22.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 350/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2360

tat-28 ta' Novembru 2016

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Akkwisti u l-Iskambju ta' Servizzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Bis-saħħa tal-Artikolu 42 tat-TUE, l-Unjoni tista' twettaq operazzjonijiet militari barra l-Unjoni. Bil-għan li jitħejjew dawk l-operazzjonijiet, jistgħu jsiru wkoll eżerċizzji militari barra mill-Unjoni.

(2)

Tali operazzjonijiet jistgħu jirrikjedu appoġġ loġistiku, u provvisti u servizzi għall-benefiċċju tal-kwartieri ġenerali stazzjonati u l-kontinġenti nazzjonali stazzjonati tal-operazzjoni li l-Istati Membri mhux dejjem ikunu f'pożizzjoni li jipprovdu.

(3)

Hemm ukoll il-possibilità li l-kwartieri ġenerali stazzjonati jew il-kontinġenti nazzjonali stazzjonati tal-operazzjoni jintalbu u jkunu lesti li jipprovdu appoġġ loġistiku, u provvisti u servizzi lill-unitajiet tal-Istati Uniti tal-Amerka preżenti fiż-żona tal-operazzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 41(2) tat-TUE, l-ispiża operazzjonali li tirriżulta mill-operazzjonijiet militari titħallas mill-Istati Membri. Fid-dawl ta' dik id-dispożizzjoni, l-Unjoni ma għandhiex id-dritt li tagħmel impenji li jistgħu jwasslu għal konsegwenzi finanzjarji għall-Istati Membri.

(5)

Il-Mekkaniżmu Athena stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (1) huwa awtorizzat li jaġixxi f'isem l-Istati Membri fil-qasam tal-finanzjament tal-operazzjonijiet militari tal-Unjoni.

(6)

Wara l-adozzjoni ta' Deċiżjoni mill-Kunsill fis-17 ta' Novembru 2015 li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà nnegozjat il-Ftehim dwar l-Akkwisti u l-Iskambju ta' Servizzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka (“il-Ftehim”).

(7)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża. B'konsegwenza ta' dan, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, la hi marbuta biha u lanqas mhija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Jeħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar l-Akkwisti u l-Iskambju ta' Servizzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka huwa b'dan aprovat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew -persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Novembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. ŽIGA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).