24.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 355/18


DEĊIŻJONI TAL-QORTI ĠENERALI (UE) 2016/2387

tal-14 ta' Settembru 2016

dwar ir-regoli ta' sigurtà applikabbli għall-informazzjoni jew għall-annessi prodotti taħt l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura

IL-QORTI ĠENERALI

Wara li rat ir-Regoli tal-Proċedura u b'mod partikolari l-Artikolu 105(11) tagħhom,

Billi tikkunsidra li:

(1)

Skont l-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, parti prinċipali fil-kawża tista', fuq inizjattiva tagħha stess jew b'riżultat ta' miżura istruttorja adottata mill-Qorti Ġenerali, tipproduċi informazzjoni jew annessi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea jew ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom. Il-paragrafi 3 sa 10 ta' din id-dispożizzjoni jipprevedu r-regoli proċedurali applikabbli għal tali informazzjoni jew għal tali annessi.

(2)

Fid-dawl tan-natura sensittiva u kunfidenzjali tal-informazzjoni jew tal-annessi kkonċernati, l-implementazzjoni tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura teħtieġ l-introduzzjoni ta' arranġament ta' sigurtà adatt maħsub sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għal din l-informazzjoni jew għal dawn l-annessi.

(3)

Għal dan il-għan, l-arranġament ta' sigurtà għandu japplika għall-informazzjoni jew għall-annessi kollha prodotti taħt l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jkunu elementi ta' informazzjoni kklassifikati tal-Unjoni Ewropea jew li fir-rigward tagħhom jiġi indikat, mill-parti prinċipali li tkun ipproduċiethom, li l-komunikazzjoni tagħhom lill-parti prinċipali l-oħra ser tippreġudika s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, inkluż meta l-imsemmija informazzjoni jew annessi ma jkunux elementi ta' informazzjoni kklassifikati tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għal din l-informazzjoni jew għal dawn l-annessi, il-prinċipji bażiċi u l-istandards ta' sigurtà minimi għall-protezzjoni tal-imsemmija informazzjoni jew annessi huma ispirati minn dawk applikabbli għall-protezzjoni tal-elementi ta' informazzjoni kklassifikata SECRET UE/EU SECRET skont ir-regoli tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-elementi ta' informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni Ewropea (IKUE), b'mod partikolari dawk adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea.

(5)

L-informazzjoni jew l-annessi prodotti taħt l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura għandhom ikunu s-suġġett ta' marka speċifika għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imsejħa “FIDUCIA”, li tiddetermina s-sistema ta' sigurtà applikabbli għalihom matul il-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali u, fil-każ ta' appell, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. It-tqegħid tal-marka FIDUCIA u t-tneħħija ta' din il-marka ma għandux ikollhom impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-elementi ta' informazzjoni kkomunikati lill-Qorti Ġenerali.

(6)

L-aċċess għall-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandu jkun żgurat b'osservanza tal-prinċipju ta' ħtieġa ta' għarfien,

TIDDEĊIEDI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni:

(a)

“awtorità ta' sigurtà” tfisser l-awtorità responsabbli għas-sigurtà tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea nnominata minn din tal-aħħar, liema awtorità tista' tiddelega, kompletament jew parzjalment, it-twettiq tal-kompiti previsti f'din id-deċiżjoni;

(b)

“uffiċċju FIDUCIA” tfisser l-uffiċċju tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni li jamministra l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA;

(c)

“detentur” tfisser persuna debitament awtorizzata li, fuq il-bażi ta' ħtieġa ta' għarfien ikkonfermata, ikollha fil-pussess tagħha element ta' informazzjoni FIDUCIA u li għaldaqstant tkun responsabbli sabiex tiżgura l-protezzjoni tiegħu;

(d)

“dokument” tfisser kwalunkwe element ta' informazzjoni, irrispettivament mill-forma jew mill-karatteristiċi fiżiċi tiegħu;

(e)

“element ta' informazzjoni” tfisser kwalunkwe element ta' informazzjoni miktub jew orali, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkun jinsab u mill-awtur tiegħu;

(f)

“elementi ta' informazzjoni kklassifikati tal-Unjoni Ewropea” (IKUE) tfisser kwalunkwe element ta' informazzjoni jew kwalunkwe materjal identifikat bħala tali skont il-klassifikazzjoni ta' sigurtà tal-Unjoni Ewropea taħt ir-regoli applikabbli f'dan il-qasam fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jaqgħu taħt wieħed mil-livell ta' klassifikazzjoni sigrieti:

TRÈS SECRET UE/EU TOP SECRET;

SECRET UE/EU SECRET;

CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL;

RESTREINT UE/EU RESTRICTED.

(g)

“element ta' informazzjoni FIDUCIA” tfisser kwalunkwe element ta' informazzjoni li jkollu l-marka FIDUCIA;

(h)

“trattament” ta' element ta' informazzjoni FIDUCIA tfisser l-azzjonijiet kollha li l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA jistgħu jkunu suġġetti għalihom matul il-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali u sa mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huma b'hekk koperti r-reġistrazzjoni, il-konsultazzjoni, il-ħolqien, id-duplikazzjoni, il-ħażna, l-għoti lura u l-qerda ta' dawn l-elementi ta' informazzjoni.

