21.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/60


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2356

tad-19 ta' Diċembru 2016

b'appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom (l-“Istrateġija”), li tistabbilixxi l-linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW). L-Istrateġija tidentifika lill-Balkani u x-Xlokk tal-Ewropa bħala reġjuni partikolarment milquta mill-akkumulazzjoni eċċessiva u t-tixrid tas-SALW. Hija tiddikjara li l-Unjoni ser tagħti attenzjoni prijoritarja lill-Ewropa Ċentrali u l-Lvant tal-Ewropa u tissottolinja, b'referenza speċifika għall-Balkani, li appoġġ għal multilateralismu effettiv kif ukoll għal inizjattivi reġjonali rilevanti jkun strument effettiv għall-implimentazzjoni tagħha. Hija tippromwovi wkoll b'mod speċifiku l-ħtieġa tal-parteċipazzjoni fl-isforzi biex jitnaqqsu l-ħażniet żejda tas-SALW li kien fadal fil-Lvant tal-Ewropa mill-Gwerra Bierda.

(2)

Fis-Sitt Konferenza Preparatorja ta' Rieżami tal-2016 dwar il-Programm ta' Azzjoni tan-NU sabiex Jipprevjeni, Jikkumbatti, u Jeqred il-Kummerċ Illeċitu fis-SALW fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-“Programm ta' Azzjoni tan-NU”), li ġie adottat fl-20 ta' Lulju 2001, l-Istati Membri kollha tan-NU affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom fil-prevenzjoni tat-traffikar illeċitu tas-SALW. L-Istati laqgħu l-progress li sar fir-rigward tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni subreġjonali u reġjonali u impenjaw ruħhom li jistabbilixxu jew isaħħu, fejn xieraq, din il-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-mekkaniżmi ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki, sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni.

(3)

Iċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC), imwaqqaf f'Belgrad fl-2002 u li jiffunzjona taħt il-mandat konġunt tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (suċċessur għall-Patt ta' Stabbiltà għax-Xlokk tal-Ewropa), jassisti lill-partijiet interessati nazzjonali u reġjonali fil-kontroll u t-tnaqqis tal-firxa u l-użu ħażin ta' SALW u munizzjon, u b'hekk jikkontribwixxi għal stabbiltà, sigurtà u żvilupp msaħħa fix-Xlokk u fil-Lvant tal-Ewropa. Is-SEESAC jagħmel enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ta' proġetti reġjonali biex tiġi indirizzata r-realtà tal-flussi transkonfinali tal-armi.

(4)

L-Unjoni preċedentement appoġġat lis-SEESAC permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/842/PESK (1), estiża u emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/807/PESK (2) u 2004/791/PESK (3) kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK (4). L-Unjoni appoġġat ukoll l-attivitajiet tas-SEESAC ta' kontroll tal-armi permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK (5).

(5)

L-Unjoni tixtieq tiffinanzja proġett ulterjuri tas-SEESAC dwar it-tnaqqis tat-theddida tat-tixrid u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom, u tal-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, il-proġett tas-SEESAC dwar it-tnaqqis tat-theddida tat-tixrid u t-traffikar illeċiti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

iż-żieda fil-kooperazzjoni reġjonali, l-iskambju ta' għarfien u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bil-ħsieb ta' kapaċità msaħħa għal tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza;

it-titjib fil-kapaċità għal sigurtà fiżika u ġestjoni tal-ħażniet (“PSSM”) permezz ta' titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, it-tnaqqis ta' ħażniet żejda, u t-taħriġ;

it-tisħiħ tal-kapaċità għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords;

it-tnaqqis fil-pussess illeċitu u l-użu ħażin ta' armi tan-nar permezz tal-appoġġ għall-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' ġbir;

L-Unjoni għandha tiffinanzja l-proġett, li hu deskritt fid-dettall fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mis-SEESAC.

3.   Is-SEESAC għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNDP, li għandu jaġixxi f'isem is-SEESAC.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni li jissemma fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 6 508 136. Il-baġit totali stmat għall-programm kollu għandu jkun ta' EUR 9 142 355. Il-programm għandu jkun ikkofinanzjat mill-Unjoni, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Norveġja u l-benefiċjarju.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta' referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hi għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-UNDP, li għandu jaġixxi f'isem is-SEESAC. Il-ftehim għandu jistipula li s-SEESAC għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-UE, xierqa skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija mis-SEESAC. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew, jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim f'dak il-perijodu, sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

L. SÓLYMOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/842/PESK tal-21 ta' Ottubru 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bl-għan li l-Unjoni Ewropea tagħti l-kontribut tagħha biex tikkumbatti l-akkumulazzjoni destabilizzanti u t-tixrid ta' armi ħfief u żgħar fix-Xlokk tal-Ewropa (ĠU L 289, 26.10.2002, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/807/PESK tas-17 ta' Novembru 2003 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2002/842/PESK li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK sabiex l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u l-firxa ta' armamenti żgħar fix-Xlokk tal-Ewropa (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 39).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/791/PESK tat-22 ta' Novembru 2004 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2002/842/PESK li timplimenta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta' kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabbilizzanti ta' armi żgħar u armamenti ħfief fl-Ewropa tax-Xlokk (ĠU L 348, 24.11.2004, p. 46).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK tal-11 ta' Marzu 2010 b'appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC fil-kontroll ta' armi fil-Balkani tal-Punent, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 48).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK tad-9 ta' Diċembru 2013 b'appoġġ għall-attivitajiet ta' SEESAC ta' diżarm u ta' kontroll ta' armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' SALW u l-Munizzjon tagħhom (ĠU L 332, 11.12.2013, p. 19).


ANNESS

Proposta dwar il-kontribut tal-Unjoni għall-proġett tas-SEESAC dwar it-tnaqqis tat-theddida tat-tixrid u t-traffikar illeċiti ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa

1.   Introduzzjoni u objettivi

Ix-Xlokk tal-Ewropa (SEE) tibqa' qasam ta' tħassib partikolari kif ukoll sfida importanti fl-Istrateġija tal- UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom (“l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”). Filwaqt li sar progress sinifikanti fis-snin reċenti, l-iskala enormi ta' akkumulazzjoni ta' SALW u munizzjon, kundizzjonijiet inadegwati ta' ħżin, il-pussess illeċitu fuq skala kbira, u t-tfassil tal-politika u l-lakuni fil-kapaċità ta' implimentazzjoni jkomplu jillimitaw l-effikaċja tal-isforzi għall-kontroll tas-SALW. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat il-progress kontinwu, jiġu assigurati l-kisbiet u titwitta t-triq għal-soluzzjoni fit-tul, il-kontinwazzjoni tal-appoġġ għall-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mit-tixrid u t-traffikar illeċitu tas-SALW fi u mis-SEE jifforma parti essenzjali fl-isforzi tal-Unjoni biex tikseb l-għanijiet tal-Istrateġija UE dwar is-SALW.

