad-dħul u tal-infiq u l-karta tal-bilanċ relatati mal-operazzjonijiet tal-għaxar FEŻ kif kienu fil-31 ta' Diċembru 2014 u r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-tmien, id-disa', l-għaxar u l-ħdax-il Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) li jikkonċernaw is-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Kummissjoni li jinsabu f'dak ir-Rapport Annwali (5),

Billi

(1)

F'konformità mal-Artikolu 11(8) tal-Ftehim Intern, il-kwittanza għall-amministrazzjoni finanzjarja tal-għaxar FEŻ għandha tingħata lill-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(2)

L-implimentazzjoni ġenerali mill-Kummissjoni tal-operazzjonijiet tal-għaxar FEŻ matul is-sena finanzjarja 2014 kienet sodisfaċenti,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Parlament Ewropew jagħti lill-Kummissjoni kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-għaxar FEŻ għas-sena finanzjarja 2014.

 

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

J.R.V.A. DIJSSELBLOEM


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

(3)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(4)  ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1.

(5)  OJ C 373, 10.11.2015, p. 289.