Artikolu 2

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-deċiżjoni tiddefinixxi l-prinċipji bażiċi u l-istandards ta' sigurtà minimi għall-protezzjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u sa mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dawn il-prinċipji bażiċi u dawn l-istandards ta' sigurtà minimi għandhom japplikaw għal kull element ta' informazzjoni FIDUCIA, kif ukoll għal kwalunkwe użu minnu, miktub jew orali, kif ukoll għall-kopji li, jekk ikun il-każ, isiru tiegħu konformement mar-regoli ta' sigurtà stabbiliti f'din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

Modalitajiet ta' preżentata u ta' għoti lura

Għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-arranġament previst f'din id-deċiżjoni:

il-parti prinċipali għandha tinforma lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bil-ġurnata tal-preżentata tal-informazzjoni jew tal-annessi taħt l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura;

il-parti prinċipali, akkumpanjata minn rappreżentant tar-Reġistru, għandha tippreżenta l-informazzjoni jew l-annessi taħt l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura fl-uffiċċju FIDUCIA matul il-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru għall-pubbliku;

il-parti prinċipali li tkun ipproduċiet l-informazzjoni jew l-annessi taħt l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura għandha tiġborhom mill-uffiċċju FIDUCIA fil-preżenza ta' rappreżentant tar-Reġistru meta ma tawtorizzax il-komunikazzjoni tagħhom taħt l-Artikolu 105(4) tal-imsemmija Regoli, mal-irtirar tagħhom konformement mal-Artikolu 105(7) tal-istess Regoli jew mal-iskadenza tat-terminu previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx ġie ppreżentat appell f'dan it-terminu;

fil-każ li, fit-terminu previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ikun ġie ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, l-informazzjoni jew l-annessi prodotti fil-kuntest ta' din il-kawża taħt l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dan il-għan, hekk kif ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali jiġi informat bl-eżistenza ta' dan l-appell, huwa għandu jibgħat ittra lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn jinformah li l-informazzjoni jew l-annessi kkonċernati jinsabu għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali għandu fl-istess ħin jinforma lill-awtorità ta' sigurtà dwar il-fatt li l-informazzjoni jew l-annessi kkonċernati għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ċaqliq fiżiku tal-imsemmija informazzjoni jew annessi. Dan id-dettall għandu jiġi rreġistrat mill-uffiċċju FIDUCIA. Il-parti prinċipali li tkun ipproduċiet din l-informazzjoni jew dawn l-annessi għandha tiġborhom mill-uffiċċju FIDUCIA, fil-preżenza ta' rappreżentant tar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, malli tiġi nnotifikata d-deċiżjoni li taqta' l-appell, sakemm il-kawża ma tintbagħatx lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċidiha;

fil-każ li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqiegħed l-informazzjoni jew l-annessi kkonċernati għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali malli tiġi nnotifikata d-deċiżjoni li taqta' l-appell. Għal dan il-għan, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jibgħat ittra lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali fejn jinformah li l-informazzjoni jew l-annessi kkonċernati jinsabu għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali. Ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu fl-istess ħin jinforma lill-awtorità ta' sigurtà dwar il-fatt li l-informazzjoni jew l-annessi kkonċernati għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ċaqliq fiżiku tal-imsemmija informazzjoni jew annessi. Dan id-dettall għandu jiġi rreġistrat mill-uffiċċju FIDUCIA. Il-parti prinċipali li tkun ipproduċiet din l-informazzjoni jew dawn l-annessi għandha tiġborhom mill-uffiċċju FIDUCIA, fil-preżenza ta' rappreżentant tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, malli jiskadi t-terminu previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx ġie ppreżentat appell f'dan it-terminu.

Artikolu 4

Marka FIDUCIA

1.   Il-marka FIDUCIA għandha tingħata mill-uffiċċju FIDUCIA lill-informazzjoni jew lill-annessi kollha prodotti konformement mal-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura.

2.   Il-marka FIDUCIA għandha tingħata wkoll mill-uffiċċju FIDUCIA lil kull element ta' informazzjoni li jirriproduċi, kompletament jew parzjalment, il-kontenut tal-informazzjoni jew tal-annessi prodotti konformement mal-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll lil kull kopja ta' tali informazzjoni jew annessi.

3.   Il-marka FIDUCIA għandha tingħata wkoll mill-uffiċċju FIDUCIA lid-dokumenti u lir-reġistri stabbiliti mill-uffiċċju FIDUCIA skont din id-deċiżjoni li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista' jippreġudika s-sigurtà tal-Unjoni jew ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom.

4.   Il-marka FIDUCIA għandha titqiegħed b'mod viżibbli fuq il-paġni u fuq il-mezzi kollha tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

5.   It-tqegħid tal-marka FIDUCIA u t-tneħħija ta' din il-marka, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Anness III, ma għandux ikollhom impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-elementi ta' informazzjoni kkomunikati lill-Qorti Ġenerali.

Artikoli 5

Protezzjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA

1.   Il-protezzjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandha tkun ekwivalenti għal dik żgurata għall-IKUE SECRET UE/EU SECRET konformement mar-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE.

2.   Huwa l-kompitu tad-detentur ta' kwalunkwe element ta' informazzjoni FIDUCIA li jipproteġih konformement ma' din id-deċiżjoni.

Artikolu 6

Ġestjoni tar-riskji ta' sigurtà

1.   Ir-riskji għall-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandhom jiġu ġestiti fil-kuntest ta' proċedura ta' analiżi tar-riskji li l-għan tagħha jkun li jiġu ddeterminati r-riskji magħrufa għas-sigurtà, li jiġu ddefiniti l-miżuri ta' sigurtà li permezz tagħhom dawn ir-riskji jkunu jistgħu jitnaqqsu għal livell aċċettabbli konformement mal-prinċipji bażiċi u mal-istandards minimi stabbiliti f'din id-deċiżjoni u li jiġu applikati dawn il-miżuri. L-effikaċja ta' tali miżuri għandha tkun is-suġġett ta' evalwazzjoni kontinwa mill-awtorità ta' sigurtà.

2.   Il-miżuri ta' sigurtà għall-protezzjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA matul il-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali u sa mhux iktar mill-iskadenza tat-terminu previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu proporzjonati, b'mod partikolari, għall-forma tal-elementi ta' informazzjoni jew tal-materjali kkonċernati kif ukoll għall-volum tagħhom, għall-ambjent u għall-istruttura tas-siti tal-uffiċċju FIDUCIA, kif ukoll għat-theddida evalwata fuq il-livell lokali li jirrappreżentaw l-attivitajiet malizjużi u/jew kriminali, inklużi l-ispjunaġġ, is-sabutaġġ u t-terroriżmu.