L-objettiv ġenerali tal-proġett huwa li jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali billi jiġġieled it-theddida kkawżata mill-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċitu fuq firxa wiesgħa ta' SALW u l-munizzjon tagħhom fi u mis-SEE. Fl-istess waqt, ser isaħħaħ l-istabbiltà reġjonali permezz ta' ħidma fi ħdan il-qafas tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR; is-suċċessur għall-Patt ta' Stabbiltà għax-Xlokk tal-Ewropa) u fi sħubija ma' inizjattivi rilevanti oħrajn. B'mod speċifiku, il-proġett ser: iżid il-kooperazzjoni reġjonali, l-iskambju tal-għarfien u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni li jwasslu għal kapaċità msaħħa għal tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza; kapaċitajiet mtejba għas-sigurtà fiżika u ġestjoni tal-ħażniet (“PSSM”) permezz ta' titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, it-tnaqqis ta' ħażniet żejda u t-taħriġ; kapaċità mtejba għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords tas-SALW; u t-tnaqqis fil-pussess illeċitu u l-użu ħażin ta' armi tan-nar permezz tal-appoġġ għall-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' ġbir.

L-implimentazzjoni tal-proġett hija msejsa fil-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni tas-SALW u ser tirriżulta f'aktar sigurtà u stabbiltà fis-SEE u lil hinn, bl-indirizzar tal-firxa u t-traffikar illeċitu tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Il-proġett ser jagħti kontribut dirett għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà, l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Armi tan-Nar, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, il-Programm ta' Azzjoni tan-NU sabiex Jipprevjeni, Jikkumbatti, u Jeqred il-Kummerċ Illeċitu fis-SALW fl-Aspetti Kollha Tiegħu, l-Istrument Internazzjonali ta' Traċċar, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar u r-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u ser itejjeb b'mod speċifiku l-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mill-firxa tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Ir-riżultati tal-proġett ser jikkontribwixxu wkoll b'mod dirett għall-implimentazzjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli numru 16 dwar soċjetajiet paċifiċi u ġusti, b'mod partikolari l-miri 16.1 (titnaqqas b'mod sinifikanti kull forma ta' vjolenza u r-rata ta' mwiet kullimkien) u 16.4 (jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-flussi ta' armi illegali). Barra minn hekk, il-proġett ser jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi indirizzat it-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar u ta' splussivi fl-Unjoni.

Waqt li jibni fuq l-implimentazzjoni b'suċċess tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK b'mod partikolari, u f'konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, dan il-proġett ta' segwitu għalhekk għandu l-għan li jsaħħaħ aktar is-sistemi nazzjonali tal-kontroll u li jkompli jrawwem il-multilateraliżmu li jsawwar mekkaniżmi reġjonali kontra l-forniment u t-tixrid destabbilizzanti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom. Barra minn hekk, sabiex ikun żgurat li l-kisbiet tal-kapaċitajiet jiġu kondiviżi ma' oqsma oħra possibbli ta' tħassib, il-proġett ser ifittex dimensjoni reġjonali aktar komprensiva permezz ta' sforzi ta' trasferiment immirat tal-għarfien.

2.   Għażla tal-aġenzija ta' implimentazzjoni u koordinazzjoni ma' inizjattivi ta' finanzjament oħra rilevanti

Is-SEESAC huwa inizjattiva konġunta tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l- KKR, u bħala tali huwa l-punt fokali għall-attivitajiet relatati mas-SALW fis-SEE. Bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi Żgħar u Ħfief (SALW), is-SEESAC ilu jaħdem mill-2002 ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali u internazzjonali fis-SEE dwar l-implimentazzjoni ta' approċċ olistiku għall-kontroll tas-SALW permezz tat-twettiq ta' spettru wiesa' ta' attivitajiet li jinkludu: kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' ġbir tas-SALW, ġestjoni tal-ħażniet, tnaqqis ta' ħażniet żejda, u titjib tal-kapaċitajiet ta' mmarkar u traċċar, kif ukoll kontroll imtejjeb tal-esportazzjoni tal-armi. B'dan il-mod, is-SEESAC kiseb kapaċità u esperjenza unika fl-implimentazzjoni ta' interventi reġjonali ta' diversi partijiet interessati fl-isfond politiku u ekonomiku kondiviż tal-pajjiżi fir-reġjun, waqt li jiżgura sjieda nazzjonali u reġjonali u sostenibbiltà fit-tul tal-azzjonijiet tiegħu u jistabbilixxi lilu nnifsu bħala l-awtorità reġjonali primarja fil-qasam tal-kontroll tas-SALW.