3.   Il-pjan intern ta' emerġenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA jiġu protetti fil-każ ta' emerġenza sabiex jiġu impediti l-aċċess u l-iżvelar mhux awtorizzati kif ukoll it-telf ta' integrità jew ta' disponibbiltà.

4.   Il-miżuri ta' prevenzjoni u ta' ritorn għall-kundizzjonijiet operattivi maħsuba sabiex jiġi llimitat l-impatt ta' nuqqasijiet jew ta' inċidenti gravi fuq it-trattament u l-ħażna ta' elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandhom jiġu previsti fil-pjan intern ta' emerġenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Miżuri ta' sigurtà fir-rigward tal-persuni

1.   L-aċċess għall-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA jista' jingħata biss lill-persuni li:

ikollhom ħtieġa ta' għarfien ta' dawn l-elementi ta' informazzjoni,

bla ħsara għall-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu, ikunu ġew awtorizzati jkollhom aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA, u

ikunu ġew informati bir-responsabbiltajiet tagħhom.

2.   L-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali għandhom, bis-saħħa tal-funzjoni tagħhom, jitqiesu li huma awtorizzati jkollhom aċċess għall-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

3.   Il-proċedura sabiex jiġi ddeterminat jekk uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jistax, fid-dawl tal-lealtà, tal-integrità u tal-affidabbiltà tiegħu, jiġi awtorizzat sabiex ikollu aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA hija ppreċiżata fl-Anness I.

4.   Qabel jingħataw aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA u, wara, f'intervalli regolari, il-persuni kkonċernati kollha għandhom jiġu informati dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA konformement ma' din id-deċiżjoni u għandhom jirrikonoxxu dawn ir-responsabbiltajiet bil-miktub.

Artikolu 8

Sigurtà fiżika

1.   “Sigurtà fiżika” tfisser l-applikazzjoni ta' miżuri fiżiċi u tekniċi ta' protezzjoni sabiex jiġi impedit l-aċċess mhux awtorizzat għall-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

2.   Il-miżuri ta' sigurtà fiżika għandhom ikunu maħsuba sabiex jipprekludu kull dħul, bl-ingann jew bil-forza, fis-siti tal-uffiċċju FIDUCIA, sabiex ikollhom effett dissważiv, sabiex jimpedixxu u jidentifikaw l-atti mhux awtorizzati, kif ukoll sabiex jippermettu li tiġi stabbilita distinzjoni bejn il-persuni awtorizzati u dawk li ma humiex awtorizzati li jkollhom aċċess għall-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA konformement mal-prinċipju ta' ħtieġa ta' għarfien. Dawn il-miżuri għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi ta' proċedura ta' ġestjoni tar-riskji.

3.   Il-miżuri ta' sigurtà fiżika għandhom jiġu implementati fir-rigward tas-siti tal-uffiċċju FIDUCIA li fihom jiġu ttrattati u jinħażnu l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA. Dawn il-miżuri għandhom ikunu maħsuba sabiex jiżguraw protezzjoni ekwivalenti għal dik li jibbenefikaw minnha l-IKUE SECRET UE/EU SECRET konformement mar-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE. Ebda element ta' informazzjoni FIDUCIA ma jista' jinħażen jew jiġi kkonsultat barra mis-siti tal-uffiċċju FIDUCIA maħluqa għal dan il-għan fi ħdan żona li hija wkoll tkun taħt sigurtà.

4.   Sabiex jiġu protetti l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandhom jintużaw biss tagħmir jew arranġamenti konformi mar-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE.

5.   Il-modalitajiet ta' applikazzjoni ta' dan l-artikolu jinsabu fl-Anness II.

Artikolu 9

Ġestjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA

1.   “Ġestjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA” tfisser l-applikazzjoni ta' miżuri amministrattivi maħsuba sabiex jiġu protetti l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA matul il-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali u sa mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u sabiex dawn l-elementi ta' informazzjoni jiġu ssorveljati bil-għan li jkunu ffaċilitati l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' kompromess jew ta' telf, intenzjonati jew aċċidentali, ta' tali elementi ta' informazzjoni.

2.   Il-miżuri ta' ġestjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandhom jikkonċernaw, b'mod partikolari, ir-reġistrazzjoni, il-konsultazzjoni, il-ħolqien, id-duplikazzjoni, il-ħażna, l-għoti lura u l-qerda tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

3.   Malli jaslu, u qabel kwalunkwe trattament, l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandhom jiġu rreġistrati mill-uffiċċju FIDUCIA.

4.   Is-siti tal-uffiċċju FIDUCIA għandhom ikunu s-suġġett ta' spezzjoni regolari mill-awtorità ta' sigurtà.

5.   Il-modalitajiet ta' applikazzjoni ta' dan l-artikolu jinsabu fl-Anness III.

Artikolu 10

Protezzjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA ttrattati b'mod elettroniku

1.   Is-sistemi tal-informatika u ta' komunikazzjoni (kompjuters u apparat periferiku) li jintużaw għat-trattament tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandhom ikunu jinsabu fis-siti tal-uffiċċju FIDUCIA. Huma għandhom ikunu iżolati minn kull netwerk informatiku.

2.   Għandhom jiġu implementati miżuri ta' sigurtà sabiex it-tagħmir informatiku użat għat-trattament tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA jiġi protett kontra l-kompromess ta' dawn l-elementi ta' informazzjoni minn trażmissjonijiet elettromanjetiċi mhux intenzjonati (miżuri ta' sigurtà ekwivalenti għal dawk applikati għall-IKUE SECRET UE/EU SECRET konformement mar-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE).

3.   Is-sistemi tal-informatika u ta' komunikazzjoni għandhom ikunu s-suġġett ta' ċertifikazzjoni maħruġa mill-awtorità ta' sigurtà li għandha tiżgura li dawn jissodisfaw ir-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE.

4.   Il-modalitajiet ta' applikazzjoni ta' dan l-artikolu jinsabu fl-Anness IV.

Artikolu 11

Sigurtà fil-każ ta' intervent estern

1.   “Sigurtà fil-każ ta' intervent estern” tfisser l-applikazzjoni ta' miżuri maħsuba sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA minn kuntratturi li l-intervent tagħhom ikun meħtieġ fil-kuntest tal-manutenzjoni tas-sistemi tal-informatika u ta' komunikazzjoni iżolati tan-netwerk informatiku jew fil-kuntest ta' intervent li jeħtieġ iċ-ċaqliq urġenti ta' elementi ta' informazzjoni FIDUCIA sabiex jitqiegħdu f'sit sigur.

2.   L-awtorità ta' sigurtà tista' tikkummissjona t-twettiq ta' kompiti li jimplikaw jew li jeħtieġu, taħt il-kuntratt tagħhom, l-aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA lil kuntratturi rreġistrati fi Stat Membru.

3.   L-awtorità ta' sigurtà għandha tiżgura li l-istandards minimi ta' sigurtà previsti f'din id-deċiżjoni u msemmija fil-kuntratt jiġu osservati meta jingħataw kuntratti.

4.   Il-membri tal-persunal ta' kuntrattur jista' jkollhom aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA biss jekk ikunu ġew awtorizzati għal dan il-għan mill-awtorità ta' sigurtà fuq il-bażi ta' awtorizzazzjoni ta' sigurtà tal-persunal maħruġa mill-Awtorità Nazzjonali ta' Sigurtà jew minn kwalunkwe awtorità ta' sigurtà kompetenti oħra konformement mal-liġijiet jew mar-regolamenti nazzjonali.

5.   Il-modalitajiet ta' applikazzjoni ta' dan l-artikolu jinsabu fl-Anness V.

Artikolu 12

Assenza ta' trażmissjoni diġitali, ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' elementi ta' informazzjoni FIDUCIA

1.   L-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA fl-ebda każ ma jistgħu jiġu trażmessi f'forma diġitali.

2.   Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tittrażmetti elementi ta' informazzjoni FIDUCIA, la lill-istituzzjonijiet, korpi, organi jew aġenziji tal-Unjoni, la lill-Istati Membri, la lill-partijiet l-oħra fil-kawża, u lanqas lil xi terz.

Artikolu 13

Ksur tas-sigurtà u kompromess ta' elementi ta' informazzjoni FIDUCIA

1.   Ksur tas-sigurtà huwa att jew ommissjoni mwettqa minn persuna li jmorru kontra r-regoli ta' sigurtà stabbiliti f'din id-deċiżjoni.

2.   Ikun hemm kompromess meta, b'riżultat ta' ksur tas-sigurtà, l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA jkunu ġew żvelati, kompletament jew parzjalment, lil persuni li ma humiex awtorizzati jew li ma humiex meqjusa li huma awtorizzati.

3.   Kull ksur jew kull suspett ta' ksur tas-sigurtà għandhom jiġu rrapportati immedjatament lill-awtorità ta' sigurtà.

4.   Meta jiġi stabbilit jew meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli sabiex jiġi preżunt li elementi ta' informazzjoni FIDUCIA ġew kompromessi jew mitlufa, l-awtorità ta' sigurtà, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-President u mar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, għandha tieħu l-miżuri adatti kollha konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli sabiex:

(a)

tinforma b'dan lill-parti prinċipali li tkun ipproduċiet l-informazzjoni jew l-annessi kkonċernati;

(b)

titlob lill-awtorità kompetenti tiftaħ investigazzjoni amministrattiva;

(c)

tevalwa d-dannu potenzjalment ikkawżat lis-sigurtà tal-Unjoni jew ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew lit-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom;

(d)

tevita li l-fatti jerġgħu jseħħu, u

(e)

tinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-miżuri meħuda.

5.   Kwalunkwe persuna responsabbli għal ksur tar-regoli ta' sigurtà stabbiliti f'din id-deċiżjoni għandha tkun suġġetta għal sanzjoni dixxiplinari konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli. Kwalunkwe persuna responsabbli għall-kompromess jew għat-telf ta' elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandha tkun suġġetta għal sanzjonijiet dixxiplinari u/jew tista' tkun is-suġġett ta' proċeduri ġudizzjarji konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli.

Artikolu 14

Organizzazzjoni tas-sigurtà fi ħdan il-Qorti Ġenerali

1.   L-uffiċċju FIDUCIA għandu jimplementa l-protezzjoni tal-elementi ta' informazzjoni skont din id-deċiżjoni.

2.   L-awtorità ta' sigurtà għandha tkun responsabbli għall-applikazzjoni korretta ta' din id-deċiżjoni. Għal dan il-għan, l-awtorità ta' sigurtà għandha:

(a)

tapplika l-politika ta' sigurtà tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tevalwaha perjodikament;

(b)

tissorvelja l-implementazzjoni ta' din id-deċiżjoni mill-uffiċċju FIDUCIA;

(c)

jekk ikun il-każ, tordna t-twettiq ta' investigazzjoni, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13, dwar kwalunkwe kompromess jew telf, jew dwar kwalunkwe suspett ta' kompromess jew telf, ta' elementi ta' informazzjoni FIDUCIA;

(d)

twettaq ispezzjonijiet perjodiċi tal-arranġamenti ta' sigurtà maħsuba sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA fis-siti tal-uffiċċju FIDUCIA.

Artikolu 15

Modalitajiet prattiċi ta' implementazzjoni

Il-modalitajiet prattiċi ta' implementazzjoni ta' din id-deċiżjoni għandhom jiġu adottati mill-awtorità ta' sigurtà bi qbil mar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Settembru 2016.

Ir-Reġistratur

E. COULON

Il-President

M. JAEGER


ANNESS I

MIŻURI TA' SIGURTÀ FIR-RIGWARD TAL-PERSUNI

1.

Dan l-anness jistabbilixxi l-modalitajiet ta' applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-deċiżjoni.

2.

Ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali għandu jidentifika, sa fejn huwa kkonċernat u sa fejn ikun strettament neċessarju, il-pożizzjonijiet li jeħtieġu aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA u li għalhekk jeħtieġu li l-uffiċjali jew il-membri l-oħra tal-persunal li jokkupaw il-pożizzjonijiet inkwistjoni fi ħdan il-Qorti Ġenerali jiġu awtorizzati jkollhom aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

3.