Is-SEESAC għandu kanali miftuħa ta' komunikazzjoni bilaterali u multilaterali mal-atturi u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha. Is-SEESAC huwa wkoll is-Segretarjat tal-Grupp Reġjonali ta' Tmexxija għas-SALW (RSG). Barra minn hekk, is-SEESAC huwa s-Segretarjat tal-inizjattiva għall-Approċċ Reġjonali għat-Tnaqqis ta' Ħażniet (RASR). Is-SEESAC huwa regolarment mistieden jieħu sehem fil-fora reġjonali rilevanti kollha bħal-laqgħat annwali tal-Ministri tal-ġustizzja u tal-affarijiet barranin bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, il-proċess ta' skambju ta' informazzjoni strutturali tan-NATO dwar is-SALW u l-proċess ministerjali ta' difiża tax-Xlokk tal-Ewropa (“SEDM”). Huwa għandu netwerk wiesa' ta' sħubijiet formali u informali ma' organizzazzjonijiet bħal RACVIAC (iċ-Ċentru Reġjonali ta' Assistenza għall-Implimentazzjoni u l-Verifika tal-Kontroll tal-Armi) — iċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà u l-Forum tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà (FSC). Laqgħat regolari ta' koordinazzjoni ma' aġenziji oħra tan-NU bħall-UNODC u l-UNODA jseħħu permezz tal-Azzjoni ta' Koordinazzjoni tan-NU dwar Armi Ħfief (CASA) kif ukoll mekkaniżmi oħra. Is-SEESAC b'hekk żviluppa f'ċentru reġjonali u punt fokali għal spettru wiesa' ta' kwistjonijiet relatati mar-riforma tas-settur tas-sigurtà, b'attenzjoni partikolari fuq il-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-ħażniet. Ibbażat f'Belgrad, is-SEESAC fil-preżent jopera fis-SEE kollu, b'attivitajiet fl-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina (BiH), il-Kosovo (*1), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM). Fil-passat, is-SEESAC kien jopera wkoll fil-Bulgarija, fil-Kroazja u fir-Rumanija. Is-sjieda reġjonali hija żgurata permezz tal-KKR kif ukoll permezz tal-RSG, fejn ir-rappreżentanti tal-istati kollha fis-SEE jipprovdu l-gwida strateġika, l-inizjattivi u t-talbiet għall-attivitajiet tas-SEESAC.

Is-SEESAC kien il-pijunier ta' approċċ ibbażat fuq l-indirizzar ta' problemi kondiviżi permezz ta' inizjattivi reġjonali, li ħallew riżultati impressjonanti fis-SEE mhux biss minħabba l-kondiviżjoni kruċjali tal-informazzjoni u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni reġjonali b'saħħitha li jqanqal, iżda wkoll għax jgħin biex jinkisbu riżultati konsistenti u li faċli jitkejlu permezz modalità ta' implimentazzjoni olistika. Il-parteċipazzjoni mis-SEESAC fil-proċessi u l-inizjattivi reġjonali rilevanti kollha (bħal SEDM, RASR u RACVIAC) tipprovdi skambju ta' informazzjoni f'waqtu u espliċitu, għarfien tas-sitwazzjoni b'saħħtu u t-tbassir meħtieġ biex tiġi żgurata implimentazzjoni mhux suxxettibbli li tirkeb fuq u f'konformità mal-ħtiġijiet attwali tal-gvernijiet u r-reġjuni, kif ukoll max-xejriet ta' żvilupp.

Is-SEESAC jibbaża l-attivitajiet kollha tagħha fuq id-data bażika miġbura u jassigura l-approvazzjoni u l-appoġġ politiku minn partijiet interessati nazzjonali bħala prekondizzjoni għall-azzjoni. Is-SEESAC implimenta l-proġetti preċedenti tiegħu ffinanzjati mill-Unjoni b'rata għolja ħafna ta' rendiment tal-attivitajiet previsti, billi kiseb riżultati sostenibbli għall-proġett billi żviluppa u rawwem sjieda nazzjonali tal-proġetti u l-attivitajiet tiegħu, u billi ppromwova koordinazzjoni reġjonali, esperjenza u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, kif ukoll riċerka reġjonali. L-għarfien espert tiegħu dwar is-SALW u l-għarfien profond tal-affarijiet reġjonali u l-partijiet interessati rilevanti jagħmlu s-SEESAC bħala l-aktar sieħeb ta' implimentazzjoni adatt għal din l-azzjoni partikolari.

Il-proġett jikkomplementa wkoll l-isforzi fil-livell nazzjonali eżistenti li jfittxu sinerġiji massimi. B'mod partikolari fir-rigward tal-BiH, il-proġett huwa komplementari għal żewġ proġetti oħra, partikolarment:

il-proġett EXPLODE, iffinanzjat mill-komponent fuq perijodu qasir tal-Istrument tal-Unjoni li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u implimentat mill-Uffiċċju tal-UNDP f'Sarajevo fi sħubija mal-Missjoni tal-OSKE għall-BiH, biex tissaħħaħ is-sikurezza tan-nies tal-BiH billi jitnaqqsu l-ħażniet ta' munizzjon instabbli u tissaħħaħ is-sikurezza tal-ħażniet,

il-proġett SECUP BiH għal titjib fis-sigurtà tas-siti ta' ħażniet tal-munizzjon u l-armi, li huwa implimentat b'mod konġunt mill-Missjoni tal-OSKE għall-BiH u l-Ministeru għad-Difiża tal-Bożnija-Ħerzegovina, bl-EUFOR li jipprovdu parir espert tekniku u monitoraġġ tal-aspetti ta' sigurtà u sikurezza tal-implimentazzjoni tal-proġett.

Is-SEESAC ser jaħdem permezz tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni stabbilit mill-MoD u atturi internazzjonali u ser iżomm kuntatt regolari mal-EUFOR Althea, il-Missjoni tal-OSKE għall-BiH u l-Uffiċċju tal-UNDP f'Sarajevo biex jiżgura koordinazzjoni u komplementarjetà kontinwi ma' dawn il-proġetti kif ukoll mal-isforzi li għaddejjin tal-komunità internazzjonali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar ħażniet żejda ta' munizzjon konvenzjonali miżmuma mill-Ministeru għad-Difiża tal-BiH u fid-dawl ta' kwalunkwe possibbiltà ta' pjanijiet futuri għal kampanja biex jinġabru armi konvenzjonali illegali fil-BiH. Fil-fażi preċedenti, inkisbu żidiet sinifikanti permezz ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni stretta ma' dawn iż-żewġ proġetti, li wasslu għal riżultati aktar effiċjenti.

Il-proġett propost huwa parti minn programm usa', u s-SEESAC ser jaħdem flimkien mal-isforzi segwenti ta' għajnuna internazzjonali:

fil-Montenegro, il-proġett MONDEM, amministrat mill-UNDP fi sħubija mal-OSKE, huwa mfassal biex jaħdem dwar it-tnaqqis tar-riskji tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni permezz tal-iżvilupp ta' infrastruttura għall-ħażna tal-munizzjon konvenzjonali u sistemi ta' ġestjoni siguri u mingħajr periklu, it-tnaqqis tar-riskju ta' splussivi għall-komunitajiet permezz tad-demilitarizzazzjoni favur l-ambjent, il-qerda ta' skart tossiku perikoluż (propellant likwidu tar-rokit) u appoġġ għar-riforma ta' difiża permezz tal-qerda ta' kwantità limitata ta' sistemi ta' armi tqal imfassla mill-Ministeru tad-Difiża għall-Montenegro;

fil-Kosovo, il-Proġett dwar il-mitigazzjoni tar-riskju tal-armi tan-nar u splussivi (“FERM”), (preċedentement KOSSAC), inizjalment imfassal biex inaqqas il-vjolenza bl-armi fil-Kosovo u jżid is-sigurtà tal-komunità, għandu l-għan li jappoġġa l-partijiet ikkonċernati tal-Kosovo fil-kontroll tal-pussess illegali mifrux u ċ-ċirkolazzjoni ta' SALW u, permezz ta' ġestjoni bbażata fuq ir-riskju u approċċ ibbażat fuq l-evidenza, biex jitnaqqsu r-riskji ta' dawn l-armi u tal-materjali splussivi;

fis-Serbja, il-proġett CASM, iffinanzjat mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika, il-UNDP u l-OSKE, huwa mfassal biex itejjeb is-sikurezza u s-sigurtà ta' siti predefiniti għall-ħażniet ta' munizzjon konvenzjonali u r-rimi ta' munizzjon żejjed irrapportat.

Barra minn hekk, il-proġett se jaħdem biex jikkoordina ma' inizjattivi ġodda fl-FYROM billi jfittex li jżid il-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-ħażniet tal-pulizija.

Is-SEESAC iżomm ukoll kuntatt regolari mal-OSKE, in-NATO u man-Norwegian People's Aid, kif ukoll ma' atturi oħra rilevanti, sabiex jiżgura l-komplementarjetà tal-azzjoni, il-puntwalità tal-interventi u l-kosteffettività fl-użu tar-riżorsi.

3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-fażi ġdida tal-proġett tas-SEESAC ser tibni fuq il-bażi tal-kisbiet taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK u ser tiffoka fuq erba' oqsma ewlenin, filwaqt li jinżamm approċċ olistiku fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mis-SALW fir-reġjun. L-erba' oqsma jindirizzaw il-livell strateġiku/ta' politika kif ukoll l-aspetti operazzjonali, waqt li jgħaqqdu flimkien approċċi aktar tradizzjonali għall-kontroll tas-SALW b'fokus fuq il-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi u n-netwerking billi jħarsu lejn it-theddid prinċipali (ħażniet kbar, b'sigurtà mhux suffiċjenti; nuqqas ta' informazzjoni; żieda fit-traffikar illeċitu; pussess illegali fuq firxa wiesa'). B'mod partikolari, il-proġett ser jirrizulta:

f'żieda fil-kooperazzjoni reġjonali, l-iskambju ta' għarfien u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni, li jwasslu għal kapaċità msaħħa għal tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza;

f'titjib fil-kapaċità għall-PSSM permezz ta' titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, it-tnaqqis ta' ħażniet żejda, u taħriġ;

f'tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords;

fi tnaqqis fil-pussess illeċitu u l-użu ħażin ta' armi tan-nar permezz tal-appoġġ għall-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' ġbir;

L-istrateġija tal-proġett hija msejsa fuq l-approċċ uniku tas-SEESAC biex jinbnew u jitrawmu l-fiduċja u l-kooperazzjoni fir-reġjun bħala prerekwiżit biex tinkiseb bidla trasformattiva konkreta u li tista' titkejjel. B'mod partikolari, fil-livell reġjonali, il-proċessi differenti ffaċilitati mis-SEESAC, li jinvolvu kemm lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll il-prattikanti fil-livell tekniku, urew li huma ingredjent essenzjali biex jiġi żgurat ambjent li jippermetti t-trasferiment tal-għarfien, l-iskambju tal-għarfien espert u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Dan serva mhux biss biex jiżdiedu l-kapaċitajiet fir-reġjun, iżda aktar importanti minn hekk biex tinbena l-fiduċja u jiġu stabbiliti possibbiltajiet ta' kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet u l-esperti individwali. Konsegwentement, l-atmosfera ta' fiduċja professjonali tippermetti li jsir progress fil-livell nazzjonali fuq kwistjonijiet li huma indirizzati minn dan il-proġett: il-PSSM, inkluż it-tnaqqis ta' ħażniet żejda; l-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords; il-kooperazzjoni fil-livell operazzjonali bejn l-infurzar tal-liġi; u l-kooperazzjoni transfruntiera. Barra minn hekk, l-approċċ ta' kooperazzjoni reġjonali għamel lir-reġjun aktar trasparenti u effiċjenti fl-isforzi tiegħu biex jikkontrolla l-kummerċ tal-armi, bir-riżultat li l-Istati tax-Xlokk tal-Ewropa huma fost l-aktar trasparenti fid-dinja fir-rappurtar tagħhom dwar it-trasferimenti tal-armi. Għaldaqstant, il-proġett ser ikompli jrawwem il-kooperazzjoni reġjonali bħala element essenzjali li jippermetti li jinkisbu riżultati miżurabbli.

L-ambitu ġeografiku tal-proġett huwa s-SEE, fejn il-benefiċjarji diretti tal-proġett huma l-Albanija, il-BiH, il-Kosovo, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u l-FYROM. Barra minn hekk, il-proġett ser ifittex li jiffaċilita t-trasferiment tal-għarfien u l-għarfien espert għall-pajjiżi Ewropej tal-Lvant li jiffaċċjaw l-istess problemi ta' SALW, b'mod partikolari l-Ukrajna u l-Belarussja.

3.1.   Żieda fil-kooperazzjoni reġjonali, l-skambju ta' għarfien u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni, li jwasslu għal kapaċità msaħħa għal tfassil ta' politika bbażat fuq l-evidenza

Objettiv

Li tissaħħaħ aktar il-kapaċità ta' tfassil u implimentazzjoni ta' politiki dwar il-kontroll tas-SALW ibbażati fuq l-evidenza skont l-aħjar prattika internazzjonali inklużi l-Istandards Internazzjonali dwar il-Kontroll tas-SALW u b'hekk jingħata kontribut sabiex titnaqqas it-theddida ta' proliferazzjoni illeċita tas-SALW.