Sabiex tingħata awtorizzazzjoni ta' aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA, l-uffiċċju FIDUCIA għandu jittrażmetti l-kwestjonarju ta' sigurtà mimli mill-uffiċjal jew mill-membru l-ieħor tal-persunal ikkonċernat lill-Awtorità Nazzjonali tas-Sigurtà tal-Istat Membru li tiegħu l-individwu kkonċernat ikun ċittadin jew lil kwalunkwe awtorità nazzjonali oħra kompetenti, identifikata fir-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE (iktar 'il quddiem l-“ANS kompetenti”), u għandu jitlob li titwettaq investigazzjoni ta' sigurtà għal livell ta' klassifikazzjoni SECRET UE/EU SECRET.

4.

Meta tintemm l-investigazzjoni ta' sigurtà, skont il-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, l-ANS kompetenti għandha tinnotifika l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni inkwistjoni lill-uffiċċju FIDUCIA.

5.

Fil-każ li, meta tintemm l-investigazzjoni ta' sigurtà, l-ANS kompetenti tkun kisbet l-assigurazzjoni li ma hemmx indikazzjonijiet sfavorevoli ta' natura li joħolqu dubju dwar il-lealtà, l-integrità u l-affidabbiltà tal-individwu kkonċernat, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti tista' tawtorizza lil dan l-individwu jkollu aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

6.

Fil-każ li, meta tintemm l-investigazzjoni ta' sigurtà, l-assigurazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ma tinkisibx, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tinforma b'dan lill-individwu kkonċernat. F'tali każ, l-uffiċċju FIDUCIA, fuq istruzzjonijiet mill-Awtorità tal-Ħatra, jista' jitlob lill-ANS kompetenti tipprovdi kwalunkwe kjarifika komplementari li tkun f'pożizzjoni li tagħti skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali. Fil-każ li r-riżultati tal-investigazzjoni ta' sigurtà jiġu kkonfermati, l-awtorizzazzjoni ta' aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA ma għandhiex tingħata.

7.

L-awtorizzazzjoni ta' aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandha tkun valida għal ħames snin. Hija għandha tiġi rtirata meta l-persuna kkonċernata ma tibqax tokkupa l-pożizzjoni li teħtieġ aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA jew meta l-Awtorità tal-Ħatra tqis li hemm raġunijiet li jiġġustifikaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

8.

L-awtorizzazzjoni ta' aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA tista' tiġġedded konformement mal-proċedura prevista fil-paragrafi 3 sa 5.

9.

L-uffiċċju FIDUCIA għandu jżomm reġistru tal-awtorizzazzjonijiet ta' aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

10.

Jekk l-uffiċċju FIDUCIA jiġi informat bir-riskju għas-sigurtà li tirrappreżenta persuna li jkollha awtorizzazzjoni ta' aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA, l-uffiċċju FIDUCIA għandu jwissi b'dan lill-ANS kompetenti u l-Awtorità tal-Ħatra tista' tissospendi l-aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA jew tirtira l-awtorizzazzjoni ta' aċċess għal dawn l-elementi ta' informazzjoni.

11.

Fil-każ ta' urġenza, l-Awtorità tal-Ħatra tista', wara li tikkonsulta lill-ANS kompetenti u bla ħsara għar-riżultati ta' verifiki preliminari mwettqa sabiex jiġi żgurat li ma hemmx indikazzjonijiet sfavorevoli, tagħti, fuq bażi temporanja, lill-uffiċjali jew lill-membri l-oħra tal-persunal ikkonċernati awtorizzazzjoni ta' aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA. Din l-awtorizzazzjoni temporanja għandha tkun valida sakemm tintemm il-proċedura prevista fil-paragrafi 3 sa 5, mingħajr madankollu ma tista' tkun għal iktar minn sitt xhur mid-data li fiha t-talba għal investigazzjoni ta' sigurtà titressaq quddiem l-ANS kompetenti.

12.

Qabel ma jingħataw aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA, il-persuni awtorizzati għal dan il-għan għandhom isegwu taħriġ maħsub sabiex ikunu jistgħu jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom fit-trattament tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA. L-awtorizzazzjoni ta' aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandha jkollha effett biss wara dan it-taħriġ u wara rikonoxximent ta' responsabbiltà bil-miktub.


ANNESS II

SIGURTÀ FIŻIKA

I.   INTRODUZZJONI

1.

Dan l-anness jistabbilixxi l-modalitajiet ta' applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-deċiżjoni. Huwa jipprevedi r-regoli minimi ta' protezzjoni fiżika tas-siti tal-uffiċċju FIDUCIA li fihom jiġu ttrattati u jinħażnu l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

2.

Il-miżuri ta' sigurtà fiżika għandhom ikunu maħsuba sabiex jimpedixxu l-aċċess mhux awtorizzat għall-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA billi:

(a)

jiggarantixxu li l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA jiġu ttrattati u jinħażnu korrettament;

(b)

jippermettu li tiġi stabbilita distinzjoni bejn il-persuni awtorizzati u dawk li ma humiex awtorizzati jkollhom aċċess għall-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA konformement mal-prinċipju ta' ħtieġa ta' għarfien;

(c)

ikollhom effett dissważiv, billi jimpedixxu u jidentifikaw l-atti mhux awtorizzati, u

(d)

jimpedixxu jew idewmu kull dħul bl-ingann jew bil-forza fis-siti tal-uffiċċju FIDUCIA.

3.