Deskrizzjoni

Filwaqt li jibnu fuq l-approċċ ta' suċċess li jiffaċilita netwerking fil-livell reġjonali, b'mod partikolari bejn l-awtoritajiet tal-ħruġ tal-liċenzji għat-trasferimenti tal-armi (taħt il-proċess ta' skambju ta' informazzjoni reġjonali) u l-kummissjonijiet tas-SALW, li rriżultaw f'aktar attività u fit-titjib tal-politiki, dan il-komponent ser ikompli jiffaċilita l-kooperazzjoni reġjonali bejn il-kummissjonijiet tas-SALW permezz ta' laqgħat reġjonali regolari, l-iskambju ta' informazzjoni u ħidma fuq il-ġbir ta' data u żieda fil-kapaċità għat-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza. Il-ħidma taħt dan il-komponent ser tirriżulta: f'żieda fil-kapaċità għat-tfassil tal-politika permezz ta' ġbir u analiżi mtejba ta' data, inkluż stħarriġ dettaljat; skambju ta' informazzjoni reġjonali; u għarfien u fehim akbar fost dawk li jfasslu u dawk li jimplimentaw il-politika dwar il-kumplessità tal-problematika tal-kontroll tas-SALW. It-trasparenza tat-trasferimenti tal-armi ser tiżdied ukoll bl-integrazzjoni tal-proċess ta' skambju ta' informazzjoni reġjonali dwar it-trasferimenti tal-armi fil-proċess ta' kooperazzjoni tal-kummissjoni tas-SALW, kif ukoll bl-appoġġ biex titkompla t-trasparenza tat-trasferimenti tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa. Barra minn hekk, dan il-komponent jipprevedi t-trasferiment tal-għarfien espert miksub fix-Xlokk tal-Ewropa lejn reġjuni oħra sabiex jiġu appoġġati l-interventi tal-Unjoni f'oqsma oħra. Fl-aħħar nett, dan il-komponent ser jipprovdi wkoll appoġġ tekniku permezz ta' riċerka u għoti ta' informazzjoni mmirati u fuq talba li jkunu rilevanti għall-politika għal dawk li jfasslu l-politika.

B'mod speċifiku, il-proġett jipprevedi l-faċilitazzjoni kontinwa tal-proċess ta' skambju ta' informazzjoni reġjonali permezz ta':

laqgħat reġjonali formali tal-kummissjonijiet tas-SALW u korpi ta' tfassil ta' politika rilevanti (darbtejn fis-sena) li jiffokaw fuq l-iskambju ta' informazzjoni, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-istandardizzazzjoni, kif ukoll taħriġ;

it-trasferiment tal-għarfien espert lejn il-Belarussja u l-Ukrajna permezz tal-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni f'laqgħat formali magħżula u t-traduzzjoni u d-disseminazzjoni tal-għodod eżistenti ta' kontroll tas-SALW.

Barra minn hekk, il-kapaċitajiet ta' tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza ser jiġu msaħħa permezz:

tat-titjib u l-aġġornament tal-linja bażi tas-sitwazzjoni tas-SALW reġjonali permezz ta' stħarriġ reġjonali dwar is-SALW (inkluż stħarriġ nazzjonali), biex b'hekk jiġu vvalutati l-bidliet mill-aħħar stħarriġ (2006), abbażi ta' metodoloġija mtejba;

tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ġbir u l-analiżi tad-data permezz tal-iżvilupp u l-aġġornament kontinwu ta' għodda ta' monitoraġġ ibbażata fuq il-pjattaforma online tas-SEESAC “Mira fuq l-Armi”, imtejba permezz tad-disseminazzjoni regolari ta' Sorveljatur tas-SEE SALW li jiġbor data rilevanti u jippermetti li jiġu traċċati t-tendenzi;

tat-tisħiħ tal-ġestjoni tal-għarfien permezz ta' ġbir sistematiku ta' lezzjonijiet meħuda u ż-żamma fis-seħħ ta' pjattaforma online għall-iskambju tal-informazzjoni u t-tisħiħ tagħha permezz tal-iżvilupp ta' prodotti ta' għarfien fuq talba li jkunu rilevanti għall-politika;

tal-għoti fuq talba ta' pariri tekniċi u għarfien espert sabiex jissaħħu l-iżvilupp, it-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika.

Sabiex tiżdied l-effettività tal-politiki dwar il-kontroll tas-SALW u biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tagħhom ittejjeb is-sigurtà kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, il-perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi ser tiġi integrata fil-politiki dwar il-kontroll tas-SALW u ser tiġi indirizzata permezz ta' parir u għarfien espert tekniċi, l-iżvilupp ta' prodotti ta' għarfien u taħriġ, b'enfasi partikolari fuq il-vjolenza domestika.

Dan ser jinkiseb permezz ta' approċċ parteċipatorju sħiħ, biex b'hekk jiġu pprovduti mhux biss il-prodotti lesti, iżda wkoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-appoġġ għall-adozzjoni għall-istituzzjonijiet ewlenin, u għalhekk tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-intervent.

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

Il-proġett ser jgħin biex jitnaqqsu r-riskji ta' proliferazzjoni permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għat-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki dwar il-kontroll tas-SALW li tkun ibbażata fuq l-evidenza billi:

jiġi ppubblikat stħarriġ dwar is-SALW u tiġi stabbilita linja bażi aġġornata;

jiġu żgurati l-ġbir, l-analiżi u d-disseminazzjoni regolari tad-data;

jiġu żviluppati jew aġġornati sa massimu ta' għaxar prodotti ta' għarfien li jkunu rilevanti għall-politika;

jiġu favoriti l-iskambju ta' informazzjoni, it-trasferiment tal-għarfien u l-istandardizzazzjoni;

jingħataw pariri tekniċi u żvilupp tal-kapaċitajiet permezz ta' sa massimu ta' tliet sessjonijiet ta' taħriġ;

jiġu organizzati sa massimu ta' sitt laqgħat formali tal-kummissjonijiet tas-SALW;

jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-għarfien;

3.2.   Titjib fil-kapaċità għall-PSSM permezz ta' titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, it-tnaqqis ta' ħażniet żejda, u t-taħriġ;

Objettiv

Li jitnaqqas ir-riskju ta' proliferazzjoni permezz tat-titjib tas-sigurtà tal-ħażniet ta' armi u munizzjon u t-tnaqqis ta' ħażniet żejda ta' SALW u l-munizzjon tagħhom fl-imħażen.

Deskrizzjoni

Is-SEESAC ilu juża b'suċċess, sa mill-2010, approċċ fuq żewġ binarji: (1) it-titjib fis-sigurtà tas-siti ta' ħażniet; u (2) l-bini tal-kapaċità tal-persunal inkarigat mill-ġestjoni ta' ħażniet, li b'mod sinifikanti żied id-dispożizzjonijiet ta' sigurtà u naqqas ir-riskju ta' proliferazzjoni mhux mixtieqa ta' ħażniet tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. F'konformità ma' approċċ komprensiv għall-PSSM tas-SALW u l-munizzjon tagħhom, il-fażi l-ġdida ser tespandi dan l-approċċ billi tgħaqqdu mat-tnaqqis tal-ħażniet żejda, biex b'hekk tkompli tnaqqas ir-riskji ta' proliferazzjoni. Għaldaqstant, il-proġett ser ikompli jtejjeb is-sigurtà ta' ħażniet ta' armi u munizzjon fis-SEE billi jipprovdi assistenza teknika u infrastrutturali speċifika ulterjuri f'konformità mal-aħjar prassi u standards internazzjonali.

Filwaqt li s-sigurtà f'postijiet ta' ħażna militari żdiedet b'mod sinifikanti taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK, is-SEESAC identifika ħażniet tal-pulizija u l-Ministeri tal-Intern (MgħI) bħala qasam ta' tħassib minħabba n-nuqqas ta' kapaċità għall-ħarsien, kapaċitajiet inadegwati għaż-żamma ta' rekords u l-ġestjoni tal-ħażniet, u sistemi aktar kumplessi li jinkludu armi ta' formazzjoni kif ukoll armi tan-nar ikkonfiskati. Għalhekk, dan il-komponent ser jappoġġa lill-MgħI u s-servizzi tal-pulizija bil-għan li:

tiżdied is-sigurtà tal-ħażniet permezz ta' titjib fl-infrastruttura kosteffiċjenti u mmirat fil-faċilitajiet ta' ħżin tal-pulizija fl-Albanija, il-BiH, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja, u l-Kosovo. L-aġġornamenti ser jiffokaw fuq l-imħażen ċentrali tal-pulizija kif ukoll kmamar ta' evidenza fl-għases prinċipali tal-pulizija bl-għan li tiġi pprovduta l-aktar żieda effiċjenti u kosteffettiva għas-sigurtà tal-ħażniet;

il-qerda ta' massimu ta' 50 000 SALW żejda jew konfiskati fir-reġjun, kif ukoll sa massimu ta' 500 000 biċċa munizzjon tas-SALW;

il-forniment tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet permezz tat-taħriġ ta' grupp reġjonali ta' persunal ta' taħriġ tal-MgħI u appoġġ għal sessjonijiet ta' taħriġ nazzjonali dwar il-PSSM ibbażati fuq il-kurrikuli tas-SEESAC imnedija bi prova taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK.

Riżultati tal-proġett/indikaturi tal-implimentazzjoni:

Il-proġett ser jirriżulta fi tnaqqis sinifikanti ta' vulnerabbiltajiet tal-proliferazzjoni tas-SALW permezz tat-titjib tas-sigurtà tal-ħażniet u t-tnaqqis tal-għadd ta' SALW, splussivi u munizzjon żejda u kkonfiskati maħżuna mill-MgħI u s-servizzi tal-pulizija fil-ħażniet tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro u s-Serbja:

Sigurtà ta' postijiet ta' ħżin ċentrali (7) msaħħa f'konformità mal-istandards internazzjonali u l-aħjar prattiki;

Sigurtà tal-kmamar tal-evidenza (15) miżjuda;

Massimu ta' 50 000 arma konvenzjonali meqruda;

Massimu ta' 500 000 biċċa munizzjon u splussivi fir-riskju tal-proliferazzjoni demilitarizzati jew meqruda.

3.3.   Tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords

Objettiv

Li titnaqqas it-theddida tat-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar permezz tat-titjib tal-kapaċitajiet ta' infurzar tal-liġi fix-Xlokk tal-Ewropa għal immarkar u traċċar permezz ta' approċċ ta' kooperazzjoni reġjonali bbażat fuq iżjed ġbir, analiżi u kondiviżjoni ta' informazzjoni.

Deskrizzjoni

Fid-dawl taż-żieda fit-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar lejn l-Unjoni, kif ukoll iż-żieda fl-użu tal-armi tan-nar fil-kriminalità organizzata u l-inċidenti terroristiċi, l-iżvilupp ta' sistemi u mekkaniżmi robusti ta' ġbir u skambju ta' informazzjoni huwa element essenzjali fl-isforzi tal-ġlieda kontra din it-theddida. Għaldaqstant, f'dawn l-aħħar snin saru sforzi sinifikanti biex tiżdied il-kooperazzjoni, kif ukoll biex jitjiebu l-għarfien u l-fehim tal-fenomenu tat-traffikar tal-armi, filwaqt li fl-istess ħin jitfasslu miżuri ta' mitigazzjoni effiċjenti. Permezz tal-ħidma twila tiegħu fir-reġjun, u b'mod speċjali permezz tal-implimentazzjoni b'suċċess tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK, inkluż l-istabbiliment u l-faċilitazzjoni tan-Netwerk ta' Esperti tal-Armi tan-Nar (SEEFEN), is-SEESAC ilu fuq quddiem nett f'dawn l-isforzi, waqt li aġixxa bħala aġent ta' tlaqqigħ tal-proċessi ta' kooperazzjoni filwaqt li ħadem biex iżid il-kapaċità tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords, inkluż permezz ta' assistenza teknika u appoġġ għall-istabbiliment u t-titjib tas-sistemi taż-żamma ta' rekords. Din l-attività ser tibni fuq il-bażi stabbilita fil-perijodu preċedenti billi:

issaħħaħ aktar lil SEEFEN, filwaqt li fl-istess ħin jintuża bħala pjattaforma għal kooperazzjoni akbar bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. B'mod partikolari, is-SEEFEN ser jiġi appoġġat permezz ta' faċilitazzjoni kontinwa ta' laqgħat tal-esperti (darbtejn fis-sena) u t-titjib fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Barra minn hekk, ser jiġi pprovdut appoġġ lill-esperti tal-armi tan-nar b'taħriġ u appoġġ ta' konsulenza teknika immirati, flimkien mal-għoti mmirat u kosteffiċjenti ta' assistenza teknika permezz tal-forniment ta' tagħmir (magni għall-immarkar tal-importazzjonijiet) lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi;