Il-miżuri ta' sigurtà fiżika għandhom jintgħażlu fuq il-bażi ta' evalwazzjoni tat-theddid fil-konfront tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA. Dawn il-miżuri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ambjent u l-istruttura tas-siti tal-uffiċċju FIDUCIA. L-awtorità ta' sigurtà għandha tiddetermina l-livell ta' sigurtà li għandu jintlaħaq minn kull waħda mill-miżuri fiżiċi segwenti:

(a)

barriera perimetrika li tiddefendi l-limiti taż-żona li għandha tiġi protetta;

(b)

sistema għall-iskoperta ta' intrużjoni mqabbda maċ-ċentru ta' kontroll u ta' sigurtà tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

(c)

sistema għall-kontroll tal-aċċess imħaddma permezz ta' mezzi elettroniċi jew elettromekkaniċi u operata minn membru tal-persunal tas-sigurtà;

(d)

persunal tas-sigurtà mħarreġ, li jkun taħt superviżjoni u li jkun ġie awtorizzat ikollu aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA;

(e)

sistema ta' sorveljanza vidjo b'ċirkwit magħluq operata mill-persunal tas-sigurtà u mqabbda mas-sistema għall-iskoperta ta' intrużjoni u mas-sistema għall-kontroll tal-aċċess;

(f)

sistema ta' dawl ta' sigurtà li tiżgura sorveljanza effikaċi diretta jew permezz ta' sistema ta' sorveljanza vidjo;

(g)

kull miżura fiżika oħra adatta maħsuba sabiex ikollha effett dissważiv fir-rigward tal-aċċess mhux awtorizzat jew sabiex tidentifika tali aċċess, jew sabiex timpedixxi l-konsultazzjoni, it-telf jew id-deterjorament ta' element ta' informazzjoni FIDUCIA.

II.   SITI GĦALL-ĦAŻNA U GĦALL-KONSULTAZZJONI TAL-ELEMENTI TA' INFORMAZZJONI FIDUCIA

Ħolqien ta' siti fiżikament protetti għall-ħażna u għall-konsultazzjoni

4.

Għandhom jinħolqu siti ta' sigurtà għall-ħażna u għall-konsultazzjoni ta' elementi ta' informazzjoni FIDUCIA. L-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA jistgħu jinħażnu u jiġu kkonsultati biss fis-siti tal-uffiċċju FIDUCIA li jissodisfaw, fir-rigward tal-punti kollha, ir-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE.

5.

Fi ħdan dawn is-siti, il-ħażna tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandha tkun żgurata f'kontenituri ta' sigurtà li jissodisfaw ukoll, fir-rigward tal-punti kollha, ir-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE.

6.

Ebda sistema ta' komunikazzjoni (telefon jew xi tagħmir elettroniku ieħor) ma tista' tiddaħħal fis-siti tal-uffiċċju FIDUCIA.

7.

Is-sala fejn jinżammu l-laqgħat fl-uffiċċju FIDUCIA għandha tiġi protetta kontra sorveljanza mhux awtorizzata. Din is-sala għandha tkun is-suġġett, f'intervalli regolari, ta' spezzjonijiet ta' sigurtà elettronika.

Aċċess għas-siti ta' ħażna u ta' konsultazzjoni

8.

L-aċċess għas-siti tal-uffiċċju FIDUCIA għandu jiġi kkontrollat permezz ta' bieb doppju b'sistema ta' identifikazzjoni u taħt sorveljanza vidjo.

9.

Il-persuni li jkunu ġew awtorizzati jkollhom aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA u l-persuni meqjusa li huma awtorizzati għandu jkun jista' jkollhom aċċess għas-siti tal-uffiċċju FIDUCIA sabiex jikkonsultaw l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) u (2) ta' din id-deċiżjoni.

10.

L-awtorità ta' sigurtà tista', f'każijiet eċċezzjonali, tawtorizza l-aċċess minn persuni mhux awtorizzati li l-intervent tagħhom fis-siti tal-uffiċċju FIDUCIA jkun indispensabbli, bla ħsara għall-kundizzjoni li l-aċċess għal dawn is-siti ma għandux jimplika aċċess għall-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA, li għandhom jinżammu moħbija fil-kontenituri ta' sigurtà. L-aċċess ta' dawn il-persuni jista' jitwettaq biss meta jkunu akkumpanjati u meta jkunu taħt sorveljanza permanenti minn persuna mill-uffiċċju FIDUCIA li tkun ingħatat awtorizzazzjoni sabiex ikollha aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

11.

Kull aċċess għas-siti tal-uffiċċju FIDUCIA għandu jiġi rreġistrat f'reġistru tal-aċċess. Dan ir-reġistru għandu jinżamm f'post informatiku ta' ħidma li jinsab f'dawn is-siti. Is-sistema tal-informatika u ta' komunikazzjoni użata għal dan il-għan għandha tkun konformi mar-rekwiżiti ta' sigurtà stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-deċiżjoni kif ukoll fl-Anness IV.

12.

Il-miżuri ta' protezzjoni li jirregolaw l-użu bil-miktub tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandhom japplikaw fil-każ ta' użu orali ta' dawn l-istess elementi ta' informazzjoni.

III.   KONTROLL TAĊ-ĊWIEVET U TAL-KOMBINAZZJONIJIET UŻATI GĦALL-PROTEZZJONI TAL-ELEMENTI TA' INFORMAZZJONI FIDUCIA

13.

L-awtorità ta' sigurtà għandha tiddefinixxi l-proċeduri għall-ġestjoni taċ-ċwievet u tal-kombinazzjonijiet għas-siti tal-uffiċċju FIDUCIA u għall-kontenituri ta' sigurtà. Dawn il-proċeduri għandhom jipproteġu kontra aċċess mhux awtorizzat.

14.

Il-kombinazzjonijiet għandhom jiġu mmemorizzati mill-iżgħar numru possibbli ta' persuni li jkollhom bżonn li jkunu jafuhom. Il-kombinazzjonijiet tal-kontenituri ta' sigurtà fejn jinħażnu l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandhom jinbidlu:

(a)

meta jasal kontenitur ġdid;

(b)

ma' kull bidla fil-persunal li jkun jaf il-kombinazzjoni;

(c)

fil-każ ta' kompromess jew ta' suspett ta' kompromess;

(d)

meta jsiru manutenzjoni jew tiswija ta' katnazz;

(e)

minn tal-inqas kull tnax-il xahar.

15.

It-tagħmir tekniku maħsub għall-protezzjoni fiżika tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandu jissodisfa r-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE. L-awtorità ta' sorveljanza għandha tkun responsabbli għall-osservanza ta' dawn ir-regoli.