tappoġġa l-istabbiliment, fis-seba' benefiċjarji kollha, ta' punti fokali għall-armi tan-nar — unitajiet ċentrali għall-ġbir u l-analiżi ta' informazzjoni li jappoġġaw l-investigaturi u l-prosekuturi, u li jippermetti t-tiswir u l-aġġornament tal-istampa tal-intelligence fir-rigward tat-traffikar tal-armi tan-nar minn u lejn is-SEE;

tibni fuq il-ħidma li saret biex jitjiebu s-sistemi ta' reġistrazzjoni u l-kapaċitajiet tal-intelligence ballistika kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istudju Reġjonali dwar il-Fattibbiltà;

taħdem mill-qrib mal-iArms tal-Interpol sabiex tappoġġa l-kapaċità tas-servizz tal-pulizija tas-SEE biex jiġbru, jipproċessaw u jiskambjaw data dwar is-SALW mitlufa jew misruqa.

L-attivitajiet kollha ta' SEEFEN ser jiġu kkoordinati mill-qrib mal-EUROPOL, l-Esperti Ewropej tal-Armi tan-Nar, id-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni, l-Interpol, l-Eurojust u Frontex, kif ukoll atturi rilevanti oħra, u ser jikkontribwixxu għall-isforzi tagħhom. Din il-parti tal-proġett tappoġġa t-tisħiħ tal-istat tad-dritt effettiv, li jillimita, jirreġistra u jkejjel il-kwantitajiet ta' SALW u d-domanda għalihom. Il-proġett huwa mfassal f'konformità ma' u għalhekk ser itejjeb l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tan-NU sabiex Jipprevjeni, Jikkumbatti, u Jeqred il-Kummerċ Illeċitu fis-SALW fl-Aspetti Kollha Tiegħu, l-Istrument internazzjonali ta' Traċċar, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar, id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK permezz tat-titjib tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet tas-SEE fir-rigward tal-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords tal-armi, b'attenzjoni partikolari fuq il-kapaċitajiet tat-tiswir tal-istampa korretta tal-intelligence sabiex jitfasslu kontromiżuri effettivi għat-theddida tat-traffikar.

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

It-tisħiħ u t-titjib tal-ħidma ta' SEEFEN, b'sitt laqgħat (darbtejn fis-sena) li jiffokaw fuq in-netwerking u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-esperti tal-armi tan-nar mill-qasam tal-infurzar tal-liġi;

It-titjib tal-pjattaforma online ta' SEEFEN għall-iskambju ta' informazzjoni;

It-titjib tal-kapaċità tal-membri ta' SEEFEN permezz ta'sessjonijiet ta' taħriġ immirati u l-għoti ta' appoġġ tekniku u ta' konsulenza;

L-istabbiliment u l-funzjonament tal-punti fokali għall-armi tan-nar fis-seba' benefiċjarji kollha;

Iż-żieda fill-kapaċitajiet forensiċi għat-traċċar;

L-istabbiliment tas-sistema tal-immarkar effettiv bl-akkwist ta' magni għall-immarkar;

It-tisħiħ tal-kapaċità ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni u intelligence relatata mal-armi tan-nar fix-Xlokk tal-Ewropa;

3.4.   Tnaqqis fil-pussess illeċitu u l-użu ħażin ta' armi tan-nar permezz tal-appoġġ għall-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' ġbir

Objettiv

Li tiżdied is-sigurtà reġjonali permezz tal-ġlieda kontra l-pussess illeċitu ta' armi tan-nar fuq skala kbira permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ġbir.

Deskrizzjoni

Il-konsegwenzi tal-kunflitti fil-passat, kif ukoll ġibda tradizzjonali għall-armi fost il-popolazzjoni fis-SEE, ħolqu problema serja ta' pussess ta' armi illegali fuq skala kbira (stmata li tammonta għal diversi miljuni ta' armi). Dan joħloq theddida serja mhux biss għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun, iżda wkoll lil hinn minnu. Minkejja xi suċċess mill-isforzi fil-passat biex dan jitrażżan, il-pussess illeċitu jibqa' sinifikanti fir-reġjun kollu, u potenzjalment jissuplixxi n-naħa tal-provvista tat-traffikar illeċitu lejn l-Unjoni. Madankollu, din il-problema teħtieġ soluzzjoni fit-tul li tiffoka fuq il-bidla fl-attitudnijiet u l-perċezzjonijiet permezz ta' interventi mmirati sostnuti. Il-kumplessità tal-kwistjoni titlob li ssir reviżjoni tal-approċċi meħuda sa issa u l-ħtieġa li tiġi stabbilita analiżi b'saħħitha tal-bażi għar-raġunijiet għalfejn l-individwi jibqgħu jżommu armi illegali. Il-fażi preċedenti wriet il-ħtieġa ta' sforzi sostnuti ta' involviment u sensibilizzazzjoni sabiex jitnaqqas il-pussess illegali tal-armi tan-nar, li tibqa' waħda mill-aktar theddid immedjat. Għalhekk, dan il-komponent jipproponi sforz aktar sostnut biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-perikli kkawżati minn pussess illeċitu kif ukoll biex tiżdied ir-rata ta' handover ta' SALW billi jużaw metodoloġiji u approċċi innovattivi li jiffukaw fuq iċ-ċittadin. Dan ser iseħħ permezz ta':

stħarriġ reġjonali li jistabbilixxi fehim komprensiv tal-fenomeni wara l-pussess illeċitu ta' armi;

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' kampanji innovattivi ta' sensibilizzazzjoni u (fejn possibbli) ta' ġbir, bl-għan li jitnaqqsu l-livelli tal-pussess illeċitu.

L-attivitajiet ser jitwettqu fi sħubija ma' għadd kbir ta' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, biex b'hekk tinħoloq bażi għal sforzi fit-tul biex tiġi indirizzata din il-problema.

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

Il-proġett ser jikkontribwixxi għat-tnaqqis fid-domanda globali u l-pussess ta' armi illeċiti billi:

itejjeb il-fehim tal-fenomeni tal-pussess illeċitu permezz ta' studju fil-fond tal-attitudnijiet;

isaħħaħ is-sensibilizzazzjoni dwar il-perikli li joħloq l-pussess illeċitu ta' armi, munizzjon u splussivi permezz ta' kampanji fir-reġjun kollu;

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji diretti tal-proġett ser ikunu l-istituzzjonijiet nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-SALW fis-SEE. Fir-rigward tal-ġestjoni tal-ħażniet, il-ministeri għall-intern u s-servizzi tal-pulizija tar-Repubblika tal-Albanija, il-BiH, il-Kosovo, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u FYROM ser jibbenefikaw mit-tisħiħ tal-kapaċitajiet, infrastruttura mtejba fis-siti tal-ħażniet u sostenn għat-tnaqqis tal-ħażniet. Dawn il-ministeri ser ikunu wkoll il-benefiċjarji diretti tal-kapaċitajiet imtejba għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta' rekords tas-SALW, u ser igawdu mill-benefiċċji tan-netwerk reġjonali ta' esperti dwar l-armi tan-nar. Finalment, il-kummissjonijiet tas-SALW u istituzzjonijiet oħra responsabbli mill-kontroll ta' SALW fis-SEE ser jibbenefikaw minn taħriġ u kondiviżjoni ta' informazzjoni kif ukoll kooperazzjoni reġjonali. Barra minn hekk, istituzzjonijiet ewlenin inkarigati bil-kontroll tas-SALW fil-Belarussja u l-Ukrajna ser jibbenefikaw minn trasferiment limitat u immirat tal-għarfien.

L-attivitajiet proposti huma f'konformità sħiħa mal-prijoritajiet nazzjonali dwar il-kontroll tas-SALW u ġew approvati mill-awtoritajiet nazzjonali għall-kontroll tas-SALW rilevanti, filwaqt li wrew ix-xiri furzat u l-impenn tagħhom fil-kisba tar-riżultati tal-proġett.

Il-popolazzjoni ġenerali tal-pajjiżi fis-SEE u fl-Unjoni, fir-riskju tal-proliferazzjoni mifruxa tas-SALW, ser tibbenefika indirettament minn dan il-proġett mat-tnaqqis tar-riskju.

5.   Viżibbiltà tal-Unjoni

Is-SEESAC għandu jieħu l-miżuri kollha adatti biex jirreklama l-fatt li l-azzjoni tkun ġiet iffinanzjata mill-Unjoni. Tali miżuri ser jitwettqu f'konformità mal-Manwal tal-Kummissjoni għall-Komunikazzjonijiet u l-Viżibbiltà tal-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea, stabbilit u ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. B'dan il-mod, is-SEESAC ser tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea permezz ta' branding u pubbliċità adatti, li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha u s-sensibilizzazzjoni tar-raġunijiet għad-Deċiżjoni kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għad-Deċiżjoni u r-riżultati ta' dan l-appoġġ. Il-materjal prodott bil-proġett ser juri b'mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni Ewropea f'konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.

Minħabba li l-attivitajiet ippjanati jvarjaw ħafna fl-ambitu u l-karattru, ser tintuża firxa ta' għodod promozzjonali, inklużi: il-mezzi ta' komunikazzjoni tradizzjonali; is-siti elettroniċi; il-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali; u materjal informattiv u promozzjonali inklużi l-infografika, fuljetti, bullettini, stqarrijiet għall-istampa u oħrajn kif adattat. Pubblikazzjonijiet, avvenimenti pubbliċi, kampanji, tagħmir u xogħlijiet ta' kostruzzjoni akkwistati taħt il-proġett ser jiġu mmarkati kif xieraq. Biex jiġi amplifikat aktar l-impatt permezz tas-sensibilizzazzjoni fost diversi gvernijiet nazzjonali u l-pubbliku, il-komunità internazzjonali u l-mezzi tal-komunikazzjoni lokali u internazzjonali, kull wieħed mill-gruppi fil-mira tal-proġett ser jiġi indirizzat permezz tal-lingwa adatta. Ser issir enfasi partikolari fuq media ġdida u l-preżenza online.

6.   Tul ta' żmien

Abbażi tal-esperjenza tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK, u b'kont meħud tal-ambitu reġjonali tal-proġett, l-għadd ta' benefiċjarji u l-għadd u l-kumplessità tal-attivitajiet ippjanati, il-perijodu ta' żmien għall-implimentazzjoni huwa 36 xahar.

7.   Struttura ġenerali

L-implimentazzjoni teknika ta' din l-azzjoni ġiet fdata lill-UNDP, li jaġixxi f'isem is-SEESAC, bl-inizjattiva reġjonali taħdem taħt il-mandat tal-UNDP u tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni Reġjonali, suċċessur għall-Patt ta' Stabbiltà għax-Xlokk tal-Ewropa. Is-SEESAC huwa l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali tax-Xlokk tal-Ewropa dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi Żgħar u Ħfief (SALW) u, bħala tali, jaġixxi bħala l-punt fokali għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-SALW fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa.

L-UNDP, li jaġixxi f'isem is-SEESAC, ser ikollu r-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett u l-kontabbiltà għall-implimentazzjoni tal-proġett. It-tul ta' żmien tal-proġett huwa tliet snin (36 xahar).

8.   Sħab

Is-SEESAC ser jimplimenta direttament l-azzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-kummissjonijiet tas-SALW kif ukoll mal-ministeri għall-intern tal-Albanija, il-BiH, Kosovo, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u FYROM. Istituzzjonijiet rilevanti oħra ser ikunu involuti mill-qrib, b'mod partikolari taħt l-attivitajiet 3.4, f'konformità mal-approċċ olistiku b'diversi partijiet interessati stabbilit għall-kontroll tas-SALW.

9.   Rapportar

Ir-rapportar, kemm narrattiv kif ukoll finanzjarju, għandu jkopri l-azzjoni kollha deskritta fil-ftehim speċifiku għall-kontribut rilevanti u huwa mehmuż mal-baġit, irrispettivament minn jekk din l-azzjoni hijiex kompletament iffinanzjata jew kofinanzjata mill-Kummissjoni.

Kull tliet xhur, rapporti narrattivi ta' progress għandhom jiġu ppreżentati biex iżommu rekord u monitoraġġ tal-progress lejn it-twettiq tar-riżultati ewlenin.

10.   Baġit stmat

L-ispiża totali stmata tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni hija ta' EUR 6 508 136.


(*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u jikkonforma mal-UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.