16.

It-tagħmir tekniku għandu jiġi spezzjonat perjodikament u għandu jkun is-suġġett ta' manutenzjoni f'intervalli regolari. Il-manutenzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-ispezzjonijiet sabiex jiġi żgurat funzjonament ottimali kontinwu tat-tagħmir.

17.

Kull meta ssir spezzjoni għandha tiġi evalwata mill-ġdid l-effikaċja tad-diversi miżuri ta' sigurtà u tas-sistema ta' sigurtà fl-intier tagħha.


ANNESS III

ĠESTJONI TAL-ELEMENTI TA' INFORMAZZJONI FIDUCIA

I.   INTRODUZZJONI

1.

Dan l-anness jistabbilixxi l-modalitajiet ta' applikazzjoni tal-Artikolu 9 tad-deċiżjoni. Huwa jipprevedi l-miżuri amministrattivi maħsuba sabiex jiġu protetti l-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA matul il-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali u sa mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u sabiex dawn l-elementi ta' informazzjoni jiġu ssorveljati bil-għan li jkunu ffaċilitati l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' kompromess jew ta' telf, intenzjonati jew aċċidentali, ta' tali elementi ta' informazzjoni.

II.   REĠISTRU TAL-ELEMENTI TA' INFORMAZZJONI FIDUCIA

2.

Għandu jiġi stabbilit reġistru tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA. Dan ir-reġistru għandu jinżamm, mill-uffiċċju FIDUCIA, f'post informatiku ta' ħidma li jinsab fis-siti tal-uffiċċju FIDUCIA. Is-sistema tal-informatika u ta' komunikazzjoni użata għall-finijiet taż-żamma ta' dan ir-reġistru għandha tkun konformi mar-rekwiżiti ta' sigurtà stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-deċiżjoni kif ukoll fl-Anness IV.

III.   REĠISTRAZZJONI TAL-ELEMENTI TA' INFORMAZZJONI FIDUCIA

3.

Għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni, reġistrazzjoni għal finijiet ta' sigurtà (iktar 'il quddiem “reġistrazzjoni”) tfisser l-applikazzjoni ta' proċeduri li jippermettu li jinżamm rekord taċ-ċiklu ta' ħajja ta' element ta' informazzjoni FIDUCIA, inkluża l-qerda tiegħu.

4.

Ir-reġistrazzjoni tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandha tiġi żgurata mill-uffiċċju FIDUCIA.

5.

L-uffiċċju FIDUCIA għandu jagħti awtomatikament il-marka FIDUCIA lill-informazzjoni jew lill-annessi prodotti taħt l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura. L-uffiċċju FIDUCIA għandu jirreġistra l-element ta' informazzjoni FIDUCIA fir-reġistru tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

6.

L-uffiċċju FIDUCIA għandu jfassal rapport anness mar-reġistru tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA li jispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom jiġi rċevut l-element ta' informazzjoni. Dan l-element ta' informazzjoni għandu mbagħad jiġi ttrattat skont il-modalitajiet stabbiliti fil-paragrafu preċedenti.

7.

Ir-reġistrazzjoni, konformement mal-paragrafi 5 u 6, tal-element ta' informazzjoni FIDUCIA fir-reġistru tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandha titwettaq bla ħsara għar-reġistrazzjoni proċedurali mwettqa mill-persuni li jkunu ġew awtorizzati jkollhom aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA fi ħdan ir-Reġistru.

IV.   ĠESTJONI TAL-ELEMENTI TA' INFORMAZZJONI FIDUCIA

Marka

8.

Meta IKUE jew kwalunkwe element ieħor ta' informazzjoni, li fir-rigward tagħhom jiġi indikat li l-komunikazzjoni tagħhom ser tippreġudika s-sigurtà tal-Unjoni jew ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, jiġu prodotti fil-kuntest tal-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura, dawn għandhom jingħataw il-marka FIDUCIA mill-uffiċċju FIDUCIA.

9.

Il-marka FIDUCIA għandha tiġi indikata b'mod ċar u korrett fuq kull parti ta' dokument, irrispettivament mill-forma li fiha jkun ippreżentat l-element ta' informazzjoni: karta, awdjo, format elettroniku jew format ieħor.

Ħolqien ta' element ta' informazzjoni FIDUCIA

10.

Hija biss persuna li tkun ġiet awtorizzata, jew persuna meqjusa li hija awtorizzata, sabiex ikollhom aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA li jistgħu joħolqu element ta' informazzjoni FIDUCIA kif speċifikat fl-Artikolu 4(2) u (3) ta' din id-deċiżjoni.

11.

Kull element ta' informazzjoni FIDUCIA maħluq għandu jiġi rreġistrat mill-uffiċċju FIDUCIA fir-reġistru tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

12.

Kull element ta' informazzjoni FIDUCIA maħluq għandu jkun suġġett għar-regoli kollha dwar it-trattament tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA, kif stabbiliti f'din id-deċiżjoni u fl-annessi tagħha.

Tneħħija tal-marka FIDUCIA

13.

L-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandhom jitilfu l-marka tagħhom f'żewġ każijiet:

(a)

Meta l-parti prinċipali li tkun ipproduċiet l-element ta' informazzjoni FIDUCIA tawtorizza t-trażmissjoni tiegħu lill-parti prinċipali l-oħra, l-element ta' informazzjoni inizjalment ikkomunikat kif ukoll l-elementi ta' informazzjoni kollha maħluqa fuq il-bażi ta' dan l-element ta' informazzjoni għandhom jitilfu l-marka FIDUCIA tagħhom;

(b)

Meta l-element ta' informazzjoni FIDUCIA jingħata lura lill-parti prinċipali li tkun ipproduċietu.

14.

It-tneħħija tal-marka FIDUCIA għandha titwettaq mill-uffiċċju FIDUCIA, li għandu jirreġistra din it-tneħħija fir-reġistru tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

15.

It-tneħħija tal-marka FIDUCIA ma timplikax it-tneħħija tal-klassifikazzjoni bħala IKUE.

V.   KOPJI TAL-ELEMENTI TA' INFORMAZZJONI FIDUCIA

16.

L-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA ma għandhomx ikunu s-suġġett ta' kopji, sakemm dawn il-kopji ma jkunux indispensabbli. F'dan il-każ tal-aħħar, il-kopji għandhom isiru mill-uffiċċju FIDUCIA, li għandu jagħtihom numru u jirreġistrahom.

17.

Il-kopji għandhom ikunu suġġetti għar-regoli ta' sigurtà kollha stabbiliti f'din id-deċiżjoni u fl-annessi tagħha.

VI.   QERDA TAL-ELEMENTI TA' INFORMAZZJONI FIDUCIA

18.

Meta l-informazzjoni jew l-annessi prodotti konformement mal-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura jingħataw lura lill-parti prinċipali li tkun ipproduċiethom, l-elementi ta' informazzjoni kollha li jirriproduċu, totalment jew parzjalment, il-kontenut ta' tali informazzjoni jew ta' tali annessi kif ukoll il-kopji li setgħu saru għandhom jinqerdu.

19.

Il-qerda tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA, prevista fil-paragrafu 18, għandha titwettaq mill-uffiċċju FIDUCIA bl-użu ta' metodi li jissodisfaw ir-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE sabiex tiġi prekluża l-kostruzzjoni mill-ġdid, totali jew parzjali, tagħhom.

20.

Il-qerda tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA, imsemmija fil-paragrafu 18, għandha titwettaq fil-preżenza ta' xhud li jkun ġie awtorizzat sabiex ikollu aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.

21.

L-uffiċċju FIDUCIA għandu jistabbilixxi proċess verbal tal-qerda.

22.

Il-proċess verbal tal-qerda għandu jiġi anness mar-reġistru tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA. Kopja ta' dan il-proċess verbal għandha tintbagħat lill-parti prinċipali li tkun ipproduċiet id-dokument ikkonċernat.


ANNESS IV

PROTEZZJONI TAL-ELEMENTI TA' INFORMAZZJONI FIDUCIA TTRATTATI B'MOD ELETTRONIKU

1.

Dan l-anness jistabbilixxi l-modalitajiet ta' applikazzjoni tal-Artikolu 10.

2.

L-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA jistgħu jiġu ttrattati biss fuq apparat elettroniku (post informatiku ta' ħidma, stampaturi, fotokopjaturi) li ma jkunux imqabbda man-netwerk informatiku u li jkunu jinsabu fis-siti tal-uffiċċju FIDUCIA.

3.

L-apparat elettroniku kollu li jintuża għat-trattament tal-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA għandu jkun konformi mar-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE. Is-sigurtà ta' dan l-apparat għandha tiġi żgurata matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tiegħu.

4.

Il-konnessjonijiet kollha possibbli għall-internet u għal għodod oħra (LAN, WLAN, Bluetooth, eċċ) għandhom ikunu ddiżattivati b'mod permanenti.

5.

Il-postijiet informatiċi ta' ħidma għandhom ikunu mgħammra bi protezzjoni adatta kontra l-virus. L-aġġornamenti tas-softwer kontra l-virus għandhom jitwettqu permezz ta' CD-ROM jew ta' memorja USB użati esklużivament għal dan l-iskop.

6.

Il-memorji tal-istampaturi u tal-fotokopjaturi għandhom jitħassru qabel kull operazzjoni ta' manutenzjoni.

7.

Għat-trattament tat-talbiet għal investigazzjoni msemmija fl-Anness I għandhom jintużaw biss il-prodotti kriptografiċi approvati konformement mar-regoli applikabbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-IKUE.


ANNESS V

SIGURTÀ FIL-KAŻ TA' INTERVENT ESTERN

1.

Dan l-anness jistabbilixxi l-modalitajiet ta' applikazzjoni tal-Artikolu 11.

2.

L-aċċess għall-elementi ta' informazzjoni FIDUCIA minn kuntrattur jista' jitwettaq biss fil-kuntest tal-manutenzjoni tas-sistemi tal-informatika u ta' komunikazzjoni iżolati min-netwerk informatiku jew fil-kuntest ta' intervent li jeħtieġ iċ-ċaqliq urġenti ta' elementi ta' informazzjoni FIDUCIA sabiex jitqiegħdu f'sit sigur.

3.

L-awtorità ta' sigurtà għandha tfassal linji gwida fil-qasam ta' intervent estern li jkopru, b'mod partikolari, l-awtorizzazzjoni ta' sigurtà tal-persunal tal-kuntrattur, kif ukoll il-kontenut tal-kuntratti msemmija f'dan l-anness.

4.

Id-dokumenti marbuta mal-proċeduri ta' sejħa għal offerti u l-kuntratt ta' manutenzjoni tas-sistemi tal-informatika u ta' komunikazzjoni iżolati min-netwerk informatiku għandu jkollhom il-marka FIDUCIA meta jinkludu dettalji li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista' jippreġudika s-sigurtà tal-Unjoni jew ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom. L-anness ta' sigurtà ta' dan il-kuntratt għandu jinkludi d-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-kuntrattur josserva l-istandards minimi stabbiliti f'din id-deċiżjoni. In-nuqqas ta' osservanza ta' dawn l-istandards minimi jista' jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti għax-xoljiment tal-kuntratt.

5.

Il-kuntratt li jimplika interventi li jeħtieġu ċ-ċaqliq b'urġenza ta' elementi ta' informazzjoni FIDUCIA sabiex jitqiegħdu f'post sigur għandu jinkludi n-numru ta' aġenti ta' sigurtà li għandu jkollhom approvazzjoni ta' sigurtà tal-persunal. Dan il-kuntratt ma għandu jagħti ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-proċeduri li għandhom jiġu implementati. Dan il-kuntratt ma għandux ikollu l-marka FIDUCIA.

6.

Il-kuntrattur ma jistax jagħti b'subappalt l-attivitajiet iddefiniti fis-sejħa għal offerti u fil-kuntratt li jimplika jew li jeħtieġ aċċess għal elementi ta' informazzjoni FIDUCIA.